30.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 92/26


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-26 ta' Marzu 2012

li tawtorizza lir-Rumanija biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

(2012/181/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Peremezz ta' ittra rreġistrata mal-Kummissjoni tat-30 ta' Awwissu 2011, ir-Rumanija talbet awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali ta' deroga minn punt (18) tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex teżenta persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom mhuwiex ogħla mill-ekwivalenti fil-munita nazzjonali ta' EUR 65 000 bir-rata ta' konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tar-Rumanija mal-Unjoni Ewropea. Il-miżura se teħles lil dawk il-persuni taxxabbli minn ċerti obbligazzjonijiet jew minn kollha kemm huma relatati mat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), imsemmija fil-Kapitoli 2 sa 6 tat-Titolu XI tad-Direttiva 2006/112/KE.

(2)

B’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra permezz ta’ ittra datata t-8 ta’ Novembru 2011 bit-talba tar-Rumanija. Permezz ta' ittra datata d-9 ta' Novembru 2011, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(3)

Diġà hemm skema speċjali għall-impriżi ż-żgħar bħala għażla disponibbli għall-Istati Membri taħt it-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE. Din il-miżura tidderoga mit-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112/KE sakemm il-limitu għall-iskema tal-fatturat annwali tal-persuna taxxabbli huwa ogħla minn dak permess għar-Rumanija taħt il-punt 18 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, li huwa EUR 35 000.

(4)

Limitu ogħla għall-iskema speċjali għall-intrapriżi ż-żgħar hu miżura ta’ simplifikazzjoni peress li dan jista’ jnaqqas b’mod sinifikanti l-obbligi tal-VAT tal-iżgħar negozji, filwaqt li dik l-iskema speċjali mhix obbligatorja għall-persuni taxxabbli u tippermetti lin-negozji li jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT. B'mod ġenerali, hu mistenni li l-miżura ta' simplifikazzjoni se ttejjeb il-livell ġenerali tal-konformità mal-VAT.

(5)

Fil-proposta tagħha tad-29 ta' Ottubru 2004 għal-Direttiva li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE biex tissimplifika l-obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-Kummissjoni inkludiet dispożizzjonijiet maħsuba biex jippermettu lill-Istati Membri biex jistabbilixxu l-limitu tal-fatturat annwali għall-iskema ta' eżenzjoni mill-VAT sa ammont massimu ta' EUR 100 000 jew l-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali, bil-possibbiltà li dan l-ammont ikun aġġornat kull sena. It-talba magħmula mir-Rumanija hi konformi ma' dik il-proposta.

(6)

Il-miżura m'għandhiex impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jakkumulaw mill-VAT u se jkollha biss effett żgħir fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa tar-Rumanija miġbur fl-istadju tal-konsum finali,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B’deroga mill-punt 18 tal-Artikolu 287 tad-Direttiva 2006/112/KE, ir-Rumanija hi awtorizzata li teżenta mill-VAT lil persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom m’huwiex ogħla mill-ekwivalenti fil-valuta nazzjonali ta’ EUR 65 000 bir-rata ta’ konverżjoni fil-jum tal-adeżjoni tagħha mal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tieħu effett fil-jum tan-notifika tagħha.

Hija għandha tapplika sad-data tad-dħul fis-seħħ ta’ Direttiva li temenda l-ammonti tal-limiti massimi ta’ fatturat annwali li taħthom il-persuni taxxabbli jistgħu jikkwalifikaw għal eżenzjoni mill-VAT jew sal-31 ta’ Diċembru 2014, skont liema data sseħħ l-ewwel.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hi indirizzata lir-Rumanija.

Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kunsill

Il-President

N. WAMMEN


(1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.