12.1.2012 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 8/13 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-12 ta’ Diċembru 2011
dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Protokoll tal-2002 tal-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974, rigward l-Artikoli 10 u 11 tiegħu
(2012/23/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 81(1) u l-punti (a) u (c) tal-Artikolu 81(2), flimkien mal-punt (a) tal-Artikolu 218(6) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,
Billi:
(1) |
Il-Protokoll tal-2002 tal-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974 (il-"Protokoll ta' Ateni") jirrappreżenta titjib kbir fis-sistema marbuta mar-responsabbiltà tat-trasportaturi u l-kumpens tal-passiġġieri li jinġarru bil-baħar. |
(2) |
Il-Protokoll ta' Ateni jimmodifika l-Konvenzjoni ta' Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta' Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974 u fl-Artikolu 15 jistabbilixxi li ż-żewġ strumenti għandhom jinqraw u jiġu interpretati flimkien bħala strument wieħed u uniku bejn il-Partijiet tal-Protokoll ta' Ateni. |
(3) |
L-Artikoli 10 u 11 tal-Protokoll ta' Ateni jaffettwaw ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (1). B'hekk, l-Unjoni għandha kompetenza esklużiva fir-rigward tal-Artikoli 10 u 11 tal-Protokoll ta' Ateni. |
(4) |
Mal-adeżjoni tal-Unjoni għall-Protokoll ta' Ateni, ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni stipulati fl-Artikolu 10 tiegħu għandhom jieħdu preċedenza fuq ir-regoli rilevanti tal-Unjoni. |
(5) |
Madankollu, ir-regoli dwar ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi stabbiliti fl-Artikolu 11 tal-Protokoll ta’ Ateni m'għandhomx jieħdu preċedenza la fuq ir-regoli rilevanti tal-Unjoni Ewropea, kif estiżi għad-Danimarka skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar il-ġurisdizzjoni u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali (2), la fuq ir-regoli tal-Konvenzjoni ta' Lugano dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali tas-16 ta' Settembru 1988 (3), u lanqas tal-Konvenzjoni ta' Lugano dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali tat-30 ta' Ottubru 2007 (4), minħabba li l-effett tal-applikazzjoni ta' dawn ir-regoli huwa li jiżgura li s-sentenzi jkunu rikonoxxuti u nfurzati tal-anqas fuq l-istess livell bħal dawk applikati taħt ir-regoli tal-Protokoll ta' Ateni. |
(6) |
Il-Protokoll ta' Ateni huwa miftuħ għar-ratifika, l-aċċettazzjoni, l-approvazzjoni jew l-adeżjoni mill-Istati u l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika li huma kostitwiti minn Stati sovrani li ttrasferew il-kompetenza f'ċerti materji rregolati mill-Protokoll ta’ Ateni lil dawk l-Organizzazzjonijiet. |
(7) |
Skont l-Artikolu 17(2)(b) u l-Artikolu 19 tal-Protokoll ta' Ateni, l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Integrazzjoni Ekonomika jistgħu jikkonkludu l-Protokoll ta’ Ateni. |
(8) |
Ir-Renju Unit u l-Irlanda, li għalihom japplika l-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ser jintrabtu bħala parti mill-Unjoni Ewropea mill-Artikoli 10 u 11 tal-Protokoll ta' Ateni. |
(9) |
Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha fir-rigward fir-rigward tal-Artikoli 10 u 11 tal-Protokoll ta' Ateni. Hija ser tintrabat biss b'dawn l-Artikoli bħala Parti Kontraenti separata. |
(10) |
Il-maġġoranza tar-regoli tal-Protokoll ta' Ateni ġew inkorporati fil-liġi tal-Unjoni permezz tar-Regolament (KE) Nru 392/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-responsabbiltà ta’ trasportaturi ta' passiġġieri bil-baħar fil-każ ta' aċċidenti (5). Għalhekk, l-Unjoni eżerċitat kompetenza fir-rigward tal-materji rregolati minn dak ir-Regolament. Deċiżjoni separata li tirrigwarda dawk id-dispożizzjonijiet ser tiġi adottata b'mod parallel għal din id-Deċiżjoni. |
(11) |
L-Istati Membri li għandhom jirratifikaw jew jaderixxu għall-Protokoll ta' Ateni għandhom, jekk possibbli, jagħmlu hekk simultanjament. Għaldaqstant l-Istati Membri għandhom jikkondividu informazzjoni dwar l-istat tal-proċeduri ta' ratifika jew ta' adeżjoni tagħhom sabiex jippreparaw safejn possibbli għad-depożitu simultanju tal-istrumenti ta' ratifika jew ta' adeżjoni tagħhom. Meta jkunu qegħdin jirratifikaw jew jaderixxu għall-Protokoll ta' Ateni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu r-riserva msemmija fil-Linji Gwida tal-IMO, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Protokoll tal-2002 tal-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974, (il-"Protokoll ta' Ateni") hija b'dan approvata f'isem l-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-Artikoli 10 u 11 tiegħu.
It-test ta' dawn l-Artikoli huwa riprodott fl-Anness.
Artikolu 2
1. Il-President tal-Kunsill huwa b’dan awtorizzat jaħtar lill-persuna jew il-persuni bis-setgħa li jiddepożitaw l-istrument ta' adeżjoni tal-Unjoni għall-Protokoll ta' Ateni fir-rigward tal-Artikoli 10 u 11 tiegħu skont l-Artikoli 17(2)(c), 17(3) u 19 ta' dak il-Protokoll.
2. Fil-mument meta jiġi ddepożitat l-istrument tal-adeżjoni, l-Unjoni għandha tagħmel id-dikjarazzjoni ta' kompetenza li ġejja:
"Fir-rigward ta' materji koperti bl-Artikoli 10 u 11 tal-Protokoll ta' Ateni tal-2002 għall-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974, li jaqgħu taħt l-Artikolu 81 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, bl-eċċezzjoni tar-Renju tad-Danimarka, skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ikkonferixxew il-kompetenzi lill-Unjoni. L-Unjoni eżerċitat din il-kompetenza billi adotattat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001 tat-22 ta' Diċembru 2000 dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali.".
3. Fil-mument li jiġi ddepożitat l-istrument ta' adeżjoni, l-Unjoni ser tagħmel id-dikjarazzjoni li ġejja skont l-Artikolu 17(a)(3) tal-Konvenzjoni ta' Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974, kif emendata bl-Artikolu 11 tal-Protokoll ta' Ateni:
"1. |
Sentenzi dwar materji koperti mill-Protokoll ta' Ateni tal-2002 għall-Konvenzjoni ta’ Ateni dwar il-Ġarr bil-Baħar ta’ Passiġġieri u l-Bagalji tagħhom, 1974, meta jkunu mogħtija minn qorti tar-Renju tal-Belġju, ir-Repubblika tal-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika tal-Estonja, l-Irlanda, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta' Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Repubblika Taljana, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Repubblika tal-Ungerija, Malta, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika Portugiża, ir-Rumanija, ir-Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja jew ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea skont ir-regoli rilevanti tal-Unjoni Ewropea dwar is-suġġett. |
2. |
Sentenzi dwar materji koperti mill-Protokoll ta' Ateni, meta jkunu mogħtija minn qorti tar-Renju tad-Danimarka, għandhom jiġu rikonoxxuti u eżegwiti fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Renju tad-Danimarka dwar ġuriżdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta' sentenzi f'materji ċivili u kummerċjali. |
3. |
Sentenzi dwar materji koperti mill-Protokoll ta' Ateni, meta jkunu mogħtija minn qorti ta' Stat terz
|
4. Il-persuna jew il-persuni maħtura taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jagħmlu r-riserva msemmija fil-Linji Gwida tal-IMO meta jiddepożitaw l-istrument ta' adeżjoni tal-Unjoni għall-Protokoll ta' Ateni rigward l-Artikoli 10 u 11 tiegħu.
Artikolu 3
L-Unjoni għandha tiddepożita l-istrument ta' adeżjoni tagħha għall-Protokoll ta' Ateni rigward l-Artikoli 10 u 11 tiegħu sal-31 ta' Diċembru 2011.
Artikolu 4
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiddepożitaw l-istrumenti tar-ratifika ta', jew tal-adeżjoni għall-Protokoll ta' Ateni fi żmien raġonevoli u, jekk possibbli, sal-31 ta' Diċembru 2011.
Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Diċembru 2011.
Għall-Kunsill
Il-President
S. NOWAK
(2) ĠU L 299, 16.11.2005, p. 62.
(3) ĠU L 319, 25.11.1988, p. 9.
ANNESS
ARTIKOLI 10 U 11 TAL-PROTOKOLL TAL-2002 GĦALL-KONVENZJONI TA’ ATENI DWAR IL-ĠARR BIL-BAĦAR TA’ PASSIĠĠIERI U L-BAGALJI TAGĦHOM, 1974
Artikolu 10
L-Artikolu 17 tal-Konvenzjoni huwa sostitwit bit-test li ġej:
“Artikolu 17
Ġurisdizzjoni kompetenti
1 Azzjoni li tinqala’ taħt Artikoli 3 u 4 ta’ din il-Konvenzjoni għandha, fuq l-għażla tar-rikorrent, titressaq quddiem waħda mill-qrati msemmija hawn taħt, dejjem jekk il-qorti tinsab fi Stat Parti ta' din il-Konvenzjoni, u esposta għal-liġi domestika ta' kull Stat Parti li tirregola l-post korrett f'dawk l-Istati b'ħafna forums possibbli:
(a) |
il-qorti tal-Istat tar-residenza permanenti jew post prinċipali tan-negozju tad-difensur, jew |
(b) |
il-qorti tal-Istat tat-tluq jew dak tad-destinazzjoni skont il-kuntratt tal-ġarr, jew |
(c) |
il-qorti tal-Istat tar-residenza domiċili jew permanenti tar-rikorrent, jekk id-difensur għandu post tan-negozju u hu soġġett għal ġurisdizzjoni f'dak l-Istat, jew |
(d) |
il-qorti tal-Istat fejn sar il-kuntratt tal-ġarr, jekk id-difensur għandu post tan-negozju u hu soġġett għal ġurisdizzjoni f'dak l-Istat. |
2 Azzjonijiet taħt l-Artikolu 4bis ta’ din il-Konvenzjoni għandhom, fuq għażla tar-rikorrent, jitressqu quddiem waħda mill-qrati fejn azzjoni tista’ tittieħed kontra min iġorr jew min jagħmel l-att tal-ġarr skont paragrafu 1.
3 Wara li jseħħ l-inċident li kkawża l-ħsara, il-partijiet jistgħu jaqblu li t-talba għall-ħsarat għandha tiġi ppreżentata lil kwalunkwe ġurisdizzjoni jew arbitraġġ.”.
Artikolu 11
It-test li ġej huwa jinżied bħala l-Artikolu 17bis tal-Konvenzjoni:
“Artikolu 17bis
Rikonoxximent u infurzar
1 Kull sentenza mogħtija minn qorti bil-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 17 li tista’ tiġi infurzata fl-Istat tal-oriġni fejn ma tkunx aktar soġġetta għal forom komuni ta’ reviżjoni, għandha tkun rikonoxxuta f’kull Stat Parti, ħlief
(a) |
fejn is-sentenza nkisbet bi frodi; jew |
(b) |
meta d-difensur ma ngħatax avviż fi żmien raġonevoli u opportunità ġusta biex jippreżenta l-każ tiegħu. |
2 Sentenza rikonoxxuta taħt paragrafu 1 għandha tiġi infurzata f’kull Stat Parti hekk kif jintlaħqu l-formalitajiet meħtieġa f’dak l-Istat. Il-formalitajiet m’għandhomx jagħtu lok biex jerġgħu jinfetħu l-merti tal-każ.
3 Stat Parti għal dan il-Protokoll jista’ japplika regoli oħra għall-għarfien u l-infurzar tas-sentenzi, dejjem jekk l-effett tagħhom hu li jiġi żgurat li s-sentenzi huma rikonoxxuti u infurzati tal-inqas fl-istess livell bħal f'paragrafi 1 u 2.”.