7.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 339/3


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-6 ta’ Novembru 2012

dwar miżuri interim meħuda mill-gvern tal-Ġermanja fir-rigward tad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ tal-mudell Asteria manifatturati minn Sic Divisione Elettronica S.r.l. fir-Repubblika tal-Italja

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2012/C 339/02

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE tal-20 ta’ Diċembru 1996 dwar it-tagħmir marittimu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Anness A.1 tad-Direttiva msemmija hawn fuq, ir-rekwiżiti applikabbli tal-prestazzjoni u l-kostruzzjoni għad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ jinsabu stipulati fir-Riżoluzzjoni MSC.48(66) (Kodiċi LSA) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) u l-istandards applikabbli tal-ittestjar għal dan it-tagħmir jinsabu stipulati fir-Riżoluzzjoni MSC.81(70) tal-IMO.

(2)

B'ittra tal-10 ta’ Marzu 2011, l-Aġenzija Federali Marittima u Idrografika Ġermaniża, minn hawn ’il quddiem “BSH”, infurmat lill-Kummissjoni b’miżuri interim meħuda minn din l-awtorità fir-rigward tad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ tal-mudell Asteria (minn hawn ’il quddiem, “id-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ”) manifatturati minn Sic Divisione Elettronica S.r.l. fir-Repubblika tal-Italja (minn hawn ’il quddiem “il-manifattur”), fejn id-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ li ġejjin mil-lott numru 32210805 kif ukoll id-dwal imqiegħda fis-suq minn Lulju 2009 sal-lum inġabru mis-suq Ġermaniż minħabba li ma kinux konformi mal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 96/98/KE.

(3)

L-ittra kienet akkumpanjata minn rapport tas-sorveljanza tas-suq dettaljat datat it-2 ta’ Marzu 2011 u kopja ta’ kull wieħed mid-dokumenti li ġejjin: (a) iċ-Ċertifikat tal-Eżami tat-Tip KE (il-modulu B) għad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ, Nru MED094008CS/002, maħruġ fit-3 ta’ Marzu 2008 mill-korp innotifikat RINA u validu sat-2 ta’ Marzu 2013; (b) iċ-Ċertifikat tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità (il-Modulu D) għad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ, Nru MED068209TA/005, maħruġ fis-6 ta’ Novembru 2009 mill-korp innotifikat RINA u validu sal-5 ta’ Novembru 2012; (c) iċ-Ċertifikat tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità (il-Modulu D) għad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ, Nru MED068209TA/003A, maħruġ fit-3 ta’ Marzu 2008 mill-korp innotifikat RINA u validu sal-20 ta’ Ottubru 2009; u (d) id-dikjarazzjoni ta’ konformità tad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ, għal-lott Nru 32210805, maħruġa fit-13 ta’ Lulju 2010.

(4)

Il-miżuri interim ġew applikati wara li nstab li (a) id-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ tal-lott Nru 32210805 ma kinux jissodisfaw ir-rekwiżiti applikabbli msemmija hawn fuq waqt it-testijiet imwettqa minn BSH fi ħdan il-qafas tal-programm ta’ sorveljanza tas-suq; (b) il-bozza tad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ kienet inbidlet minn Ġunju 2009, mingħajr approvazzjoni oħra; u (c) aktar testijiet fuq 4 eżemplari minn lott Nru 15202001, li tressqu quddiem BSH fis-6 ta' Lulju 2010, urew li anke dawn l-eżemplari ma ssodisfawx ir-rekwiżiti applikabbli fir-rigward tal-intensità luminuża. B’mod aktar preċiż, BSH irrapportat li żewġ eżemplari mil-lott Nru 32210805 ġew ittestjati biex jiġi vverifikat humiex konformi mar-rekwiżiti pprovduti fit-Taqsima 2.2.3.1.1 tar-Riżoluzzjoni MSC.48(66) imsemmija hawn fuq, fejn kull dawl tal-ġkieket tas-salvataġġ għandu jkollu intensità luminuża ta’ mhux anqas minn 0,75 candela (cd) fid-direzzjonijiet kollha tal-emisferu ta’ fuq. It-testijiet urew li, meta tkejjel mat-temperatura ambjentali, l-output tad-dawl ta’ wieħed minn dawn l-eżemplari ma ssodisfax l-intensità meħtieġa fil-medda ta’ 0 sa 25, filwaqt li t-tieni eżemplar ma ssodisfax il-livell minimu meħtieġ fil-medda ta’ 0 sa 10 u parzjalment biss fil-medda ta’ 10 sa 35. It-testijiet li twettqu fuq l-erba’ eżemplari meħuda mil-lott Nru 15202001 wrew li (a) meta l-output tad-dawl tal-ewwel eżemplar tkejjel f’temperatura ambjentali ssodisfa r-rekwiżiti fil-medda ta’ 0 sa 20 parzjalment biss, filwaqt li t-tieni eżemplar issodisfa r-rekwiżiti; u (b) meta t-tielet u r-raba’ eżemplar tkejlu f’temperatura ta’ – 1 °C issodisfaw ir-rekwiżiti fil-medda ta’ 0 sa 30 parzjalment biss. Fir-rigward tat-tibdil tal-bozza, BSH qieset li din kellha tkun ikkunsidrata bħala modifika tal-prodott approvat u li teħtieġ approvazzjoni addizzjonali fejn tali tibdil seta' affettwa l-konformità mar-rekwiżiti jew il-kundizzjonijiet preskritti għall-użu tal-prodott. BSH innutat li għalhekk il-korp innotifikat RINA kellu jiġi infurmat, li ma kienx il-każ.

(5)

Hekk kif il-Kummissjoni rċiviet l-ittra mingħand BSH, bdiet konsultazzjoni mal-manifattur, il-gvern tal-Italja bħala l-Istat Membru li qed jagħmel in-notifika u l-korp innotifikat imsemmi hawn fuq li ħareġ iċ-ċertifikati tal-eżaminazzjoni tat-tip inkwistjoni f’isem l-Istat Membru li qed jagħmel in-notifika (minn hawn ’il quddiem magħrufa kollettivament bħala “il-partijiet”). Il-Kummissjoni staqsiet għadd ta’ mistoqsijiet speċifiċi lil kull parti u stednithom jissottomettu kull osservazzjoni oħra li setgħu jqisu xierqa.

(6)

Fi tweġiba għall-konsultazzjoni tal-Kummissjoni, il-manifattur issottometta li: (a) l-irtirar tad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ ma twettaqx għal raġunijiet ta’ sikurezza, iżda għal raġunijiet ta’ dehra u li huma jqisu l-azzjonijiet min-naħa ta’ BSH bħala inġusti; (b) il-bozoz li kienu qed jużaw kienu ġew ittestjati u approvati kollha fil-laboratorju ċċertifikat tagħhom u l-bidla ma ħolqot l-ebda varjazzjoni sinifikanti fil-funzjonalità tad-dwal; (c) ma kkontestawx it-testijiet imwettqa minn BSH; (d) id-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ ma jkunux ta’ periklu għas-saħħa u/jew is-sikurezza tal-ekwipaġġ jew tal-passiġġieri minħabba li l-intensità luminuża tad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ imsemmija kellha medja ta’ aktar minn 0,75 cd, u l-punti fejn instabet intensità luminuża aktar baxxa kienet se tkun ikkumpensata minn intensità akbar minn dan il-valur, li tkun korretta minħabba li n-nies fil-baħar ikunu qed jitħarrku u ma jkunux statiċi; u (e) dan il-kunċett ta’ valuri medji jiġi applikat minn ħafna manifatturi.

(7)

Fir-risposta tagħha lill-Kummissjoni RINA wieġbet li (a) iċ-ċertifikat tal-modulu B Nru MED81802CS inħareġ minn RINA fis-7 ta’ Marzu 2003 u, wara li waslet dikjarazzjoni mill-manifattur li ma kienet saret l-ebda modifika fit-tagħmir approvat, dan iċ-ċertifikat ġie mġedded u mibdul biċ-ċertifikat tal-modulu B Nru MED094008CS/002; (b) dan iċ-ċertifikat imbagħad ġie rtirat fl-14 ta’ April 2011 fuq talba tal-manifatturi, minħabba li l-mudell tal-ġakketta tas-salvataġġ Asteria nbidel bil-mudell Asteria LED li għalih inħareġ ċertifikat ieħor fl-istess ġurnata; (c) huma ma kinux sfidaw ir-riżultati tat-testijiet imwettqa minn BSH; (d) wara l-informazzjoni minn BSH il-gvern Taljan b’kooperazzjoni ma' RINA wettaq investigazzjoni sabiex jistabbilixxi azzjonijiet xierqa; (e) jekk jinstab li d-dwal huma difettużi, għandhom jiġu rtirati mis-suq; u (f) huma jkunu jistgħu jiddefinixxu l-opinjoni finali tagħhom wara li jkunu qiesu l-azzjonijiet li ttieħdu mill-Amministrazzjoni Taljana.

(8)

Fuq talba tal-Kummissjoni, l-Amministrazzjoni Taljana talbet li (a) fil-prinċipju huma jaqblu li n-nonkonformità tal-prodott mar-rekwiżiti ma tkunx aċċettabbli; (b) bħala fehim u pożizzjoni preliminari, fil-prinċipju, huma jaċċettaw ir-riżultati tat-testijiet imwettqa minn BSH; (c) iqisu t-talba biex jirtiraw il-lottijiet identifikati mis-suq Ewropew bħala xierqa; u d) jinfurmaw il-Kummissjoni dwar il-fehim finali tagħhom u d-deċiżjoni relatata ladarba tinġabar id-dokumentazzjoni kollha.

(9)

Fl-istess tweġiba, l-Amministrazzjoni Taljana ddikjarat ukoll li huma kellhom laqgħa mal-manifattur u l-korp innotifikat fejn tal-ewwel iddikjara li t-tibdil tal-bozza ma kellux impatt sinifikanti fuq l-intensità luminuża tad-dawl, u saħaq fuq l-argumenti li ngħataw diġà lill-Kummissjoni u elenkati fil-Premessa 6 hawn fuq. Matul dik il-laqgħa ntlaħaq ftehim dwar pjan ta’ azzjoni skont liema (a) għandha ssir valutazzjoni teknika tat-tibdil tal-bozza; (b) għandu jkun hemm tfittxija u identifikazzjoni tal-lottijiet nonkonformi, minbarra l-lott Nru 32210805; (c) għandha tiġi pprovduta evidenza ta’ azzjonijiet biex jiġu rtirati l-lottijiet difettużi identifikati; u (d) għandha titwaqqaf il-produzzjoni tad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ. Il-Kummissjoni nnutat li ma ġiet ipprovduta l-ebda informazzjoni preċiża dwar min kien se jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ azzjoni jew jekk il-produzzjoni tad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ kinitx se titwaqqaf b’mod effettiv jew jekk titwaqqaf biss wara l-eżitu tal-pjan ta' azzjoni msemmi.

(10)

Il-Kummissjoni talbet lil BSH għall-fehmiet tagħha dwar l-osservazzjonijiet li rċiviet. Fit-tweġiba tagħha BSH iddikjarat li: (a) ma kienx korrett li d-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ kollha kellhom l-istess problema biex jilħqu l-intensità luminuża ta’ 75 cd, għax eżemplari ta’ erba’ mudelli oħra kienu għaddew mit-testijiet; (b) kien irrilevanti li r-rekwiżit tal-intensità luminuża ġie ssodisfat biss mill-medja, minħabba li ċerti rekwiżiti applikabbli ma ġewx issodisfati; (c) il-manifattur ma kienx indika d-data eżatta tat-tibdil tal-bozza, minkejja t-talbiet ripetuti ta’ BSH għal informazzjoni lill-manifattur; (d) RINA kienet ikkonfermat li huma ma kinux infurmati bit-tibdil tal-bozza; (e) wara din il-bidla, il-korp innotifikat kellu jiċċekkja mill-ġdid jekk ir-rekwiżiti tal-istandard tal-ittestjar ġewx issodisfati; (f) ir-riżultati tat-test urew li, anke wara t-tibdil tal-bozza, ir-rekwiżiti minimi għall-intensità luminuża kienu għadhom ma ġewx issodisfati. BSH ikkonkludiet li l-istqarrijiet mill-manifattur u l-korp innotifikat ma kienx jistħoqqilhom bidliet mill-valutazzjoni inizjali u r-raġunijiet għall-ġbir tal-prodott mis-suq, fil-fehma tagħhom, baqgħu validi.

(11)

Fit-tieni komunikazzjoni lill-Kummissjoni, l-Amministrazzjoni Taljana issottomettiet rapport tat-test li kien ipprovdut lilhom mill-manifattur u li kien jinkludi r-riżultati ta’ testijiet ulterjuri mwettqa bl-użu ta’ eżemplari ta’ dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ tat-tip Asteria mil-Laboratorju tal-Fotometrija u l-Inġinerija tal-Illuminazzjoni taċ-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka ta' Firenze. Skont l-Amministrazzjoni Taljana r-riżultati wrew intensità luminuża ferm akbar mill-minimu meħtieġ ta’ 0,75 cd, madanakollu mingħajr ma dawn l-eżemplari jilħqu l-kopertura obbligatorja. Għalhekk, l-Amministrazzjoni Taljana kkonfermat il-preċiżjoni tas-sejbiet ta’ BSH u ma ssib l-ebda oġġezzjoni li l-prodott jinġabar mis-suq Ewropew.

(12)

BSH aġixxiet fi ħdan il-qafas tal-programm ta’ sorveljanza tas-suq dwar id-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ, skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 96/98/KE.

(13)

Il-manifattur ġie infurmat dwar ir-riżultati tat-testijiet imsemmija hawn fuq u ngħata l-possibbiltà minn BSH li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u jiddefendi lilu nnifsu qabel ma l-Awtorità tadotta kwalunkwe miżura fir-rigward tal-prodott inkwistjoni. Bl-istess mod, il-korp innotifikat ġie infurmat u ngħata l-possibbiltà minn BSH li jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

(14)

L-ebda parti mill-informazzjoni u l-evidenza disponibbli għall-Kummissjoni ma jistħoqqilha tqajjem dubji dwar it-testijiet imwettqa minn BSH, u li ma ġewx ikkuntestati mill-partijiet. Għall-kuntrarju, it-testijiet li sussegwentement twettqu mill-awtoritajiet Taljani kkonfermaw ir-riżultati tal-ewwel.

(15)

L-awtoritajiet Taljani u l-korp innotifikat qablu li l-azzjoni meħuda mill-awtoritajiet Ġermaniżi, jiġifieri l-ġbir tad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ mil-lottijiet imsemmija mis-suq Ġermaniż, kienet xierqa. Barra minn hekk l-awtoritajiet Taljani qablu rigward l-adegwatezza ta’ ġbir aktar wiesa'.

(16)

Il-paragrafu 6 tal-ewwel taqsima tal-Anness B tad-Direttiva 96/98/KE (l-Eżami tat-Tip KE (Modulu B)) jitlob li l-manifattur jinforma l-korp innotifikat li għandu d-dokumentazzjoni teknika rigward iċ-ċertifikat tal-eżami tat-tip KE bil-modifiki kollha tal-prodott approvat, li għandhom jirċievu approvazzjoni addizzjonali fejn tali tibdil jista’ jaffettwa l-konformità mar-rekwiżiti jew il-kundizzjonijiet preskritti għall-użu tal-prodott. Meta parti minn prodott tinbidel, din tista’ titqies biss bħala modifika tal-prodott meta l-ispeċifikazzjonijiet tal-partijiet tat-tibdil ma jaqblux mad-deskrizzjoni eżatta tal-parti mibdula fid-dokumentazzjoni teknika użata għall-eżaminazzjoni tat-tip. F’dan il-każ biss, jew jekk ikollu dubju, il-manifattur għandu d-dmir li jinforma l-korp innotifikat.

(17)

Fil-każ li qed jiġi eżaminat, id-dettalji tekniċi rigward il-bozoz tad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ li ġejjin, ġew ipprovduti lill-Kummissjoni: (a) fid-dokumentazzjoni teknika rigward iċ-ċertifikat tal-approvazzjoni tat-tip tal-KE il-bozoz ġew deskritti bħala 4 volts, 300 milliamperes; (b) il-bozoz tal-eżemplari meħuda mil-lott Nru 32210805 ġew immanifatturati minn Philips u mmarkati b’“4,8V 300mA” (jiġifieri 4,8 Volts, 300 milliamperes); (c) il-manifattur tal-bozoz meħuda mil-lott Nru 15202001 kien Walter Schrickel GmbH (kif kien irrappurtat mill-manifattur lil BSH) u l-bozoz kienu mmarkati b’“4VO3W” (jiġifieri 4 volts, 3 watts li jikkorrispondu għal 750 milliamperes). Minn din l-informazzjoni għandu jiġi konkluż li fir-realtà la l-bozoz li twaħħlu fid-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ li ttieħdu mil-lott Nru 32210805 u lanqas il-bozoz li twaħħlu fid-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ li ttieħdu mil-lott Nru 15202001 ma ssodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet tat-tip approvat, u li dan jista’ jaffettwa l-prestazzjoni tad-dwal. Għandu jiġi nnutat ukoll li l-manifattur qatt ma wera dan il-fatt lill-korp innotifikat. Skont l-informazzjoni pprovduta mill-manifattur lil BSH, il-bozza tat-tibdil, kienet intużat għall-ewwel darba f’lott 32210805, li wasal għand BSH fis-27 ta’ Lulju 2009. Madanakollu, BSH sabet li l-bozza tal-eżemplari tad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ meħuda mil-lott kienet ġiet immanifatturata minn Philips. Għalhekk bir-raġun li wieħed jassumi li t-tibdil tal-bozza seħħ f’punt mhux magħruf fiż-żmien matul il-produzzjoni tal-lot Nru 32210805 u mhux aktar kmieni minn Lulju 2009.

(18)

Skont il-paragrafu 6 tat-Taqsima “Eżami tat-Tip KE (Modulu B)” tal-Anness B tad-Direttiva msemmija hawn fuq, il-manifattur għalhekk kellu jinforma lill-korp innotifikat bil-għan li jikseb approvazzjoni ġdida tad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ fejn għandha titwaħħal bozza li ma tissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet tat-tip. L-argument tal-manifattur li l-bozoz mibdulin li kienu qed jużaw ġew ittestjati u approvati fil-laboratorju ċċertifikat tagħhom ma jistax jiġi sostnut, minħabba li dan mhux korp innotifikat li huwa nnotifikat kif xieraq biex iwettaq proċeduri ta' valutazzjoni tal-konformità skont id-Direttiva u l-ittestjar imsemmi għalhekk ma rriżultax fil-kwistjoni ta’ ċertifikat ġdid tal-approvazzjoni tat-tip.

(19)

Fir-rigward tal-prestazzjoni tad-dwal ittestjati, lanqas l-argument tal-manifattur li l-intensità luminuża medja kienet aktar minn 0,75 cd, li s-sors tad-dawl iċċaqlaq fl-ilma u li għalhekk l-intensità medja tal-luminożità tista’ titqies bħala riżultat sodisfaċenti ma jista’ jiġi sostnut. Ir-rekwiżiti tal-prestazzjoni msemmija hawn fuq jistipulaw speċifikament li l-intensità luminuża meħtieġa ma tiġix issodisfata fil-medja, iżda fid-direzzjonijiet kollha tal-emisferu ta' fuq. Id-dikjarazzjoni li l-kejl medju tal-intensità luminuża jintuża mill-manifatturi kollha hija irrelevanti għall-għan li tiġi stabbilità konformità mar-rekwiżiti msemmija u barra minn hekk mhux sostnuta mir-riżultati tat-testijiet li twettqu mill-awtoritajiet Ġermaniżi fuq erbat idwal oħra ta’ ġkieket tas-salvataġġ ta’ mudelli oħra.

(20)

Abbażi tal-konsiderazzjonijiet t’hawn fuq u l-evidenza sottomessa lill-Kummissjoni, bir-raġun wieħed jista' jikkonkludi li d-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ tal-mudell Asteria prodotti minn Sic Divisione Elettronica S.r.l. u li jagħmlu parti minn lott Nru 32210805 u Nru 15202001, mhumiex konformi mar-rekwiżiti applikabbli għal dan it-tip ta' tagħmir. Barra minn hekk għandu jiġi konkluż li frazzjoni mhux magħrufa mill-produzzjoni tad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ, koperta b’ċertifikati tal-approvazzjoni tat-tip Nru MED094008CS/002 u Nru MED81802CS, indipendentement mil-lott jew id-data tal-produzzjoni, mhix konformi mat-tip minħabba li t-twaħħil tal-bozza ma ssodisfax l-ispeċifikazzjonijiet relevanti. Apparti dawk imsemmija, mhuwiex magħruf f'liema lottijiet twaħħlu tali bozoz.

(21)

Id-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ huma tagħmir importanti għas-sikurezza, u li jintużaw f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. L-intensità luminuża ta’ dawk id-dwal tista’ tkun ta’ importanza kruċjali. Dan huwa partikolarment veru f’każijiet fejn iridu jinstabu nies fil-periklu meta jkun qed jidlam jew meta jkun diġà dalam. Intensità luminuża baxxa wisq tista’ ttellef milli jinstabu n-nies fil-periklu. Għal dawn ir-raġunijiet ġew stabbiliti rekwiżiti minimi u n-nies fil-periklu, il-persunal tas-salvataġġ u l-baħħara għandhom ikunu jistgħu jafdaw li dawk ir-rekwiżiti ġew issodisfati.

(22)

Il-Kummissjoni tinnota li (a) il-ġbir tal-prodott jikkonċerna biss is-suq Ġermaniż, (b) mhuwiex magħruf għand liema bastimenti u taħt liema bandiera komplew jitqassmu l-prodotti, u (c) iċ-ċertifikati tal-approvazzjoni tat-tip għall-prodott ilhom li ġew irtirati mill-14 ta' April 2011 kif irrappurtat minn RINA.

(23)

It-tul ta’ żmien li l-prodott idum 'il bogħod mis-suq wara li jinġabar f’dan il-każ partikolari ma għandux għalfejn ikun limitat sal-mument li jkunu ttieħdu l-miżuri b’tali mod li d-dwal ikunu konformi mar-rekwiżiti applikabbli u jistgħu jerġgħu jitqiegħdu fis-suq, għaliex il-mudell Asteria diġà ġie mibdul b’mudell ieħor.

ADOTTAT DIN L-OPINJONI:

1.

Il-miżuri interim innotifikati mill-gvern Ġermaniż lill-Kummissjoni b'ittra tal-25 ta' Marzu 2011 fir-rigward tad-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ tal-mudell Asteria, immanifatturati minn Sic Divisione Elettronica S.r.l. fir-Repubblika tal-Italja u li jagħmlu parti mil-lott Nru 32210805 jew li ilhom li tqiegħdu fis-suq Ġermaniż minn Lulju 2009, inkluż il-lott Nru 15202001, huma adegwati u proporzjonati għall-protezzjoni tas-sikurezza marittima u għalhekk huma ġustifikati. Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jiżguraw li d-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ tal-mudell imsemmi u li jagħmlu parti mil-lottijiet imsemmija jew li ilhom li tqiegħdu fis-swieq tagħhom minn Lulju 2009, jitneħħew mis-swieq tagħhom.

2.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri jieħdu l-azzjoni xierqa kollha sabiex ineħħu d-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ imsemmija minn fuq il-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom u minflokhom ipoġġu dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ oħra li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 96/98/KE.

3.

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-Istati Membri u l-korp innotifikat RINA jieħdu l-azzjonijiet meħtieġa biex jivverifikaw li d-dwal tal-ġkieket tas-salvataġġ tal-mudell Asteria immanifatturati minn Sic Divisione Elettronica S.r.l., apparti dawk imsemmija minn paragrafi 1sa 3, jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 96/98/KE.

4.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni mill-aktar fis possibbli u l-Istati Membri l-oħra dwar kwalunkwe miżura li ttieħdet skont din l-opinjoni.

Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Siim KALLAS

Viċi President


(1)  ĠU L 46, 17.2.1997, p. 25.