24.4.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 112/3


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Ottubru 2011

dwar l-applikazzjoni ta' adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Kroazja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 49 tiegħu,

Billi:

(1)

Kwalunkwe stat Ewropew li jirrispetta l-valuri tal-Unjoni Ewropea u huwa impenjat li jippromwovihom jista' japplika biex isir membru tal-Unjoni. L-Unjoni twaqqfet fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta' persuni li jappartjenu għall-minoranzi.

(2)

Ir-Repubblika tal-Kroazja applikat biex issir membru tal-Unjoni Ewropea.

(3)

Fl-Opinjoni tagħha dwar il-Kroazja tal-20 ta' April 2004 (1), il-Kummissjoni diġà espremiet l-ideat tagħha dwar ċerti aspetti essenzjali tal-kwistjonijiet li joħorġu f'konnessjoni ma' din l-applikazzjoni.

(4)

Il-Kunsill Ewropew li ltaqa' f'Kopenħagen f'Ġunju tal-1993 stipula l-kondizzjonijiet ta' eliġibbiltà li jiggwidaw il-proċess ta' adeżjoni u l-valutazzjonijiet regolari tal-Kummissjoni ta' kemm il-Kroazja hi lesta għall-isħubija. Il-kriterji politiċi jirrikjedu li l-Kroazja tiżgura l-istabbiltà tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u r-rispett u l-protezzjoni tal-minoranzi; dawn ir-rekwiżiti issa huma stabbiliti fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Il-kriterji ekonomiċi jirrikjedu l-eżistenza ta' ekonomija bbażata fuq is-suq li tiffunzjona kif ukoll il-kapaċità li tlaħħaq mal-pressjoni kompetittiva u l-forzi tas-suq fi ħdan l-Unjoni. Il-Kriterju tal-acquis jirreferi għall-kapaċità li tieħu l-obbligazzjonijiet tas-sħubija li jiġu mit-Trattati u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-acquis, inkluża l-fedeltà mal-għanijiet tal-unjoni politika, ekonomika u monetarja. Il-kapaċità tal-Unjoni li tassorbi membri ġodda, filwaqt li żżomm għaddej il-momentum tal-integrazzjoni Ewropea, hija wkoll konsiderazzjoni importanti fl-interess ġenerali kemm tal-Unjoni kif ukoll tal-pajjiż kandidat.

(5)

Il-kundizzjonalità tal-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent ġiet iddefinita mill-Kunsill fil-31 ta' Mejju 1999 u tinkludi l-koperazzjoni mat-Tribunal Kriminali Internazzjonali għal dik li kienet il-Jugoslavja, u l-koperazzjoni reġjonali.

(6)

F'Diċembru 2006, il-Kunsill Ewropew qabel li l-istrateġija tat-tkabbir imsejsa fuq il-konsolidament, il-kundizzjonalità u l-komunikazzjoni, imħallta mal-kapaċità tal-UE li tintegra membri ġodda, tifforma l-bażi għal konsensus imġedded dwar it-tkabbir.

(7)

Il-kundizzjonijiet ta' ammissjoni u l-aġġustamenti tat-Trattati ġew innegozjati waqt Konferenza bejn l-Istati Membri u l-Kroazja. Dawn in-negozjati saru f'konformità mal-qafas ta' negozjar, li jipprovdi għal kundizzjonalità stretta fl-istadju tal-ftuħ u l-għeluq tal-kapitoli. In-negozjati tlestew fit-30 ta' Ġunju 2011, u d-dispożizzjonijiet miftiehma huma ġusti u xierqa.

(8)

Bis-sħubija fl-Unjoni Ewropea, il-Kroazja taċċetta, mingħajr riżervi, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika inkluż l-objettivi kollha tagħhom u d-deċiżjonijiet kollha li ttieħdu mindu daħlu fis-seħħ, kif ukoll l-għażliet li ttieħdu rigward l-iżvilupp u t-tisħiħ tal-Unjoni Ewropea u dik il-Komunità.

(9)

Hu fattur essenzjali tal-ordni legali li ġiet introdotta permezz ta' dawn it-trattati, li uħud mid-dispożizzjonijiet tagħhom u ċerti atti adottati mill-istituzjonijiet japplikaw b'mod dirett, li l-liġi tal-Unjoni tieħu preċedenza fuq id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jistgħu joħolqu konflitt magħha, u li jeżistu proċeduri biex tkun żgurata interpretazzjoni uniformi tal-liġi tal-Unjoni. Adeżjoni fl-Unjoni Ewropea timplika rikonoxximent tan-natura vinkolanti ta' dawn ir-regoli, u li l-osservanza tagħhom hi indispensabbli biex tiggarantixxi l-effettività u l-unità tal-liġi tal-Unjoni.

(10)

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-Kroazja tilħaq il-kriterji politiċi u tistenna li l-Kroazja tilħaq il-kriterji ekonomiċi u tal-acquis u li tkun lesta għall-isħubija sal-1 ta' Lulju 2013 L-isħubija tirrikjedi li jibqgħu jiġu rrispettati l-valuri li fuqhom twaqqfet l-Unjoni kif ukoll l-impenn biex tippromwovihom.

(11)

Il-Kroazja laħqet livell għoli ta' tħejjija għall-isħubija. Il-Kummissjoni tappella lill-Kroazja biex iżżomm l-isforzi tagħha biex tikkonforma mal-acquis u tkompli ssaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tagħha, inkluż permezz ta' progress sostenibbli tar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika tagħha. Il-Kummissjoni se tkompli teżamina mill-qrib il-progress tal-Kroazja fil-kisbiet tal-impenji li ħadet fin-negozjati ta' adeżjoni, inkluż dawk li jridu jinkisbu qabel id-data tal-adeżjoni, u l-preparamenti kontienwi tagħha biex tieħu r-responsabbiltajiet tas-sħubija wara l-adeżjoni. Il-monitoraġġ se jiffoka b'mod partikolari fuq l-impenji meħuda mill-Kroazja fiż-żona ġudizzjarja, dik tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u d-drittijiet fundamentali, fiż-żona tal-ġustizzja, il-libertà, u s-sigurtà, inkluż il-ġestjoni tal-fruntieri, kif ukoll fiż-żona tal-politika tal-kompetizzjoni. Jekk kwistjonijiet importanti jiġu identifikati waqt il-proċess ta' monitoraġġ u ma jiġux irrimedjati mill-Kroazja, il-Kummissjoni, fejn neċessarju, se tindirizza ittri ta' twissija minn qabel lill-awtoritajiet tal-Kroazja u tista' tipproponi lill-Kunsill biex jieħu l-miżuri kollha xierqa qabel l-adeżjoni. Il-Kummissjoni għandha d-dritt ukoll li tinvoka diversi klawżoli ta' salvagwardja stabbiliti fit-Trattat ta' Adeżjoni kif ukoll mekkaniżmi speċifiċi għall-għajnuna mill-Istat għall-industriji tal-bini tal-bastimenti u tal-azzar tal-Kroazja.

(12)

Il-Kummissjoni titlob lill-awtoritajiet tal-Kroazja biex itemmu t-traduzzjoni u r-reviżjoni tal-acquis qabel id-data tal-adeżjoni sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE.

(13)

Wieħed mill-għanijiet tal-Unjoni Ewropea huwa li ssaħħaħ is-solidarjetà bejn il-popli tagħha filwaqt li tirrispetta l-istorja, il-kultura u t-tradizzjonijiet tagħhom.

(14)

It-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, permezz tal-adeżjoni tal-Kroazja, se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-istabbiltà, il-libertà u l-prosperità fl-Ewropa. Il-Kroazja hi mistennija li tkompli jkollha rwol attiv fil-koperazzjoni reġjonali fil-Balkani tal-Punent. Il-Kummissjoni tilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kroazja dwar il-promozzjoni tal-valuri Ewropej fix-Xlokk tal-Ewropa u b'mod partikolari l-impenn tal-Kroazja biex kwistjonijiet bilaterali ma jxekklux il-proċess ta' adeżjoni tal-pajjiżi kandidati. L-adeżjoni tal-Kroazja tikkonferma l-impenn tal-UE għall-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kollha.

B'DAN TESPRIMI OPINJONI FAVOREVOLI:

dwar l-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Kroazja.

Din l-opinjoni hija indirizzata lill-Kunsill.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kummissjoni

Štefan FÜLE

Membru tal-Kummissjoni responsabbli mit-tkabbir

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  COM(2004) 257 finali.