9.3.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 71/1


OPINJONI TAL-KUMMISSJONI

tas-7 ta’ Marzu 2012

dwar il-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mill-faċilità SPIRAL-2, li tinsab fi Franza, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom

(It-test bil-Franċiż biss hu awtentiku)

2012/C 71/01

Il-valutazzjoni ta’ hawn taħt qed titwettaq skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat Euratom, u hija bla ħsara għal kwalunkwe valutazzjoni oħra li għandha titwettaq skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-obbligi li joħorġu minnu u mil-leġiżlazzjoni sekondarja.

Fil-15 ta' Settembru 2011, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet mingħand il-Gvern Franċiż, skont l-Artikolu 37 tat-Trattat Euratom, Dejta Ġenerali b'rabta mal-pjan għar-rimi tal-iskart radjuattiv li jirriżulta mill-faċilità SPIRAL-2 fi Franza.

Abbażi ta' din id-dejta, u wara konsultazzjoni mal-Grupp ta' Esperti, il-Kummissjoni fasslet l-opinjoni li ġejja:

(1)

Id-distanza bejn il-faċilità u l-eqreb punt fi Stat Membru ieħor, f'dan il-każ ir-Renju Unit, hija 170 km.

(2)

F’kundizzjonijiet ta' operat normali, it-tnixxijiet ta’ effluwenti radjuattivi likwidi u tal-gass ma jwassalx għal esponiment tal-popolazzjoni ta' Stat Membru ieħor li jkun sinifikanti mill-aspett sanitarju.

(3)

Skart radjuattiv solidu jinħażen temporanjament fis-sit qabel ma jiġi ttrasferit għal faċilità awtorizzata tat-trattament jew tar-rimi fi Franza.

(4)

Fil-każ ta’ rilaxxi mhux ippjanati ta’ effluwenti radjuattivi, li jistgħu jseħħu wara xi inċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, id-dożi li aktarx jaslu għand il-popolazzjoni fi Stat Membru ieħor ma jkunux sinifikanti mill-aspett sanitarju.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-implimentazzjoni tal-pjan għar-rimi ta' skart radjuattiv fi kwalunkwe forma mill-faċilità SPIRAL-2 fi Franza, kemm f'operat normali kif ukoll fil-każ ta' inċident tat-tip u d-daqs ikkunsidrati fid-Dejta Ġenerali, x'aktarx li ma jirriżultax f'kontaminazzjoni radjuattiva tal-ilma, tal-ħamrija jew tal-ispazju tal-ajru ta' Stat Membru ieħor li tkun sinifikanti mill-aspett sanitarju.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Marzu 2012.

Għall-Kummissjoni

Günther OETTINGER

Membru tal-Kummissjoni