21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/29


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1351/2011

tal-20 ta’ Diċembru 2011

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 747/2001 rigward is-sospensjoni tal-kwoti tariffarji u l-kwantitajiet ta’ referenza tal-Unjoni għal ċerti prodotti agrikoli fix-Xatt tal-Punent u fil-Medda ta’ Gaża

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 747/2001 tad-9 ta’ April 2001 li jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ kwoti tariffarji tal-Komunità u ta’ kwantitajiet ta’ referenza għall-prodotti eliġibbli għal preferenzi bis-saħħa ta’ ftehim ma’ ċerti pajjiżi tal-Mediterran u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1981/94 u (KE) Nru 934/95 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(1)(b) tiegħu,

Billi:

(1)

Ġie konkluż Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea, min-naħa l-waħda, u l-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, min-naħa l-oħra, li jipprovdi aktar liberalizzazzjoni għal prodotti agrikoli, prodotti agrikoli pproċessati u ħut u prodotti tas-sajd u li jemenda l-Ftehim Ewro-Mediterranju Interim ta’ Assoċjazzjoni dwar il-kummerċ u l-kooperazzjoni bejn il-Komunità Ewropea, min-naħa l-waħda, u l-Organizzazzjoni għall-Ħelsien tal-Palestina (PLO) għall-benefiċċju tal-Awtorità Palestinjana tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) (2) Il-Ftehim ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/824/UE (3).

(2)

Il-Ftehim jipprovdi għal perjodu ta’ għaxar snin mid-data li fiha daħal fis-seħħ, għal konċessjonijiet ta’ tariffa mkabbra applikabbli fuq l-importazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea ta’ kwantitajiet bla limitu ta’ prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża. Barra minn hekk, il-possibbiltà ta’ estensjoni oħra tal-konċessjonijiet ta’ tariffa mkabbra hi wkoll prevista fil-Ftehim, li tiddependi mill-iżvilupp ekonomiku fil-futur tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża.

(3)

Peress li l-Ftehim jipprovdi għal aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ ta’ prodotti agrikoli, prodotti agrikoli pproċessati u ħut u prodotti tas-sajd, hu neċessarju li tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-kwoti tariffarji u l-kwantitajiet ta’ referenza stipulati fl-Anness VIII tar-Regolament (KE) Nru 747/2001 għal prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, waqt il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-Ftehim.

(4)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 4088/87 tal-21 ta’ Diċembru 1987 li jiffissal-kondizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dazji doganali preferenzjali fuq l-importazzjoni ta’ ċertu fjuri li ġejjin minn Ċipru, l-Israel, il-Ġordan, il-Marokk u x-Xatt tal-Punent u l-Medda ta' Gaża (4), ġie mħassar permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (5).

(5)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 700/88 tas-17 ta’ Marzu 1988 li jistipula r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ arranġamenti għall-importazzjoni fil-Komunità ta’ ċerti prodotti tal-florikultura li ġejjin minn Ċipru, l-Israel, il-Ġordan, il-Marokk u x-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża (6), ġie mħassar permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1227/2006 (7).

(6)

B’riżultat ta’ dan it-tħassir, l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 747/2001 li jipprovdi għan-non-eliġibbiltà għall-konċessjonijiet tariffarji għal fjuri maqtugħa friski u blanzuni tal-fjuri fejn il-kondizzjonijiet tal-prezzijiet stipulati fir-Regolament (KEE) Nru 4088/87 mhumiex osservati, sar żejjed u għalhekk għandu jitħassar.

(7)

Ir-Regolament (KE) Nru 747/2001 għandu għaldaqstant jiġi emendat skont dan.

(8)

Peress li l-Ftehim jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012, dan ir-Regolament għandu japplika minn dik id-data.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 747/2001 huwa emendat kif ġej:

(1)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 1a li ġej:

“Artikolu 1a

Is-sospensjoni tal-applikazzjoni tal-kwoti tariffarji u l-kwantitajiet ta’ referenza għall prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża

L-applikazzjoni tal-kwoti tariffarji u l-kwantitajiet ta’ referenza stipulati fl-Anness VIII għall-prodotti li joriġinaw mix-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża għandha tiġi sospiża b’mod temporanju għal perjodu ta’ għaxar snin mill-1 ta’ Jannar 2012.

Madankollu, jiddependi mill-iżvilupp ekonomiku fil-futur tax-Xatt tal-Punent u l-Medda ta’ Gaża, tista’ tkun ikkunsidrata l-possibbiltà ta’ estensjoni għal perjodu addizzjonali mill-inqas sena qabel ma jintemm il-perjodu ta’ għaxar snin kif previst fil-Ftehim fil-forma ta’ Skambju tal-Ittri li ġie approvat f’isem l-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/824/UE (*).

(*)  OJ L 328, 10.12.2011, p. 2.”"

(2)

L-Artikolu 2 qed jitħassar.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 109, 19.4.2001, p. 2.

(2)  ĠU L 328, 10.12.2011, p. 5.

(3)  ĠU L 328, 10.12.2011, p. 2.

(4)  ĠU L 382, 31.12.1987, p. 22.

(5)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(6)  ĠU L 72, 18.3.1988, p. 16.

(7)  ĠU L 222, 15.8.2006, p. 4.