10.12.2011 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 328/36 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1286/2011
tad-9 ta’ Diċembru 2011
li jadotta metodoloġija komuni għall-investigazzjoni ta’ diżgrazzji u inċidenti tal-baħar żviluppata skont l-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2009/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tat-trasport marittimu [tal-baħar] u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/35/KE u d-Diriettiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(4) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 2009/18/KE titlob lill-Kummissjoni li tadotta metodoloġija komuni għall-investigazzjoni ta’ diżgrazzji u inċidenti tal-baħar li għandha tiġi segwita minn korpi investigattivi meta jwettqu investigazzjonijiet ta' sikurezza. |
(2) |
Il-metodoloġija komuni għall-investigazzjoni ta’ diżgrazzji u inċidenti tal-baħar għandha tipprovdi standards komuni applikabbli fil-prinċipju għall-investigazzjonijiet kollha li jitwettqu skont id-Direttiva 2009/18/KE sabiex tinkiseb investigazzjoni ta' kwalità ta' livell għoli. |
(3) |
Ir-regoli ġenerali kif ipprovduti fil-metodoloġija komuni għandhom jintużaw direttament mill-korpi investigattivi tal-Istati Membri. |
(4) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta' Tniġġis minn Vapuri (2). |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Il-metodoloġija komuni għall-investigazzjoni ta’ diżgrazzji u inċidenti tal-baħar kif ipprovduta fl-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2009/18/KE hija stipulata fl-Anness għal dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Diċembru 2011.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 131, 28.05.2009, p. 114.
(2) ĠU L 324, 29.11.2002, p. 1.
ANNESS
METODOLOĠIJA KOMUNI GĦALL-INVESTIGAZZJONI TA’ DIŻGRAZZJI U INĊIDENTI TAL-BAĦAR
A. GĦAN, AMBITU U APPLIKAZZJONI
L-għan tal-investigazzjonijiet ta' sikurezza fl-aċċidenti tal-baħar huwa li jitnaqqas ir-riskju ta' diżgrazzji u inċidenti u jitnaqqsu l-konsegwenzi serji tagħhom foshom telf ta' ħajja, telf ta' bastimenti u tniġġis tal-ambjent tal-baħar.
L-għan ta' dan id-dokument hu li jipprovdi metodoloġija komuni għall-korpi investigattivi tal-Istati Membri biex iwettqu investigazzjonijiet ta' sikurezza tal-baħar skont id-Direttiva 2009/18/KE. Dan hu bbażat fuq l-ambitu u d-definizzjonijiet tad-Direttiva 2009/18/KE, filwaqt li jitqiesu l-istrumenti tal-IMO msemmija fid-Direttiva.
Il-metodoloġija għandha l-għan li tistabbilixxi approċċ komuni li fil-prinċipju jkun applikabbli fl-investigazzjonijiet kollha li jitwettqu skont id-Direttiva u tfassal il-karatteristiċi ta' investigazzjoni tas-sikurezza tajba. Mhijiex lista ta' verifika. L-investigaturi għandhom jeżerċitaw il-ġudizzju u t-taħriġ professjonali tagħhom biex jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi ta' kull każ.
B'dan il-mod, bl-applikazzjoni ta' din il-metodoloġija komuni u b'approċċ oġġettiv u sistematiku għall-investigazzjoni, il-korpi investigattivi għandhom ikunu l-aktar kapaċi li jisiltu lezzjonijiet minn kull aċċident u b'hekk itejbu s-sikurezza marittima.
L-identifikazzjoni xierqa tal-kawżi ta' diżgrazzji jew inċidenti tal-baħar teħtieġ investigazzjoni f'waqtha u metodika, li tmur lil hinn mill-evidenza immedjata u tfittex għal kundizzjonijiet bażiċi li jistgħu jwasslu għal okkorrenzi oħra fil-ġejjieni. Għalhekk l-investigazzjoni tista' tidher bħala mezz għall-identifikazzjoni mhux biss tal-kawżi immedjati, iżda wkoll ta' kwistjonijiet fl-istampa ġenerali kollha, mir-regolament u l-politika sal-implimentazzjoni.
B. KONTENUT
1. Prontezza operattiva
1.1 |
Kull korp investigattiv għandu jippjana bil-quddiem sabiex jiżgura li, wara n-notifika u matul il-bidu ta' kull investigazzjoni, ma jkunx hemm dewmien bla bżonn minħabba nuqqas ta' informazzjoni, tħejjija jew għarfien rilevanti/prerekwiżit. Pjan ta' tħejjija bħal dan għandu jiżgura li r-riżorsi u l-proċeduri huma, safejn huwa possibbli, disponibbli immedjatament biex jissodisfaw ir-rekwiżiti, inkluż li jkun hemm biżżejjed investigaturi kwalifikati kif xieraq u kwalunkwe koordinazzjoni meħtieġa, nazzjonali u internazzjonali, li jippermettu li, minn meta tasal notifika ta' diżgrazzja jew inċident, jittieħdu azzjonijiet inizjali mill-aktar fis. |
1.2 |
Għandhom ikunu ġew stabbiliti l-arranġamenti biex jiżguraw li l-korp investigattiv tal-aċċident jaslulu notifiki ta' diżgrazzja u inċident mill-aktar fis fuq bażi ta' erbgħa u għoxrin siegħa. |
2. Valutazzjoni u reazzjoni inizjali
2.1 |
Mal-wasla tan-notifika, il-korpi investigattivi għandhom jivvalutaw is-sitwazzjoni. Il-valutazzjoni inizjali hija importanti ħafna għall-korpi investigattivi biex jieħdu stampa ġenerali malajr kemm jista' jkun, jimminimizzaw it-telf potenzjali ta' evidenza, u jiddeterminaw l-ambitu ta' informazzjoni meħtieġa biex ikunu jistgħu jieħdu deċiżjoni fuq l-azzjoni xierqa. |
2.2 |
Din il-valutazzjoni għandha tinkludi, safejn huwa possibbli, fehim ta'
Apparti mill-fatturi elenkati fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2009/18/KE, dawn li ġejjin, fost oħrajn, jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll waqt li jkun qed jiġi deċiz liema diżgrazzji jew inċidenti li ma jkunux serji ħafna se jiġu investigati:
|
2.3 |
Wara li tkun ittieħdet deċiżjoni li tiġi investigata diżgrazzja serja jew diżgrazzja jew inċident ieħor tal-baħar, l-investigazzjoni għandha normalment titwettaq bl-istess immedjatezza bħal dik għal diżgrazzja serja ħafna. Meta tkun se titwettaq investigazzjoni, il-korpi investigattivi għandhom jieħdu azzjoni immedjata safejn huwa prattikabbli biex jiżguraw il-preservazzjoni tal-evidenza, il-koordinazzjoni ma' partijiet interessati sostanzjali u l-ħatra ta' stat investigattiv ewlieni. |
3. Strateġija u l-ġabra tal-evidenza
3.1 |
Il-korp investigattiv tal-Istat Membru investigattiv ewlieni, b'kollegamenti mill-qrib ma' dawk tal-Istati oħra sostanzjalment interessati, għandhom jiżviluppaw strateġija mill-aktar fis għall-ambitu, id-direzzjoni u ż-żmien marbut mal-investigazzjoni. |
3.2 |
Il-korp investigattiv għandu jżomm il-pjan taħt reviżjoni matul l-investigazzjoni; sat-tmiem tal-fażi tal-ġabra tal-evidenza, il-korp investigattiv għandu, safejn huwa prattikabbli, jkun żgura l-kompletezza tal-evidenza miż-żoni kollha li setgħu influwenzaw id-diżgrazzja jew l-inċident. |
3.3 |
L-ambitu ta' investigazzjoni ta' sikurezza u l-proċedura li għandha tiġi segwita għandhom ikunu biżżejjed li jeliminaw l-inċertezza u l-ambigwità safejn huwa possibbli sabiex b'hekk ikunu jistgħu jitwettqu l-valutazzjonijiet loġiċi sodi tar-raġunijiet li jkunu wasslu għad-diżgrazzja jew l-inċident tal-baħar. |
3.4 |
Il-korpi investigattivi ta' Stati Membri sostanzjalment interessati għandhom jipprovdu sostenn lill-Istat Membru investigattiv ewlieni, f'waqtu, u safejn huwa prattikabbli. |
3.5 |
L-Istat Membru investigattiv ewlieni għandu jinnomina investigatur biex imexxi l-investigazzjoni, u biex jintużaw ir-riżorsi xierqa u jibda l-ġabra ta' evidenza mill-aktar fis, peress li l-kwalità tal-evidenza, partikolarment dik li toqgħod fuq l-eżattezza tal-memorja ta' individwi, tista' tiddeterjora malajr maż-żmien; u wkoll bir-rikonoxximent li kull bastiment involut f'diżgrazzja jew inċident tal-baħar ma għandux jiddewwem aktar milli huwa assolutament meħtieġa il-ħtieġa tal-ġabra tal-evidenza. |
3.6 |
Matul l-istadju inizjali ta' kull investigazzjoni, l-investigaturi għandhom jiġbru kemm jistgħu mill-evidenza rilevanti li tista' tgħin biex jinftiehem l-inċident u jiġu ddeterminati l-kawżi li wasslu għalih, filwaqt li tibqa' tiġi kkunsidrata l-firxa possibbli ta' kull investigazzjoni. |
3.7 |
Apparti minn dak miksub matul l-istadju inizjali tan-notifika, l-investigaturi għandhom jiksbu l-informazzjoni xierqa ta' sfond u ta' referenza. Din tista' tinkludi l-evidenza jew id-dejta mitluba minn kwalunkwe sistema ta' monitoraġġ, mis-sistema tal-kontroll tat-traffiku, mill-amministrazzjoni marittima, mis-servizzi tas-salvataġġ, mill-kumpaniji tat-trasport bil-baħar u l-bastiment tad-diżgrazzja. |
3.8 |
Fejn xieraq, il-korp investigattiv għandu jistħarreġ bażijiet tad-dejta, inkluża dik tal-Pjattaforma Ewropea tal-Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar, u sorsi oħra ta' informazzjoni biex ikunu ta' għajnuna fl-identifikazzjoni tal-kwistjonijiet potenzjali ta' sikurezza li jistgħu jkunu rilevanti għad-diżgrazzja jew l-inċident tal-baħar taħt investigazzjoni. |
3.9 |
Fil-prinċipju, l-investigaturi għandhom, jekk hu possibbli, iżuru l-post tad-diżgrazzja u/jew tal-okkorrenza biex jiksbu evidenza mhux imbagħbsa u biex jiksbu fehim inizjali tal-inċident. Fejn ma kienx possibbli li l-post jiġi ppreservat, għandhom isiru l-arranġamenti, fejn possibbli, biex tinkiseb dokumentazzjoni xierqa tax-xena pereżempju permezz ta' ritratti, reġistrazzjonijiet awdjoviżivi, abbozzi jew permezz ta' kull mezz disponibbli ieħor bl-objettiv li tinġabar evidenza inportanti u possibbilment jinħolqu mill-ġdid iċ-ċirkustanzi fi stadju iktar tard. |
3.10 |
Fejn ikun hemm installat Reġistratur tad-Dejta dwar il-Vjaġġ (VDR), l-investigaturi għandhom jagħmlu l-isforzi kollha biex jiksbu u jippreservaw l-informazzjoni rreġistrata fuqu. Partikolarment għandhom jieħdu azzjoni bikrija biex jiżguraw li l-VDR jiġi "protett" sabiex ma jitħalliex li tiġi rreġistrata informazzjoni oħra fuqu. Għandhom jagħmlu kull sforz ukoll biex jiksbu kull informazzjoni rilevanti minn sorsi elettroniċi, kemm dawk abbord il-bastiment kif ukoll dawk fuq l-art. Għandhom jirrevedu, fl-ordni li jidhrilhom xierqa, id-dokumenti, il-proċeduri u r-reġistri rilevanti disponibbli kollha. |
3.11 |
L-intervisti għandhom jitwettqu max-xhieda disponibbli kollha li jiġu kkunsidrati rilevanti mill-korp investigattiv ewlieni. L-investigaturi għandhom jidentifikaw liema xhieda għandhom jiġu intervistati inizjalment u jiżviluppaw pjan ta' intervisti. Dan il-pjan għandu, fost affarijiet oħra, jikkunsidra l-għeja (kemm tax-xhieda kif ukoll tal-investigatur), il-fraġilità tal-evidenza umana u l-movimenti intenzjonati tax-xhieda prospettivi. Ix-xhieda potenzjali jistgħu jinkludu, fost oħrajn:
Jekk ma jkunx possibbli li jitkellem direttament ma' wħud mix-xhieda, il-korp investigattiv ewlieni għandu jieħu passi biex jikseb l-evidenza b'mezzi oħra. L-evidenza tista' tinkiseb mingħandhom permezz ta' intervisti bit-telefon jew billi jistaqsi investigaturi tas-sikurezza oħra mħarrġin biex iwettqu l-intervista f'isem l-Istat investigattiv ewlieni. Fil-każ ta' dan tal-aħħar, il-persuna li twettaq l-intervista jkun jeħtieġ li jiġi aġġornat bir-reqqa mill-investigatur li qed imexxi l-investigazzjoni. Jista jkun hemm il-ħtieġa li ħafna mix-xhieda ewlenin jerġgħu jiġu intervistati aktar minn darba waħda. |
3.12 |
Fejn hu possibbli l-informazzjoni għandha tiġi vverifikata. Id-dikjarazzjonijiet magħmula minn xhieda differenti jistgħu jkunu konfliġġenti u jaf ikun hemm il-ħtieġa ta' aktar evidenza ta' sostenn. Sabiex jiġi żgurat li jiġu skoperti l-fatti rilevanti kollha, għandhom jiġu mistoqsija l-mistoqsijiet ġenerali ta' "min","xiex", "meta", "kif", u "għalxiex". |
3.13 |
Il-fatturi umani jagħmlu parti integrali mill-biċċa l-kbira tal-investigazzjonijiet, u l-investigaturi ta' sikurezza għandhom jitħarrġu kif xieraq. Is-suċċess tal-investigazzjoni tal-fatturi umani jiddependi fil-biċċa l-kbira fuq it-tip u l-kwalità tal-informazzjoni miġbura. Peress li l-ebda żewġ okkorrenzi huma l-istess, il-korp investigattiv għandu jiddetermina t-tip u l-kwalità tad-dejta li għandha tinġabar u tiġi riveduta. Bħala regola, l-investigatur għandu inizjalment jadotta atteġjament ta' inklużjoni żejda matul il-ġabra tal-informazzjoni u jwarrab id-dejta żejda skont kif tiżvolġi l-investigazzjoni. |
3.14 |
Jekk ikun meħtieġ, il-korp investigattiv għandu jiżgura xi evidenza fiżika f'ordni partikolari biex jikseb eżaminazzjoni, spezzjoni jew ittestjar xjentifiku fuq l-art. F'dawn il-każijiet, l-investigaturi għandhom iżommu f'moħħhom li ż-żmien jista' jikkorrompi l-evidenza disponibbli u b'hekk għandhom ineħħuha kif xieraq. Jekk possibbli, qabel it-tneħħija, din l-evidenza għandha jittieħdulha ritratti fuq il-post. It-tneħħija u l-preservazzjoni tal-evidenza għandhom isiru bil-prekawzjonijiet xierqa sabiex jiġi evitat li jaffetwaw l-eżaminazzjoni tagħha. |
3.15 |
Jekk l-evidenza tidher li tkun rilevanti għall-okkorrenza bħala parti mill-investigazzjoni tagħhom, il-korpi investigattivi jistgħu jwettqu jew jordnaw eżaminazzjoni speċjalizzata, partikolarment eżaminazzjoni teknika tal-bastiment u tas-sistemi u tagħmir differenti abbord, jekk ikun meħtieġ mill-esperti xierqa. |
3.16 |
Waqt il-ġabra tal-evidenza, il-korpi investigattivi għandhom jipprovaw jidentifikaw kwalunkwe evidenza nieqsa. |
4. Analiżi
4.1 |
Wara li tkun inġabret l-evidenza u d-dejta addizzjonali relatata, il-korp investigattiv tal-Istat Membru investigattiv ewlieni, għandu janalizzaha bil-għan li jidentifika fatturi każwali u fatturi li jikkontribwixxu, f'kooperazzjoni ma' Stati oħra interessati sostanzjalment kif xieraq. F'dak ir-rigward, l-investigaturi għandhom jikkunsidraw il-valur varjabbli tal-evidenza li jkunu ġabru u għandhom jikkunsidraw kif isolvu bl-aħjar mod kull ambigwità jew konflitt tal-evidenza. |
4.2 |
Identifikazzjoni xierqa tal-fatturi każwali teħtieġ investigazzjoni f'waqtha u metodika, li tmur lil hinn mill-evidenza immedjata u tfittex għal kundizzjonijiet bażiċi, li jistgħu jkunu mbiegħdin mill-post tad-diżgrazzja jew l-inċident tal-baħar, u li jistgħu jikkawżaw diżgrazzji jew inċidenti tal-baħar oħra fil-ġejjieni. Għalhekk l-investigazzjonijiet tas-sikurezza tal-baħar għandhom, fil-prinċipju, iservu bħala mezz ta' identifikazzjoni mhux biss tal fatturi każwali immedjati iżda wkoll ta' kundizzjonijiet li jistgħu jkunu preżenti fil-proċess operattiv kollu. Biex jinkiseb dan, l-analiżi tal-evidenza miġbura għandha ssir bir-reqqa u b'mod iterattiv. |
4.3 |
F'każ li nuqqas ta' informazzjoni li ma jistax jiġi solvut jimtela b'estrapolazzjoni loġika u suppożizzjonijiet raġonevoli, estrapolazzjoni u suppożizzjonijiet bħal dawn għandhom jintwerew b'mod ċar fil-kitba tar-rapport. Għodda utli f'dan il-proċess tista' tkun l-identifikazzjoni tal-għażliet kollha u t-tneħħija analitika tagħhom biex tintlaħaq l-ipoteżi li l-aktar tirrifletti r-realtà. |
5. Rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza
5.1 |
Kull rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza għandha tkun ibbażata fuq l-analiżi. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu indirizzati lil dawk l-organizzazzjonijiet jew l-individwi li jkunu fl-aqwa pożizzjoni li jieħdu azzjoni ta' rimedju. |
5.2 |
Dawn għandhom ikunu ibbażati fuq investigazzjonijiet ta' sikurezza, jew fuq riċerka u analiżi ta’ dejta astratta. Il-formulazzjoni tagħhom tista' tinkiseb b'kooperazzjoni u konsultazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti peress li dawn ta' spiss ikunu f'pożizzjoni tajba biex jidentifikaw u jimplimentaw azzjonijiet ta' sikurezza xierqa. Id-deċiżjoni finali dwar il-kontenut u d-destinatarji tar-rakkomandazzjonijiet ta’ sikurezza għandha, madankollu, tittieħed mill-korp investigattiv ewlieni. |
5.3 |
Meta fattur każwali jew fattur li jikkontribwixxi jitqies tant serju li għandu jiġi indirizzat b'mod urġenti, għandha tittieħed azzjoni ta' segwitu xierqa bħal, pereżempju, l-għoti ta' rakkomandazzjoni ta' sikurezza interim. |
5.4 |
Sabiex jiġu ffaċilitati kemm jista' jkun l-aċċettazzjoni u l-implimentazzjoni mir-riċevituri, kull rakkomandazzjoni għandha tkun:
|
6. Rapporti
6.1 |
Il-korp investigattiv tal-Istat Membru investigattiv ewlieni għandu jipproduċi abbozz ta' rapport b'kollegamenti mill-qrib ma' Stati oħra sostanzjalment interessati. Dan l-abbozz għandu jippreżenta bi stil ċar, konsistenti u konċiż, il-fatti u l-analiżi li huma użati biex jappoġġaw il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet. |
6.2 |
Fejn prattikabbli, l-abbozz tar-rapport, jew partijiet xierqa minnu, għandhom jiġu ċċirkolati b'mod konfidenzjali għall-konsultazzjoni minn kull persuna jew organizzazzjoni li tista' tiġi affetwata minnhom. Il-korp investigattiv għandu jippubblika r-rapport finali, emendat kif xieraq. |
7. Segwitu
Il-korpi investigattivi għandhom jirsistu biex jistabbilixxu d-dettalji tal-azzjoni meħuda b'rispons għar-rakkomandazzjonijiet tas-sikurezza.