23.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 306/12


REGOLAMENT (UE) Nru 1175/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Novembru 2011

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(6) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Il-koordinazzjoni tal-linji ta’ politika ekonomika tal-Istati Membri fi ħdan l-Unjoni, kif previst mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), għandha tinvolvi l-konformità mal-prinċipji gwida ta’ prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kundizzjonijiet monetarji sodi u bilanċ tal-pagamenti sostenibbli.

(2)

Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (SGP) inizjalment kien jikkonsisti mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (3), ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (4) u r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Ġunju 1997 dwar il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (5). Ir-Regolamenti (KE) Nru 1466/97 u (KE) Nru 1467/97 ġew emendati fl-2005 bir-Regolamenti (KE) Nru 1055/2005 (6) u (KE) Nru 1056/2005 (7) rispettivament. Barra minn hekk, ġie adottat ir-Rapport tal-Kunsill tal-20 ta’ Marzu 2005 dwar “Titjib tal-implimentazzjoni tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir” (8).

(3)

L-SGP huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi governattivi sodi bħala mezz sabiex jissaħħu l-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu bbażat fuq stabbiltà finanzjarja, u b’hekk jappoġġa li jintlaħqu l-objettivi tal-Unjoni għal tkabbir sostenibbli u impjiegi.

(4)

Il-parti preventiva tal-SGP teħtieġ mill-Istati Membri li jiksbu u jżommu objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien u jippreżentaw programm ta’ stabbiltà u konverġenza għal dak il-għan. Hija tibbenefika minn forom aktar stretti ta’ sorveljanza biex tiġi żgurata l-konsistenza u l-konformità tal-Istati Membri mal-qafas ta’ koordinament baġitarju tal-Unjoni.

(5)

Il-kontenut tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza kif ukoll il-proċedura għall-eżami tagħhom għandhom jiġu żviluppati aktar, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll dak tal-Unjoni, fid-dawl tal-esperjenza miksuba bl-implimentazzjoni tal-SGP.

(6)

Il-miri baġitarji fil-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza għandhom iqisu b’mod espliċitu l-miżuri adottati f’konformità mal-linji gwida wesgħin ta’ politika ekonomika u tal-linji gwida tal-impjiegi tal-Istati Membri u tal-Unjoni u, b’mod ġenerali, il-programmi ta’ riforma nazzjonali.

(7)

Il-preżentazzjoni u l-valutazzjoni ta’ programmi ta’ stabbilità u konverġenza għandhom isiru qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet kruċjali dwar il-budgets nazzjonali għas-snin ta’ wara. Għalhekk, għandha tiġi stabbilita skadenza adegwata għall-preżentazzjoni tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza. B’kont meħud tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sena baġitarja tar-Renju Unit, għandhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet speċjali għad-data tal-preżentazzjoni tal-programmi ta’ konverġenza tagħha.

(8)

L-esperjenza miksuba u l-iżbalji li saru matul l-ewwel deċennju tal-funzjonament tal-unjoni ekonomika u monetarja turi ħtieġa ta’ governanza ekonomika mtejba fl-Unjoni, li għandha tinbena fuq sjieda nazzjonali aktar b’saħħitha tar-regoli u l-linji politiċi maqbula komunement u fuq qafas aktar b’saħħtu ta’ sorveljanza fil-livell tal-Unjoni għas-sorveljanza tal-politika ekonomika nazzjonali.

(9)

Il-qafas imtejjeb ta’ governanza ekonomika għandu jsejjes ruħu fuq diversi linji interkonnessi u koerenti ta’ politika għal tkabbir u impjiegi sostenibbli, b’mod partikolari strateġija tal-Unjoni għal tkabbir u impjiegi, b’attenzjoni partikolari fuq l-iżvilupp u t-tisħiħ tas-suq intern, it-trawwim tal-kummerċ internazzjonali u l-kompetittività, Simestru Ewropew għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni ta’ linji ta’ politika ekonomika u baġitarja (Simestru Ewropew), qafas effikaċi biex jiġu evitati u korretti każijiet ta’ defiċit eċċessiv tal-gvernijiet (il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (SGP)), qafas b’saħħtu biex jiġu evitati u korretti l-iżbilanċi makroekonomiċi, rekwiżiti minimi għall-oqfsa baġitarji nazzjonali, u regolamentazzjoni u superviżjoni msaħħa tas-suq finanzjarju, inkluża s-superviżjoni makroprudenzjali mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

(10)

L-SGP u l-qafas komplut tal-governanza ekonomika jikkompletaw u jappoġġaw l-istrateġija tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi. L-interkonnessjonijiet bejn il-linji differenti m’għandhomx jipprovdu eżenzjonijiet mid-dispożizzjonijiet tal-SGP.

(11)

It-tisħiħ tal-governanza ekonomika għandu jinkludi l-involviment eqreb u aktar f’waqtu tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali. Filwaqt li jirrikonoxxi li l-kontrapartijiet tal-Parlament Ewropew fil-qafas tad-djalogu huma l-istituzzjonijiet relevanti tal-Unjoni u r-rappreżentanti tagħhom, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ joffri l-opportunità li jipparteċipa fi skambju ta’ opinjonijiet lil Stat Membru li jkun indirizzat minn rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 10(2). Il-parteċipazzjoni tal-Istat Membru f’tali skambju ta’ opinjonijiet hija volontarja.

(12)

Il-Kummissjoni għandu jkollha rwol aktar b’saħħtu fil-proċedura tas-sorveljanza msaħħa fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li huma speċifiċi għal kull Stat Membru, il-monitoraġġ, il-missjonijiet ta’ fuq il-post, ir-rakkomandazzjonijiet u t-twissijiet.

(13)

Il-programmi ta’ stabbiltà jew konverġenza u l-programmi nazzjonali ta’ riforma għandhom ikunu ppreparati b’mod koerenti u l-ħinijiet tal-preżentazzjonijiet tagħhom għandhom jiġu allinjati. Dawk il-programmi għandhom jitressqu quddiem il-Kunsill u l-Kummissjoni. Huma għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku.

(14)

Taħt is-Simestru Ewropew, is-sorveljanza tal-politika u ċ-ċiklu tal-koordinazzjoni bdew kmieni fis-sena b’reviżjoni orizzontali li biha, il-Kunsill Ewropew, abbażi ta’ input mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, jidentifika l-isfidi ewlenin li jaffaċċjaw l-Unjoni u ż-żona euro u joffri gwida strateġika dwar il-linji politiċi. Għandha ssir ukoll diskussjoni fil-Parlament Ewropew fil-bidu taċ-ċiklu annwali ta’ sorveljanza fi żmien xieraq qabel ma ssir id-diskussjoni fil-Kunsill Ewropew. Meta jippreparaw il-programmi tagħhom ta’ stabbiltà jew konverġenza u l-programmi ta’ riforma nazzjonali tagħhom, l-Istati Membri għandhom iqisu l-gwida orizzontali mill-Kunsill Ewropew.

(15)

Sabiex tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali tal-SGP, l-oqfsa baġitarji nazzjonali għandhom ikunu allinjati għalkollox mal-objettivi ta’ sorveljanza multilaterali fl-Unjoni, u, b’mod partikolari, mas-Simestru Ewropew.

(16)

F’konformità mal-arranġamenti legali u politiċi ta’ kull Stat Membru, il-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu involuti kif suppost fis-Simestru Ewropew u fil-preparazzjoni tal-programmi ta’ stabbiltà, il-programmi ta’ konverġenza u l-programmi nazzjonali ta’ riforma sabiex jiżdiedu t-trasparenza, is-sjieda u r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet meħuda. Fejn ikun xieraq, il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kumitat tal-Politika Ekonomika, il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jridu jiġu kkonsultati fil-qafas tas-Simestru Ewropew. Il-partijiet interessati relevanti, b’mod partikolari s-sħab soċjali, għandhom ikunu involuti, fejn hu xieraq, fil-qafas tas-Simestru Ewropew dwar il-kwistjonijiet ta’ politika ewlenija, f’ konformità mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE u l-arranġamenti legali u politiċi nazzjonali.

(17)

Il-konformità mal-objettiv fuq perjodu medju ta’ żmien tal-pożizzjonijiet baġitarji għandha tippermetti lill-Istati Membri jkollhom marġini ta’ sikurezza fir-rigward tal-valur ta’ referenza ta’ 3 % tal-PGD, li jiżguraw finanzi pubbliċi sostenibbli jew progress rapidu lejn is-sostenibbiltà, filwaqt li jħallu spazju għall-immanuvrar baġitarju, partikolarment billi jqisu l-ħtieġa ta’ investiment pubbliku. L-objettiv baġitarju fuq perjodu ta’ żmien medju għandu jiġi aġġornat regolarment abbażi ta’ metodoloġija maqbula komunement li tirrifletti b’mod adegwat ir-riskji ta’ responsabbiltajiet espliċiti u impliċiti għall-finanzi pubbliċi kif inkorporati fl-għanijiet tal-SGP.

(18)

L-obbligu li jinkiseb u jinżamm l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien jeħtieġ li jitpoġġa fis-seħħ, permezz tal-ispeċifikazzjoni tal-prinċipji għall-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv fuq perjodu medju ta’ żmien. Dawk il-prinċipji għandhom, inter alia, jiżguraw li dħul imprevist, b’mod partikolari dħul ta’ aktar milli huwa normalment mistenni mit-tkabbir ekonomiku, jiġi allokat għat-tnaqqis tad-dejn.

(19)

L-obbligu li jinkiseb u jinżamm l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien għandu japplika għall-Istati Membri kollha.

(20)

Il-progress suffiċjenti lejn l-objettiv baġitarju għal perjodu medju ta’ żmien għandu jkun ivvalutat abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali bil-bilanċ strutturali bħala referenza, inkluża analiżi tal-infiq mingħajr ma jitqiesu l-miżuri tad-dħul diskrezzjonali. F’dan ir-rigward, u sakemm dan l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ma jinkisibx, ir-rata tat-tkabbir fl-infiq tal-gvern ġeneralment ma għandhiex taqbeż rata ta’ referenza ta’ tkabbir potenzjali tal-PGD fuq perjodu medju ta’ żmien, b’żidiet akbar minn dik in-norma li jkunu jikkorrispondu għal żidiet diskrezzjonali fid-dħul tal-gvern u tnaqqis diskrezzjonali fid-dħul li jkun ikkumpensat bi tnaqqis fl-infiq. Ir-rata ta’ referenza fuq perjodu medju ta’ żmien tat-tkabbir potenzjali tal-PGD għandha tkun ikkalkulata skont metodoloġija maqbula b’mod komuni. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-metodu ta’ kalkolu ta’ dawk il-previżjonijiet u r-rata ta’ referenza fuq perjodu ta’ żmien medju li tirriżulta tat-tkabbir potenzjali tal-PGD. Għandha titqies il-varjabbiltà potenzjalment kbira ħafna tal-infiq tal-investiment, b’mod speċjali fil-każ ta’ Stati Membri żgħar.

(21)

Għandu jkun meħtieġ pjan ta’ aġgustament aktar mgħaġġel lejn l-objettivi baġitarji fuq perjodu ta’ żmien medju għall-Istati Membri li qed jiffaċċjaw livell ta’ dejn li jaqbeż is-60 % tal-PGD jew b’riskji kbar f’termini ta’ sostenibbiltà tad-dejn ġenerali.

(22)

Għandha tiġi permessa devjazzjoni temporanja mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju f’każ li jkun hemm avveniment mhux tas-soltu li mhux fil-kontroll tal-Istat Membru kkonċernat u li għandu impatt kbir fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern ġenerali jew f’każ ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku serju għaż-żona tal-euro jew għall-Unjoni kollha, sakemm din ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fil-perjodu medju, sabiex jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku. Għandu jittieħed ukoll kont tal-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali kbar biex tiġi permessa devjazzjoni temporanja mill-objettiv baġitarju fuq perjodu ta’ żmien medju jew l-aġġustament adattat għal dan, bil-kondizzjoni li tinżamm marġni ta’ sigurtà fir-rigward tal-valur referenzjali tad-defiċit. Għandha tingħata attenzjoni speċjali f’dan il-kuntest, għar-riformi sistemiċi ta’ pensjonijiet, fejn id-devjazzjoni għandha tirrifletti l-ispiża inkrementali diretta tad-devjazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet mill-pilastru ġestit b’mod pubbliku għal dak kompletament iffinanzjat. Il-miżuri li jittrasferixxu l-assi tal-pilastru kompletament iffinanzjat, lura għall-pilastru ġestit b’mod pubbliku għandhom jitqiesu ta’ darba waħda u temporanji fin-natura tagħhom u għalhekk esklużi mill-bilanċ strutturali użat għall-valutazzjoni tal-progress lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu ta’ żmien medju.

(23)

F’każ ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju, għandha tiġi indirizzata twissija mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat, li għandha tiġi segwita fi żmien xahar minn eżami tas-sitwazzjoni mill-Kunsill u rakkomandazzjoni għall-miżuri ta’ aġġustament neċessarji. Ir-rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi skadenza ta’ mhux aktar minn ħames xhur għall-indirizzar tad-devjazzjoni. L-Istat Membru kkonċernat għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-azzjoni meħuda. Jekk l-Istat Membru kkonċernat jonqos milli jieħu azzjoni adattata fl-iskadenza stabbilita mill-Kunsill, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effettiva u jirrapporta lill-Kunsill Ewropew. Huwa importanti li nuqqasijiet mill-Istati Membri li jieħdu azzjoni xierqa jkunu stabbiliti fi żmien xieraq, b’mod partikolari meta n-nuqqas ikompli. Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tirrakkomanda lill-Kunsill li jadotta rakkomandazzjonijiet riveduti. Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tistieden lill-BĊE biex jipparteċipa f’missjoni ta’ sorveljanza għall-Istati Membri taż-żona euro u l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-Ftehim tas-16 ta’ Marzu 2006 bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri barra ż-żona tal-euro li jistabbilixxi l-proċeduri operattivi għal mekkaniżmu tar-rata tal-kambju fit-tielet stadju tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (9) (ERM 2) fejn ikun xieraq. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kunsill dwar ir-riżultat tal-missjoni u, jekk ikun xieraq, għandha tkun tista’ tiddeċiedi li tagħmel ir-riżultati tagħha disponibbli għall-pubbliku.

(24)

Il-Kunsill għandu jingħata s-setgħa li jadotta deċiżjonijiet individwali li jistabbilixxu n-nonkonformità mar-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 121(4) tat-TFUE li jistabbilixxi miżuri politiċi f’każ li Stat Membru jiddevja b’mod sinifikanti mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien. Bħala parti mill-koordinazzjoni tal-linji politiċi ekonomiċi tal-Istati Membri mmexxija fil-Kunsill, kif speċifikat fl-Artikolu 121(1) TFUE, dawn id-deċiżjonijiet individwali huma segwitu integrali għar-rakkomandazzjonijiet msemmija adottati mill-Kunsill abbażi tal-Artikolu 121(4) tat-TFUE. Is-sospensjoni tad-drittijiet tal-vot tal-membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw lill-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro għall-adozzjoni mill-Kunsill ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi n-nonkonformità mar-rakkomandazzjoni ndirizzata lil Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro abbażi tal-Artikolu 121(4) tat-TFUE, hija konsegwenza diretta tal-fatt li dik id-deċiżjoni hija segwitu integrali ta’ dik ir-rakkomandazzjoni u tad-dispożizzjoni fl-Artikolu 139(4) tat-TFUE li tirriżerva d-dritt tal-vot dwar tali rakkomandazzjonijet għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

(25)

Sabiex tiġi żgurta l-konformità mal-qafas ta’ sorveljanza baġitarja tal-Unjoni għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu speċifiku ta’ infurzar fuq il-bażi tal-Artikolu 136 tat-TFUE għall-każijiet ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu ta’ żmien medju.

(26)

Ir-referenzi li jinsabu fir-Regolament (KE) Nru 1466/97 għandhom jieħdu kont tan-numerazzjoni ġdida tal-Artikoli tat-TFUE.

(27)

Ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 għalhekk għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 1466/97 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistipula r-regoli li jkopru l-kontenut, is-sottomissjoni, l-eżami u il-monitoraġġ ta’ programmi ta’ stabbiltà u programmi ta’ konverġenza bħala parti mis-sorveljanza multilaterali mill-Kunsill u mill-Kummissjoni sabiex jipprevjeni, fi stadju bikri, l-okkorrenza ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern ġenerali u sabiex jippromwovi s-sorveljanza u l-koordinament tal-linji ta’ politika ekonomika biex b’hekk jappoġġa l-kisba tal-objettivi tal-Unjoni għat-tkabbir u l-impjiegi.”.

(2)

L-Artikolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2

Għall-għan ta’ dan ir-Regolament:

(a)

‘Stati Membri parteċipanti’ tfisser dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro;

(b)

‘Stati Membri mhux parteċipanti’ tfisser dawk l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.”

(3)

Tiddaħħal it-taqsima li ġejja:

“TAQSIMA 1-A

IS-SIMESTRU EWROPEW GĦALL-KOORDINAMENT TAL-POLITIKA EKONOMIKA

Artikolu 2-a

1.   Biex jiġi żgurat il-koordinament eqreb tal-linji ta’ politika ekonomika u konverġenza sostnuta tal-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Membri, il-Kunsill għandu jwettaq is-sorveljanza multilaterali bħala parti integrali tas-Simestru Ewropew għall-koordinament tal-politika ekonomika f’konformità mal-objettivi u r-rekwiżiti stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

2.   Is-Simestru Ewropew għandu jinkludi:

(a)

il-formulazzjoni, u s-sorveljanza tal-implimentazzjoni, tal-linji gwida ġenerali tal-linji ta’ politika ekonomika tal-Istati Membri u tal-Unjoni (il-linji gwida ġenerali tal-politika ekonomika) f’konformità mal-Artikolu 121(2) TFUE;

(b)

il-formulazzjoni, u l-eżami tal-implimentazzjoni, tal-linji gwida għall-impjiegi li għandhom jitqiesu mill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 148(2) TFUE (il-linji gwida tal-impjiegi);

(c)

il-preżentazzjoni u l-valutazzjoni tal-programmi ta’ stabbiltà jew konverġenza tal-Istati Membri taħt dan ir-Regolament;

(d)

il-preżentazzjoni u l-valutazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma tal-Istati Membri li jappoġġaw l-istrateġija għat-tkabbir u l-impjiegi tal-Unjoni u stabbiliti f’konformità mal-linji gwida stipulati f’punti (a) u (b) hawn fuq u bil-gwida ġenerali għall-Istati Membri maħruġa mill-Kummissjoni u mill-Kunsill Ewropew fil-bidu taċ-ċiklu annwali ta’ sorveljanza;

(e)

is-sorveljanza biex jiġu evitati u kkoreġuti l-iżbilanċi makroekonomiċi skont ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi (*).

3.   Matul is-Simestru Ewropew, sabiex jiġi pprovdut parir tal-politika fil-ħin u integrat dwar intenzjonijiet tal-politika makrofiskali u makrostrutturali, il-Kunsill għandu, bħala regola, wara l-valutazzjoni ta’ dawn il-Programmi fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjonijiet mill-Kummissjoni, joffri gwida lill-Istati Membri filwaqt li jagħmel użu sħiħ tal-istrumenti legali previsti fl-Artikoli 121 u 148 tat-TFUE, u skont dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) Nru 1176/2011.

L-Istati Membri għandhom jieħdu kont xieraq tal-gwida indirizzata lilhom fl-iżvilupp tal-linji ta’ politika ekonomika, tal-impjiegi u baġitarji tagħhom qabel jieħdu deċiżjonijiet ewlenin dwar il-budgets nazzjonali għas-snin ta’ wara. Il-progress għandu jkun immonitorjat mill-Kummissjoni.

In-nuqqas ta’ Stat Membru li jieħu azzjoni dwar il-gwida li tkun ingħatatlu jista jagħti lok għal:

(a)

rakkomandazzjonijiet ulterjuri biex jittieħdu miżuri speċifiċi;

(b)

twissija mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 121(4) tat-TFUE;

(c)

miżuri taħt dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1467/97 jew ir-Regolament (UE) Nru 1176/2011.

L-implimentazzjoni tal-miżuri għandha tkun suġġetta għal monitoraġġ imsaħħaħ mill-Kummissjoni u tista’ tinkludi missjonijiet ta’ sorveljanza skont l-Artikolu -11 ta’ dan ir-Regolament.

4.   Il-Parlament Ewropew għandu jkun involut kif suppost fis-Simestru Ewropew sabiex jiżdiedu t-trasparenza, is-sjieda u r-responsabbiltà tad-deċiżjonijiet meħuda, b’mod partikolari permezz tad-djalogu ekonomiku li jsir skont l-Artikolu 2-ab ta’ dan ir-Regolament. Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kumitat tal-Politika Ekonomika, il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali għandhom jiġu kkonsultati fil-qafas tas-Simestru Ewropew fejn hu xieraq. Il-partijiet interessati relevanti, b’mod partikolari s-sħab soċjali, għandhom ikunu involuti, fejn hu xieraq, fil-qafas tas-Simestru Ewropew dwar il-kwistjonijiet ta’ politika ewlenija, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tat-TFUE u l-arranġamenti legali u politiċi nazzjonali.

Il-President tal-Kunsill, u il-Kummissjoni skont l-Artikolu 121 tat-TFUE, u, fejn ikun xieraq, il-President tal-Eurogroup, għandhom jirrapportaw annwalment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew dwar ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali. Dawn ir-rapporti għandhom ikunu parti mid-Djalogu Ekonomiku msemmi fl-Artikolu 2–ab ta’ dan ir-Regolament.

(*)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.”."

(4)

Tiddaħħal it-taqsima li ġejja:

“TAQSIMA 1-Aa

DJALOGU EKONOMIKU

Artikolu 2-ab

1.   Biex jissaħħaħ id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u biex jiġu żgurati trasparenza u responsabbiltà akbar, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-President tal-Kunsill, il-President tal-Kummissjoni u, fejn ikun xieraq, il-President tal-Kunsill Ewropew jew il-President tal-Eurogroup, biex jidhru quddiem il-kumitat biex jiddiskutu:

(a)

l-informazzjoni provduta lill-kumitat mill-Kunsill dwar il-linji gwida ġenerali tal-politika ekonomika skont l-Artikolu 121(2) tat-TFUE;

(b)

il-gwida ġenerali tal-Istati Membri maħruġa mill-Kummissjoni fil-bidu taċ-ċiklu annwali tas-sorveljanza;

(c)

kwalunkwe konklużjoni mill-Kunsill Ewropew dwar l-orjentazzjonijiet għal-linji ta’ politika ekonomika fil-kuntest tas-Simestru Ewropew;

(d)

ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali li tkun saret skont dan ir-Regolament;

(e)

kwalunkwe konklużjoni li jkun silet il-Kunsill Ewropew dwar l-orjentazzjonijiet għas-sorveljanza multilaterali u r-riżultati tagħha;

(f)

kwalunkwe reviżjoni tat-twettiq tas-sorveljanza multilaterali fit-tmiem tas-Simestru Ewropew;

(g)

ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill indirizzati lill-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 121(4) tat-TFUE fil-każ ta’ devjazzjoni sinifikanti u mar-rapport li sar mill-Kunsill lill-Kunsill Ewropew kif definit fl-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-Kunsill mistenni, bħala regola, isegwi r-rakkomandazzjonijiet u l-proposti tal-Kummissjoni jew jispjega l-pożizzjoni tiegħu pubblikament.

3.   Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ joffri l-opportunità lil Stat Membru li jkun indirizzat minn rakkomandazzjoni tal-Kunsill, taħt l-Artikolu 6(2) u l-Artikolu 10(2), li jipparteċipa fl-iskambju tal-opinjonijiet.

4.   Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw b’mod regolari lill-Parlament Ewropew dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”.

(5)

L-Artikolu 2a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 2a

Kull Stat Membru għandu jkollu objettiv divrenzjat fuq terminu medju ta’ żmien għall-pożizzjoni baġitarja tiegħu. Dawn l-objettivi baġitarji fuq terminu medju ta’ żmien li huma speċifiċi għall-pajjiż jistgħu jitbiegħdu mill-ħtieġa ta’ pożizzjoni qrib il-bilanċ jew f’bilanċ favorevoli, filwaqt li jipprovdu marġini ta’ sikurezza fir-rigward tal-proporzjon ta’ 3 % tal-PGD għad-defiċit tal-gvern. L-objettivi baġitarji fuq terminu medju ta’ żmien għandhom jiżguraw is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi jew progress rapidu lejn din is-sostenibbiltà filwaqt li jippermettu l-ispazju għall-immanuvrar baġitarju, b’konsiderazzjoni partikolarment tal-ħtieġa ta’ investiment pubbliku.

B’kont meħud ta’ dawn il-fatturi, għall-Istati Membri parteċipanti u għall-Istati Membri li jipparteċipaw fl-ERM 2, l-objettivi baġitarji fuq terminu medju ta’ żmien li huma speċifiċi għall-pajjiż għandhom ikunu speċifikati f’firxa definita bejn -1 % tal-PGD u bilanċ jew bilanċ favorevoli, f’termini aġġustati ċiklikament, mingħajr miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn.

L-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ żmien għandu jiġi rivedut kull tliet snin. Fil-każ tal-implimentazzjoni ta’ riforma b’impatt ewlieni fuq is-sostenibbiltà ta’ finanzi pubbliċi, l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien ta’ Stat Membru jista’ jiġi rivedut b’mod ulterjuri.

Ir-rispett tal-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien għandu jkun inkluż fl-oqfsa baġitarji nazzjonali għal perjodu medju ta’ żmien f’konformità mal-Kapitolu IV tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għall-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (**).

(**)  ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.”."

(6)

L-Artikolu 3 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Kull Stat Membru parteċipant għandu jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni t-tagħrif meħtieġ għall-iskop ta’ sorveljanza multilaterali f’intervalli regolari skont l-Artikolu 121 TFUE fil-forma ta’ programm ta’ stabbiltà, li jipprovdi bażi essenzjali għas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi li tiffavorixxi l-istabbiltà tal-prezzijiet, tkabbir sostenibbli qawwi u l-ħolqien tal-impjiegi.”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punti (a), (b) u (c) huma ssostitwiti kif ġej:

“(a)

l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien u l-perkors ta’ aġġustament lejn dak l-objettiv għall-bilanċ tal-gvern ġenerali bħala perċentwali tal-PGD, il-perkors mistenni tal-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali, il-perkors ippjanat tat-tkabbir fl-infiq tal-gvern, inkluża l-allokazzjoni korrispondenti għall-formazzjoni gross tal-kapital fiss, b’mod partikolari jekk wieħed iqis il-kundizzjonijiet u l-kriterji biex jiġi stabbilit it-tkabbir fl-infiq skont l-Artikolu 5(1), il-perkors ippjanat tat-tkabbir fid-dħul tal-gvern b’politika mhux mibdula u kwantifikazzjoni tal-miżuri diskrezzjonali tad-dħul ippjanati;

(aa)

informazzjoni dwar passivi impliċiti relatati mat-tixjiħ, u passivi kontiġenti, bħal ma huma l-garanziji pubbliċi, b’impatt potenzjalment kbir fuq il-kontijiet ġenerali tal-gvern;

(ab)

informazzjoni dwar il-konsistenza tal-programm ta’ stabbiltà mal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika u l-programm ta’ riforma nazzjonali;

(b)

l-assunzjonijiet prinċipali dwar żviluppi ekonomiċi mistennija u dwar fatturi varjabbli ekonomiċi importanti li huma rilevanti għall-kisba tal-programm ta’ stabbiltà, bħalma huma l-infiq mill-gvern f’investimenti, tkabbir reali tal-PGD, l-impjiegi u l-inflazzjoni;

(c)

valutazzjoni kwantitattiva tal-miżuri baġitarji u ta’ miżuri oħra ta’ politika ekonomika li jkunu qegħdin jittieħdu jew jiġu proposti sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-programm, li tinkludi analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji tar-riformi strutturali prinċipali u li għandhom effetti baġitarji pożittivi diretti fuq perjodu twil ta’ żmien, fosthom billi jiżdied it-tkabbir sostenibbli potenzjali;”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-programm ta’ stabbiltà għandu jkun ibbażat fuq ix-xenarju makrofiskali l-aktar probabbli jew fuq xenarju aktar prudenti. Il-previżjonijiet makroekonomiċi u baġitarji għandhom ikunu mqabbla mal-aktar previżjonijiet aġġornati tal-Kummissjoni u, fejn hu xieraq, ta’ dawk ta’ entitajiet indipendenti oħra. Id-differenzi sinifikanti bejn ix-xenarju makrofiskali magħżul u l-previżjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu deskritti b’mod raġunat, b’mod partikolari jekk il-livell jew it-tkabbir tas-suppożizzjonijiet esterni jmur lil hinn b’mod sinifikanti mill-valuri miżmuma fil-previżjonijiet tal-Kummissjoni.

In-natura eżatta ta’ dik l-informazzjoni inkluża fil-punti (a), (aa), (b), (c) u (d) tal-paragrafu 2 għandha titfassal f’qafas armonizzat stabbilit mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.”;

(d)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   It-tagħrif dwar il-perkorsi għall-proporzjon ġenerali tal-bilanċ u d-dejn tal-gvern, it-tkabbir fl-infiq tal-gvern, il-perkors ippjanat tat-tkabbir fid-dħul tal-gvern b’politika mhux mibdula, il-miżuri diskrezzjonali tad-dħul ippjanati, kwantifikati b’mod xieraq, u s-suppożizzjonijiet ekonomiċi prinċipali msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 għandu jkun fuq bażi annwali u għandu jkopri s-sena ta’ qabel, is-sena kurrenti u mill-anqas it-tliet snin ta’ wara.

4.   Kull programm għandu jinkludi informazzjoni dwar l-istatus tiegħu fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali, b’mod partikolari jekk il-programm ikunx ġie ppreżentat lill-Parlament nazzjonali, u jekk il-Parlament nazzjonali kellux l-opportunità li jiddiskuti l-opinjoni tal-Kunsill fuq il-programm preċedenti jew, jekk hu relevanti, kwalunkwe rakkomandazzjoni jew twissija, u jekk kienx hemm approvazzjoni parlamentari tal-programm.”.

(7)

L-Artikolu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 4

1.   Il-programmi ta’ stabbiltà għandhom jiġu sottomessi kull sena f’April, preferibbilment sa nofs April u mhux aktar tard mit-30 ta’ April.

2.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw il-programmi ta’ stabbiltà tagħhom.”.

(8)

L-Artikolu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 5

1.   Fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kunsill għandu, fi ħdan il-qafas ta’ sorveljanza multilaterali skont l-Artikolu 121 tat-TFUE, jeżamina l-objettivi baġitarji fuq perjodu medju ta’ żmien ippreżentati mill-Istati Membri kkonċernati fil-programmi ta’ stabbiltà tagħhom, jivvaluta jekk is-suppożizzjonijiet ekonomiċi li fuqhom ikun ibbażat il-programm humiex plawsibbli, jekk il-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien huwiex adattat, inkluża kunsiderazzjoni tal-perkors ta’ akkumpanjament għall-proporzjon tad-dejn, u jekk il-miżuri li jkunu qegħdin jittieħdu jew jiġu proposti sabiex jiġi rrispettat dak il-perkors ta’ aġġustament humiex biżżejjed sabiex jintlaħaq l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien matul iċ-ċiklu.

Meta jivvalutaw il-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw jekk l-Istat Membru kkonċernat hux jagħmel it-titjib annwali xieraq fil-bilanċ tal-budget aġġustat b’mod ċikliku li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv baġitarju tiegħu fuq perjodu ta’ żmien, b’0,5 % tal-PGD bħala valur referenzjali u mingħajr ma jqis il-miżuri ta’ darba u miżuri oħra temporanji. Għall-Istati Membri ffaċċjati b’livell ta’ dejn li jaqbeż is-60 % tal-PGD jew b’riskji evidenti ta’ sostenibilità ġenerali ta’ dejn, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw jekk it-titjib annwali fil-bilanċ tal-budget aġġustat b’mod ċikliku, esklużi l-miżuri ta’ darba u miżuri oħra temporanji, ikunx ogħla minn 0,5 % tal-PGD. Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw jekk ikunx qed isir sforz ta’ aġġustament akbar fi żminijiet ekonomiċi tajba, filwaqt li l-isforz jista’ jkun iżjed limitat fi żminijiet ekonomiċi ħżiena. B’mod partikolari, għandu jitqies id-dħul imprevist u n-nuqqas tad-dħul.

Il-progress suffiċjenti lejn l-objettiv baġitarju għal perjodu medju ta’ żmien għandu jkun ivvalutat abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali bil-bilanċ strutturali bħala r-referenza, inkluża analiżi tal-infiq mingħajr ma jitqiesu l-miżuri tad-dħul diskrezzjonali. Għal dan il-għan, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jivvalutaw jekk il-perkors tat-tkabbir fl-infiq tal-gvern, meħud flimkien mal-effett tal-miżuri li jkunu qegħdin jittieħdu jew jiġu ppjanati min-naħa tad-dħul, ikunx konsistenti mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għall-Istati Membri li jkunu laħqu l-objettiv baġitarju tagħhom fuq perjodu medju ta’ żmien, it-tkabbir fl-infiq annwali ma jaqbiżx rata ta’ referenza ta’ tkabbir potenzjali tal-PGD fuq perjodu medju ta’ żmien, sakemm l-eċċess ma jiġix korrispost b’miżuri diskrezzjonali tad-dħul;

(b)

għall-Istati Membri li jkunu għadhom ma laħqux l-objettiv baġitarju tagħhom fuq perjodu medju ta’ żmien, it-tkabbir fl-infiq annwali ma jaqbiżx rata inqas minn rata ta’ referenza ta’ tkabbir potenzjali tal-PGD fuq perjodu medju ta’ żmien, sakemm l-eċċess ma jiġix korrispost b’miżuri diskrezzjonali dwar id-dħul. Id-differenza negattiva bejn ir-rata tat-tkabbir fl-infiq tal-gvern meta pparagunata ma’ rata ta’ referenza ta’ tkabbir potenzjali tal-PGD fuq perjodu medju ta’ żmien tiġi stipulata b’mod li jiżgura aġġustament xieraq lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien;

(c)

għall-Istati Membri li jkunu għadhom ma laħqux l-objettiv baġitarju tagħhom fuq perjodu medju ta’ żmien, it-tnaqqis diskrezzjonali ta’ elementi tad-dħul tal-gvern jiġi korrispost jew bi tnaqqis fl-infiq jew b’żidiet diskrezzjonali f’elementi oħra tad-dħul tal-gvern jew bit-tnejn.

L-infiq totali għandu jeskludi l-infiq fuq l-interessi, infiq fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq tal-benefiċċju tal-qgħad.

L-eċċess fit-tkabbir fl-infiq fuq ir-referenza ta’ perjodu medju ta’ żmien m’għandux jitqies bħala inadempjenza mal-valur referenzjali sal-limitu li dan ikun ibbilanċjat kompletament biż-żidiet tad-dħul li huma obbligatorji skont il-liġi.

Ir-rata ta’ referenza fuq perjodu medju tat-tkabbir potenzjali tal-PDG għandha tiġi determinata abbażi ta’ previżjonijiet li jħarsu ’l quddiem, u abbażi ta’ stimi retrospettivi. Il-previżjonijiet għandhom ikunu aġġornati f’intervalli regolari. Il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku metodu tagħha ta’ kalkolu għal dawk il-previżjonijiet u r-rata ta’ referenza fuq perjodu ta’ żmien medju li tirriżulta tat-tkabbir potenzjali tal-PGD.

Meta jiddefinixxu l-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien għall-Istati Membri li jkunu għadhom ma laħqux dan l-objettiv u meta jippermettu devjazzjoni temporanja minn dan l-objettiv għall-Istati Membri li jkunu diġà laħquh, sakemm jiġi ppreservat marġini xieraq ta’ sikurezza fir-rigward tal-valur ta’ referenza tad-defiċit u li l-pożizzjoni baġitarja tkun mistennija li terġa’ lura għall-objettiv baġitarju għall-perjodu medju ta’ żmien matul il-perjodu tal-programm, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali prinċipali li għandhom effetti baġitarji pożittivi diretti, fosthom billi jżidu t-tkabbir sostenibbli potenzjali, u għalhekk impatt verifikabbli fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq perjodu twil ta’ żmien.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-riformi fil-pensjonijiet li jintroduċu sistema b’aktar minn pilastru wieħed li tinkludi pilastru mandatorju, kompletament iffinanzjat. L-Istati Membri li jkunu qegħdin jimplimentaw tali riformi għandhom jitħallew jiddevjaw mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju jew mill-objettiv innifsu, bid-devjazzjoni tirrifletti l-ammont tal-impatt dirett inkrementali tar-riforma fuq il-bilanċ tal-gvern ġenerali, sakemmjiġi ppreservat marġini adegwat ta’ sikurezza fir-rigward tal-valur referenzjali tad-defiċit.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ukoll jeżaminaw jekk il-programm ta’ stabbiltà jiffaċilitax il-kisba ta’ konverġenza sostenuta u reali fiż-żona euro u l-koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-linji ta’ politika ekonomika, u jekk il-linji ta’ politika ekonomika tal-Istat Membru kkonċernat ikunux konsistenti mal-linji gwida ġenerali tal-politika ekonomika u mal-linji gwida tal-impjiegi tal-Istati Membri u tal-Unjoni.

F’każ ta’ avveniment mhux tas-soltu li ma jkunx fil-kontroll tal-Istat Membru kkonċernat u li jkollu impatt prinċipali fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern ġenerali jew f’perjodi ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku għaż-żona euro jew l-Unjoni kollha, l-Istati Membri jistgħu jitħallew jiddevjaw temporanjament mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien imsemmi fit-tielet subparagrafu, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju ta’ żmien.

2.   Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw il-programm ta’ stabbiltà f’mhux aktar minn tliet xhur mis-sottomissjoni tiegħu. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, għandu, jekk ikun meħtieġ, jadotta opinjoni dwar il-programm. Fejn il-Kunsill, skont l-Artikolu 121 tat-TFUE, iqis li l-objettivi u l-kontenut tal-programm għandhom jiġu msaħħa b’referenza partikolari għall-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, il-Kunsill għandu, fl-opinjoni tiegħu, jistieden lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jaġġusta l-programm tiegħu.”

(9)

L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 6

1.   Bħala parti mis-sorveljanza multilaterali skont l-Artikolu 121(3) tat-TFUE, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ stabbiltà, abbażi tat-tagħrif mogħti mill-Istati Membri parteċipanti u tal-valutazzjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, b’mod partikolari bil-għan li jiġu identifikati diverġenzi sinifikanti attwali jew mistennija tal-pożizzjoni baġitarja mill-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, jew mill-perkors ta’ aġġustament xieraq lejh.

2.   F’każ ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(1) ta’ dan ir-Regolament, u sabiex jiġi evitat li jinħoloq defiċit eċċessiv, il-Kummissjoni għandha, skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE, tindirizza twissija lill-Istat Membru kkonċernat.

Il-Kunsill, fi żmien xahar mid-data tal-adozzjoni tat-twissija imsemmija fl-ewwel subparagrafu, għandu janalizza s-sitwazzjoni u jadotta rakkomandazzjoni għall-miżuri ta’ politika neċessarji abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 121(4) tat-TFUE. Ir-rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi skadenza ta’ mhux aktar minn ħames xhur għall-indirizzar tad-devjazzjoni. L-iskadenza għandha titnaqqas għal tliet xhur jekk il-Kummissjoni, fit-twissija tagħha, tqis li s-sitwazzjoni hi partikolarment serja u teħtieġ azzjoni urġenti. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jagħmel ir-rakkomandazzjoni pubblika.

Fl-iskadenza stabbilita mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-azzjoni meħuda bħala tweġiba għar-rakkomandazzjoni.

Jekk l-Istat Membru kkonċernat jonqos li jieħu l-azzjoni xierqa sal-iskadenza speċifikata f’rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tirrakkomanda immedjatament lill-Kunsill li jadotta, b’maġġoranza kwalifikata, deċiżjoni li tistabbilixxi li ma kien hemm l-ebda azzjoni effikaċi. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda lill-Kunsill li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE dwar miżuri ta’ politika neċessarji.

F’każ li l-Kunsill ma jadottax id-deċiżjoni dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effikaċi, u li għadu jippersisti n-nuqqas ta’ azzjoni xierqa min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni, xahar wara r-rakkomandazzjoni preċedenti tagħha, għandha tirrakkomanda lill-Kunsill jadotta d-deċiżjoni li tiddetermina li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effikaċi. Id-deċiżjoni għandha titqies bħala adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix, b’maġġoranza sempliċi, li jirrifjuta r-rakkomandazzjoni sa għaxart ijiem minn meta l-Kummissjoni tadottaha. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda lill-Kunsill li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE dwar miżuri ta’ politika neċessarji.

Meta tittieħed id-deċiżjoni dwar nonkonformità msemmija fir-raba’ u l-ħames subparagrafi, il-membri tal-Kunsill biss li jirrappreżentaw lill-Istati Membri parteċipanti għandhom jivvutaw u l-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jqis il-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru kkonċernat.

Il-Kunsill għandu jissottometti rapport formali lill-Kunsill Ewropew dwar id-deċiżjonijiet meħuda skont il-każ.

3.   Devjazzjoni mill-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien jew mill-perkors xieraq ta’ aġġustament lejh għandha tkun ivvalutata abbażi ta’ evalwazzjoni ġenerali bil-bilanċ strutturali bħala referenza, inkluża analiżi tal-infiq mingħajr ma jitqiesu l-miżuri diskrezzjonali ta’ dħul, kif definiti fl-Artikolu 5(1).

Il-valutazzjoni jekk id-devjazzjoni tkunx sinifikanti għandha b’mod notevoli tinkludi l-kriterji li ġejjin:

(a)

għal Stat Membru li ma jkunx laħaq l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, meta tiġi vvalutata l-bidla fil-bilanċ strutturali, jekk id-devjazzjoni tkunx ta’ mill-anqas 0,5 % tal-PGD f’sena waħda jew ta’ mill-anqas 0,25 % tal-PGD bħala medja kull sena f’sentejn wara xulxin;

(b)

meta jiġu vvalutati l-iżviluppi tal-infiq mingħajr ma jitqiesu l-miżuri diskrezzjonali tad-dħul, jekk id-devjazzjoni ikollhiex impatt totali fuq il-bilanċ tal-gvern ta’ mill-anqas 0,5 % tal-PGD f’sena waħda jew b’mod kumulattiv f’sentejn konsekuttivi.

Id-devjazzjoni tal-iżviluppi fl-infiq ma għandhiex tiġi kkunsidrata sinifikanti jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun qabeż l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, filwaqt li jitqiesu l-possibbiltà ta’ dħul sinifikanti imprevist u l-pjanijiet baġitarji stipulati fil-programm ta’ stabbilità ma jipperikolawx dan l-objettiv matul il-perjodu tal-programm.

Bl-istess mod, id-devjazzjoni tista’ wkoll ma tiġix ikkunsidrata meta tirriżulta minn avveniment mhux tas-soltu li mhux fil-kontroll tal-Istat Membru kkonċernat u li għandu impatt kbir fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern ġenerali jew f’każ ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku għaż-żona tal-euro jew għall-Unjoni kollha, sakemm din ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fil-perjodu medju.”.

(10)

L-Artikolu 7 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Kull Stat Membru mhux parteċipant għandu jissottometti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni t-tagħrif meħtieġ għall-iskop ta’ sorveljanza multilaterali f’intervalli regolari skont l-Artikolu 121 tat-TFUE fil-forma ta’ programm ta’ konverġenza, li jipprovdi bażi essenzjali għas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi li tiffavorixxi l-istabbiltà tal-prezzijiet, tkabbir qawwi sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi.”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-punti (a), (b) u (c) għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien u l-perkors ta’ aġġustament lejn dan l-objettiv għall-bilanċ tal-gvern ġenerali bħala perċentwali tal-PGD, il-perkors mistenni tal-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali, il-perkors ippjanat tat-tkabbir fl-infiq tal-gvern, inkluża l-allokazzjoni korrispondenti għall-formazzjoni gross tal-kapital fiss, b’mod partikolari meta wieħed iżomm quddiem għajnejh il-kundizzjonijiet u l-kriterji biex jiġi stabbilit it-tkabbir tal-infiq skont l-Artikolu 9(1), il-perkors ippjanat tat-tkabbir fid-dħul tal-gvern b’politika mhux mibdula u l-kwantifikazzjoni tal-miżuri diskrezzjonali tad-dħul ippjanati, l-objettivi tal-politika monetarja fuq perjodu medju ta’ żmien, ir-relazzjoni ta’ dawk l-objettivi mal-istabbiltà tal-prezzijiet u tar-rata tal-kambju u mal-kisba ta’ konverġenza sostnuta;

(aa)

informazzjoni dwar responsabbiltajiet impliċiti relatati mat-tixjiħ, u responsabbiltajiet kontiġenti, bħal ma huma l-garanziji pubbliċi, b’impatt potenzjalment kbir fuq il-kontijiet ġenerali tal-gvern;

(ab)

informazzjoni dwar il-konsistenza tal-programm ta’ konverġenza mal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika u l-programm ta’ riforma nazzjonali;

(b)

l-assunzjonijiet prinċipali dwar żviluppi ekonomiċi mistennija u dwar fatturi varjabbli ekonomiċi importanti li huma rilevanti għall-kisba tal-programm ta’ konverġenza, bħall-infiq mill-gvern f’investimenti, tkabbir reali tal-PGD, l-impjiegi u l-inflazzjoni;

(c)

valutazzjoni kwantitattiva tal-miżuri baġitarji u ta’ miżuri oħra ta’ politika ekonomika li jkunu qegħdin jittieħdu jew jiġu proposti sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-programm, li tinkludi analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji tar-riformi strutturali prinċipali u li għandhom effetti baġitarji pożittivi diretti fuq perjodu twil ta’ żmien, fosthom billi jiżdied it-tkabbir sostenibbli potenzjali;”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-programm ta’ konverġenza għandu jkun ibbażat fuq ix-xenarju makrofiskali l-aktar probabbli jew fuq xenarju aktar prudenti. Il-previżjonijiet makroekonomiċi u baġitarji għandhom ikunu mqabbla mal-aktar previżjonijiet aġġornati tal-Kummissjoni u, fejn hu xieraq, ta’ dawk ta’ entitajiet indipendenti oħra. Id-differenzi sinifikanti bejn ix-xenarju makrofiskali magħżul u l-previżjoni tal-Kummissjoni għandhom jiġu deskritti b’mod raġunat, b’mod partikolari jekk il-livell jew it-tkabbir tas-suppożizzjonijiet esterni jmur lil hinn b’mod sinifikanti mill-valuri miżmuma fil-previżjonijiet tal-Kummissjoni.

In-natura eżatta tal-informazzjoni inkluża fil-punti (a), (aa), (b), (c) u (d) tal-paragrafu 2 għandha titfassal f’qafas armonizzat stabbilit mill-Kummissjoni f’kooperazzjoni mal-Istati Membri.”;

(d)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   It-tagħrif dwar il-perkorsi għall-proporzjon ġenerali tal-bilanċ u d-dejn tal-gvern, it-tkabbir fl-infiq tal-gvern, il-perkors ippjanat tat-tkabbir fid-dħul tal-gvern b’politika mhux mibdula, il-miżuri diskrezzjonali tad-dħul ippjanati, ikkwantifikati b’mod xieraq, u s-suppożizzjonijiet ekonomiċi prinċipali msemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 2 għandu jkun fuq bażi annwali u għandu jkopri s-sena ta’ qabel, is-sena kurrenti u mill-anqas it-tliet snin ta’ wara.’

4.   Kull programm għandu jinkludi informazzjoni dwar l-istatus tiegħu fil-kuntest tal-proċeduri nazzjonali, b’mod partikolari kemm jekk il-programm ikunx ġie ppreżentat lill-Parlament nazzjonali, jekk il-Parlament nazzjonali kellux l-opportunità li jiddiskuti l-opinjoni tal-Kunsill fuq il-programm preċedenti jew, jekk hu relevanti, kwalunkwe rakkomandazzjoni jew twissija, u jekk kienx hemm approvazzjoni parlamentari tal-programm.”.

(11)

L-Artikolu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 8

1.   Il-programmi ta’ konverġenza għandhom jiġu sottomessi f’April, preferibbilment sa nofs April u mhux aktar tard mit-30 ta’ April.

2.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw il-programmi tagħhom ta’ konverġenza.”.

(12)

L-Artikolu 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 9

1.   Fuq il-bażi ta’ valutazzjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kunsill għandu, fil-qafas tas-sorveljanza multilaterali skont l-Artikolu 121 tat-TFUE, jeżamina l-objettivi baġitarji fuq terminu medju ppreżentati mill-Istati Membri kkonċernati fil-programmi ta’ konverġenza tagħhom, jivvaluta jekk is-suppożizzjonijiet ekonomiċi li fuqhom ikun ibbażat il-programm humiex plawsibbli, jekk il-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien huwiex adattat, inkluża kunsiderazzjoni tal-perkors ta’ akkumpanjament għall-proporzjon tad-dejn, u jekk il-miżuri li jkunu qegħdin jittieħdu jew jiġu proposti sabiex jiġi rrispettat dak il-perkors ta’ aġġustament ikunux suffiċjenti sabiex jintlaħaq l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien matul iċ-ċiklu u sabiex tinkiseb konverġenza sostenuta.

Meta jivvalutaw il-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu qasir ta’ żmien, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw jekk ikunx qed isir sforz akbar ta’ aġġustament fi żminijiet ekonomiċi tajba, filwaqt li l-isforz jista’ jkun iżjed limitat fi żminijiet ekonomiċi ħżiena. B’mod partikolari, għandu jitqies id-dħul imprevist u n-nuqqas tiegħu. Għall-Istati Membri ffaċċjati b’livell ta’ dejn li jaqbeż is-60 % tal-PGD jew b’riskji evidenti ta’ sostenibilità ġenerali ta’ dejn, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw jekk it-titjib annwali fil-bilanċ tal-budget aġġustat b’mod ċikliku, esklużi l-miżuri ta’ darba u miżuri oħra temporanji, ikunx ogħla minn 0,5 % tal-PGD. Għall-Istati Membri li jipparteċipaw fl-ERM 2, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw jekk l-Istat Membru kkonċernat ikunx qed jagħmel it-titjib annwali xieraq fil-bilanċ tiegħu aġġustat b’mod ċikliku u li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-objettiv baġitarju tiegħu fuq perjodu medju ta’ żmien, b’0,5 % tal-PGD bħala valur referenzjali u mingħajr ma jqis il-miżuri ta’ darba u miżuri oħra temporanji.

Il-progress suffiċjenti lejn l-objettiv baġitarju għal perjodu medju ta’ żmien għandu jkun ivvalutat abbażi ta’ valutazzjoni ġenerali bil-bilanċ strutturali bħala r-referenza, inkluża analiżi tal-infiq mingħajr ma jitqiesu l-miżuri tad-dħul diskrezzjonali. Għal dan il-għan, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jivvalutaw jekk il-perkors tat-tkabbir fl-infiq tal-gvern, meħud flimkien mal-effett ta’ miżuri li jkunu qegħdin jittieħdu jew li jkunu ppjanati min-naħa tad-dħul, ikunx konsistenti mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

għall-Istati Membri li jkunu laħqu l-objettiv baġitarju tagħhom fuq perjodu medju ta’ żmien, it-tkabbir fl-infiq annwali ma jaqbiżx rata ta’ referenza ta’ tkabbir potenzjali tal-PGD fuq perjodu medju ta’ żmien, sakemm l-eċċess ma jiġix korrispost b’miżuri diskrezzjonali tad-dħul;

(b)

għall-Istati Membri li jkunu għadhom ma laħqux l-objettiv baġitarju tagħhom fuq perjodu medju ta’ żmien, it-tkabbir fl-infiq annwali ma jaqbiżx rata inqas minn rata ta’ referenza ta’ tkabbir potenzjali tal-PGD fuq perjodu medju ta’ żmien, sakemm l-eċċess ma jiġix korrispost b’miżuri diskrezzjonali dwar id-dħul. Id-differenza negattiva bejn ir-rata tat-tkabbir fl-infiq tal-gvern meta pparagunata ma’ rata ta’ referenza ta’ tkabbir potenzjali tal-PGD fuq perjodu medju ta’ żmien tiġi stipulta b’mod li jiżgura aġġustament xieraq lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien;

(c)

għall-Istati Membri li jkunu għadhom ma laħqux l-objettiv baġitarju tagħhom fuq perjodu medju ta’ żmien, it-tnaqqis diskrezzjonali tal-elementi tad-dħul tal-gvern jiġi korrispost jew bi tnaqqis fl-infiq jew b’żidiet diskrezzjonali f’elementi oħra tad-dħul tal-gvern jew bit-tnejn.

L-infiq totali għandu jeskludi l-infiq fuq l-interessi, infiq fuq programmi tal-Unjoni korrisposti bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq tal-benefiċċju tal-qgħad.

L-eċċess fit-tkabbir fl-infiq ’il fuq mir-referenzi ta’ perjodu medju ta’ żmien m’għandux jitqies bħala inadempjenza mal-valur referenzjali sal-limitu li dan ikun ibbilanċjat kompletament biż-żidiet tad-dħul li huma obbligatorji skont il-liġi.

Ir-rata ta’ referenza fuq perjodu ta’ żmien medju tat-tkabbir potenzjali tal-PDG għandha tiġi determinata abbażi ta’ previżjonijiet li jħarsu ’l quddiem, u abbażi ta’ stimi retrospettivi. Il-previżjonijiet għandhom ikunu aġġornati f’intervalli regolari. Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubbliku l-metodu ta’ kalkolu għal dawk il-previżjonijiet u r-rata ta’ referenza fuq perjodu ta’ żmien medju li tirriżulta tat-tkabbir potenzjali tal-PGD.

Meta jiddefinixxu l-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien għall-Istati Membri li jkunu għadhom ma laħqux dan l-objettiv u meta jippermettu devjazzjoni temporanja minn dan l-objettiv għall-Istati Membri li jkunu diġà laħquh, sakemm jiġi ppreservat marġini xieraq ta’ sikurezza fir-rigward tal-valur ta’ referenza tad-defiċit u li l-pożizzjoni baġitarja tkun mistennija li terġa’ lura għall-objettiv baġitarju għall-perjodu medju ta’ żmien matul il-perjodu tal-programm, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali prinċipali li għandhom effetti baġitarji pożittivi diretti, fosthom billi jżidu t-tkabbir sostenibbli potenzjali, u għalhekk impatt verifikabbli fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq perjodu twil ta’ żmien.

Għandha tingħata attenzjoni partikolari lir-riformi fil-pensjonijiet li jintroduċu sistema b’aktar minn pilastru wieħed li tinkludi pilastru mandatorju, kompletament iffinanzjat. L-Istati Membri li jkunu qegħdin jimplimentaw tali riformi għandhom jitħallew jiddevjaw mill-pjan ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju tagħhom fuq perjodu ta’ żmien medju jew mill-objettiv innifsu, bid-devjazzjoni tirrifletti l-ammont tal-impatt dirett inkrementali tar-riforma fuq il-bilanċ tal-gvern ġenerali, sakemm jiġi ppreservat marġini adegwat ta’ sikurezza fir-rigward tal-valur referenzjali tad-defiċit.

Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom ukoll jeżaminaw jekk il-kontenut tal-programm ta’ konverġenza jiffaċilitax il-ksib ta’ konverġenza sostnuta u reali u l-koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-linji ta’ politika ekonomika u jekk il-linji ta’ politika ekonomika tal-Istat Membru kkonċernat ikunux konsistenti mal-linji gwida ġenerali tal-politika ekonomika u mal-linji gwida għall-impjiegi tal-Istati Membri u tal-Unjoni. Barra minn hekk, għall-Istati Membri li jipparteċipaw fl-ERM 2, il-Kunsill għandu jeżamina jekk il-programm ta’ konverġenza jiżgurax parteċipazzjoni mingħajr problemi fil-mekkaniżmu tar-rata tal-kambju.

F’każ ta’ avveniment mhux tas-soltu li ma jkunx fil-kontroll tal-Istat Membru kkonċernat u li jkollu impatt prinċipali fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern ġenerali jew f’perjodi ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku għaż-żona euro jew l-Unjoni kollha, l-Istati Membri jistgħu jitħallew jiddevjaw temporanjament mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien imsemmi fit-tielet subparagrafu, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju ta’ żmien.

2.   Il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jeżaminaw il-programm ta’ konverġenza f’mhux aktar minn tliet xhur mis-sottomissjoni tiegħu. Il-Kunsill, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni u wara li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, għandu, jekk ikun meħtieġ, jadotta opinjoni dwar il-programm. Fejn il-Kunsill, skont l-Artikolu 121 tat-TFUE, iħoss li l-objettivi u l-kontenut tal-programm għandhom jiġu msaħħa b’referenza partikolari għall-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, il-Kunsill għandu, fl-opinjoni tiegħu, jistieden lill-Istat Membru kkonċernat sabiex jaġġusta l-programm tiegħu.”.

(13)

L-Artikolu 10 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10

1.   Bħala parti mis-sorveljanza multilaterali skont l-Artikolu 121(3) tat-TFUE, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ konverġenza, fuq il-bażi tat-tagħrif mogħti mill-Istati Membri b’deroga u tal-valutazzjonijiet mill-Kummissjoni u mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, b’mod partikolari bil-għan li jiġu identifikati diverġenzi sinifikanti attwali jew mistennija tal-pożizzjoni baġitarja mill-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, jew mill-perkors ta’ aġġustament xieraq lejh

Barra minn hekk, il-Kunsill u l-Kummissjoni għandhom jimmonitorjaw il-linji ta’ politika ekonomika tal-Istati Membri mhux parteċipanti fid-dawl tal-objettivi ta’ programmi ta’ konverġenza bil-ħsieb li jiżguraw li l-linji politiċi tagħhom jadattaw irwieħhom għall-istabbiltà u b’hekk jevitaw miżallinjamenti fir-rati reali tal-kambju u oxxillazzjonijiet eċċessivi fir-rati nominali tal-kambju.

2.   F’każ ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament, u sabiex jiġi evitat li jinħoloq defiċit eċċessiv, il-Kummissjoni għandha tindirizza twissija lill-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE.

Il-Kunsill, fi żmien xahar mid-data tal-adozzjoni tat-twissija msemmija fl-ewwel subparagrafu, għandu janalizza s-sitwazzjoni u jadotta rakkomandazzjoni għall-miżuri ta’ politika neċessarji abbażi ta’ rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, ibbażata fuq l-Artikolu 121(4) tat-TFUE. Ir-rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi skadenza ta’ mhux aktar minn ħames xhur għall-indirizzar tad-devjazzjoni. L-iskadenza għandha titnaqqas għal tliet xhur jekk il-Kummissjoni, fit-twissija tagħha, tqis li s-sitwazzjoni hi partikolarment serja u teħtieġ azzjoni urġenti. Il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jagħmel ir-rakkomandazzjoni pubblika.

Fl-iskadenza stabbilita mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE, l-Istat Membru kkonċernat għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-azzjoni meħuda bħala tweġiba għar-rakkomandazzjoni.

Jekk l-Istat Membru kkonċernat jonqos li jieħu l-azzjoni xierqa sal-iskadenza speċifikata f’rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont it-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tirrakkomanda immedjatament lill-Kunsill li jadotta, b’maġġoranza kwalifikata, deċiżjoni li tistabbilixxi li ma kien hemm l-ebda azzjoni effikaċi. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda lill-Kunsill li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE dwar miżuri ta’ politika neċessarji.

F’każ li l-Kunsill ma jadottax id-deċiżjoni dwar ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effikaċi, u li għadu jippersisti n-nuqqas ta’ azzjoni xierqa min-naħa tal-Istat Membru kkonċernat, il-Kummissjoni, xahar warar-rakkomandazzjoni preċedenti tagħha, għandha tirrakkomanda lill-Kunsill jadotta d-deċiżjoni li tistabbilixxi li ma ttieħdet l-ebda azzjoni effikaċi. Id-deċiżjoni għandha titqies bħala adottata mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix, b’maġġoranza sempliċi, li jirrifjuta r-rakkomandazzjoni sa għaxart ijiem minn meta l-Kummissjoni tadottaha. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tista’ tirrakkomanda lill-Kunsill li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 121(4) tat-TFUE dwar miżuri ta’ politika neċessarji.

Meta jieħu d-deċiżjoni dwar in-nonkonformità msemmija fir-raba’ u l-ħames subparagrafi, il-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jqis il-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru kkonċernat.

Il-Kunsill għandu jissottometti rapport formali lill-Kunsill Ewropew dwar id-deċiżjonijiet meħuda skont il-każ.

3.   Devjazzjoni mill-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien jew mill-perkors xieraq ta’ aġġustament lejh għandha tkun ivvalutata abbażi ta’ evalwazzjoni ġenerali bil-bilanċ strutturali bħala referenza, inkluża analiżi tal-infiq mingħajr ma jitqiesu l-miżuri diskrezzjonali ta’ dħul, kif definiti fl-Artikolu 9(1).

Il-valutazzjoni jekk id-devjazzjoni tkunx sinifikanti għandha, b’mod partikolari, tinkludi l-kriterji li ġejjin:

(a)

għal Stat Membru li ma jkunx laħaq l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, meta tiġi vvalutata l-bidla fuq il-bilanċ strutturali, jekk id-devjazzjoni tkunx ta’ mill-anqas 0,5 % tal-PGD f’sena waħda jew ta’ mill-anqas 0,25 % tal-PGD bħala medja kull sena f’sentejn wara xulxin;

(b)

meta jiġu vvalutati l-iżviluppi tal-infiq mingħajr ma jitqiesu l-miżuri diskrezzjonali tad-dħul, jekk id-devjazzjoni ikollhiex impatt totali fuq il-bilanċ tal-gvern ta’ mill-anqas 0,5 % tal-PGD f’sena waħda jew b’mod kumulattiv f’sentejn konsekuttivi.

Id-devjazzjoni tal-iżviluppi fl-infiq ma għandhiex tiġi kkunsidrata sinifikanti jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun qabeż l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, filwaqt li titqies il-possibbiltà ta’ dħul sinifikanti imprevist u l-pjanijiet baġitarji stipulati fil-programm ta’ konverġenza ma jipperikolawx dak l-objettiv matul il-perjodu tal-programm.

Bl-istess mod, id-devjazzjoni tista’ wkoll ma tiġix ikkunsidrata meta tirriżulta minn avveniment mhux tas-soltu li mhux fil-kontroll tal-Istat Membru kkonċernat u li għandu impatt kbir fuq il-pożizzjoni finanzjarja tal-gvern ġenerali jew f’każ ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku għaż-żona tal-euro jew għall-Unjoni kollha, sakemm din ma tipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fil-perjodu medju.”;

(14)

Tiddaħħal it-taqsima li ġejja:

“TAQSIMA 3 A

IL-PRINĊIPJU TAL-INDIPENDENZA STATISTIKA

Artikolu 10a

Bil-għan li jiġi żgurat li s-sorveljanza multilaterali tkun ibbażata fuq statistika soda u indipendenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, li tkun konsistenti mal-kodiċi ta’ prattika tal-istatistika Ewropea kif stipulata fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (***). Bħala minimu dan għandu jirrikjedi:

(a)

proċessi trasparenti għar-reklutaġġ u t-tkeċċija li għandhom ikunu bbażati biss fuq il-kriterji professjonali;

(b)

allokazzjonijiet baġitarji li jridu jsiru fuq bażi annwali jew multiannwali;

(c)

id-data tal-pubblikazzjoni tal-informazzjoni statistika ewlenija, li għandha tingħażel sew bil-quddiem.

(***)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.”."

(15)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu -11

1.   Il-Kummissjoni għandha tassigura djalogu permanenti mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri skont l-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-Kummissjoni għandha, b’mod partikolari, tagħmel missjonijiet għall-għan tal-valutazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika fl-Istati Membri u l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe riskju jew diffikultà biex jikkonformaw mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni tista’ twettaq missjonijiet ta’ sorveljanza msaħħa fi Stati Membri li huma s-suġġett tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa taħt l-Artikolu 6(2) jew l-Artikolu 10(2) biex isir monitoraġġ fuq il-post. L-Istati Membri kkonċernati għandhom jipprovdu l-informazzjoni neċessarja kollha għall-preparazzjoni u t-twettiq ta’ dawk il-missjonijiet.

3.   Meta l-Istat Membru kkonċernat ikun Stat Membru parteċipanti jew Stat Membru li jipparteċipa fl-ERM 2, il-Kummissjoni tista’ tistieden rappreżentanti tal-Bank Ċentrali Ewropew, jekk tqis dan xieraq, biex jieħdu sehem fil-missjonijiet ta’ sorveljanza.

4.   Il-Kummissjoni ser tirrapporta lill-Kunsill dwar ir-riżultat tal-missjonijiet msemmija fil-paragrafu 2, u jekk hu xieraq, tista’ tiddeċiedi li tagħmel ir-riżultati tagħha disponibbli għall-pubbliku.

5.   Meta torganizza l-missjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tittrażmetti r-riżultati proviżorji tagħha lill-Istati Membri kkonċernati għall-kummenti tagħhom.”;

(16)

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 12a

1.   Sal-14 ta’ Diċembru 2014 u kull ħames snin minn din id-data, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Dak ir-rapport għandu jevalwa, inter alia:

(a)

l-effettività ta’ dan ir-Regolament, partikolarment jekk id-dispożizzjonijiet li jirregolaw it-teħid ta’ deċiżjonijiet kinux sodi biżżejjed,

(b)

il-progress biex jiġi żgurat il-koordinament eqreb tal-linji ta’ politika ekonomika u konverġenza sostnuta tal-prestazzjoni ekonomika tal-Istati Membri f’konformità mat-TFUE,

2.   Fejn ikun xieraq, dan ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta għal emendi għal dan ir-Regolament, fosthom għall-proċeduri ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet.

3.   Ir-rapport għandu jintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”;

(17)

Ir-referenzi kollha għall-“Artikolu 99 tat-Trattat” fir-Regolament kollu għandhom jiġu ssostitwiti b’referenzi għall-“Artikolu 121 tat-TFUE”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Novembru 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

W. SZCZUKA


(1)  ĠU C 150, 20.5.2011, p. 1.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2011 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2011.

(3)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(4)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(5)  ĠU C 236, 2.8.1997, p. 1.

(6)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1055/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 1).

(7)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1056/2005 tas-27 ta’ Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 174, 7.7.2005, p. 5).

(8)  Ara d-dokument st 7423/3/05 fuq http://www.consilium.europa.eu/documents.aspx?lang=mt.

(9)  ĠU C 73, 25.3.2006, p. 21.