23.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 306/8


REGOLAMENT (UE) Nru 1174/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Novembru 2011

dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136, flimkien mal-Artikolu 121(6) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-qafas imtejjeb ta’ governanza ekonomika għandu jsejjes ruħu fuq bosta linji politiċi interkonnessi u koerenti għal tkabbir u impjiegi sostenibbli, b’mod partikolari strateġija tal-Unjoni għal tkabbir u impjiegi, b’attenzjoni partikolari fuq l-iżvilupp u t-tisħiħ tas-suq intern, it-trawwim tal-kummerċ internazzjonali u l-kompetittività, Simestru Ewropew għat-tisħiħ tal-koordinazzjoni ta’ linji ta’ politika ekonomika u baġitarja, qafas effikaċi biex jiġu evitati u korretti każijiet ta’ defiċit eċċessiv tal-gvernijiet (il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (SGP)), qafas b’saħħtu biex jiġu evitati u korretti l-iżbilanċi makroekonomiċi, rekwiżiti minimi għall-oqfsa baġitarji nazzjonali, u regolamentazzjoni u superviżjoni msaħħa tas-suq finanzjarju, inkluża s-superviżjoni makroprudenzjali mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku.

(2)

Hija d-data tal-istatistika affidabbli li hija l-bażi għas-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Sabiex tkun iggarantita statistika soda u indipendenti, l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-indipendenza professjonali tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, li għandha tkun konsistenti mal-kodiċi Ewropew tal-prattika fl-istatistika kif jingħad fir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (4). Barra minn hekk, id-disponibbiltà ta’ data fiskali soda hija wkoll relevanti għas-sorveljanza tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Dan ir-rekwiżit għandu jkun iggarantit mir-regoli previsti f’dan ir-rigward fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro (5), b’mod partikolari l-Artikolu 8 tiegħu.

(3)

Il-koordinazzjoni tal-linji ta’ politika ekonomika tal-Istati Membri fl-Unjoni għandha tkun żviluppata fil-kuntest ta’ linji gwida ġenerali ta’ politika ekonomika u l-linji gwida ta’ impjieg, kif stipulat mit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u għandha twassal għal konformità mal-prinċipji ta’ gwida ta’ prezzijiet stabbli, finanzi pubbliċi u kondizzjonijiet monetarji sodi u sostenibbli u bilanċ ta’ pagamenti sostenibbli.

(4)

L-esperjenza miksuba u l-iżbalji li saru matul l-ewwel deċennju tal-unjoni ekonomika u monetarja turi ħtieġa għal governanza ekonomika mtejba fl-Unjoni, li għandha tinbena fuq sjieda nazzjonali aktar b’saħħitha tar-regoli u l-linji ta’ politika maqbula komunement u fuq qafas aktar b’saħħtu fil-livell tal-Unjoni ta’ sorveljanza tal-linji ta’ politika ekonomika nazzjonali.

(5)

Il-kisba u ż-żamma ta’ suq intern dinamiku għandhom jitqiesu bħala element tal-funzjonament xieraq u bla problemi tal-unjoni ekonomika u monetarja.

(6)

B’mod partikolari, is-sorveljanza tal-linji ta’ politika ekonomika tal-Istati Membri għandha titwessa’ lil hinn mis-sorveljanza baġitarja biex tinkludi qafas iktar dettaljat u formali għall-prevenzjoni ta’ żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi u biex l-Istati Membri affettwati jkunu megħjuna sabiex jistabilixxu pjanijiet korrettivi qabel mad-diverġenzi jrabbu l-għeruq u qabel ma l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji jaqbdu triq twila f’direzzjoni eċċessivament mhux favorevoli. Dan it-tip ta’ twessigħ tas-sorveljanza tal-politika ekonomika għandha sseħħ b’mod parallel mal-approfondiment tas-sorveljanza fiskali.

(7)

Sabiex tgħin fil-korrezzjoni ta’ żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, jeħtieġ li tiġi stabbilita proċedura dettaljata fil-leġislazzjoni

(8)

Huwa xieraq li tkun supplimentata l-proċedura tas-sorveljanza multilaterali msemmija fil-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 121 tat-TFUE b’regoli speċifiċi għall-iskoperta, ta’ żbilanċi makroekonomiċi kif ukoll il-prevenzjoni u l-korrezjoni ta’ żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fi ħdan l-Unjoni. Huwa essenzjali li l-proċedura tkun inkorporata fiċ-ċiklu tas-sorveljanza multilaterali annwali.

(9)

It-tisħiħ tal-governanza ekonomika għandu jinkludi involviment eqreb u aktar f’waqtu tal-Parlament Ewropew u l-parlamenti nazzjonali. Filwaqt li jirrikonoxxi li l-kontrapartijiet tal-Parlament Ewropew fil-qafas tad-djalogu huma l-istituzzjonijiet relevanti tal-Unjoni u r-rappreżentanti tagħhom, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ joffri l-opportunità għal parteċipazzjoni fl-iskambju ta’opinjonijiet lill-Istat Membru li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni tal-Kunsill li timponi depożitu li jħalli l-interessi jew multa annwali, tkun indirizzata, b’konformità ma’ dan ir-Regolamenti. Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri f’dan l-iskambju ta’ opinjonijiet hija volontarja.

(10)

Il-Kummissjoni għandu jkollha rwol aktar b’saħħtu fil-proċedura tas-sorveljanza msaħħa fir-rigward tal-evalwazzjonijiet li huma speċifiċi għal kull Stat Membru, il-monitoraġġ, il-missjonijiet fuq il-post, ir-rakkomandazzjonijiet u t-twissijiet.

(11)

L-infurzar tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 fuq il-prevenzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbilanċi makroekonomiċi (6) għandu jkun imsaħħaħ billi jiġu stabbiliti depożiti li jħallu l-interessi f’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rakkomandazzjoni biex tittieħed l-azzjoni korrettiva. Dawn it-tip ta’ depożiti għandhom ikunu kkonvertiti f’multa annwali f’każ ta’ nuqqas kontinwu ta’ konformità mar-rakkomandazzjoni li jkunu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fil-istess proċedura ta’ żbilanċ. Dawk il-miżuri ta’ infurzar huma applikabbli għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

(12)

F’każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-rakkomandazzjonijet tal-Kunsill, id-depożitu li jħalli l-interessi jew il-multa għandhom ikunu imposti sa meta l-Kunsill jistabbilixxi li l-Istat Membru ħa azzjoni korrettiva biex jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu.

(13)

Barra minn hekk, jekk l-Istat Membru jonqos b’mod ripetut milli jfassal pjan ta’ azzjoni korrettiva biex tiġi indirizzata r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill, dan għandu wkoll ikun suġġett b’mod għal multa annwali bħala regola, sakemm il-Kunsill jistabbilixxi li l-Istat Membru ipprovda pjan ta’ azzjoni korrettiva li jindirizza b’mod suffiċjenti r-rakkomandazzjoni tiegħu.

(14)

Sabiex ikun żgurat trattament ugwali bejn l-Istati Membri, id-depożitu li jħalli l-interessi u l-multa għandhom ikunu l-istess għall-Istati Membri kollha li l-munita tagħhom hija l-euro u ugwali għal 0,1 % tal-prodott domestiku gross (PDĠ) tal-Istat Membru kkonċernat fis-sena ta’ qabel.

(15)

Il-Kummissjoni għandha tkun tista’ tirrakkomanda r-riduzzjoni tal-ammont ta’ sanzjoni jew li tikkanċellaha fuq il-bażi ta’ ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali.

(16)

Il-proċedura għall-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet għal dawk l-Istati Membri li jonqsu milli jieħdu miżuri effettivi biex jikkoreġu l-iżbilanċi makroekonomċi eċċessivi għandha titfassal b’tali mod li l-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet lil dawk l-Istati Membri tkun ir-regola u mhux l-eċċezzjoni.

(17)

Il-multi msemmijin f’dan ir-Regolament għandhom jikkostitwixxu dħul ieħor, kif imsemmi fl-Artikolu 311 tat-TFUE, u għandhom jiġu assenjati għal mekkaniżmi ta’ stabbiltà biex jipprovdu assistenza finanzjarja, li ġew maħluqa minn Stati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro sabiex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha.

(18)

Is-setgħa li tadotta deċiżjonijiet individwali għall-applikazzjoni tas-sanzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament għandha tiġi kkonferita lill-Kunsill. Bħala parti mill-koordinazzjoni tal-linji politiċi ekonomiċi tal-Istati Membri mmexxija fil-Kunsill kif provdut fl-Artikolu 121(1) tat-TFUE, dawk id-deċiżjonijiet individwali huma segwitu integrali tal-miżuri adottati mill-Kunsill skont l-Artikolu 121 tat-TFUE u r-Regolament (UE) Nru 1176/2011.

(19)

Ladarba dan ir-Regolament fih regoli ġenerali għall-infurzar effettiv tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, dan għandu jiġi adottat skont il-proċedura leġislattiva ordinarja msemmija fl-Artikolu 121(6) tat-TFUE.

(20)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-infurzar effettiv tal-korrezzjoni ta’ żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba fl-interkonnessjoni kummerċjali u finanzjarji profondi bejn l-Istati Membri u r-riperkussjonijiet tal-linji ta’ politika ekonomika nazzjonali fuq l-Unjoni u fuq iż-żona tal-euro b’mod ġenerali, u dan jista’ għaldaqstant jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dak l-għan.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi sistema ta’ sanzjonijiet għall-korrezzjoni effettiva ta’ żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw id-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011.

Addizzjonalment, għandha tapplika d-definizzjoni li ġejja:

“ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali” tfisser ċirkostanzi fejn eċċess ta’ defiċit tal-gvern fuq il-valur ta’ referenza jitqies eċċezzjonali fi ħdan it-tifsira tat-tieni inċiż ta’ punt (a) tal-Artikolu 126(2) tat-TFUE u kif speċifikat fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (7).

Artikolu 3

Penali

1.   Għandu jiġi impost depożitu li jħalli l-interessi b’deċiżjoni tal-Kunsill, li jkun qed jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jekk tiġi adottata deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi nuqqas ta’ konformità, skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, fejn il-Kunsill jikkonkludi li l-Istat Membru kkonċernat ma ħax l-azzjoni korrettiva rrakkomandata mil-Kunsill.

2.   Għandha tiġi imposta multa annwali permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill, li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, fejn:

(a)

żewġ rakkomandazzjonijiet suċċessivi tal-Kunsill fl-istess proċedura ta’ żbilanċ ikunu addottati skont it-termini tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, u, l-Kunsill iqis li l-Istat Membru jkun issottometta pjan insuffiċjenti ta’ azzjoni korrettiv; jew

(b)

żewġ deċiżjonijiet suċċessivi tal-Kunsill fl-istess proċedura ta’ żbilanċ jiġu adottati li jistabbilixxu nuqqas ta’ konformità mal-Artikolu 10(4) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011. F’dan il-każ, il-multa annwali għandha tiġi imposta permezz tal-konverżjoni tad-depożitu li jħalli l-interessi f’multa annwali.

3.   Id-deċiżjonijiet li hemm riferiment għalihom fil-paragrafu 1 u 2 għandhom jitqiesu li ġew adottati mill-Kunsill sakemm dan ma jiddeċidix b’maġġoranza kwalifikata, li jiċħad ir-rakkomandazzjoni fi żmien għaxart ijiem mill-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi permezz ta’ maġġoranza kwalifikata li jemenda r-rakkomandazzjoni.

4.   Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill għandha tinħareġ fi żmien 20 jum minn meta jiġu milħuqa l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2.

5.   Id-depożitu li jħalli l-interessi jew il-multa annwali rakkomandati mill-Kummissjoni għandhom ikunu ta’ 0,1 % tal-PGD tas-sena preċedenti tal-Istat Membru kkonċernat.

6.   B’deroga mill-paragrafu 5, il-Kummissjoni tista’, minħabba raġunijiet ta’ ċirkostanzi ekonomiċi eċċezzjonali jew wara talba motivata mill-Istat Membru kkonċernat indirizzata lill-Kummissjoni fi żmien 10 tijiem minn mindu l-kondizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 u 2 jkunu ġew sodisfatti, tipproponi li tnaqqas jew tikkanċella lid-depożitu li jħalli l-interessi jew il-multa annwali.

7.   Jekk Stat Membru jkun ikkostitwixxa depożitu bl-interessi jew ikun ħallas multa annwali għal sena kalendarja partikolari u l-Kunsill wara dan jikkonkludi, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 li l-Istat Membru ħa l-azzjoni korrettiva rakkomandata matul dak id-depożitu mħallas għal dik is-sena flimkien mal-interessi li jkun iddekorra fuqu jew il-multa mħallsa għal dik is-sena għandha tingħata lura lill-Istat Membru pro rata temporis.

Artikolu 4

L-allokazzjoni tal-multi

Il-multi msemmijin fl-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament għandhom jikkostitwixxu dħul ieħor, kif imsemmi fl-Artikolu 311 tat-TFUE, u għandhom jiġu assenjati lill-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja. Meta l-Istat Membru li jħaddan il-munita tal-euro joħloq mekkaniżmu ta’ stabbilità ieħor li jipprovdi assistenza finanzjarja sabiex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà taż-żona tal-euro kollha, dawk il-multi għandhom jiġu assenjati lil dak il-mekkaniżmu.

Artikolu 5

Votazzjoni fil-Kunsill

1.   Għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 3, il-membri tal-Kunsill biss li jirrappreżentaw lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro għandhom jivvutaw, u l-Kunsill għandu jaġixxi mingħajr ma jqis il-vot tal-membru tal-Kunsill li jirrappreżenta l-Istat Membru kkonċernat.

2.   Maġġoranza kwalifikata tal-membri tal-Kunsill imsemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi definita skont il-punt (b) tal-Artikolu 238(3) tat-TFUE.

Artikolu 6

Djalogu ekonomiku

Biex jitjieb id-djalogu bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, u biex ikunu żgurati aktar trasparenza u responsabbiltà politika, il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-President tal-Kunsill, il-Kummissjoni u, fejn ikun xieraq, lill-President tal-Kunsill Ewropew jew lill-President tal-Eurogroup biex jidher quddiem il-kumitat ħalli jiddiskutu d-deċiżjonijiet meħudin skont it-termini tal-Artikolu 3.

Il-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew jista’ joffri l-opportunità lill-Istat Membru kkonċernat b’ tali deċiżjonijiet li jipparteċipa fi skambju ta’ opinjonijiet.

Artikolu 7

Reviżjoni

1.   Sal-14 ta’ Diċembru 2014 u wara kull ħames snin sussegwenti, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Dak ir-rapport għandu jevalwa, inter alia:

(a)

l-effikaċja ta’ dan ir-Regolament;

(b)

il-progress magħmul biex tiġi żgurata koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-linji ta’ politika ekonomika u konverġenza sostnuta ta’ rendimenti ekonomiċi tal-Istati Membri skont it-TFUE.

2.   Fejn ikun xieraq, dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat minn proposta sabiex dan ir-Regolament jiġi emendat.

3.   Il-Kummissjoni għandha tibgħat ir-rapport u kwalunkwe proposta li takkumpanjah lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Novembru 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

W. SZCZUKA


(1)  ĠU C 150, 20.5.2011, p. 1.

(2)  ĠU C 218, 23.7.2011, p. 53.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2011 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Novembru 2011.

(4)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

(5)  Ara l-paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(6)  Ara l-paġna 25 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(7)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.