15.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 296/13


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1153/2011

tat-30 ta' Awwissu 2011

li jemenda l-Anness Ib mar-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fejn jikkonċerna r-rekwiżiti tekniċi għat-tilqima kontra r-rabja

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2003 dwar il-ħtiġijiet rigward is-saħħa tal-annimali li japplikaw għall-moviment mhux kummerċjali tal-pets u li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE (1), u b' mod partikolari l-Artikolu 19a(2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 998/2003 jistabbilixxi r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali applikabbli għall-moviment mhux b'għan kummerċjali bejn l-Istati Membri ta’ klieb, qtates u inmsa kif elenkat fil-Partijiet A u B tal-Anness I ta’ miegħu. Huwa jistipula li dawn l-annimali għandu jkollhom magħhom passaport li jiċċertifika li saret tilqima valida kontra r-rabja fuq l-annimal ikkonċernat skont l-Anness Ib mar-Regolament (KE) Nru 998/2003, u jistipula wkoll li r-rekwiżiti tekniċi għat-tilqim kontra r-rabja, kif stabbiliti fl-Anness Ib, jistgħu jiġu emendati permezz ta' atti delegati.

(2)

L-Anness Ib mar-Regolament (KE) Nru 998/2003 jistipula li tilqima kontra r-rabja tista' titqies li hi valida biss jekk, skont affarijiet oħra, id-data tat-tilqima ma tkunx qabel id-data tal-mikroċippa indikata fil-passaport jew f'ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jkun qed jakkompanja l-annimal ikkonċernat. Iżda anki annimal li jkun sarlu tatwaġġ li jista' jinqara faċilment qabel it-3 ta' Lulju 2011 huwa meqjus li hu identifikat skont dan ir-Regolament. Għaldaqstant, għall-fini ta' ċarezza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jeħtieġ li jiġi emendat l-Anness Ib mar-Regolament (KE) Nru 998/2003 biex ikun jistipula li tilqima kontra r-rabja tista' titqies li tkun valida jekk, fost affarijiet oħra, id-data tat-tilqima kontra r-rabja ma tkunx qabel id-data tal-mikroċippa jew tat-tatwaġġ.

(3)

L-Anness Ib mar-Regolament (KE) Nru 998/2003 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Fl-Anness Ib mar-Regolament (KE) Nru 998/2003, il-punt 2(b) jinbidel b'dan li ġej:

"(b)

id-data msemmija fil-punt (a) ma tistax tkun qabel id-data tal-mikroċippa jew tat-tatwaġġ imniżżla:

(i)

fit-Taqsima III(2) jew III(5) tal-passaport; jew

(ii)

fit-taqsima rilevanti taċ-ċertifikat dwar saħħet l-annimal li jkun qed jakkompanjah;"

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmula fi Brussell, it-30 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 146, 13.6.2003, p. 1.