20.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 275/16


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1044/2011

tad-19 ta’ Ottubru 2011

li jdaħħal denominazzjoni fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti [Kabanosy (STG)]

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 509/2006 tal-20 ta’ Marzu 2006 dwar prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel bħala speċjalitajiet tradizzjonali garantiti (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(5) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, l-applikazzjoni tal-Polonja li waslet fit-22 ta’ Jannar 2007 għar-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni “Kabanosy” ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea  (2).

(2)

Ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja u l-Awstrija ressqu l-oġġezzjonijiet tagħhom għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006. L-oġġezzjonijiet tqiesu ammissibbli skont l-Artikolu 9(3), l-ewwel subparagrafu, il-punt (a) ta’ dak ir-Regolament.

(3)

Bl-ittri tas-26 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri kkonċernati biex jibdew il-konsultazzjonijiet xierqa.

(4)

Filwaqt li fi ħdan iż-żmien stipulat, intlaħqu ftehimiet bejn l-Awstrija u l-Polonja u bejn ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja, ma ntlaħaq l-ebda ftehim bejn il-Ġermanja u l-Polonja. Il-Kummissjoni għalhekk għandha tadotta deċiżjoni skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006.

(5)

Id-dikjarazzjonijiet ta’ oġġezzjonijiet ikkonċernaw nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 2 u 4 tar-Regolament (KE) Nru 509/2006.

(6)

Fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità allegat mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 509/2006 fir-rigward tal-karattru speċifiku tal-“Kabanosy” ma ġie identifikat l-ebda żball ċar. Permezz tal-karatteristiċi tiegħu kif iddefiniti fl-ispeċifikazzjoni (il-karatteristiċi tal-laħam, it-togħma u l-għamla unika) “Kabanosy” jiddistingwi ruħu b’mod ċar minn prodotti simili oħra tal-istess kategorija u għalhekk huwa f’konformità mad-definizzjoni tal-karattru speċifiku fil-punt (a) tal-Artikolu 2(1) ta’ dak ir-Regolament. Fl-ispeċifikazzjoni “Kabanosy” huwa deskritt bħala tip ta’ zalzett niexef, twil u rqiq mibrum min-naħa waħda, imkemmex kollu bl-istess mod u mitwi fi tnejn, li għandha tiġi kkunsidrata bħala karatteristika fiżika intrinsika u għalhekk mhux kwistjoni ta’ preżentazzjoni tal-prodott. Fl-aħħar nett, l-istandardizzazzjoni nazzjonali tal-“Kabanosy” ma ttellifx ir-reġistrazzjoni tad-denominazzjoni peress li ġiet stabbilita sabiex tiddefinixxi l-ispeċifiċità tal-prodott u, għalhekk, huwa kopert mid-deroga stipulata fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(2) ta’ dak ir-Regolament.

(7)

Fir-rigward tal-oġġezzjonijiet ibbażati fuq in-nuqqas ta’ konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 509/2006, lanqas hemm ma ġie identifikat żball ċar. Id-denominazzjoni “Kabanosy” ma tirreferix biss għal dikjarazzjonijiet ta’ natura ġenerali użati għal ġabra ta’ prodotti u lanqas mhija qarrieqa. Għalhekk mhijiex ikkonċernata bit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk il-karattru speċifiku mhuwiex dovut għall-provenjenza jew l-oriġini ġeografika tal-prodott. Minflok, l-ispeċifikazzjoni tal-prodott tistabbilixxi kriterju ta’ kwalità għall-popolazzjoni tal-ħnieżer li għandha effett fuq il-kwalità tal-prodott lest u għalhekk tassew fuq il-karattru speċifiku tal-“Kabanosy”. L-elementi ewlenin tal-karattru tradizzjonali tal-“Kabanosy” jikkonsistu kemm mill-użu ta’ materjali tradizzjonali mhux ipproċessati kif ukoll minn metodu tradizzjonali ta’ produzzjoni u b’hekk dawk l-elementi huma konformi mal-Artikolu 4(1) ta’ dak ir-Regolament.

(8)

Fir-rigward tal-eżistenza ta’ bosta varjazzjonijiet oħra lingwistiċi jew ortografiċi tad-denominazzjoni, il-“Kabanosy” biss qed jintalab li jiġi rreġistrat skont il-punt (a) tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006.

(9)

Il-protezzjoni msemmija fl-Artikolu 13(2) ta’ dak ir-Regolament ma ġietx rikjesta. Ir-reġistrazzjoni mingħajr ir-riżerva tad-denominazzjoni madankollu tippermetti li denominazzjoni rreġistrata tista’ tkompli tintuża fuq it-tikkettar ta’ prodotti li ma jikkorrispondux mal-ispeċifikazzjoni rreġistrata mingħajr l-indikazzjoni “speċjalità tradizzjonali garantita”, l-abbrevjazzjoni “STG” jew il-logo assoċjat tal-UE. Ladarba “Kabanosy” jkun irreġistrat xorta jkun possibbli li jiġu prodotti u kkummerċjalizzati prodotti simili għal “Kabanosy” taħt id-denominazzjoni “Kabanosy” iżda mingħajr referenza għar-reġistrazzjoni tal-UE. Għalhekk ir-reġistrazzjoni tal-“Kabanosy” bħala speċjalità tradizzjonali garantita bl-ebda mod mhi ser tnaqqas id-drittijiet ta’ produtturi oħra li jużaw denominazzjoni simili jew saħansitra identika għall-prodotti tagħhom.

(10)

Sabiex jiġi rispettat l-użu ġust u tradizzjonali u biex tkun evitata l-possibbiltà attwali ta’ konfużjoni, it-tikettar tal-“Kabanosy” għandu jkollu indikazzjoni, fil-lingwi tal-pajjiżi fejn huwa kkummerċjalizzat il-prodott, li jinforma lill-konsumaturi li ġie prodott skont it-tradizzjoni Pollakka.

(11)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, id-denominazzjoni “Kabanosy” għandha għalhekk tiddaħħal fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti u l-ispeċifikazzjoni tal-prodott għandha tiġi aġġornata kif xieraq.

(12)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti għall-Ispeċjalitajiet Tradizzjonali Garantiti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-denominazzjoni li tidher fl-Anness I għal dan ir-Regolament qiegħda b’dan tiddaħħal fir-reġistru tal-ispeċjalitajiet tradizzjonali garantiti.

Artikolu 2

L-ispeċifikazzjoni kkonsolidata tal-prodott hija stipulata fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 1.

(2)  ĠU C 156, 9.9.2009, p. 27.


ANNESS I

Prodotti tal-Anness I għat-Trattat tal-KE maħsuba għall-konsum mill-bniedem:

Klassi 1.2. —   Prodotti magħmulin mil-laħam (imsajrin, immellħin, affumikati, eċċ.)

IL-POLONJA

Kabanosy (STG)


ANNESS II

APPLIKAZZJONI GĦAL REĠISTRAZZJONI TA’ SPEĊJALITÀ TRADIZZJONALI GGARANTITA (STG)

IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 509/2006

“KABANOSY”

Nru tal-KE: PL-TSG-0007-0050-22.1.2007

1.   Isem u indirizz tal-grupp applikant

Isem:

Związek “Polskie Mięso” (il-Federazzjoni Pollakka tal-impriżi tal-industrija tal-laħam)

Indirizz:

ul. Chałubińskiego 8, 00-613 Warsaw.

Nru tat-telefown:

+48 228302657.

Nru tal-faks:

+48 228301648

Indirizz tal-posta elettronika:

info@polskie-mieso.pl.

2.   Stat membru jew pajjiż terz

Il-Polonja

3.   Speċifikazzjoni tal-Prodott

3.1.   L-isem (jew l-ismijiet) li għandhom jiġu rreġistrati (l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007)

“Kabanosy”

L-indikazzjoni “Prodott skont it-tradizzjoni Pollakka” tradotta fil-lingwa tal-pajjiż fejn qed jiġi kkummerċjalizzat għandha tidher fuq it-tikkettar.

3.2.   Jekk l-isem

hux speċifiku fih innifsu

Image

jesprimix in-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

L-isem jesprimi n-natura speċifika tal-prodott. Fis-seklu 19, fil-Polonja u l-Litwanja, il-kelma “kaban”, jew fid-diminuttiv “kabanek”, kienet tirreferi għal ħnieżer żgħar magħlufin ħafna li kienu jissemmnu l-iktar bil-patata, u l-laħam li kienu jipproduċu normalment kien jissejjaħ “kabanina”. Il-kelma “kabanos” ġejja mill-isem li kien jintuża għal dawn il-ħnieżer.

3.3.   Jekk l-isem hux qed jiġi rriżervat skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 509/2006

Reġistrazzjoni flimkien mar-riżerva tal-isem

Image

Reġistrazzjoni mingħajr ir-riżerva tal-isem

3.4.   It-tip ta’ prodott

Il-Kategorija 1.2 —

Il-prodotti tal-laħam (imsajrin, immellħin, affumikati, eċċ.)

3.5.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem indikat fil-punt 3.1 (l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007)

Il-“Kabanosy” huwa tip ta’ zalzett niexef, twil u rqiq mibrum minn naħa waħda u mkemmex kollu bl-istess mod. Iz-zalzett huwa mitwi fi tnejn u fit-tidwira jkun hemm inċiż minn fejn ikun iddendel.

Il-wiċċ tal-“Kabanosy” huwa aħmar skur bi ħjiel ta’ lewn iċ-ċirasa. Meta taqsmu, tara biċċiet tal-laħam ta’ lewn aħmar skur u xaħam lewn il-krema.

Meta tmissu, il-wiċċ jinħass lixx, niexef u mkemmex kollu bl-istess mod.

Il-“Kyesabanosy” għandu togħma qawwija ta’ laħam tal-majjal imsajjar u ppriservat u jħallilek togħma delikata u ta’ duħħan bir-riħa tal-karwija u tal-bżar.

Il-kompożizzjoni kimika:

il-kontenut tal-proteina - mhux inqas minn 15,0 %,

il-kontenut tal-ilma - mhux iktar minn 60,0 %,

il-kontenut tax-xaħam - mhux iktar minn 35,0 %,

il-kontenut tal-melħ - mhux iktar minn 3,5 %,

il-kontenut tan-nitrat (III) u tan-nitrat (V) espress f’NaNO2 — mhux iktar minn 0,0125 %.

Il-valuri tal-kompożizzjoni kimika mogħtija hawn fuq jiżguraw il-kwalità tradizzjonali tal-prodott. Ir-rendiment tal-prodott aħħari meta mqabbel mal-laħam li jintuża bħala materja prima jrid ikun ta’ inqas minn 68 %.

3.6.   Deskrizzjoni tal-metodu tal-produzzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel li għalih japplika l-isem indikat fil-punt 3.1 (l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

L-ingredjenti

 

Laħam (100 kilogramm ta’ materja prima):

Laħam tal-majjal tal-Kategorija I b’kontenut tax-xaħam li ma jaqbiżx il-15 % — 30 kg,

Laħam tal-majjal tal-Kategorija IIA b’kontenut tax-xaħam li ma jaqbiżx l-20 % — 40 kg.

Laħam tal-majjal tal-Kategorija IIB b’kontenut tax-xaħam li ma jaqbiżx l-40 % — 30 kg.

 

It-taħwir (għal kull 100 kilogramm ta’ laħam):

bżar naturali — 0,15 kg

noċemuskata — 0,05 kg

karwija — 0,07 kg

zokkor — 0,20 kg

 

Addittivi oħrajn:

taħlita għall-ippriservar [ibbażata fuq taħlita ta’ melħ tal-mejda (NaCl) u nitrit tas-sodju(NaNO2)] — madwar 2 kg

L-għalf fil-kuntest tal-produzzjoni tal-laħam tal-majjal maħsub għall-użu fil-produzzjoni tal-“Kabanosy”

L-għalf jirreferi għal tismin biex jinkiseb laħam mimli xaħam. L-għan hu li jkunu prodotti ħnieżer b’piż li ma jaqbiżx il-120 kg, u li jkun ikkaratterizzat minn kontenut għoli tax-xaħam ġol-muskoli (iktar minn 3 %).

It-tismin jissejjes fuq razez li jimmaturaw tard, u reġim xieraq tat-tismin jagħmilha possibbli li wieħed jikseb il-kontenut mixtieq tax-xaħam ġol-muskoli. Ir-razez użati għat-tismin ma għandhomx il-ġene RN, u l-ġene RYR 1T jinsab f’20 % tal-popolazzjoni.

It-tismin għandu jitwettaq fi tliet stadji — l-istadju nru I sa madwar 60 kg, l-istadju nru II sa madwar 90 kg u l-istadju nru III sa 120 kg.

It-tismin ta’ annimali li jiżnu sa 90 kg isir billi jintużaw żewġ tipi ta’ taħlitiet tal-għalf. It-taħlitiet tal-għalf (il-porzjonijiet) jinkludu:

—   bħala komponenti li jagħtu l-enerġija: trab taċ-ċereali – qamħ, xgħir, segala, ħafur, “triticale” jew qamħirrum; it-trab tal-qamħirrum u t-trab tal-varjetajiet tal-ħafur għeri jgħoddu għal mhux iktar minn 30 % tat-taħlitiet;

—   bħala komponenti li jagħtu l-proteina: trab tal-lupin, tal-favetta u tal-piżelli, ikel tas-soja minn wara li jkun estratt, ikel taż-żerriegħa tal-kolza wara li jkun estratt, kejk taż-żejt tal-kolza, il-ħmira tal-għalf jew l-għalf aħdar imnixxef.

It-taħlitiet tal-għalf (il-porzjonijiet) għall-annimali li jiżnu minn 90 sa 120 kg jinkludu:

—   bħala komponenti li jagħtu l-enerġija: trab tal-qamħ, tax-xgħir, tas-segala, u tat-“triticale”. It-trab tal-qamħirrum u t-trab tal-varjetajiet tal-ħafur għeri ma għandhomx jintużaw fit-taħlitiet (il-porzjonijiet);

—   bħala komponenti li jagħtu l-proteina: trab tal-għelejjel mill-familja “Leguminosae” (il-lupin, il-favetta u l-piżelli), ikel tas-soja minn wara li jkun estratt, kejk taż-żejt tal-kolza jew ikel taż-żerriegħa tal-kolza wara li jkun estratt u l-għalf aħdar imnixxef.

Dawn li ġejjin ma għandhom jintużaw fl-ebda punt fiċ-ċiklu tal-għalf: iż-żjut veġetali, l-għalf li ġej mill-annimali, per eżempju t-trab tal-ħalib, ix-xorrox imnixxef, l-ikel mill-ħut.

Il-kontenut tal-enerġija metabolika (EM) fit-taħlitiet fl-istadji kollha tat-tismin huwa ta’ 12 sa 13-il MJ ta’ EM għal kull kilogramm tat-taħlita. Il-kontenut tal-proteina fit-taħlitiet għandu jkun ta’ madwar 16 sa 18 % fl-ewwel stadju tat-tismin, ta’ 15 sa 16 % fit-tieni stadju u ta’ madwar 14 % fl-aħħar stadju.

Il-porzjonijiet għall-ħnieżer tas-simna jistgħu jissejsu fuq taħlitiet nutrittivi biss, jew fuq taħlitiet nutrittivi u ikel fi kwantitajiet kbar, jiġifieri patata u għalf aħdar.

L-istadji fil-produzzjoni tal-“Kabanosy”

L-ewwel stadju

it-tqattigħ preliminari tal-ingredjenti tal-laħam kollha. Wieħed irid jiżgura li l-biċċiet tal-laħam ikunu kollha tal-istess daqs (b’dijametru ta’ madwar 5 ċm).

It-tieni stadju

l-ippriservar tradizzjonali (il-metodu n-niexef) għal madwar 48 siegħa, bl-użu ta’ taħlita għall-ippriservar.

It-tielet stadju

il-laħam tal-Kategorija I jiċċekken għal daqs ta’ madwar 10 mm, filwaqt li dak tal-Kategoriji IIA u IIB jiċċekken għal daqs ta’ madwar 8 mm.

Ir-raba’ stadju

it-taħlit tal-ingredjenti tal-laħam kollha mat-taħwir: il-bżar naturali, in-noċemuskata, il-karwija u z-zokkor.

Il-ħames stadju

il-mili f’kisjiet irqaq magħmulin min-nagħaġ li jkollhom dijametru ta’ bejn 20 u 22 mm, u l-brim, min-naħa waħda, taz-zalzett li jkun twil madwar 25 ċm.

Is-sitt stadju

Iz-zalzett jitħalla joqgħod sagħtejn f’temperatura li ma tkunx ta’ iktar minn 30 oĊ. Tnixxif preliminari tal-wiċċ, u l-ingredjenti ta’ ġoz-zalzett “joqogħdu”.

Is-seba’ stadju

it-tnixxif tal-wiċċ u l-affumikar tradizzjonali fid-duħħan jaħraq (għal madwar 150 minuta) u s-sajran fil-forn sa ma t-temperatura ta’ ġoz-zalzett tilħaq mill-inqas is-70 oĊ.

It-tmien stadju

Jitwaqqaf il-proċess tal-affumikar u l-“Kabanosy” jitħalla fil-kamra tad-duħħan għal madwar siegħa. Wara jitkessaħ u jitqiegħed fil-friġġ f’temperatura li tkun inqas minn 10 oĊ.

Id-disa’ stadju

it-tnixxif f’temperatura ta’ bejn l-14 u t-18-il oĊ u f’umdità ta’ 80 % għal minn 3 sa 5 ġranet sa ma jinkiseb ir-rendiment mixtieq (li ma jaqbiżx it-68 %).

3.7.   In-natura speċifika tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel (l-Artikolu 3(3) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1216/2007)

In-natura speċifika tal-“Kabanosy” ġejja minn diversi karatteristiċi li huma tipiċi għall-prodott:

kemm hu tari, in-natura mmerqa u l-proprjetajiet speċifiċi tal-laħam;

togħma u riħa eċċezzjonali;

forma uniformi u karatteristika.

Kemm hu tari, in-natura mmerqa u l-proprjetajiet speċifiċi tal-laħam

Il-laħam tal-majjal minn ħnieżer ta’ razez li jimmaturaw tard, imsemmna sa ma jilħqu piż ta’ madwar 120 kg, u li jkollhom il-karatteristiċi ġenetiċi deskritti fil-punt 3.6, huwa ingredjent essenzjali tal-“kabanosy” li jinfluwenza n-natura speċifika ta’ dan iz-zalzett. Il-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti trendi kontenut tax-xaħam ġol-muskoli ta’ iktar minn 3 %, li jiżgura li l-laħam ikollu l-proprjetajiet tat-togħma u teknoloġiċi xierqa li huma meħtieġa għall-produzzjoni tal-“Kabanosy”. L-użu ta’ din it-tip ta’ materja prima u l-konformità mal-metodu tradizzjonali tal-produzzjoni, b’attenzjoni speċjali għall-istadji tat-tqattigħ, tal-ippriservar u tal-affumikar, jiżguraw li l-“Kabanosy” jkun tari u mmerraq b’mod eċċezzjonali. Karatteristika oħra tal-“Kabanosy” huwa l-ħoss li jinstema’ b’mod ċar li jagħmlu meta jinqasmu fi tnejn. Dan il-ħoss huwa minħabba kemm hu tari l-laħam u minħabba l-mod li bih jitħejja l-“Kabanosy”, b’mod partikolari kif jitnixxef u jiġi affumikat.

Togħma u riħa eċċezzjonali

It-togħma u r-riħa tal-“Kabanosy” huma l-karatteristiċi li jiddistingwuh mit-tipi ta’ zalzett l-oħrajn. Dawn il-karatterstiċi huma minħabba li fil-proċess tal-produzzjoni jintuża taħwir magħżul kif xieraq u l-proporzjonijiet tagħhom: il-bżar naturali, in-noċemuskata, il-karwija u z-zokkor u l-proċess speċifiku tal-affumikar, li jkompli jtejjeb it-togħma tal-prodott

Forma uniformi u karatteristika

In-natura speċifika tal-“Kabanosy” hija marbuta l-iktar mal-forma unika tiegħu. Il-“Kabanosy” huwa tip ta’ zalzett niexef, twil u rqiq mibrum minn naħa waħda u mkemmex kollu bl-istess mod.

3.8.   In-natura tradizzjonali tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel (l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007)

Metodu tradizzjonali tal-produzzjoni u tal-ħażna:

Il-“Kabanosy” jew tipi ta’ zalzett irqiq, niexef u affumikat magħmul mil-laħam tal-majjal u f’kisjiet magħmulin min-nagħaġ kienu jittieklu mal-Polonja kollha sa mis-snin għoxrin u tletin tas-seklu l-ieħor. Huma kienu jiġu prodotti fi stabbilimenti żgħar tal-biċċiera tal-post b’dan l-istess isem, iżda f’varjetajiet reġjonali differenti. L-ikbar differenzi kienu fit-taħwir użat, iżda wkoll fil-kwalità taz-zalzett innifsu. Il-kotba tat-tisjir u l-pubblikazzjonijiet tal-ikel ta’ dak iż-żmien, bħall-ktieb ta’ M. Karczewska msejjaħ “Wyrób wędlin i innych przetworów mięsnych sposobem domowym” li kien ippubblikat fl-1937 f’Varsavja, taw ir-riċetti tal-“Kabanosy” u għenu biex ikunu standardizzati t-tekniki tal-produzzjoni tiegħu, u b’hekk ippermettew li jkun ikkonsolidat ismu u li tittejjeb il-kwalità. Dan iz-zalzett kellu togħma tajba u t-tekniki tal-ippriservar bħall-affumikar u t-tnixxif fissru li seta’ jinżamm għal żmien twil.

Wara l-1945 kien hemm standardizzar f’attentat biex tittejjeb il-kwalità tal-prodott. Il-“Kabanosy” kien rrilaxxat għall-konsum b’mod uffiċjali bid-Digriet tal-Ministeri għall-Fornimenti, għall-Industrija u għall-Kummerċ tal-15 ta’ Settembru 1948 (il-Ġurnal tal-Liġijiet nru 1948/44, il-punt nru 334). Wara dan, l-aspetti teknoloġiċi u dawk tal-produzzjoni ġew standardizzati (l-Istandard nru RN54/MPMIM1-Mięs-56 tat-30 ta’ Diċembru 1954), u fl-1964 il-Kwartieri Ġenerali tal-Industrija tal-Laħam Pollakka f’Varsavja ħarġet riċetta standard tal-“Kabanosy” msejsa fuq il-metodi tradizzjonali tal-produzzjoni (ir-Regolamenti Interni Nru 21).

Il-“Kabanosy” kien popolari ferm fi żmien il-Komuniżmu (1945-89); kulħadd kien jixtrihom. Huma kienu jsebbħu l-imwejjed eleganti fl-okkażjonijiet speċjali u fl-istess ħin kienu adattati bħala ikel tal-piknik għal dawk li jkunu qed jivvjaġġaw, bħala rigal jew bħala ikla ħafifa għal mal-vodka. Flimkien mal-perżut u l-bejken, huma saru wkoll speċjalità Pollakka tal-esportazzjoni.

Ingredjent tradizzjonali — il-laħam tal-majjal

Il-“Kabanosy” jsir minn ħnieżer imsemmnin apposta li kienu magħrufa bħala “kabany”. Il-kelma “kaban” tidher fil-poeżija epika tal-1834 imsejħa “Pan Tadeusz” ta’ Adam Mickiewicz, il-poeta nazzjonali Pollakk. Il-kelma kienet tintuża oriġinarjament biex tirreferi għall-ħnieżer selvaġġi u wkoll għaż-żwiemel, iżda, skont il-Volum 13 tal-“Encyklopedyja Powszechna” tal-1863, sas-seklu 19 kienet qed tintuża minn kulħadd biex tirreferi għal qażquż oħxon, magħluf tajjeb. Il-ħnieżer kienu jissemmnu apposta sabiex jinkiseb laħam fin u tajjeb ferm b’kontenut għoli tax-xaħam ġol-muskoli li kien jagħti lill-prodotti li jsiru minnu togħma qawwija u speċifika, u natura tarija u mmerqa. Il-kelma “kabanina” li ġejja mill-kelma “kaban” ukoll kienet tintuża ferm. Skont it-tifsira mogħtija fid-dizzjunarju Pollakk ippubblikat f’Vilnius fl-1861, normalment din kienet tirreferi għal-laħam tal-majjal.

Il-laħam tal-ħnieżer imkabbrin sabiex ikun prodott il-“Kabanosy” jrid ikollu kontenut tax-xaħam ġol-muskoli ta’ iktar minn 3 %; dawn huma l-istrixxi ta’ grass fil-laħam dgħif li lill-prodott jagħtuh in-natura tarija u mmerqa u t-togħma bnina mixtieqa. L-użu ta’ dan it-tip ta’ laħam jinfluwenza b’mod deċiżiv il-kwalità tal-prodott aħħari u n-natura speċifika tiegħu, u jżomm mal-metodu tradizzjonali tal-produzzjoni.

3.9.   Ir-rekwiżiti minimi u l-proċeduri sabiex tiġi vverifikata n-natura speċifika (l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1216/2007)

F’dak li għandu x’jaqsam man-natura speċifika tal-“Kabanosy”, għandhom ikunu suġġetti għall-verifiki b’mod partikolari l-affarijiet li ġejjin:

(1)

Il-kwalità tal-materja prima li tintuża fil-produzzjoni tiegħu (il-laħam u t-taħwir), inklużi:

l-adattabbiltà teknoloġika tal-laħam;

it-tip ta’ tismin;

iż-żmien tal-ippriservar;

it-taħwir użat fil-produzzjoni tal-“Kabanosy” u l-proporzjonijiet li jintużaw.

(2)

Il-proċess tal-affumikar tal-“Kabanosy”

Matul spezzjoni, l-affarijiet li ġejjin iridu jiġu vverifikati:

iż-żamma tat-temperatura meħtieġa għall-affumikar tradizzjonali fid-duħħan jaħraq u t-temperatura tat-tisħin;

iż-żamma taż-żmien u tat-temperatura tal-affumikar ripetut fid-duħħan kiesaħ;

l-użu tal-laqx tal-fagu għall-affumikar fid-duħħan kiesaħ.

(3)

Il-kwalità tal-prodott aħħari:

il-kontenut tal-proteina;

il-kontenut tal-ilma;

il-kontenut tax-xaħam;

il-kontenut tal-klorur tas-sodju;

il-kontenut tan-nitrat (III) u tan-nitrat (V);

it-togħma u r-riħa.

(4)

Il-forma tal-prodott.

Il-frekwenza tal-verifiki

Il-verifiki tal-istadji msemmija hawn fuq għandhom jitwettqu darba kull xahrejn. Jekk dawn l-istadji kollha jkunu qed jitwettqu tajjeb, il-frekwenza tal-verifiki tista’ titnaqqas għal tnejn fis-sena.

Jekk, fi kwalunkwe stadju, iseħħu irregolaritajiet, il-frekwenza tal-verifiki ta’ dak l-istadju jridu jiżdiedu (għal darba kull xahrejn). Il-verifiki tal-istadji l-oħra jistgħu jitwettqu darba kull sitt xhur.

4.   Awtoritajiet jew entitajiet li jivverifikaw il-konformità mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott

4.1.   Isem u Indirizz

Isem:

Główny Inspektorat Jakości Handlowej Artykułów Rolno — Spożywczych

Indirizz:

ul. Wspólna 30, 00-930 Warsaw, Poland

Nru tat-telefown:

+48 226232901.

Nru tal-faks:

+48 226232099.

Indirizz tal-posta elettronika:

Image

Pubbliku

 Privat

4.2.   Il-ħidmiet speċifiċi tal-awtorità jew tal-entità

L-awtorità tal-ispezzjoni msemmija hawn fuq hija responsabbli għall-verifiki tal-ispeċifikazzjoni kollha.