18.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/42


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1036/2011

tas-17 ta’ Ottubru 2011

li jistabbilixxi r-rati tal-imgħax li għandhom jintużaw sabiex jiġu kkalkulati l-ispejjeż għall-finanzjament tal-miżuri ta’ intervent, li jikkonsistu fix-xiri, il-ħżin u r-rimi tal-ħażniet għas-sena fiskali tal-2012 tal-FAEG

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 fir-rigward tal-finanzjament tal-politika agrikola komuni (1), b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi

(1)

L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 884/2006 tal-21 ta’ Ġunju 2006 li jistabbilixxi r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 rigward il-finanzjament mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) tal-miżuri ta’ intervent taħt forma ta’ operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku u l-kontabbiltà tal-operazzjonijiet ta’ ħżin pubbliku mill-aġenziji tal-ħlas tal-Istati Membri (2), jipprovdi li n-nefqa marbuta mal-ispejjeż finanzjarji mġarrba mill-Istati Membri waqt il-mobilizzazzjoni tal-fondi biex jinxtraw il-prodotti għandha tkun determinata skont il-metodi stabbiliti fl-Anness IV għar-Regolament.

(2)

Skont l-ewwel subparagrafu tal-punt I.1 tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 884/2006 il-kalkolu tal-ispejjeż finanzjarji konċernati jsir abbażi ta’ rata tal-imgħax li hija l-istess fl-Unjoni kollha u li hija stabbilita mill-Kummissjoni fil-bidu ta’ kull sena fiskali. Din ir-rata tal-imgħax tikkorrispondi għal medja tar-rati bil-quddiem tal-Euribor għal terminu ta’ tliet xhur u ta’ tnax-il xahar, miġbura matul is-sitt xhur ta’ qabel il-komunikazzjoni mill-Istati Membri stabbilita fl-ewwel paragrafu tal-punt I.2 tal-Anness IV imsemmi qabel, u b’valur ta’ terz u żewġ terzi rispettivament. Din ir-rata trid tiġi ffissata fil-bidu ta’ kull sena fiskali tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG).

(3)

Madankollu, jekk ir-rata tal-imgħax ikkomunikata minn Stat Membru tkun inqas mir-rata tal-imgħax li hija l-istess fl-Unjoni kollha, għandha tiġi stabbilita rata tal-imgħax fil-livell tat-taxxa nnotifikata f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-punt I.2 tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 884/2006.

(4)

Barra minn hekk, f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-punt I.2 tal-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 884/2006, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe komunikazzjoni minn Stat Membru, fil-forma u sal-iskadenza msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-punt I.2 tal-Anness IV imsemmi, ir-rata tal-imgħax li hija r-responsabbiltà ta’ dak l-Istat Membru għandha titqies li hija ta’ żero. Jekk Stat Membru jiddikjara li ma ġarrab l-ebda spejjeż tal-imgħax għaliex ma kellux prodotti agrikoli mqegħda fil-ħżin pubbliku matul il-perjodu ta’ referenza, ir-rata tal-imgħax li hija l-istess fl-Unjoni kollha ffissata mill-Kummissjoni tapplika għal dak l-Istat Membru. Id-Danimarka, l-Italja, il-Lussemburgu, Malta, il-Portugall u s-Slovenja ddikjaraw li huma ma kellhom l-ebda spiża tal-imgħax għaliex ma kellhomx prodotti agrikoli mqegħda fil-ħżin pubbliku matul il-perjodu ta’ referenza.

(5)

Fid-dawl tan-notifiki tal-Istati Membri lill-Kummissjoni, ir-rati tal-imgħax applikabbli għas-sena fiskali tal-2012 tal-FAEG għandhom jiġu stabbiliti billi jitqiesu dawn id-diversi fatturi.

(6)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi man-notifika tal-Kumitat dwar il-Fondi Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Għan-nefqa marbuta mal-ispejjeż finanzjarji mġarrba mill-Istati Membri fil-mobilizzazzjoni tal-fondi intenzjonati għax-xiri ta’ prodotti ta’ intervent li għandhom jitħallsu mis-sena fiskali 2012 tal-Fondi Agrikoli Ewropej ta’ Garanzija (FAEG), ir-rati tal-imgħax previsti fl-Anness IV għar-Regolament (KE) Nru 884/2006 skont l-Artikolu 4(1)(a) tal-istess Regolament għandhom ikunu ta’:

(a)

0,0 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli f’Ċipru, l-Estonja u l-Litwanja

(b)

0,5 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fil-Finlandja

(ċ)

0,6 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fir-Renju Unit

(d)

0,9 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fil-Ġermanja

(e)

1,0 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fl-Irlanda

(f)

1,2 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fil-Belġju

(g)

1,3 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fl-Awstrija

(h)

1,4 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fir-Repubblika Ċeka

(i)

1,8 % għar-rata tal-imgħax speċifika applikabbli fl-Isvezja

(j)

1,9 % fil-każ tar-rata tal-imgħax li hija l-istess għall-Unjoni kollha applikabbli fl-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa applikabbli mill-1 ta’ Ottubru 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(2)  ĠU L 171, 23.6.2006, p. 35.