18.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 271/15


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1034/2011

tas-17 ta’ Ottubru 2011

dwar is-sorveljanza tas-sikurezza fil-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 691/2010

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar il-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru fl-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament tal-forniment ta’ servizz) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-arja [ajru] fl-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament tal-Ispazju tal-Arja [Ajru]) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni, u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 91/670/KEE, ir-Regolament (KE) Nru 1592/2002 u d-Direttiva 2004/36/KE (3), u b’mod partikolari l-Artikolu 8b tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008, il-Kummissjoni, megħjuna mill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (‘l-Aġenzija’), hija meħtieġa li tadotta r-regoli ta’ implimentazzjoni rilevanti sabiex tipprovdi sett ta’ rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza għall-implimentazzjoni ta’ funzjoni effettiva ta’ sorveljanza tas-sikurezza tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM). L-Artikolu 8b tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 jeħtieġ li dawn ir-regoli ta’ implimentazzjoni jiġu żviluppati fuq il-bażi tar-regolamenti adottati skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (4). Dan ir-Regolament huwa bbażat fuq ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1315/2007 tat-8 ta’ Novembru 2007 dwar sorveljanza tas-sikurezza fl-amministrazzjoni tat-traffiku tal-ajru u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2096/2005 (5).

(2)

Hemm il-ħtieġa li jiġu definiti aktar l-irwol u l-funzjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, ir-Regolament (KE) Nru 549/2004, ir-Regolament (KE) Nru 550/2004 u r-Regolament (KE) Nru 552/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar l-interoperabilità tax-Xibka Ewropea ta’ Amministrazzjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ir-Regolament tal-interoperabilita’) (6) (ir-Regolament ta’ interoperabilità). Dawn ir-regolamenti jinkludu rekwiżiti dwar is-sikurezza tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru. Filwaqt li l-fornituri huma responsabbli għall-forniment sikur tas-servizzi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw superviżjoni effettiva permezz tal-awtoritajiet kompetenti.

(3)

Dan ir-Regolament ma għandux ikopri l-operazzjonijiet u t-taħriġ militari, kif previst fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 u l-Artikolu 1(2)(c) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008.

(4)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu verifiki u reviżjonijiet regolatorji tas-sikurezza f’konformità ma’ dan ir-Regolament, bħala parti mill-ispezzjonijiet u l-istħarriġ xierqa meħtieġa mir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u r-Regolament (KE) Nru 550/2004.

(5)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkunsidraw l-użu tal-approċċ ta’ sorveljanza tas-sikurezza li hemm f’dan ir-Regolament f’oqsma oħra ta’ sorveljanza, kif ikun xieraq, sabiex isseħħ superviżjoni effiċjenti u koerenti.

(6)

Is-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, kif ukoll il-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (ATFM) u l-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru (ASM), jużaw sistemi funzjonali li jippermettu l-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Għaldaqstant, kwalunke tibdil fis-sistemi funzjonali għandu jkun soġġett għas-sorveljanza tas-sikurezza.

(7)

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji f’każ li sistema jew kostitwent ta’ xi sistema ma jkunux konformi mar-rekwiżiti rilevanti. F’dan il-kuntest, u b’mod partikolari meta tkun trid tinħareġ direttiva dwar is-sikurezza, l-awtorità kompetenti għandha tikkunsidra li tavża lill-korpi nnotifikati, involuti fil-ħruġ tad-Dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 jew fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004 biex iwettqu investigazzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta’ dik is-sistema teknika.

(8)

Ir-rappurtar annwali dwar is-sorveljanza tas-sikurezza mill-awtoritajiet kompetenti għandu jikkontribwixxi għat-trasparenza u l-kontabilità tas-sorveljanza tas-sikurezza. Tali rapporti għandhom jiġu indirizzati lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija u lill-Istat Membru li jinnomina jew li jistabbilixxi l-awtorità kompetenti. Barra minn hekk, ir-rapporti annwali dwar is-sorveljanza tas-sikurezza għandhom jintużaw fil-kuntest tal-kooperazzjoni reġjonali, l-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 u l-monitoraġġ internazzjonali tas-sorveljanza tas-sikurezza. Il-kontenut tar-rapporti għandhom jinkludu informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-sikurezza, il-konformità tal-organizzazzjonijiet sorveljati mar-rekwiżiti regolatorji applikabbli dwar is-sikurezza, il-programm ta’ verifiki regolatorji tas-sikurezza, ir-reviżjoni tal-argumenti tas-sikurezza, it-tibdil fis-sistemi funzjonali implimentat mill-organizzazzjonijiet skont il-proċeduri aċċettati mill-awtorità kompetenti u d-direttivi dwar is-sikurezza maħruġa minn tali awtorità.

(9)

Skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu arranġamenti xierqa għal kooperazzjoni mill-qrib bejniethom biex jiżguraw superviżjoni adegwata tal-fornituri ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru li jipprovdu servizzi relatati mal-ispazju tal-ajru li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ Stat Membru differenti minn dak l-Istat Membru li jkun ħareġ iċ-ċertifikat. Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, l-awtoritajiet kompetenti għandhom b’mod partikolari jiskambjaw informazzjoni xierqa dwar is-sorveljanza tas-sikurezza tal-organizzazzjonijiet.

(10)

L-Aġenzija għandha tevalwa aktar id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk relatati mas-sorveljanza tas-sikurezza tal-bidliet, u toħroġ opinjoni sabiex taddatta tali tibdiliet għal approċċ totali tas-sistema, billi tikkunsidra l-integrazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fl-istruttura regolatorja komuni futura għas-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili u l-esperjenza miksuba mill-partijiet interessati u l-awtoritajiet kompetenti. L-opinjoni tal-Aġenzija għandha tfittex ukoll li tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Programm tal-Istat dwar is-Sikurezza (SSP) tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) fi ħdan l-Unjoni bħala parti minn dan l-approċċ totali tas-sistema.

(11)

L-eżekuzzjoni sikura ta’ wħud mill-funzjonijiet tan-netwerk stabbiliti skont ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tirrikjedi li l-entità involuta tkun soġġetta għal ċerti rekwiżiti ta’ sikurezza. Dawn ir-rekwiżiti, li għandhom l-għan li jiżguraw li tali entità jew organizzazzjoni topera b’mod sikur jinsabu fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 tas-7 ta’ Lulju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 691/2010 (7). Dawn ir-rekwiżiti jikkonċernaw l-organizzazzjoni tas-sikurezza u li huma ferm simili għar-rekwiżiti ġenerali li jinsabu fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1035/2011 (8), iżda adattati għar-respnsabbiltajiet tas-sikurezza tal-funzjonijiet tan-netwerk. Sabiex ikun appoġġat approċċ ta’ sistema totali għal regolament dwar is-sikurezzà fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili, l-eżekuzzjoni ta’ dawn ir-rekwiżiti trid tiġi sorveljata bl-istess mod ta’ kif jiġu sorveljati l-fornituri tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru.

(12)

Fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu ta’ Lulju 2007, il-Grupp ta’ Livell Għoli għall-Qafas Regolatorju enfasizza l-ħtieġa li s-sorveljanza regolatorja tiġi separata mill-forniment tas-servizzi jew funzjonijiet. F’konformità ma’ dan il-prinċipju, l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 emendat jipprevedi li l-entità nnominata biex twettaq il-funzjonijiet tan-netwerk għandha tkun soġġetta għal arranġamenti ta’ sorveljanza xierqa. Minħabba li l-Aġenzija diġà twettaq l-funzjoni indipendenti ta’sorveljanza tas-sikurezza tal-fornituri pan-Ewropej tal-ATM/ANS skont l-Artikolu 22a tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, din tkun kompletament konformi mal-politika Ewropea dwar is-sikurezza tal-avjazzjoni jekk din tiġi fdata bl-appoġġ għall-Kummissjoni fit-twettiq tal-istess kompiti dwar il-funzjonijiet tan-netwerk Ewropew.

(13)

Għalhekk ir-Regolament (KE) Nru 1315/2007 għandu jitħassar.

(14)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 tad-29 ta’ Lulju 2010 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2096/2005 (9) għandu jiġi emendat sabiex jiġi addattat għal dan ir-Regolament.

(15)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom jiġu applikati fl-eżerċizzju ta’ sorveljanza tas-sikurezza mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, il-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (ATFM), il-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru (ASM) għat-traffiku ġenerali tal-ajru u funzjonijiet oħra tan-netwerk.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti u tal-entitajiet ikkwalifikati li jaġixxu f’isimhom fir-rigward tas-sorveljanza tas-sikurezza tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, l-ATFM, l-ASM u funzjonijiet oħra tan-netwerk.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 u fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008. Madankollu, id-definizzjoni ta’ ‘ċertifikat’ fl-Artikolu 2 punt (15) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 ma tapplikax.

Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll:

(1)

‘azzjoni korrettiva’ tfisser azzjoni sabiex telimina l-kawża ta’ xi nuqqas ta’ konformità żvelat;

(2)

‘sistema funzjonali’ tfisser taħlita ta’ sistemi, proċeduri u riżorsi umani organizzati biex iwettqu funzjoni fil-kuntest tal-ATM;

(3)

‘Maniġer tan-Netwerk’ tfisser il-korp kompetenti u imparzjali taħt l-Artikolu 6(2) jew 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 biex twettaq il-kompiti deskritti f’dak l-Artikolu u f’dan ir-Regolament;

(4)

‘funzjonijiet tan-Netwerk’ tfisser il-funzjonijiet speċifiċi deskritti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004;

(5)

‘organizzazzjoni’ tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru jew entità li tipprovdi ATFM jew ASM jew funzjonijiet oħra tan-netwerk;

(6)

‘proċess’ tfisser sett ta’ attivitajiet relatati ma’ xulxin jew interattivi li jibdel l-inputs f’outputs;

(7)

‘argument ta’ sikurezza’ tfisser il-wiri u l-evidenza li bidla proposta f’sistema funzjonali tista’ tiġi implimentata fi ħdan il-miri u l-istandards stabbiliti permezz tal-qafas regolatorju eżistenti b’mod konsistenti mar-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza;

(8)

‘direttiva dwar is-sikurezza’ tfisser dokument maħruġ jew adottat minn awtorità kompetenti, li jordna l-azzjonijiet li għandhom jitwettqu fuq sistema funzjonali sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sikurezza, meta l-evidenza turi li s-sikurezza tal-avjazzjoni tista’ inkella tiġi kompromessa;

(9)

‘għan tas-sikurezza’ tfisser stqarrija kwalitattiva jew kwantitattiva li tiddefinixxi l-frekwenza jew il-probabbiltà massima li biha jista’ jkun mistenni li jseħħ xi periklu;

(10)

‘verifika regolatorja tas-sikurezza’ tfisser eżami sistematiku u indipendenti li jitwettaq minn, jew f’isem, awtorità kompetenti sabiex jiġi stabbilit jekk l-arranġamenti kompleti relatati mas-sikurezza jew xi elementi tagħhom, relatati mal-proċessi u r-riżultati, il-prodotti jew is-servizzi tagħhom, ikunux konformi mal-arranġamenti meħtieġa relatati mas-sikurezza u jekk ikunux implimentati b’mod effettiv u humiex adattati sabiex jinkisbu r-riżultati mistennija;

(11)

‘rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza’ tfisser ir-rekwiżiti stabbiliti mill-Unjoni jew ir-regolamenti nazzjonali għall-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru jew funzjonijiet ta’ ATFM u ASM jew funzjonijiet oħra tan-netwerk li jirrigwardaw ukoll il-kompetenza u l-adegwatezza teknika u operattiva għall-forniment ta’ dawn is-servizzi u funzjonijiet, il-ġestjoni tas-sikurezza tagħhom, kif ukoll is-sistemi, il-kostitwenti tagħhom u l-proċeduri assoċjati;

(12)

‘rekwiżit tas-sikurezza’ tfisser tnaqqis tar-riskju, definit mill-istrateġija ta’ tnaqqis tar-riskji li jilħaq għan partikolari tas-sikurezza, inklużi r-rekwiżiti organizzattivi, operattivi, proċedurali, funzjonali, ta’ prestazzjoni u ta’ interoperabilità jew il-karatteristiċi ambjentali;

(13)

‘verifika’ tfisser il-konferma permezz tal-forniment ta’ evidenza oġġettiva, li r-rekwiżiti speċifikati jkunu ġew sodisfatti;

(14)

‘ATM/ANS pan-Ewropew’ tfisser attività li tkun maħsuba u stabbilita għal utenti fi ħdan l-Istati Membri kollha jew fil-biċċa l-kbira minnhom u li tista’ testendi wkoll lil hinn mill-ispazju tal-ajru tat-territorju li fih japplika t-Trattat.

Artikolu 3

Awtoritatijet kompetenti għas-sorveljanza

Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għar-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati ANSP skont l-Artikolu 7(8) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 u l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, l-awtoritajiet kompetenti għas-sorveljanza għandhom jkunu:

(a)

għall-organizzazzjonijiet li jkollhom il-post prinċipali tal-operat tagħhom u, jekk applikabbli, l-uffiċċju rreġistrat tagħhom f’wieħed mill-Istati Membri filwaqt li tipprovdi lis-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, tkun l-awtorità nazzjonali ta’ superviżjoni nominata jew stabbilita minn dak l-Istat Membru;

(b)

għall-organizzazzjonijiet fejn skont il-ftehimiet konklużi bejn l-Istati Membri f’konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004, ir-responsabbiltajiet għas-sorveljanza tas-sikurezza jkunu ġew allokati b’mod differenti mill-paragrafu 1, tkun/ikunu l-awtorità(jiet) kompetenti nnominati jew stabbilità/i skont dawk il-ftehimiet. Dawn il-ftehimiet għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Artikolu 2(3) sa (6) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004;

(c)

għall-organizzazzjonijiet li jipprovdu ATM/servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru fl-ispazju tal-ajru tat-territorju li għalih japplika t-Trattat u li jkollhom il-post prinċipali tal-operat tagħhom u, jekk applikabbli, l-uffiċċju rreġistrat tagħhom barra mit-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”);

(d)

għall-organizzazzjonijiet li jipprovdu ATM/servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru pan-Ewropew kif ukoll għall-funzjonijiet tan-netwerk kollha l-oħra fl-ispazju tal-ajru tat-territorju li fih japplika t-Trattat, tkun l-Aġenzija.

Artikolu 4

Funzjoni ta’ sorveljanza tas-sikurezza

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom teżerċita s-sorveljanza tas-sikurezza bħala parti mis-superviżjoni tagħha tar-rekwiżiti applikabbli għas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru kif ukoll għall-ATFM, ASM u għall-funzjonijiet l-oħrajn tan-netwerk, sabiex timmonitorja l-forniment sikur ta’ dawn l-attivitajiet u biex tivverifika li jintlaħqu r-rekwiżiti regolatorji applikabbli tas-sikurezza u l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni tagħhom.

2.   Meta jiġi konkluż ftehim dwar is-superviżjoni ta’ organizzazzjonijiet attivi fi blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali li jkopru l-ispazju tal-ajru li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà ta’ iżjed minn Stat Membru wieħed jew f’każi ta’ fornimenti transkonfinali, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jidentifikaw u jallokaw ir-responsabbiltajiet għas-sorveljanza tas-sikurezza b’mod li jiżgura li:

(a)

jeżistu punti speċifiċi ta’ responsabbiltà għall-implimentazzjoni ta’ kull dispożizzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(b)

il-mekkaniżmi ta’ sorveljanza tas-sikurezza u r-riżultati tagħhom ikunu viżibbli għall-Istati Membri;

(c)

ikun żgurat l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti bejn l-awtorità(jiet) ta’ sorveljanza u l-awtorità li tiċċertifika.

L-Istati Membri għandhom jirrevedu regolarment il-ftehim u l-implimentazzjoni prattika tiegħu, partikolarment fid-dawl tar-riżultati miksuba fir-rigward tal-prestazzjoni tas-sikurezza.

3.   Meta jiġi konkluż ftehim dwar is-superviżjoni ta’ organizzazzjonijiet attivi fi blokok tal-ispazju tal-ajru funzjonali (FAB) jew f’attivitajiet transkonfinali li fihom l-Aġenzija tkun l-awtorità kompetenti għal tal-inqas waħda mill-organizzazzjonijiet skont l-Artikolu 3 punt (b), l-Istati Membri kkonċernati għandhom jikkordinaw mal-EASA sabiex ikun żgurat li l-punti (a), (b) u (c) fil-paragrafu 2 ikunu ġew sodisfatti.

Artikolu 5

Monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-sikurezza

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu monitoraġġ u valutazzjoni regolari tal-livelli ta’ sikurezza milħuqa sabiex jiddeterminaw jekk dawn jikkonformawx mar-rekwiżiti regolatorji applikabbli tas-sikurezza fil-blokok ta’ spazju tal-ajru li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw ir-riżultati tal-monitoraġġ tas-sikurezza sabiex jiddeterminaw b’mod partikolari l-oqsma li fihom tkun meħtieġa bħala prijorità, il-verifika tal-konformità mar-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza.

Artikolu 6

Verifikazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza

1.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu proċess sabiex jivverifikaw:

(a)

il-konformità mar-rekwiżiti regolatorji applikabbli tas-sikurezza qabel ma jinħareġ jew jiġġedded iċ-ċertifikat meħtieġ għall-forniment tal-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru, inklużi l-kundizzjonijiet relatati mas-sikurezza li jkun hemm marbuta miegħu;

(b)

il-konformità ma’ kwalunkwe obbligu relatat mas-sikurezza fl-att tan-nomina maħruġ skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004;

(c)

il-konformità kontinwa tal-organizzazzjonijiet mar-rekwiżiti regolatorji applikabbli tas-sikurezza;

(d)

l-implimentazzjoni tal-għanijiet u r-rekwiżiti tas-sikurezza, u kundizzjonijiet oħra relatati mas-sikurezza identifikati ġewwa:

(i)

id-dikjarazzjonijiet ta’ verifika tas-sistemi, fosthom kwalunkwe dikjarazzjoni rilevanti dwar il-konformità jew l-adegwatezza għall-użu, ta’ kostitwenti tas-sistemi, maħruġa skont ir-Regolament (KE) Nru 552/2004;

(ii)

il-proċeduri ta’ valutazzjoni u tnaqqis tar-riskji, meħtieġa mir-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza applikabbli għas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, l-ATFM, l-ASM u l-Maniġer tan-Netwerk;

(e)

l-implimentazzjoni tad-direttivi dwar is-sikurezza.

2.   Il-proċess imsemmi fil-paragrafu 1 għandu:

(a)

ikun ibbażat fuq proċeduri dokumentati;

(b)

ikun appoġġat b’dokumentazzjoni maħsuba speċifikament sabiex tipprovdi lill-persunal ta’ sorveljanza tas-sikurezza, gwida dwar kif għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom;

(c)

jipprovdi lill-organizzazzjoni kkonċernata, indikazzjoni tar-riżultati tal-attività ta’ sorveljanza tas-sikurezza;

(d)

ikun ibbażat fuq verifiki regolatorji tas-sikurezza u reviżjonijiet imwettqa skont l-Artikoli 7, 9 u 10;

(e)

jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti l-evidenza meħtieġa sabiex issostni aktar azzjonijiet, inkluż il-miżuri previsti mill-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, l-Artikolu 7(7) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 u mill-Artikoli 10, 25 u 68 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 f’sitwazzjonijiet fejn ma jkunux qegħdin jitħarsu r-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza.

Artikolu 7

Verifiki regolatorji tas-sikurezza

1.   L-awtoritajiet kompetenti, jew l-entitajiet ikkwalifikati kif iddelegati minnhom, għandhom iwettqu l-verifiki regolatorji tas-sikurezza.

2.   Il-verifiki regolatorji tas-sikurezza msemmija fil-paragrafu 1 għandhom:

(a)

jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti evidenza tal-konformità mar-rekwiżiti regolatorji applikabbli tas-sikurezza u l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni billi jevalwaw il-ħtieġa ta’ titjib jew azzjoni korrettiva;

(b)

ikunu indipendenti mill-attivitajiet interni ta’ awditjar li jsiru mill-organizzazzjoni kkonċernata bħala parti mis-sistemi tagħha ta’ ġestjoni tas-sikurezza jew tal-kwalità;

(c)

jitwettqu minn awdituri kwalifikati skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 12;

(d)

japplikaw għal arranġamenti ta’ implimentazzjoni kompluti jew elementi tagħhom, u għal proċessi, prodotti jew servizzi;

(e)

jistabbilixxu jekk:

(i)

l-arranġamenti ta’ implimentazzjoni jikkonformawx mar-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza;

(ii)

l-azzjonijiet meħuda jikkonformawx mal-arranġamenti ta’ implimentazzjoni;

(iii)

ir-riżultati tal-azzjonijiet meħuda jaqblux mar-riżultati mistennija mill-arranġamenti ta’ implimentazzjoni;

(f)

iwasslu għall-korrezzjoni ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità identifikat skont l-Artikolu 8.

3.   Bħala parti mill-programm ta’ spezzjoni meħtieġ mill-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1035/2011, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu u jaġġornaw tal-anqas darba kull sena, programm ta’ verifiki regolatorji tas-sikurezza sabiex:

(a)

ikopru l-oqsma kollha ta’ tħassib potenzjali għas-sikurezza, b’enfasi fuq dawk l-oqsma fejn ikunu ġew identifikati xi problemi;

(b)

ikopru l-organizzazzjonijiet, is-servizzi u l-funzjonijiet tan-netwerk kollha li joperaw taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti;

(c)

jiżguraw li l-verifiki jitwettqu b’mod proporzjonat mal-livell ta’ riskju ppreżentat mill-attivitajiet tal-organizzazzjoni;

(d)

jiżguraw li jitwettqu biżżejjed verifiki, matul perjodu ta’ sentejn, sabiex jivverifikaw il-konformità ta’ dawn l-organizzazzjonijiet kollha mar-rekwiżiti regolatorji applikabbli tas-sikurezza fl-oqsma rilevanti kollha tas-sistema funzjonali;

(e)

jiżguraw li tkun segwita l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi.

4.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jimmodifikaw l-ambitu tal-verifiki ppjanati minn qabel u jinkludu verifiki addizzjonali, kull fejn ikun meħtieġ.

5.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeċiedu liema arranġamenti, elementi, servizzi, funzjonijiet, prodotti, postijiet fiżiċi u attivitajiet għandhom jiġu vverifikati fi żmien speċifikat.

6.   Għandhom jiġu dokumentati l-osservazzjonijiet tal-verifika u n-nuqqasijiet ta’ konformità identifikati. Dawn tal-aħħar għandhom ikunu appoġġjati minn evidenza, u identifikati skont ir-rekwiżiti regolatorji tas-sikurezza applikabbli u l-arranġamenti tal-implimentazzjoni tagħhom li jkunu l-bażi li fuqhom twettqet il-verifika.

7.   Għandu jitħejja rapport tal-verifika li jkun jinkludi d-dettalji tan-nuqqasijiet ta’ konformità.

Artikolu 8

Azzjonijiet korrettivi

1.   L-awtoritatjiet kompetenti għandhom jikkomunikaw is-sejbiet tal-verifika lill-organizzazzjoni vverifikata u fl-istess ħin għandha titlob li jittieħdu azzjonijiet korrettivi sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet ta’ konformità identifikati, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni addizzjonali li tkun meħtieġa mir-rekwiżiti regolatorji applikabbli tas-sikurezza.

2.   L-organizzazzjoni vverifikata għandha tiddetermina l-azzjonijiet korrettivi meqjusa neċessarji sabiex tindirizza n-nuqqas ta’ konformità u ż-żmien meħtieġ għall-implimentazzjoni tagħhom.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tivvaluta l-azzjonijiet korrettivi u l-implimentazzjoni determinata mill-organizzazzjoni verifikata, u taċċettahom jekk il-valutazzjoni tikkonkludi li huma suffiċjenti sabiex jindirizzaw in-nuqqasijiet ta’ konformità.

4.   L-organizzazzjoni verifikata għandha tibda l-azzjonijiet korrettivi aċċettati mill-awtorità kompetenti. Dawn l-azzjonijiet korrettivi u l-proċess ta’ segwitu sussegwenti għandhom jitlestew saż-żmien aċċettat mill-awtorità kompetenti.

Artikolu 9

Sorveljanza tas-sikurezza ta’ tibdil fis-sistemi funzjonali

1.   L-organizzazzjonijiet għandhom jużaw biss proċeduri aċċettati mill-awtorità kompetenti tagħhom meta jiddeċiedu jekk idaħħlux tibdil relatat mas-sikurezza fis-sistemi funzjonali tagħhom. Fil-każ tal-fornituri ta’ servizzi tat-traffiku tal-ajru u l-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni, navigazzjoni jew sorveljanza, l-awtorità kompetenti għandha taċċetta dawn il-proċeduri fil-qafas tar-Regolament (UE) Nru 1035/2011.

2.   L-organizzazzjonijiet għandhom jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti tagħhom dwar kwalunkwe tibdil ippjanat relatat mas-sikurezza. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu proċeduri amministrattivi xierqa skont il-liġi nazzjonali.

3.   Sakemm ma jkunx japplika l-Artikolu 10, l-organizzazzjonijiet jistgħu jimplimentaw it-tibdil innotifikat wara l-proċeduri msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 10

Proċedura ta’ reviżjoni tat-tibdil propost

1.   L-awtorità kompetenti għandha tirrevedi l-argumenti ta’ sikurezza assoċjati ma’ sistemi funzjonali ġodda jew il-bidliet fis-sistemi funzjonali eżistenti propost minn organizzazzjoni meta:

(a)

il-valutazzjoni tas-severità mwettqa skont l-Anness II, il-punt 3.2.4 tar-Regolament (UE) Nru 1035/2011, tiddetermina livell ta’ severità 1 jew livell ta’ severità 2 għall-effetti potenzjali tal-perikli identifikati; jew

(b)

l-implimentazzjoni tal-bidliet tirrikjedi li jiddaħħlu standards ġodda tal-avjazzjoni.

Meta l-awtorità kompetenti tiddetermina l-ħtieġa ta’ reviżjoni f’sitwazzjonijiet differenti minn dawk imsemmija fil-punti (a) u (b), din għandha tinnotifika lill-organizzazzjoni li hija tkun ser tagħmel reviżjoni tas-sikurezza tat-tibdil innotifikat.

2.   Ir-reviżjoni għandha titwettaq b’mod proporzjonat mal-livell ta’ riskju ppreżentat mis-sistema funzjonali l-ġdida jew mit-tibdil fis-sistemi funzjonali eżistenti.

Għandha:

(a)

tuża proċeduri dokumentati;

(b)

tkun appoġġata b’dokumentazzjoni maħsuba speċifikament sabiex tipprovdi lill-persunal ta’ sorveljanza tas-sikurezza, gwida dwar kif għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom;

(c)

tikkunsidra l-għanijiet tas-sikurezza, ir-rekwiżiti tas-sikurezza u kundizzjonijiet oħra li relatati mas-sikurezza li huma relatati mat-tibdil ikkunsidrat, li jkunu ġew identifikati ġewwa:

(i)

id-dikjarazzjonijiet ta’ verifika tas-sistemi msemmijin fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004;

(ii)

id-dikjarazzjonijiet dwar il-konformità jew l-adegwatezza għall-użu, ta’ kostitwenti tas-sistemi, msemmijin fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 552/2004; jew

(iii)

id-dokumentazzjoni dwar il-valutazzjoni u t-tnaqqis tar-riskji, stabbilita skont ir-rekwiżiti regolatorji applikabbli tas-sikurezza;

(d)

tidentifika kundizzjonijiet addizzjonali relatati mas-sikurezza, assoċjati mal-implimentazzjoni tat-tibdil, kull fejn ikun meħtieġ;

(e)

tivvaluta l-aċċettabilità tal-argumenti tas-sikurezza ppreżentati, billi tikkunsidra:

(i)

l-identifikazzjoni tal-perikli;

(ii)

il-konsistenza fl-allokazzjoni tal-klassifikazzjonijiet tas-severità;

(iii)

il-validità tal-għanijiet tas-sikurezza;

(iv)

il-validità, l-effikaċja u l-fattibbilità tar-rekwiżiti tas-sikurezza u kwalunkwe kundizzjoni oħra identifikata, relatata mas-sikurezza;

(v)

il-wiri li l-għanijiet u r-rekwiżiti tas-sikurezza, u kundizzjonijiet oħra relatati mas-sikurezza, ikunu qegħdin jintlaħqu kontinwament;

(vi)

il-wiri li l-proċess użat sabiex jinħolqu l-argumenti tas-sikurezza jissodisfa r-rekwiżiti regolatorji applikabbli tas-sikurezza;

(f)

tivverifika l-proċessi użati mill-organizzazzjonijiet sabiex joħolqu l-argumenti tas-sikurezza marbuta mas-sistema funzjonali l-ġdida jew il-bidliet fis-sistemi funzjonali eżistenti li jkunu qegħdin jiġu kkunsidrati;

(g)

tidentifika l-ħtieġa għall-verifika ta’ konformità kontinwa;

(h)

tinkludi kwalunkwe attività meħtieġa ta’ koordinazzjoni mal-awtoritajiet responsabbli għas-sorveljanza tas-sikurezza tal-ajrunavigabbiltà u l-operazzjonijiet tat-titjir;

(i)

tipprovdi notifika tal-aċċettazzjoni, bil-kundizzjonijiet fejn applikabbli, jew taċ-ċaħda, bir-raġunijiet ta’ sostenn, tat-tibdil li jkun qed jiġi kkunsidrat.

3.   Id-dħul fis-servizz, tat-tibdil li jkun qed jiġi kkunsidrat fir-reviżjoni, għandu jkun soġġett għall-aċċettazzjoni mill-awtorità kompetenti.

Artikolu 11

Entitajiet kwalifikati

1.   Meta awtorità kompetenti tiddeċiedi li tiddelega t-twettiq tal-verifiki regolatorji tas-sikurezza jew ir-reviżjonijiet skont dan ir-Regolament lil entità kkwalifikata, hija għandha tiżgura li l-kriterji użati sabiex tintgħażel entità minn fost dawk ikkwalifikati skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 u l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, ikunu jinkludu dan li ġej:

(a)

l-entità kwalifikata jkollha esperjenza preċedenti fl-evalwazzjoni tas-sikurezza f’entitajiet tal-avjazzjoni;

(b)

l-entità kwalifikata ma tkunx involuta fl-istess ħin f’attivitajiet interni tas-sistemi ta’ ġestjoni tas-sikurezza jew tal-kwalità, tal-organizzazzjoni kkonċernata;

(c)

il-persunal kollu li għandu x’jaqsam mat-twettiq tal-verifiki regolatorji tas-sikurezza jew tar-reviżjonijiet, ikun imħarreġ u kkwalifikat b’mod adegwat u jissodisfa l-kriterji ta’ kwalifika li hemm fl-Artikolu 12(3) ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-entità kwalifikata għandha taċċetta l-possibbiltà li tiġi verifikata mill-awtorità kompetenti jew minn kwalunkwe korp li jaġixxi f’isimha.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu rekord tal-entitajiet kwalifikati kkummissjonati sabiex iwettqu verifiki regolatorji tas-sikurezza jew reviżjonijiet f’isimhom. F’dawn ir-rekords għandha tinżamm dokumentazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti inklużi fil-paragrafu 1.

Artikolu 12

Kapaċitajiet ta’ Sorveljanza tas-Sikurezza

1.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom il-kapaċità neċessarja sabiex jiżguraw is-sorveljanza tas-sikurezza tal-organizzazzjonijiet kollha li joperaw taħt is-superviżjoni tagħhom, inkluż riżorsi suffiċjenti sabiex iwettqu l-azzjonijiet identifikati f’dan ir-Regolament.

2.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipproduċu u jaġġornaw kull sentejn, valutazzjoni tar-riżorsi umani meħtieġa sabiex iwettqu l-funzjonijiet tagħhom ta’ sorveljanza tas-sikurezza, li tkun ibbażata fuq l-analiżi tal-proċessi meħtieġa minn dan ir-Regolament u l-applikazzjoni tagħhom.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-persuni kollha involuti fl-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-sikurezza jkunu kompetenti sabiex iwettqu l-funzjoni meħtieġa. Għaldaqstant huma għandhom:

(a)

jiddefinixxu u jiddokumentaw l-edukazzjoni, it-taħriġ, l-għarfien tekniku u operattiv, l-esperjenza u l-kwalifiki rilevanti għad-doveri ta’ kull pożizzjoni involuta fl-attivitajiet ta’ sorveljanza tas-sikurezza fi ħdan l-istruttura tagħhom;

(b)

jiżguraw taħriġ speċifiku għal dawk involuti f’attivitajiet ta’ sorveljanza tas-sikurezza fi ħdan l-istruttura tagħhom;

(c)

jiżguraw li l-persunal maħtur sabiex iwettaq il-verifiki regolatorji tas-sikurezza, inkluż il-persunal ta’ verifika mill-entitajiet ikkwalifikati, jissodisfa l-kriterji speċifiċi ta’ kwalifika definiti mill-awtorità kompetenti. Dawn il-kriterji għandhom jindirizzaw:

(i)

l-għarfien u l-fehim tar-rekwiżiti relatati mas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, l-ATFM, l-ASM u funzjonijiet oħrajn tan-netwerk, li bihom jistgħu jsiru l-verifiki regolatorji tas-sikurezza;

(ii)

l-użu ta’ tekniki ta’ valutazzjoni;

(iii)

il-ħiliet meħtieġa għat-twettiq ta’ verifika;

(iv)

il-wiri tal-kompetenza tal-awdituri permezz ta’ evalwazzjoni jew mezzi oħra aċċettabbli.

Artikolu 13

Direttivi dwar is-sikurezza

1.   L-awtorità kompetenti għandha toħroġ direttiva dwar is-sikurezza meta tiddetermina l-eżistenza ta’ kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ sikurezza f’sistema funzjonali li tkun teħtieġ azzjoni immedjata.

2.   Id-direttiva dwar is-sikurezza għandha tintbagħat lill-organizzazzjonijiet ikkonċernati, u bħala minimu, għandha tinkludi din l-informazzjoni:

(a)

l-identifikazzjoni tal-kundizzjoni ta’ nuqqas ta’ sikurezza;

(b)

l-identifikazzjoni tas-sistema funzjonali milquta;

(ċ)

l-azzjonijiet meħtieġa u l-ġustifikazzjoni għalihom;

(d)

il-limitu taż-żmien għall-konformità tal-azzjonijiet meħtieġa, mad-direttiva dwar is-sikurezza;

(e)

id-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

3.   L-awtorità kompetenti għandha tibgħat kopja tad-direttiva dwar is-sikurezza lill-Aġenzija u lil kwalunkwe awtorità kompetenti oħra kkonċernata, b’mod partikolari dawk involuti fis-sorveljanza tas-sikurezza tas-sistema funzjonali, u lill-Kummissjoni.

4.   L-awtorità kompetenti għandha tivverifika l-konformità mad-direttivi applikabbli dwar is-sikurezza.

Artikolu 14

Rekords dwar is-sorveljanza tas-sikurezza

L-awtoritajiet kompetenti għandhom iżommu u jħallu aċċess għar-rekords ix-xierqa relatati mal-proċessi tagħhom ta’ sorveljanza tas-sikurezza, inklużi r-rapporti tal-verifiki regolatorji kollha tas-sikurezza u rekords oħra relatati mas-sikurezza li għandhom x’jaqsmu maċ-ċertifikati, il-ħatriet, is-sorveljanza tas-sikurezza tal-bidliet, id-direttivi dwar is-sikurezza u l-użu tal-entitajiet kwalifikati.

Artikolu 15

Rappurtar tas-sorveljanza tas-sikurezza

1.   L-awtorità kompetenti għandha tipproduċi rapport annwali tas-sorveljanza tas-sikurezza dwar l-azzjonijiet skont dan ir-Regolament. Ir-rapport għandu wkoll jinkludi informazzjoni dwar dan li ġej:

(a)

l-istruttura u l-proċeduri organizzattivi tal-awtorità kompetenti;

(b)

l-ispazju tal-ajru li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri li jkunu stabbilixxew jew nnominaw l-awtorità kompetenti, jekk applikabbli, u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt is-superviżjoni tal-awtorità kompetenti;

(c)

l-entitajiet kwalifikati kkummissjonati sabiex iwettqu l-verifiki regolatorji tas-sikurezza;

(d)

il-livelli eżistenti ta’ riżorsi tal-awtorità;

(e)

kwalunkwe kwistjoni ta’ sikurezza identifikata waqt il-proċessi ta’ sorveljanza tas-sikurezza operati mill-awtorità kompetenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jużaw ir-rapporti magħmula mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom meta jippreżentaw ir-rapporti annwali tagħhom lill-Kummissjoni kif meħtieġ mill-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

Ir-rapport annwali dwar is-sorveljanza tas-sikurezza għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri kkonċernati fil-każ ta’ blokok ta’ spazju tal-ajru funzjonali, tal-Aġenzija u tal-programmi jew attivitajiet imwettqa fl-ambitu ta’ arranġamenti internazzjonali għall-monitoraġġ jew il-verifika tal-implimentazzjoni tas-sorveljanza tas-sikurezza tas-servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru, l-ATFM, l-ASM u funzjonijiet oħrajn tan-netwerk.

Artikolu 16

Skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu arranġamenti għal kooperazzjoni mill-qrib skont l-Artikoli 10 u 15 tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 u l-Artikolu 2(4) tar-Regolament (KE) Nru 550/2004 u jiskambjaw kwalunkwe informazzjoni xierqa sabiex jiżguraw is-sorveljanza tas-sikurezza tal-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu servizzi jew funzjonijiet transkonfinali.

Artikolu 17

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.   L-azzjonijiet li jinbdew qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament abbażi tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1315/2007 għandhom jiġu ġestiti skont mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-awtorità ta’ Stat Membru li kellha r-responsabbiltà għas-sorveljanza tas-sikurezza ta’ organizzazzjonijiet li għalihom, l-Aġenzija kienet l-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 3, għandha tittrasferixxi l-funzjoni ta’ sorveljanza tas-sikurezza ta’ dawn l-organizzazzjonijiet lill-Aġenzija, tnax-il (12) xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, minbarra fil-każ ta’ sorveljanza tas-sikurezza tal-Maniġer tan-Netwerk fejn it-trasferiment, jekk ikun hemm, lill-Kummissjoni, megħjun mill-Aġenzija, għandu jitwettaq fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 18

Revoka

Ir-Regolament (KE) Nru 1315/2007 huwa revokat.

Artikolu 19

Emendi għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010

Fl-Anness IV għar-Regolament (UE) Nru 691/2010, il-Punt 1.1(e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

ir-rapporti tal-NSA dwar is-sikurezza kif jissemma fl-Artikoli 7, 8 u 14 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1034/2011 (*) kif ukoll ir-rapporti tal-NSA dwar ir-reżoluzzjoni ta’ nuqqasijiet fis-sikurezza identifikati li huma soġġetti għal pjanijiet ta’ azzjoni korrettiva;

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 10.

(2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20.

(3)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(4)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 291, 9.11.2007, p. 16.

(6)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 26.

(7)  ĠU L 185,15.7.2011, p. 1.

(8)  Ara paġna 23 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(9)  ĠU L 201, 3.8.2010, p. 1.