20.9.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 242/2


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 931/2011

tad-19 ta’ Settembru 2011

dwar ir-rekwiżiti tat-traċċabbiltà stabbiliti bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill għall-ikel li joriġina mill-annimali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 18(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali tat-traċċabbiltà tal-ikel. Dan jipprevedi li t-traċċabbiltà tal-ikel għandha tiġi stabbilita fl-istadji kollha tal-produzzjoni, l-ipproċessar u d-distribuzzjoni. Dan l-Artikolu jiddikjara wkoll li l-operaturi fin-negozju tal-ikel għandhom ikunu jistgħu jidentifikaw il-persuni li pprovdewlhom l-ikel. Tali operaturi għandhom ukoll ikunu jistgħu jidentifikaw in-negozji li lilhom ġew provduti l-prodotti tagħhom. Din l-informazzjoni għandha tkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti meta jkun hemm talba għaliha.

(2)

It-traċċabbiltà hija meħtieġa biex tiġi żgurata s-sigurtà fl-ikel u l-affidabbiltà tal-informazzjoni li tiġi pprovduta lill-konsumaturi. B'mod partikolari, huwa meħtieġ li tiġi applikata t-traċċabbiltà għall-ikel li joriġina mill-annimali sabiex tiġi ffaċilitata t-tneħħija tal-ikel mhux sikur mis-suq, u b'hekk jiġu protetti l-konsumaturi.

(3)

Sabiex tinkiseb it-traċċabbiltà tal-ikel kif stabbilit fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, huma meħtieġa l-ismijiet u l-indirizzi tal-operatur fin-negozju tal-ikel li jipprovdi l-ikel kif ukoll tal-operatur fin-negozju tal-ikel li lilu ġie pprovdut l-ikel. Ir-rekwiżit jiddependi fuq l-approċċ “pass lura”-“pass ’il quddiem” li jimplika li l-operaturi fin-negozju tal-ikel għandhom sistema li tippermettilhom jidentifikaw il-fornitur(i) immedjat(i) u l-klijent(i) immedjat(i) tagħhom, ħlief meta jkunu l-konsumaturi finali.

(4)

Il-kriżijiet tal-ikel fl-imgħoddi wrew li r-rekords ta' dokumentazzjoni mhux dejjem kienu biżżejjed biex jippermettu traċċabbiltà sħiħa tal-ikel suspett. Matul l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, ir-Regolament (KE) Nru 852/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar l-iġjene tal-oġġetti tal-ikel (2), ir-Regolament (KE) Nru 853/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jistabbilixi ċerti regoli speċifiċi ta' iġjene għall-ikel li joriġina mill-annimali (3) u r-Regolament (KE) Nru 854/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 li jippreskrivi regoli speċifiċi għall-organizzazzjoni ta' kontrolli uffiċjali fuq prodotti li joriġinaw mill-annimali maħsuba għall-konsum uman (4), l-esperjenza wriet li l-operaturi fin-negozju tal-ikel normalment ma għandhomx l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi żgurat li s-sistemi tagħhom li jidentifikaw l-immaniġġjar jew il-ħażna tal-ikel humiex adegwati, b'mod partikolari fis-settur tal-ikel li joriġina mill-annimali. F'dan is-settur dan irriżulta f'telf ekonomiku għoli ż-żejjed minħabba n-nuqqas ta' traċċabbiltà sħiħa u malajr tal-ikel.

(5)

Għalhekk huwa xieraq li jiġu stabbiliti ċerti regoli għas-settur speċifiku tal-ikel li joriġina mill-annimali sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni tajba tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002. Dawn ir-regoli għandhom jippermettu (ftit) flessibbiltà fir-rigward tal-format li bih tiġi magħmula disponibbli l-informazzjoni rilevanti.

(6)

B'mod partikolari, huwa xieraq li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali dwar il-volum jew il-kwantità tal-ikel li joriġina mill-annimali, referenza li tidentifika l-lott, il-grupp jew il-konsenja, kif xieraq, deskrizzjoni dettaljata tal-ikel u d-data tal-bgħit.

(7)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet li jimplimentaw ir-rekwiżiti tat-traċċabbiltà stipulati bir-Regolament (KE) Nru 178/2002 għall-operaturi fin-negozju tal-ikel fir-rigward tal-ikel li joriġina mill-annimali.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-ikel definit bħala prodotti mhux ipproċessat u pproċessati fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 852/2004.

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-ikel li jkun fih kemm prodotti li joriġinaw mill-pjanti kif ukoll prodotti pproċessati li joriġinaw mill-annimali.

Artikolu 3

Rekwiżiti tat-traċċabbiltà

1.   L-operaturi fin-negozju tal-ikel għandhom jiżguraw li l-informazzjoni li ġejja dwar il-konsenji ta' ikel li joriġina mill-annimali tkun magħmula disponibbli għall-operatur fin-negozju tal-ikel li lilu jkun ġie provdut l-ikel u għall-awtorità kompetenti fuq talba tagħha:

(a)

Deskrizzjoni preċiża tal-ikel,

(b)

Il-volum jew il-kwantità tal-ikel,

(c)

L-isem u l-indirizz tal-operatur fin-negozju tal-ikel li mingħandu ntbagħat l-ikel,

(d)

L-isem u l-indirizz tal-ispeditur (is-sid) jekk ikun differenti mill-operatur fin-negozju tal-ikel li mingħandu ntbagħat l-ikel,

(e)

L-isem u l-indirizz tal-operatur fin-negozju tal-ikel li lilu jintbagħat l-ikel,

(f)

L-isem u l-indirizz tal-ispeditur (is-sid) jekk ikun differenti mill-operatur fin-negozju tal-ikel li lilu jintbagħat l-ikel,

(g)

Referenza li tidentifika l-lott, il-grupp jew il-konsenja, kif xieraq, u

(h)

Id-data ta' meta ntbagħat.

2.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi magħmula disponibbli flimkien ma' kull informazzjoni meħtieġa skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar it-traċċabbiltà tal-ikel li joriġina mill-annimali.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi aġġornata kuljum u miżmuma disponibbli mill-inqas sakemm wieħed ikun jista' jassumi b'mod raġonevoli li l-ikel ikun ġie kkonsmat.

Meta mitlub mill-awtorità kompetenti, l-operatur fin-negozju tal-ikel għandu jipprovdi l-informazzjoni mingħajr dewmien żejjed. Il-fornitur tal-ikel iffriżat jagħżel il-formola xierqa li fiha għandha tingħata l-informazzjoni, iżda l-informazzjoni rikjesta fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli b'mod ċar u mingħajr ekwivoċi u għandha tkun tista' tinsab mill-operatur tan-negozju li lilu jiġi pprovdut l-ikel.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Settembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 55.

(4)  ĠU L 139, 30.4.2004, p. 206.