26.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 220/9


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 859/2011

tal-25 ta’ Awwissu 2011

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 185/2010 li jistipula miżuri ddettaljati għall-implimentazzjoni ta' standards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni fir-rigward tal-merkanzija u l-posta bl-ajru

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 300/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2008 dwar regoli komuni fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2320/2002 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 185/2010 tal-4 ta' Marzu 2010 li jistipula miżuri ddettaljati għall-implimentazzjoni ta' standards bażiċi komuni dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni (2) ma fihx regoli għall-merkanzija u l-posta bl-ajru li jkunu ttrasportati minn pajjiżi terzi lejn l-ajrporti tal-Unjoni. Jeħtieġ li jiddaħħlu regoli bħal dawn għall-protezzjoni tal-avjazzjoni ċivili li jittrasportaw tali merkanzija kontra azzjonijiet ta' interferenza illegali.

(2)

Ir-Regolament (UE) Nru 185/2010 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(3)

Fil-valutazzjoni tas-sigurtà tal-avjazzjoni f’pajjiżi terzi, ser jiġu kkunsidrati l-ftehimiet ta' koperazzjoni u sħubija konklużi bejn l-Unjoni jew Stati Membri individwali u pajjiżi terzi, li jipprovdu bażi biex tiġi garantita l-implimentazzjoni xierqa tal-istandards tas-sigurtà tal-avjazzjoni.

(4)

Meta jikkonkludu Ftehimiet dwar it-Trasport bl-Ajru ma' pajjiżi terzi, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jippruvaw jiksbu kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tas-sigurtà tal-avjazzjoni billi jappoġġaw l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' standards u prinċipji f'pajjiż terzi li jkunu ekwivalenti għall-istandards u l-prinċipji tal-Unjoni fil-każ li din l-azzjoni tirriżulta effikaċi sabiex jitfaċċaw l-isfida u t-theddida fil-livell globali.

(5)

Sa Lulju 2013, il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet interessati għandha teżamina l-konsegwenzi prattiċi u l-fattibbiltà tal-implimentazzjoni ta' validazzjoni indipendenti għat-trasportaturi tal-ajru li jġorru merkanzija minn ajruporti ta' pajjiżi terzi lejn l-UE u l-aġenti rregolati u l-kunsinnaturi magħrufa li mingħandhom jaċċettaw kunsinni b'mod dirett, u għandha tagħmel kull aġġustament għas-sistema, inklużi emendi għal dan ir-Regolament, fejn meħtieġ.

(6)

Filwaqt li jserrħu fuq ir-responsabbiltà tal-istati kontraenti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO) sabiex jintlaħqu tal-anqas l-istandards tal-ICAO għas-sigurtà tal-merkanzija, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiddjalogaw mal-awtoritajiet ta' pajjiżi terzi biex jikkooperaw magħhom u, fejn ikun possibbli u skont il-każ, jipprovdu assistenza għall-bini tal-kapaċitajiet f'dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tar-rekwiżiti dwar is-sigurtà tal-merkanzija u tal-posta bl-ajru li jkunu ttrasportati fl-UE.

(7)

Il-Kummissjoni se tikkoordina u tieħu parti b'mod attiv f'azzjonijiet tal-Unjoni għall-iffaċilitar tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti dwar is-sigurtà tal-avjazzjoni relatati ma' operazzjonijiet lejn l-Unjoni minn ajruporti ta' pajjiżi terzi u se tipprovdi lill-entitajiet li mhumiex tal-UE b'aċċess għall-informazzjoni relevanti, strettament abbażi tal-ħtieġa li l-informazzjoni ssir magħrufa u bil-kondizzjoni li jkun hemm fis-seħħ l-appoġġ ta' garanziji suffiċjenti.

(8)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili stabbilit bl-Artikolu 19(1) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 185/2010 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni se tivvaluta u tevalwa l-applikazzjoni tal-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament u, jekk ikun xieraq, se tagħmel proposta mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2015.

Sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2012, il-Kummissjoni se tivvaluta l-impatti probabbli tar-rekwiżiti stabbiliti f'dan ir-Regolament, b'mod partikolari r-rekwiżiti dwar validazzjoni indipendenti. Ir-riżultati għandhom ikunu ppreżentati lill-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili. Fejn xieraq, sal-1 ta' Lulju 2013, il-Kummissjoni għandha tipproponi aġġustamenti għar-rekwiżiti.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ nhar l-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta' Frar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 97, 9.4.2008, p. 72.

(2)  ĠU L 55, 5.4.2010, p.1.


ANNESS

L-Anness għar-Regolament (UE) Nru 185/2010 huwa emendat kif ġej:

A.

Il-Punt 6.1.2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.1.2.

Kull meta jkun hemm raġuni sabiex wieħed jemmen li kunsinna li jkunu sarulha l-kontrolli tas-sigurtà ġiet imbgħabsa jew ma ġietx protetta minn interferenza mhux awtorizzata [b'seħħ mill-mument li fih ikunu saru dawk il-kontrolli], din għandha tiġi skrinjata minn aġent regolat qabel ma titgħabba fuq l-inġenju tal-ajru. Il-kunsinni li jidhru li tbagħbsu b'mod sinifikanti jew li huma taħt suspett għandhom ikunu ttrattati bħala merkanzija jew posta b'riskju għoli (High Risk Cargo - HRCM) skont il-punt 6.7”

B.

Il-punt 6.3.2.6 (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

l-istatus tas-sigurtà tal-kunsinna, li jiddikjara:

‘SPX’, jiġifieri sikur għall-inġenji tal-ajru tal-passiġġieri, tal-merkanzija u tal-posta; jew

‘SCO’, jiġifieri sikur għall-inġenji tal-ajru tal-merkanzija u tal-posta biss. jew

‘SHR’ jiġifieri sikur għall-inġenji tal-ajru tal-passiġġieri, tal-merkanzija kollha u tal-posta kollha f'konformità mar-rekwiżiti tar-riskju għoli.”

C.

Fil-Kapitolu 6 għandhom jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“6.7.   MERKANZIJA JEW POSTA B'RISKJU GĦOLI (HRCM)

Id-dispożizzjonijiet għall-merkanzija jew il-posta b'riskju għoli huma stipulati f’Deċiżjoni tal-Kummissjoni separata.

6.8.   IL-PROTEZZJONI TAL-MERKANZIJA U L-POSTA LI JINĠARRU MINN PAJJIŻI TERZI LEJN L-UNJONI

6.8.1.   Id-deżinjazzjoni tat-trasportaturi tal-ajru

6.8.1.1.

Ir-rekwiżiti sat-30 ta’ Ġunju 2014:

(a)

Kull trasportatur tal-ajru li jġorr merkanzija jew posta minn ajruport f’pajjiż terz li mhuwiex elenkat fid-dokument mehmuż 6-F għat-trasferiment, għat-tranżitu jew għall-ħatt fi kwalunkwe ajruport li ma jaqax fl-ambitu tar-Regolament Nru (KE) 300/2008 għandu jkun innominat bħala "Trasportatur ta' Merkanzija jew ta' Posta bl-Ajru li jopera lejn l-Unjoni minn Ajruport ta' Pajjiż Terz" (ACC3):

mill-awtorità xierqa tal-Istat Membru elenkat fl-Anness għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 394/2011 (*) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 748/2009 (**) dwar il-lista ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru li wettqu attività ta’ avjazzjoni elenkata fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (***);

mill-awtorità xierqa tal-Istat Membru li jkun ħareġ iċ-Ċertifikat tal-Operatur tat-trasportatur tal-ajru għat-trasportaturi tal-ajru li mhumiex elenkati fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 394/2011;

mill-awtorità xierqa tal-Istat Membru jew fil-post fejn it-trasportatur tal-ajru għandu l-bażi prinċipali tiegħu tal-operazzjonijiet fl-Unjoni, jew kwalunkwe awtorità xierqa tal-Unjoni bi ftehim ma' dik l-awtorità xierqa, għat-trasportaturi tal-ajru li mhumiex elenkati fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 394/2011 u li mhumiex detenturi ta' Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru maħruġ minn Stat Membru.

(b)

Sabiex jiġi nnominat bħala ACC3, it-trasportatur għandu:

jiżgura li l-programm ta' sigurtà tiegħu jkopri l-punti kollha elenkati fid-Dokument Mehmuż 6-G fir-rigward ta' merkanzija u posta li titgħabba fuq l-inġenji tal-ajru tiegħu fi kwalunkwe pajjiż terz biex jinġarru lejn l-Unjoni; kif ukoll

jippreżenta ‘Dikjarazzjoni ta' impenji – ACC3’ kif deskritt fid-Dokument Mehmuż 6-H lill-awtorità xierqa konċernata. Din id-dikjarazzjoni għandha tkun iffirmata mir-rappreżentant legali tal-applikant jew mill-persuna responsabbli għas-sigurtà; kif ukoll

jinnomina persuna li jkollha r-responsabbiltà globali f'ismu għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar is-sigurtà tal-merkanzija u tal-posta fil-pajjiżi terzi u jiprovdi d-dettalji ta' din il-persuna lill-awtorità konċernata.

(c)

L-oriġinal jew kopja tiegħu tad-‘Dikjarazzjoni ta' impenji – ACC3’ iffirmat għandha tinżamm mill-awtorità konċernata xierqa. Fil-każ li l-oriġinal jinżamm mit-trasportatur tal-ajru dan għandu jkun disponibbli għall-ispezzjonar tal-anqas matul il-perjodu tal-validità tiegħu.

(d)

L-awtorità xierqa konċernata għandha tikkomunika d-dettalji neċessarji tat-trasportatur lill-Kummissjoni li għandha tagħmilhom disponibbli għall-Istati Membri kollha.

(e)

ACC3 innotifikat lill-Kummissjoni f'konfomrità mal-punt (d) għandu jkun rikonoxxut fl-Istati Membri kollha għall-operazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni mill-ajruport tal-pajjiż terz speċifikat.

6.8.1.2.

Ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfati sal-1 ta' Lulju 2014:

(a)

Minbarra r-rekwiżiti stipulati fil-punt 6.8.1.1 (b), sa mhux aktar tard mill-1 ta' Lulju 2014, it-trasportatur tal-ajru għandu jiżgura li tkun saret verifika fuq il-post tal-operazzjonijiet tal-merkanzija u tal-posta tiegħu fl-ajruport tal-pajjiż terz relevanti minn validatur indipendenti.

(b)

Il-validatur indipendenti għandu jeżamina l-programm dwar is-sigurtà tat-trasportatur tal-ajru biex jiżgura li dan ikopri l-punti kollha deskritti fid-Dokument Mehmuż 6-G, għandu jivverifika l-konformità mal-programm fl-ajruport tal-pajjiż terz billi juża l-lista ta' ċċekkjar fid-Dokument Mehmuż 6-C3 u jippreżenta rapport:

lill-awtorità xierqa tal-Istat Membru elenkat fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 394/2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 748/2009 dwar il-lista ta’ operaturi ta’ inġenji tal-ajru li wettqu attività ta’ avjazzjoni elenkata fl-Anness I għad-Direttiva 2003/87/KE;

lill-awtorità xierqa tal-Istat Membru li jkun ħareġ iċ-Ċertifikat tal-Operatur tat-trasportatur tal-ajru għat-trasportaturi tal-ajru li mhumiex elenkati fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 394/2011;

lill-awtorità xierqa tal-Istat Membru jew fil-post fejn it-trasportatur għandu l-bażi prinċipali tiegħu tal-operazzjonijiet fl-Unjoni, jew kwalunkwe awtorità xierqa tal-Unjoni bi ftehim ma' dik l-awtorità xierqa, għat-trasportaturi tal-ajru li mhumiex elenkati fl-Anness għar-Regolament (UE) Nru 394/2011 u li mhumiex detenturi ta’ Ċertifikat tal-Operatur tal-Ajru maħruġ minn Stat Membru.

(c)

Fil-każ li l-awtorità konċernata hija sodisfatta bir-rapport tal-validatur indipendenti, hija għandha tiżgura li d-dettalji neċessarji tal-ACC3 jiddaħħlu fil-bażi ta' dejta tal-Unjoni tal-aġenti rregolati u l-kunsinnaturi magħrufa

(d)

Fil-ħin tal-entrata fil-bażi tad-dejta, l-awtorità xierqa konċernata għandha talloka identifikatur alfanumeriku uniku fil-format standard li jidentifika t-trasportatur u l-ajruport tal-pajjiż terz mnejn qed tinġarr il-merkanzija lejn l-Unjoni. L-identifikatur alfanumeriku uniku għandu jidher fid-dokumentazzjoni li takkumpanja l-kunsinni li jinġarru, jew fil-format elettroniku jew bil-kitba.

(e)

Fil-każ li l-awtorità xierqa konċernata mhix sodisfatta bl-informazzjoni mogħtija mit-trasportatur tal-ajru jew bir-rapport tal-validazzjoni indipendenti, ir-raġunijiet għal dan għandhom ikunu nnotifikati lit-trasportatur li qed jitlob nominazzjoni bħala ACC3.

(f)

ACC3 elenkat fil-bażi tad-dejta tal-Unjoni tal-aġenti rregolati u kunsinnaturi magħrufa skont dan il-punt 6.8.1.2 għandhom ikunu rikonoxxuti fl-Istati Membri kollha għall-operazzjonijiet kollha lejn l-Unjoni minn ajruport ta' pajjiż terz.

(g)

ACC3 elenkat fil-bażi tad-dejta tal-Unjonin tal-aġenti rregolati u l-kunsinnaturi magħrufa għandhom ikunu vvalutati mill-ġdid f'perjodi ta' intervall ta' mhux aktar minn 5 snin fl-ajruport tal-pajjiż terz fl-ajruport tal-pajjiż terz li għalih ġie nnominat u għandu jippreżenta mill-ġdid Dikjarazzjoni ta' Impenji fil-ħin ta' kull validazzjoni mill-ġdid.

6.8.2.   Il-kontrolli tas-sigurtà għall-merkanzija u l-posta li jaslu minn pajjiż terz

6.8.2.1.

L-ACC3 għandu jiżgura li l-merkanzija u l-posta kollha li jinġarru għat-trasferiment, għat-tranżitu jew għall-ħatt f'ajruport tal-Unjoni ġew skrinjati, sakemm:

(a)

il-kontrolli tas-sigurtà meħtieġa ma jkunux ġew applikati għall-kunsinna minn aġent regolat u l-kunsinna ma tkunx ġiet protetta minn interferenza mhux awtorizzata minn meta ġew applikati l-kontrolli tas-sigurtà sa ma titgħabba; or

(b)

il-kontrolli tas-sigurtà meħtieġa ma jkunux ġew applikati għall-kunsinna minn kunsinnatur magħruf u l-kunsinna ma tkunx ġiet protetta minn interferenza mhux awtorizzata minn meta ġew applikati l-kontrolli tas-sigurtà sa ma titgħabba; jew

(c)

il-kontrolli tas-sigurtà meħtieġa ma jkunux ġew applikati għall-kunsinna minn kunsinnatur in konto [akkont], il-kunsinna ma tkunx ġiet protetta minn interferenza mhux awtorizzata minn meta ġew applikati l-kontrolli tas-sigurtà sa ma titgħabba, u ma tinġarrx fuq inġenju tal-ajru tal-passiġġieri; jew

(d)

il-kunsinna ma tkunx eżentata mill-iskrinjar skont il-punt 6.1.1.(d) u ma tkunx ġiet protetta minn interferenza mhux awtorizzata minn meta tkun saret merkanzija bl-ajru identifikabbli jew posta bl-ajru identifikabbli sa ma titgħabba.

6.8.2.2.

Sat-30 ta’ Ġunju 2014, ir-rekwiżiti fil-punt 6.8.2.1 għandhom, bħala minimu, jilħqu l-istandards tal-ICAO. Minn hemm 'il quddiem, il-merkanzija u l-posta lejn l-Unjoni għandhom ikunu:

(a)

skrinjati skont wieħed mill-mezzi jew metodi elenkati fil-punt 6.2.1. sa standard li jkun biżżejjed li jiżgura b'mod raġonevoli li ma fih l-ebda oġġett ipprojbit. jew

(b)

soġġetti għall-kontrolli tas-sigurtà minn aġent irregolat, kunsinnatur magħruf jew kunsinnatur in konto [akkont] innominat, skont il-punt 6.8.3.; jew

(c)

eżentati mill-iskrinjar skont il-punt 6.1.1(d) tar-Regolament u protetti minn interferenza mhux awtorizzata minn meta jkun saru merkanzija bl-ajru identifikabbli jew posta bl-ajru identifikabbli sa ma jitgħabbew.

6.8.2.3.

L-istatus tas-sigurtà tal-kunsinna għandu jkun indikat fid-dokumentazzjoni ta' akkumpanjament, jew fil-forma ta' fattura tal-passaġġ bl-ajru, ta’ dokumentazzjoni postali ekwivalenti jew f'dikjarazzjoni separata kif ukoll jew fil-format elettroniku jew bil-kitba.

6.8.3.   In-nominazzjoni ta' aġenti rregolati ta' pajjiż terz, kunsinnaturi magħrufa u kunsinnaturi in konto [akkont]

6.8.3.1.

Sat-30 ta’ Ġunju 2014, l-ACC3 għandu jippreżenta dettalji dwar il-kontrolli tas-sigurtà implimentati mill-aġenti rregolati, il-kunsinnaturi magħrufa u l-kunsinnaturi in konto [akkont] minn min huwa jaċċetta direttament il-kunsinni fil-programm tas-sigurtà tiegħu. Minn hemm 'il quddiem, l-ACC3 minbarra dan għandu:

(a)

jiżgura li tali aġenti rregolati u kunsinnaturi magħrufa ta' pajjiż terz huma vvalidati indipendentement skont il-listi ta' ċċekkjar fid-Dokunenti Meħmuża 6-C2 u 6-C rispettivament f'perjodi ta' intervall ta' mhux aktar minn 5 snin;

(b)

jiżgura li l-listi ta' ċċekkjar kompluti jkunu disponibbli għall-ispezzjonar mill-awtorità xierqa jew mill-Kummissjoni;

(c)

iżomm bażi tad-dejta bl-informazzjoni li ġejja għal kull aġent irregolat, kull konsinnatur magħruf u kull kunsinnatur in konto [akkont]:

id-dettalji tal-kumpanija, inkluż l-indirizz kummerċjali bona fide;

in-natura tan-negozju, minbarra informazzjoni sensittiva għan-negozju,

id-dettalji ta’ kuntatt, inklużi dawk tal-persuna/i responsabbli għas-sigurtà;

in-numru tar-reġistrazzjoni tal-kumpanija, jekk dan ikun japplika.

Il-bażi tad-dejta għandha tkun disponibbli għall-ispezzjonar.

6.8.3.2.

Għal kunsinnaturi in konto [akkont] ta' pajjiż terz minn għand min huwa jaċċetta direttament kunsinni l-ACC3 għandu jiżgura li r-rekwiżiti fil-punti 6.5.2 sa 6.5.6 huma ssodisfati. Ċertifikati għal Operatur Ekonomiku Awtorizzat - ċertifikati AEO ta' pajjiż terz huma rikonoxxuti biss għal dawk il-pajjiżi li l-Unjoni tkun ikkonkludiet ftehim ta' Rikonoxximent Reċiproku tal-AEO magħhom.

6.8.4.   In-Nuqqas tal-konformità

6.8.4.1.

Fil-każ li l-Kummissjoni jew awtorità xierqa tidentifika nuqqas serju relatat ma operazzjoni tal-ACC3 li jitqies li għandu impatt sinifikanti fuq il-livell globali tas-sigurtà tal-avjazzjoni fl-Unjoni hija għandha:

(a)

tgħarraf minnufih lill-ACC3 konċernat u titlob kummenti minn għandu;

(b)

tgħarraf minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri oħra, skont kif ikun xieraq.

6.8.4.2.

Imbagħad il-Kummissjoni, f'konformtià mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 19(2) tar-Regolament (KE) Nru 300/2008 tista' tiddeċiedi li t-trasportatur ma għandux jibqa' jkun rikonoxxut bħala ACC3, kemm għal rotot speċifiċi kif ukoll għar-rotot kollha minn pajiiżi terz lejn l-Unjoni F'tali każijiet, id-dettalji tal-ACC3 għandhom jitneħħew mill-bażi tad-dejta tal-Unjoni tal-aġenti regolati u l-kunsinnaturi magħrufa.

6.8.4.3.

Trasportatur tal-ajru li r-rikonoxximent tiegħu bħala ACC3 ġie rtirat skont il-punt 6.8.4.2 ma għandux jerġa jiddaħħal jew jiġi inkluż fil-bażi tad-dejta tal-Unjoni tal-aġenti regolati jew il-kunsinnaturi magħrufa sakemm validatur indipendenti ma jkunx ikkonferma li n-nuqqas serju ġie rrettifikat u sakemm il-Kumitat dwar is-Sigurtà tal-Avjazzjoni Ċivili ikun ġie mgħarraf dwar dan mill-awtorità relevanti xierqa.

(*)  ĠU L 107, 27.04.2011, p. 1."

(**)  ĠU L 219, 22.8.2009, p. 1."

(***)  ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32, kif emendata bid-Deċiżjoni 2008/101/KE, (ĠU L 8, 13.1.2009, p. 3).”"

D.

Id-dokument mehmuż 6-F għandu jiġi sostitwit b'dan li ġej:

DOKUMENT MEHMUŻ 6-F

MERKANZIJA U POSTA

6-Fi

PAJJIŻI TERZI RIKONOXXUTI LI QEGĦDIN JAPPLIKAW STANDARDS TAS-SIGURTÀ EKWIVALENTI GĦALL-ISTANDARDS BAŻIĊI KOMUNI

6-Fii

PAJJIŻI TERZI LI GĦALIHOM MHIJIEX MEĦTIEĠA N-NOMINAZZJONI BĦALA ACC3

Il-pajjiżi terzi li għalihom mhix meħtieġa nominazzjoni bħala ACC3 huma elenkati f'Deċiżjoni tal-Kummissjoni separata.”

E.

Id-dokumenti mehmuża li ġejjin għandhom jiżdiedu:

DOKUMENT MEHMUŻ 6-G

DISPOŻIZZJONIJIET RELATATI MAL-MERKANZIJA U L-POSTA LI JITILQU MINN PAJJIŻ TERZ

Il-programm tas-sigurtà tal-ACC3 għandu jistabbilixxi, kif applikabbli u jew għal kull ajruport ta’ pajjiż terz individwalment inkella bħala dokument ġeneriku li jispeċifika kwalunkwe varjazzjoni f’ajruporti ta’ pajjiż terz imsemmija:

(a)

Deskrizzjoni tal-miżuri għall-merkanzija u l-posta bl-ajru

(b)

Il-proċeduri għall-aċċettazzjoni

(c)

L-iskema u l-kriterji tal-aġent regolat

(d)

L-iskema u l-kriterji tal-kunsinnatur magħruf

(e)

L-iskema u l-kriterji tal-kunsinnatur in konto [akkont]

(f)

L-istandard tal-iskrinjar u tal-eżami fiżiku

(g)

Il-post tal-iskrinjar u tal-eżami fiżiku

(h)

Id-dettalji dwar it-tagħmir tal-iskrinjar

(i)

Id-dettalji tal-operatur jew tal-fornitur tas-servizz

(j)

Lista ta' eżenzjonijiet mill-iskrinjar tas-sigurtà jew mill-eżami fiżiku

(k)

It-trattament ta' merkanzija u posta bl-ajru b'riskju għoli.

DOKUMENT MEHMUŻ 6-H

DIKJARAZZJONI TAL-IMPENJI — ACC3

Niddikjara li,

sa fejn naf jien, l-informazzjoni mogħtija fil-programm tas-sigurtà tal-kumpanija fir-rigward tal-kunsinni li jinġarru lejn l-Unjoni Ewropea minn pajjiżi terzi hija minnha u preċiża,

il-prassi u l-proċeduri deskritti fil-programm tas-sigurtà fir-rigward tal-kunsinni li jinġarru lejn l-Unjoni Ewropea minn pajjiżi terzi se jkunu implimentati u miżmuma fis-siti kollha koperti mill-programm,

il-programm tas-sigurtà se jkun aġġustat u adattat biex jikkonforma mal-bidliet kollha tal-futur fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tispeċifika r-rekwiżiti għall-merkanzija bl-ajru/posta bl-ajru li tinġarr lejn l-Unjoni Ewropea minn pajjiżi terzi, sakemm [isem it-trasportatur tal-ajru] ma jinfurmax lil [isem l-awtorità xierqa] li ma jixtieqx ikompli jittrasporta l-kunsinni lejn l-Unjoni Ewropea minn kwalunkwe pajjiż terz,

[isem it-trasportatur tal-ajru] se jgħarraf lil [isem l-awtorità xierqa] bil-miktub dwar kwalunkwe bidla fil-partijiet relevanti tal-programm tas-sigurtà tiegħu fi żmien 10 ijiem;

il-kumpanija nnominat lil [isem l-individwu responsabbli] biex ikollu r-responsabbiltà globali għall-miżuri tas-sigurtà fir-rigward tal-operazzjonijiet tal-merkanzija/tal-posta bl-ajru fi [ismijiet tal-ajruporti ta' pajjiżi terzi] għan-nom tagħha;

mill-1 ta' Lulju 2014 [isem it-trasportatur tal-ajru] se jżomm bażi tad-dejta ta' aġenti regolati, kunsinnaturi magħrufa u kunsinnaturi in konto [akkont] ta' pajjiżi terzi, u jagħmilha disponibbli għall-ispezzjonar;

[isem it-trasportatur tal-ajru] se jikkoopera b'mod sħiħ mal-ispezzjonar kollu neċessarju, u se jipprovdi aċċess għad-dokumenti kollha mitluba mill-ispetturi kif ukoll u għall-bażi tad-dejta imsemmija hawn fuq;

[isem il-kumpanija] se tgħarraf lil [isem l-awtorità xierqa] dwar kwalunkwe ksur serju tas-sigurtà u dwar kwalunkwe ċirkustanza suspettuża li tista' tkun relevanti għas-sigurtà tal-merkanzija bl-ajru/posta bl-ajru fil-pajjiż terz, b'mod partikolari dwar kwalunkwe tentattiv ta' ħabi ta' oġġetti pprojbiti fil-kunsinni; kif ukoll

[isem it-trasportatur tal-ajru] se jgħarraf lil [isem l-awtorità xierqa] fil-każ li:

(a)

jieqaf min-negozju tiegħu; jew ibiddel ismu;

(b)

ma jibqax jittratta ma' merkanzija bl-ajru/posta bl-ajru; jew

(c)

ma jkunx jista' jkompli jissodisfa r-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea li tispeċifika r-rekwiżiti għall-merkanzija bl-ajru/posta bl-ajru li tinġarr lejn l-Unjoni Ewropea minn pajjiżi terzi.

Naċċetta r-responsabbiltà sħiħa għal din id-dikjarazzjoni.

Isem:

Kariga fil-kumpanija:

Data:

Firma::

DOKUMENT MEHMUŻ 6-I

Id-dispożizzjonijiet għall-merkanzija jew il-posta b'riskju għoli huma stipulati f’Deċiżjoni tal-Kummissjoni separata.

DOKUMENT MEHMUŻ 6-J

Id-dispożizzjonijiet għall-użu tat-tagħmir tal-iskrinjar huma stipulati f’Deċiżjoni tal-Kummissjoni separata.”

F.

Fil-Kapitolu 11, għandu jiżdied il-punt li ġej:

11.0.5.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, kull waħda minn dawn il-persuni li ġejjin tista' taġixxi bħala validatur indpendenti:

rappreżentant tal-awtorità nazzjonali ta' Stat Membru tal-Unjoni;

kwalunkwe persuna fiżika jew legali oħra rikonoxxuta minn Stat Membru jew mill-Kummissjoni għal dan l-iskop.”