15.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 185/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 677/2011

tas-7 ta’ Lulju 2011

li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 691/2010

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 549/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 li jippreskrivi l-qafas għall-ħolqien tal-Ajru Uniku Ewropew (ir-Regolament qafas) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11 tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2004 dwar l-organizzazzjoni u l-użu tal-ispazju tal-arja fl-ajru uniku Ewropew (ir-Regolament tal-ispazju tal-arja) (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 6 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 għandu l-għan li jappoġġa l-kunċett ta’ spazju tal-ajru operattiv dejjem iktar integrat fil-kuntest tal-politika komuni tat-trasport u li jistabbilixxi proċeduri komuni għad-disinn, għall-ippjanar u għall-ġestjoni li jiżguraw it-twettiq effiċjenti u sikur tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru. Il-funzjonijiet tan-netwerk għandu jkollhom l-għan li jappoġġaw inizjattivi fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru.

(2)

Il-funzjonijiet tan-netwerk għandhom ikunu “servizz ta’ interess ġenerali” li jitħaddem għan-netwerk Ewropew tal-avjazzjoni u li jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tas-sistema tat-trasport tal-ajru billi jiżgura l-livell mitlub ta’ prestazzjoni, kompatibbiltà u koordinazzjoni tal-attivitajiet, inklużi dawk sabiex ikun żgurat l-aħjar użu ta’ riżorsi skarsi.

(3)

Id-disinn tan-netwerk Ewropew tar-rotot u l-koordinazzjoni tar-riżorsi skarsi skont ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għas-sovranità tal-Istati Membri fuq l-ispazju tal-ajru tagħhom u għar-rekwiżiti tal-Istati Membri marbutin mal-ordni pubbliku, mas-sigurtà pubblika u ma’ kwistjonijiet tad-difiża skont ir-Regolament (KE) Nru 549/2004.

(4)

Id-Deċiżjoni Nru 676/2002/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar qafas regolatorju għall-politika dwar l-ispettru tar-radju fil-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Ispettri tar-radju) (3) toħloq qafas ta’ politika u qafas legali għal dak il-qasam.

(5)

Għandu jkun stabbilit korp imparzjali u kompetenti (il-Maniġer tan-Netwerk) sabiex iwettaq il-kompiti meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk previsti fir-Regolament (KE) Nru 551/2004.

(6)

In-netwerk Ewropew tar-rotot għandu jkun iddisinjat sabiex ir-rotot jittejbu kemm jista’ jkun minn perspettiva ta’ bieb għall-ieħor (“gate-to-gate”) fil-fażijiet kollha tat-titjira, billi jitqiesu, b’mod partikolari, l-effiċjenza tat-titjira u l-aspetti ambjentali.

(7)

Ħidmet l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (l-ICAO) u l-Eurocontrol fid-disinn tar-rotot, fil-ġestjoni tal-frekwenzi u tal-kodiċijiet tat-transponders tar-radars sekondarji ta’ sorveljanza (SSR) hija rrikonoxxuta u għandha tintuża bħala bażi meta jkunu qed jittejbu kemm jista’ jkun l-iżvilupp u l-ħidma tan-netwerk fil-livell tal-Unjoni.

(8)

L-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-ICAO f’dak li għandu x’jaqsam mad-disinn tar-rotot, mal-ġestjoni tal-frekwenzi u tal-kodiċijiet tat-transponders SSR għandhom jiġu rrispettati u għandhom jiġu implimentati b’mod iktar effettiv għan-netwerk b’koordinazzjoni u b’appoġġ mill-Maniġer tan-Netwerk.

(9)

L-allokazzjoni tal-ispettru tar-radju ssir fil-kuntest tal-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (l-UIT). L-Istati Membri għandhom ir-responsabbiltà li jenfasizzaw ir-rekwiżiti tal-avjazzjoni ċivili u li wara jużaw ir-riżorsi allokati għat-traffiku tal-ajru ġenerali bl-aħjar mod.

(10)

L-ICAO żviluppat materjal ta’ gwida li huwa rilevanti għall-funzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR u tal-frekwenzi tar-radju u tħaddem sistema ta’ reġistrazzjoni tal-assenjazzjonijiet tal-frekwenzi għall-għanijiet tat-traffiku tal-ajru ġenerali fir-reġjun Ewropew tal-ICAO, li bħalissa hija ffaċilitata mill-Eurocontrol.

(11)

Ir-Regolament (KE) Nru 551/2004 jeżiġi l-adozzjoni ta’ regoli dettaljati ta’ implimentazzjoni sabiex ikunu kkoordinati u armonizzati l-proċessi u l-proċeduri ħalli titkabbar l-effiċjenza tal-ġestjoni tal-frekwenzi ajrunawtiċi u l-adozzjoni ta’ funzjoni ċentrali sabiex ikunu kkoordinati l-identifikazzjoni bikrija u r-riżoluzzjoni tal-ħtiġijiet tal-frekwenzi sabiex jingħata appoġġ lid-disinn u lit-tħaddim tan-netwerk.

(12)

Minħabba li l-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (ATFM) hija parti integrali mill-funzjonijiet tan-netwerk, hija meħtieġa rabta xierqa mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 255/2010 tal-25 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-ġestjoni tal-fluss tat-traffiku tal-ajru (4).

(13)

Billi l-effiċjenza tal-ġestjoni tan-netwerk tiddependi mill-bidu immedjat tal-funzjonijiet tan-netwerk, l-Istati Membri diġà fdaw lill-Eurocontrol bit-twettiq tal-AFTM.

(14)

Huwa ta’ benefiċċju li korp wieħed jiġi fdat bil-koordinazzjoni tad-diversi funzjonijiet tan-netwerk sabiex ikunu żviluppati soluzzjonijiet konsistenti tal-aħjar użu fil-livell tan-netwerk għal perjodu qasir taż-żmien u fit-tul li jkunu konformi mal-għanijiet tal-prestazzjoni. Madankollu, il-funzjonijiet tan-netwerk għandhom jitwettqu mill-Maniġer tan-Netwerk u fil-livell tal-Istati Membri u tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru skont ir-responsabbiltajiet stabbiliti b’dan ir-Regolament.

(15)

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jkun involut f’ċerti aspetti tal-pjanijiet, tal-azzjonijiet u tat-twettiq tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) tal-Istati Membri jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, b’mod partikolari meta jista’ jkun mistenni li dan l-aspett għandu, jew x’aktarx se jkollu, effett materjali fuq il-prestazzjoni tan-netwerk.

(16)

L-avvenimenti marbutin mal-eruzzjoni tal-vulkan Eyjafjallajökull f’April tal-2010 wrew il-ħtieġa li tinħoloq entità ċentrali li tista’ tieħu rwol ta’ tmexxija fil-koordinazzjoni tal-ġestjoni tal-miżuri ta’ mitigazzjoni fil-livell lokali, reġjonali u tan-netwerk sabiex ikun żgurat li jkun hemm reazzjoni f’waqtha għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi fil-ġejjieni li jaffettwaw lill-avjazzjoni.

(17)

Għandu jkun hemm koordinazzjoni bejn il-funzjonijiet tan-netwerk u l-operazzjonijiet organizzati fil-livell tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru.

(18)

Għandhom isiru konsultazzjonijiet effettivi mal-partijiet interessati fil-livell nazzjonali, f’dak tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru u f’dak tan-netwerk.

(19)

L-ajruporti, minħabba li huma l-punti ta’ dħul u ta’ ħruġ għan-netwerk, huma kontributuri ewlenin għall-prestazzjoni ġenerali tan-netwerk, u għalhekk il-funzjonijiet tan-netwerk għandhom jistabbilixxu kollegamenti, permezz tal-osservatorju tal-Unjoni dwar il-kapaċità tal-ajruporti, mal-operaturi tal-ajruporti li jagħmluha ta’ koordinaturi fuq l-art, bil-għan li tittejjeb kemm jista’ jkun il-kapaċità fuq l-art, biex b’hekk tittejjeb il-kapaċità ġenerali tan-netwerk.

(20)

L-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (5).

(21)

Filwaqt li titqies kif xieraq l-effettività tal-operazzjonijiet militari, il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn iċ-ċivil u l-militar huma importanti ħafna sabiex jintlaħqu l-għanijiet meħtieġa. Filwaqt li d-deċiżjonijiet marbutin mal-kontenut, mal-ambitu jew mat-twettiq tal-operazzjonijiet militari u mat-taħriġ imwettqa skont is-sistema operattiva tat-traffiku tal-ajru ma jaqgħux fl-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni, huwa importanti li jiġu koperti l-interfaċċji bejn dawn l-operazzjonijiet u dawk koperti minn dan ir-Regolament fl-interess tas-sikurezza u tal-effiċjenza reċiproka.

(22)

Il-funzjonijiet tan-netwerk għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 li għandu l-għan li tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà essenzali jew l-interessi tal-politika ta’ difiża jew l-applikazzjoni tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004.

(23)

Il-funzjonijiet tan-netwerk għandhom ikunu pprovduti b’mod kosteffikaċi, b’mod partikolari billi jkun evitat kwalunkwe sforz doppju, u b’hekk dawn il-funzjonijiet ikunu jistgħu jiġu pprovduti b’rekwiżiti ta’ riżorsi finanzjarji u umani mnaqqsa, jew għall-inqas mhux ogħla, fl-Istati Membri fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, meta mqabbla mas-sitwazzjoni ta’ qabel ma nħatar Maniġer tan-Netwerk.

(24)

Il-Kummissjoni għandha tiżgura sorveljanza xierqa tal-Maniġer tan-Netwerk.

(25)

Ir-rekwiżiti tas-sikurezza għall-funzjonijiet tan-netwerk iridu jkunu ta’ livell li jista’ jitqabbel mar-rekwiżiti tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (l-Aġenzija) dwar il-provvista tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru. Għandhom jiġu previsti dawn ir-rekwiżiti, kif ukoll ir-rekwiżiti dwar is-sorveljanza tas-sikurezza.

(26)

Il-kunsiderazzjoni ta’ pajjiżi terzi u l-involviment tagħhom fl-istabbiliment u fl-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk għandhom jagħtu kontribut għad-dimensjoni pan-Ewropea tal-ajru uniku Ewropew.

(27)

Il-funzjonijiet tan-netwerk jistgħu jiġu estiżi skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004.

(28)

L-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk għandha tkun suġġetta għal miri speċifiċi ta’ prestazzjoni li jeħtieġu emendi għar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 691/2010 tad-29 ta’ Lulju 2010 li jistabbilixxi skema ta’ prestazzjoni għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u għall-funzjonijiet tan-netwerk u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2096/2005 li jistabbilixxi rekwiżiti komuni għall-forniment ta’ servizzi ta’ navigazzjoni bl-ajru (6). Dawk il-miri ta’ prestazzjoni jistgħu jiġu żviluppati iktar fuq il-bażi tal-esperjenza prattika fl-eżekuzzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni.

(29)

Ir-Regolament (EU) Nru 691/2010 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(30)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM) skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 sabiex jippermetti l-aħjar użu tal-ispazju tal-ajru fl-ajru uniku Ewropew u sabiex ikun żgurat li l-utenti tal-ispazju tal-ajru jkunu jistgħu jaħdmu fuq it-trajettorji ppreferuti, filwaqt li jippermetti aċċess massimu għall-ispazji tal-ajru u għas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.

2.   Għall-għan tal-ġestjoni tan-netwerk, dan ir-Regolament għandu japplika b’mod partikolari għall-Istati Membri, għall-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“l-Aġenzija”), għall-utenti tal-ispazju tal-ajru, għall-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, għall-operaturi tal-ajruporti, għall-koordinaturi tas-slots fl-ajruporti u għall-organizzazzjonijiet operattivi, fil-livell nazzjonali jew f’dak tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru.

3.   Skont l-Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 u mingħajr preġudizzju għat-tħaddim tal-inġenji tal-ajru tal-Istat skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, l-Istati Membri għandhom japplikaw dan ir-Regolament fl-ispazju tal-ajru mqiegħed taħt ir-responsabbiltà tagħhom fir-reġjuni EUR u AFI tal-ICAO.

4.   Skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004, dan ir-Regolament ma għandux jimpedixxi l-applikazzjoni ta’ miżuri minn Stat Membru, sa fejn dawn ikunu meħtieġa, sabiex jiġu ssalvagwardjati s-sigurtà essenzjali jew l-interessi tal-politika tad-difiża.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijet mogħtija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

Barra minn hekk, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.

“operatur ta’ ajruport” tfisser il-“korp ta’ amministrazzjoni ta’ ajruport” kif iddefinit fil-punt (j) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KEE) Nru 95/93;

2.

“koordinatur tas-slots f’ajruport” tfisser il-funzjoni stabbilita f’ajruporti kkoordinati skont ir-Regolament (KEE) Nru 95/93;

3.

“disinn tal-ispazju tal-ajru” tfisser proċess sabiex jingħata kontribut ħalli jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni marbutin man-netwerk u sabiex ikunu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-utenti tal-ispazju tal-ajru kif ukoll sabiex ikun żgurat jew miżjud il-livell stabbilit ta’ sikurezza u jiżdiedu l-kapaċità tal-ispazju tal-ajru u l-prestazzjoni ambjentali permezz tal-iżvilupp u tal-implimentazzjoni ta’ kapaċitajiet u ta’ tekniki navigazzjonali avanzati, ta’ netwerks ta’ rotot imtejba, inkluż it-tqassim f’setturi assoċjat magħhom, ta’ strutturi tal-ispazju tal-ajru mtejba kemm jista’ jkun u ta’ proċeduri ta’ ATM li jtejbu l-kapaċità;

4.

“prenotazzjoni tal-ispazju tal-ajru” tfisser volum iddefinit ta’ spazju tal-ajru rriżervat b’mod temporanju biex jintuża b’mod esklużiv jew speċifiku minn kategoriji ta’ utenti;

5.

“restrizzjoni fuq l-ispazju tal-ajru” tfisser volum iddefinit ta’ spazju tal-ajru li fih jistgħu jitwettqu, b’diversi modi, attivitajiet li huma perikolużi għat-titjir ta’ inġenji tal-ajru f’ħinijiet speċifiċi (“żona ta’ periklu”); jew tali spazju tal-ajru li jinsab ‘il fuq minn żoni tal-art jew minn ilmijiet territorjali ta’ Stat li fih it-titjir ta’ inġenji tal-ajru huwa ristrett skont ċerti kundizzjonijiet speċifiċi (“żona ristretta”); jew tali spazju tal-ajru li jinsab ‘il fuq minn żoni tal-art jew minn ilmijiet territorjali ta’ Stat li fih it-titjir ta’ inġenji tal-ajru huwa pprojbit (“żona pprojbita”);

6.

“struttura ta’ spazju tal-ajru” tfisser volum speċifiku ta’ spazju tal-ajru maħsub sabiex ikun żgurat it-tħaddim sikur u ottimali ta’ inġenji tal-ajru;

7.

“użu tal-ispazju tal-ajru” tfisser il-mod li bih l-ispazju tal-ajru jintuża mil-lat operattiv;

8.

“rappreżentant tal-utenti tal-ispazju tal-ajru” tfisser kwalunkwe persuna jew entità legali li tirrappreżenta l-interessi ta’ kategorija waħda jew ta’ diversi kategoriji ta’ utenti tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru;

9.

“medda ta’ frekwenza tal-avjazzjoni” tfisser annotazzjoni, fit-Tabella tal-Allokazzjonijiet tal-Frekwenzi tar-Regolamenti tar-Radju tal-ITU, ta’ medda speċifika ta’ frekwenzi li fiha jsiru assenjazzjonijiet tal-frekwenzi għall-għan tat-traffiku tal-ajru ġenerali;

10.

“settur ATC” tfisser volum iddefinit ta’ spazju tal-ajru li għalih kontrollur/i assoċjat/i jkun/jkunu responsabbli għall-kontroll tat-traffiku tal-ajru (ATC) fi kwalunkwe ħin partikolari;

11.

“rotta tas-servizzi tat-traffiku tal-ajru (rotta ATS)” tfisser parti speċifika mill-istruttura tal-ispazju tal-ajru maħsuba sabiex il-fluss tat-traffiku jkun dirett kif meħtieġ sabiex jingħataw servizzi tat-traffiku tal-ajru;

12.

“koordinazzjoni bejn iċ-ċivil u l-militar” tfisser l-interazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-komponenti ċivili u militari tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru meħtieġa sabiex ikun żgurat użu sikur, effiċjenti u armonjuż tal-ispazju tal-ajru;

13.

“rotta kundizzjonali (CDR)” tfisser rotta tal-ajru li hija disponibbli għall-ippjanar tat-titjiriet u li tista’ tintuża biss f’kundizzjonijiet speċifiċi;

14.

“teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv” tfisser proċess fejn jittieħdu deċiżjonijiet fuq il-bażi ta’ interazzjoni u ta’ konsultazzjoni kostanti mal-Istati Membri, mal-partijiet interessati operattivi u ma’ partijiet interessati oħrajn kif ikun xieraq;

15.

“kriżi tan-netwerk” tfisser stat fejn ma jkunx jista’ jiġi pprovdut servizz tan-navigazzjoni bl-ajru fil-livell meħtieġ li jwassal għal telf kbir fil-kapaċità tan-netwerk, jew fi żbilanċ kbir bejn il-kapaċità u d-domanda tan-netwerk, jew nuqqas kbir fil-fluss tal-informazzjoni f’parti waħda jew f’diversi partijiet tan-netwerk wara sitwazzjoni li ma tkunx tas-soltu u ma tkunx prevista;

16.

“Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot” tfisser il-pjan żviluppat mill-Maniġer tan-Netwerk f’koordinazzjoni mal-partijiet interessati operattivi li jinkludi r-riżultat tal-attivitajiet operattivi tiegħu fir-rigward tad-disinn tan-netwerk tar-rotot fuq perjodu qasir u medju taż-żmien skont il-prinċipji ta’ gwida tal-Pjan Strateġiku għan-Netwerk;

17.

“Spazju tal-ajru b’rotot liberi” tfisser spazju tal-ajru speċifiku li fih l-utenti jistgħu jippjanaw bil-libertà kollha r-rotot tagħhom bejn punt ta’ dħul u punt tal-ħruġ mingħajr ma jirreferu għan-netwerk tar-rotot tal-ajru;

18.

“assenjazzjoni ta’ frekwenza” tfisser awtorizzazzjoni mogħtija minn Stat Membru sabiex tintuża frekwenza tar-radju jew sabiex jintuża kanal ta’ frekwenza tar-radju b’kundizzjonijiet speċifiċi;

19.

“impatt fuq in-netwerk” tfisser, fil-kuntest tal-funzjoni tal-frekwenzi tar-radju stabbilita fl-Anness II, sitwazzjoni fejn assenjazzjoni ta’ frekwenza tar-radju se tiddegrada, tfixkel jew tinterrompi l-funzjonament ta’ assenjazzjoni ta’ frekwenza tar-radju waħda jew iktar tan-netwerk, jew se topponi l-aħjar użu tal-meded ta’ frekwenza tal-avjazzjoni fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament;

20.

“possibbiltajiet ta’ rotot multipli” tfisser id-disponibbiltà, għall-utent tal-ispazju tal-ajru, ta’ iktar minn possibbiltà waħda ta’ rotta fuq in-netwerk tar-rotot tal-ajru;

21.

“pajjiżi terzi” tfisser pajjiżi li mhumiex Stati Membri iżda li huma membri tal-Eurocontrol jew li kkonkludew ftehim mal-Unjoni dwar l-implimentazzjoni tal-ajru uniku Ewropew jew li qed jieħdu sehem fi blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru;

22.

“Maniġer tan-Netwerk” tfisser il-korp stabbilit skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 sabiex iwettaq id-dmirijiet previsti f’dak l-Artikolu u f’dan ir-Regolament;

23.

“Pjan Operattiv tan-Netwerk” tfisser il-pjan żviluppat mill-Maniġer tan-Netwerk b’koordinazzjoni mal-partijiet interessati operattivi sabiex jorganizza l-attivitajiet operattivi tiegħu fuq perjodu qasir u medju taż-żmien skont il-prinċipji ta’ gwida tal-Pjan Strateġiku għan-Netwerk. Għal dik il-parti tal-Pjan Operattiv tan-Netwerk li hija speċifika għad-disinn tan-netwerk Ewropew tar-rotot (ERND), dan jinkludi l-Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot;

24.

“Pjan Strateġiku għan-Netwerk” tfisser il-pjan żviluppat mill-Maniġer tan-Netwerk, b’mod konsistenti mal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM, b’koordinazzjoni mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati operattivi, li jiddefinixxi l-prinċipji ta’ gwida għat-tħaddim tan-netwerk u l-perspettiva fit-tul tiegħu;

25.

“organizzazzjoni operattiva” tfisser organizzazzjoni li għandha r-responsabbiltà tipprovdi servizzi ta’ inġinerija u servizzi tekniċi li jappoġġaw is-servizzi tat-traffiku tal-ajru, tal-komunikazzjoni, tan-navigazzjoni jew ta’ sorveljanza;

26.

“rekwiżiti operattivi” tfisser ir-rekwiżiti tan-netwerk f’termini ta’ sikurezza, ta’ kapaċità u ta’ effiċjenza;

27.

“partijiet interessati operattivi” tfisser l-utenti ċivili u militari tal-ispazju tal-ajru, il-fornituri ċivili u militari tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, l-operaturi tal-ajruporti, il-koordinaturi tas-slots fl-ajruporti u l-organizzazzjonijiet operattivi u kwalunkwe grupp ta’ partijiet interessati addizzjonali meqjus bħala rilevanti għall-funzjonijiet individwali;

28.

“konfigurazzjoni tas-settur” tfisser skema li tgħaqqad flimkien setturi li huma mibnija u li qegħdin fl-aħjar pożizzjoni biex jissodifaw ir-rekwiżiti operattivi u d-disponibbiltà tal-ispazju tal-ajru;

29.

“rotta mitluba mill-utent” tfisser ir-rotta mixtieqa li hija ddikjarata mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru fl-istadju tad-disinn tal-ispazju tal-ajru sabiex jiġu sodisfatti ħtiġijiethom.

KAPITOLU II

ORGANIZZAZZJONI U ĠESTJONI TAL-FUNZJONIJIET TAN-NETWERK

Artikolu 3

Stabbiliment ta’ Maniġer tan-Netwerk

1.   Sabiex jitwettqu l-kompiti meħtieġa għall-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet previsti fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 u fl-Annessi ta’ dan ir-Regolament, għandu jiġi stabbilit korp imparzjali u kompetenti (il-Maniġer tan-Netwerk).

2.   Il-perjodu li għalih jinħatar il-Maniġer tan-Netwerk għandu jkun l-istess bħall-perjodi ta’ referenza għall-iskema ta’ prestazzjoni previsti fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 691/2010. Dan għandu jkun twil biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi żviluppata ċerta maturità fit-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet. M’għandux ikun iqsar minn żewġ perjodi ta’ referenza u għandu jkun jista’ jiġġedded.

3.   Il-ħatra tal-Maniġer tan-Netwerk għandha ssir permezz ta’ Deċiżjoni tal-Kummissjoni wara li jiġi kkonsultat il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 u għandha ssir mhux iktar tard minn tliet xhur wara li jiġi adottat dan ir-Regolament. Dik id-Deċiżjoni għandha tinkludi t-termini u l-kundizzjonijiet tal-ħatra, fosthom il-finanzjament u l-kundizzjonijiet għall-irtirar tagħha. Il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-konformità ma’ dawk il-kundizzjonijiet fi tmiem kull perjodu ta’ referenza msemmi fil-paragrafu 2.

4.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jwettaq il-funzjonijiet li ġejjin:

(a)

għandu jiddisinja n-Netwerk Ewropew tar-Rotot kif stabbilit fl-Anness I;

(b)

għandu jikkoordina r-riżorsi skarsi, b’mod partikolari:

(i)

il-frekwenzi tar-radju fil-meded ta’ frekwenza tal-avjazzjoni użati mit-traffiku tal-ajru ġenerali kif stabbilit fl-Anness II;

(ii)

il-kodiċijiet tat-transponders SSR kif stabbilit fl-Anness III.

Lill-Maniġer tan-Netwerk, il-Kummissjoni tista’ żżidlu funzjonijiet oħrajn skont l-Artikoli 6(3) jew (4)(c) tar-Regolament (KE) Nru 551/2004.

5.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jwettaq ukoll il-funzjoni tal-ATFM imsemmija fl-Artikolu 6(6) tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 u fir-Regolament (UE) Nru 255/2010.

Artikolu 4

Kompiti tal-Maniġer tan-Netwerk

1.   Sabiex jappoġġa l-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet imniżżlin fl-Artikolu 3, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin, ħalli jkun hemm titjib kontinwu fl-operazzjonijiet tan-netwerk fl-ajru uniku Ewropew u b’hekk jingħata kontribut għall-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha mogħtija fir-Regolament (UE) Nru 691/2010, u b’mod partikolari għandu:

(a)

jiżviluppa, iżomm u jimplimenta l-Pjan Strateġiku għan-Netwerk speċifikat fl-Artikolu 5, f’konformità mal-iskema ta’ prestazzjoni prevista fir-Regolament (UE) Nru 691/2010 u mal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM, u billi jqis kwalunkwe Pjan tan-Navigazzjoni bl-Ajru tal-ICAO rilevanti;

(b)

jistabbilixxi fid-dettall il-Pjan Strateġiku għan-Netwerk permezz ta’ Pjan Operattiv tan-Netwerk, kif speċifikat iktar fl-Artikolu 6, u għandu jindirizza, b’mod partikolari, il-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha li jkopru perjodi minn tlieta sa ħames snin, perjodi annwali, tal-istaġun, fil-ġimgħa u ta’ kuljum;

(c)

jiżviluppa Disinn integrat tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot stabbilit fl-Anness I;

(d)

jipprovdi l-funzjoni ċentrali għall-koordinazzjoni tal-frekwenzi tar-radju kif mitlub mill-Artikolu 6(4)(b) tar-Regolament (KE) Nru 551/2004 u kif stabbilit fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament;

(e)

jikkoordina t-titjib tal-proċess tal-allokazzjoni tal-kodiċijiet tat-transponders SSR stabbilit fl-Anness III;

(f)

jorganizza l-ġestjoni u l-operazzjonijiet tal-funzjonijiet u jeżegwixxi, b’mod partikolari, l-obbligi tal-Unità Ċentrali għall-ATFM;

(g)

jipprovdi approċċ ikkonsolidat u kkoordinat għall-attivitajiet kollha ta’ ppjanar u l-attivitajiet kollha operattivi tan-netwerk, inklużi l-monitoraġġ u t-titjib tal-prestazzjoni ġenerali tiegħu;

(h)

jipprovdi appoġġ għall-ġestjoni tal-kriżijiet tan-netwerk;

(i)

jappoġġa lill-partijiet interessati operattivi differenti fl-eżekuzzjoni tal-obbligi imposti fuqhom fl-użu tas-sistemi u tal-proċeduri tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u/jew tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru (ATM/ANS) skont il-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM;

(j)

jipprovdi appoġġ lill-entitajiet fdati bl-investigazzjoni tal-aċċidenti u tal-inċidenti tal-avjazzjoni ċivili jew bl-analiżi tal-okkorrenzi kif ikun mitlub minn dawk l-entitajiet fl-ambitu tar-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(k)

jiżgura l-koordinazzjoni ma’ reġjuni u ma’ pajjiżi terzi oħrajn li ma jiħdux sehem f’ħidmet il-Maniġer tan-Netwerk.

2.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jagħti kontribut għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ prestazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 691/2010.

3.   Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiżgura dan li ġej:

(a)

id-disponibbiltà, il-funzjonament u l-qsim ta’ għodod, ta’ proċessi u ta’ dejta konsistenti sabiex jingħata appoġġ lill-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv fil-livell tan-netwerk, li jinkludu s-sistemi ta’ pproċessar tal-pjanijiet tat-titjiriet u s-sistemi tal-ġestjoni tad-dejta, imma li mhumiex limitati għalihom;

(b)

il-faċilitazzjoni u l-koordinazzjoni bejn il-partijiet interessati operattivi u l-appoġġ lil dawn il-partijiet interessati fl-użu u fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet u tal-miżuri relatati tan-netwerk wara t-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv;

(c)

il-koordinazzjoni operattiva, kif ukoll l-aħjar użu, l-interoperabbiltà u l-interkonnettività xierqa fil-qasam ta’ responsabbiltà tiegħu;

(d)

il-koordinazzjoni tal-proposti għal emendi fid-dokumenti xierqa tal-ICAO marbutin mal-funzjonijiet tan-netwerk;

(e)

ir-rappurtar, skont l-Artikolu 20, tal-aspetti kollha marbutin mal-prestazzjoni operattiva, inklużi r-riżorsi skarsi;

(f)

kollegament xieraq ma’ mezzi oħrajn tat-trasport.

4.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jissodisfa talbiet ad hoc għall-informazzjoni, il-pariri, l-analiżi jew kompiti anċillari simili oħrajn marbutin mad-diversi funzjonijiet fuq talba tal-Kummissjoni jew tal-Aġenzija.

Artikolu 5

Pjan Strateġiku għan-Netwerk

1.   Sabiex jiggwida l-perspettiva fit-tul tiegħu, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiżviluppa, iżomm u jimplimenta Pjan Strateġiku għan-Netwerk, li għandu jkun allinjat mal-perjodu ta’ referenza previst fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 691/2010. Dan għandu jinkludi l-pjan ta’ prestazzjoni u l-miri ta’ prestazzjoni għall-perjodu ta’ referenza li jmiss u għandu jagħti l-prospetti għall-perjodi ta’ referenza tal-ġejjieni.

2.   Il-Pjan Strateġiku għan-Netwerk għandu jipprovdi l-informazzjoni stabbilita fl-Anness IV.

3.   Il-Pjan Strateġiku għan-Netwerk għandu jkollu l-għan li jilħaq il-miri ta’ prestazzjoni għall-funzjonijiet tan-netwerk previsti fir-Regolament (UE) Nru 691/2010.

4.   Il-Pjan Strateġiku għan-Netwerk għandu jiġi aġġornat jekk dan ikun xieraq.

Artikolu 6

Pjan Operattiv tan-Netwerk

1.   Sabiex jiġi implimentat il-Pjan Strateġiku għan-Netwerk fil-livell operattiv, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiżviluppa Pjan Operattiv tan-Netwerk dettaljat.

2.   Il-Pjan Operattiv tan-Netwerk għandu jipprovdi l-informazzjoni stabbilita fl-Anness V.

3.   Il-Pjan Operattiv tan-Netwerk għandu, b’mod partikolari, jistabbilixxi miżuri għat-twettiq tal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha previsti fir-Regolament (UE) Nru 691/2010 li jkopru perjodu minn tlieta sa ħames snin, perjodu annwali, tal-istaġun, fil-ġimgħa u ta’ kuljum.

4.   Il-Pjan Operattiv tan-Netwerk għandu jinkludi rekwiżiti militari, jekk l-Istati Membri jipprovduhom.

5.   Il-Pjan Operattiv tan-Netwerk għandu jinkludi l-Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot u l-pjan ekwivalenti għall-frekwenzi tar-radju u għall-kodiċijiet tat-transponders SSR.

6.   Il-Pjan Operattiv tan-Netwerk għandu jidentifika r-restrizzjonijiet operattivi, l-ostakli, il-miżuri ta’ titjib u s-soluzzjonijiet biex ikun hemm rimedju jew biex tittaffa l-problema.

7.   Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, il-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru u l-operaturi tal-ajruporti għandhom jiżguraw li l-pjanijiet operattivi tagħhom ikunu allinjati mal-Pjan Operattiv tan-Netwerk. Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiżgura li l-Pjan Operattiv tan-Netwerk ikun koerenti.

8.   Il-Pjan Operattiv tan-Netwerk għandu jiġi aġġornat f’intervalli regolari, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi kollha rilevanti fil-ħtiġijiet u fir-rekwiżiti tal-funzjonijiet tan-netwerk.

Artikolu 7

Kompetenzi tal-Maniġer tan-Netwerk

1.   Mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tal-Istati Membri, huwa u jwettaq il-kompiti tiegħu, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jadotta miżuri individwali li jirriżultaw mill-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv. Il-partijiet ikkonċernati minn dawk il-miżuri għandhom jimplimentawhom.

2.   Fejn ir-responsabbiltajiet tal-Istat Membru ma jippermettux li jiġu adottati tali miżuri individwali, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jirreferi tali każ lill-Kummissjoni għal iktar kunsiderazzjoni.

3.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jirrakkomanda wkoll miżuri dwar kwistjonijiet oħrajn mitluba mill-prestazzjoni tan-netwerk.

4.   Fil-qasam ta’ responsabbiltà tiegħu, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jieħu miżuri bil-għan li jiżgura li jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha applikabbli msemmija fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 691/2010.

5.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiġbor, jikkonsolida u janalizza d-dejta kollha rilevanti identifikata fl-Annessi I sa VI. Huwa għandu jipprovdi din id-dejta lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija jew lill-Korp ta’ Analiżi tal-Prestazzjoni previst fir-Regolament (UE) Nru 691/2010, skont kif ikun mitlub.

Artikolu 8

Relazzjonijiet mal-partijiet interessati operattivi

1.   Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu ta’ monitoraġġ u ta’ titjib tal-prestazzjoni ġenerali tan-netwerk, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiżviluppa arranġamenti xierqa ta’ ħidma, previsti fl-Artikolu 15, mal-partijiet interessati operattivi.

2.   Il-partijiet interessati operattivi għandhom jiżguraw li l-miżuri implimentati fil-livell lokali jew fil-livell tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru jkunu kompatibbli ma’ dawk adottati fil-livell tan-netwerk permezz tal-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv.

3.   Il-partijiet interessati operattivi għandhom jipprovdu lill-Maniġer tan-Netwerk bid-dejta rilevanti mniżżla fl-Annessi I sa VI, u għandhom jikkonformaw ma’ kwalunkwe data ta’ skadenza u kwalunkwe rekwiżit ta’ kompletezza jew rekwiżit ta’ preċiżjoni miftehma mal-Maniġer tan-Netwerk għall-konsenja tagħha.

4.   Il-partijiet interessati operattivi li jkunu kkonċernati mill-miżuri individwali meħuda mill-Maniġer tan-Netwerk skont l-Artikolu 7(1) jistgħu jitolbu li tali miżuri jiġu rreveduti fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta jiġu adottati. It-talba għal reviżjoni m’għandhiex tissospendi l-miżuri individwali.

5.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jikkonferma jew jemenda l-miżuri kkonċernati fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol jew fi żmien 48 siegħa f’każ ta’ kriżi tan-netwerk.

Artikolu 9

Relazzjonijiet mal-Istati Membri

1.   Huwa u jwettaq il-kompiti tiegħu, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jqis, kif xieraq, ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Maniġer tan-Netwerk f’każ li s-sovranità u r-responsabbiltajiet tagħhom ma jħalluhomx jadottaw miżuri individwali skont l-Artikolu 7(1).

3.   Meta l-Istati Membri jkunu involuti fi kwistjonijiet operattivi marbutin mal-funzjonijiet tan-netwerk, huma għandhom ikunu parti mill-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv u għandhom jimplimentaw ir-riżultati miftehma f’dan il-proċess fil-livell nazzjonali.

Artikolu 10

Relazzjonijiet mal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm kooperazzjoni u koordinazzjoni mill-qrib bejn il-blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru u l-Maniġer tan-Netwerk, fost l-oħrajn fil-livell tal-ippjanar strateġiku u fil-ġestjoni tattika ta’ kuljum tal-flussi u tal-kapaċità.

2.   Sabiex tkun iffaċilitata l-interkonnettività operattiva bejn il-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jistabbilixxi, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-blokok funzjonali kollha tal-ispazju tal-ajru, proċessi, proċeduri u interfaċċji armonizzati, inklużi bidliet dwar aspetti marbutin mal-attivitajiet tal-Maniġer tan-Netwerk.

3.   L-Istati Membri li jikkooperaw fi blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru għandhom jiżguraw li jiġu fformulati fehmiet ikkonsolidati marbutin mal-funzjonijiet tan-netwerk.

4.   Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru li jikkooperaw fi blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru għandhom jiżguraw li jiġu fformulati fehmiet ikkonsolidati marbutin ma’ kwistjonijiet operattivi tal-funzjonijiet tan-netwerk.

5.   Qabel ma jiġi stabbilit blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru, l-Istati Membri u l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom jikkooperaw b’tali mod li jiġu fformulati fehmiet ikkonsolidati dwar aspetti marbutin mal-attivitajiet tal-Maniġer tan-Netwerk.

Artikolu 11

Kooperazzjoni bejn iċ-ċivil u l-militar

1.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiżgura li jkun hemm arranġamenti xierqa sabiex tkun permessa u appoġġata koordinazzjoni adegwata mal-awtoritajiet militari nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm involviment militari xieraq fl-attivitajiet kollha marbutin mal-funzjonijiet tan-netwerk.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm rappreżentanza xierqa tal-fornituri militari tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u tal-utenti militari tal-ispazju tal-ajru fl-arranġamenti operattivi kollha ta’ ħidma u ta’ konsultazzjoni stabbiliti mill-Maniġer tan-Netwerk.

4.   Il-funzjoni tad-Disinn tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot għandha titwettaq mingħajr preġudizzju għall-prenotazzjonijiet ta’ volum ta’ spazju tal-ajru għall-użu esklużiv jew speċifiku tal-Istati Membri jew għar-restrizzjonijiet fuqu. Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jinkoraġġixxi u jikkoordina d-disponibbiltà tar-rotot kundizzjonali minn dawk iż-żoni skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2150/2005 (8).

Artikolu 12

Rekwiżiti ġenerali għall-funzjonijiet tan-netwerk

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiżgura li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ġenerali għall-funzjonijiet tan-netwerk stabbiliti fl-Anness VI. Dawk ir-rekwiżiti għandhom japplikaw mid-data tal-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-ħatra u l-Maniġer tan-Netwerk għandu jikkonforma magħhom fi żmien tnax-il xahar wara tali data.

KAPITOLU III

GOVERNANZA TAL-FUNZJONIJIET TAN-NETWERK

Artikolu 13

Teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv

1.   Il-ġestjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk għandha sseħħ permezz tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv.

2.   Proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv għandu jinkludi:

(a)

proċess ta’ konsultazzjoni previst fl-Artikolu 14;

(b)

arranġamenti ta’ ħidma dettaljati u proċessi operattivi previsti fl-Artikolu 15.

3.   Sabiex ikunu adottati miżuri marbutin mal-governanza tal-funzjonijiet tan-netwerk u sabiex tiġi mmonitorjata l-prestazzjoni tagħhom, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jistabbilixxi Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk previst fl-Artikolu 16.

4.   F’każ li l-Maniġer tan-Netwerk isib li parti waħda jew diversi partijiet qed ifixklu l-azzjonijiet tiegħu, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk sabiex tiġi solvuta.

Artikolu 14

Proċess ta’ konsultazzjoni

1.   Għandu jkun stabbilit proċess sabiex tkun organizzata konsultazzjoni xierqa u regolari mal-Istati Membri u mal-partijiet interessati operattivi.

2.   Il-konsultazzjoni għandha tiffoka fuq l-arranġamenti ta’ ħidma dettaljati previsti fl-Artikolu 15, fuq il-Pjan Strateġiku għan-Netwerk, fuq il-Pjan Operattiv tan-Netwerk, fuq il-progress fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet, fuq ir-rapporti lill-Kummissjoni u fuq kwistjonijiet operattivi, skont kif ikun xieraq.

3.   Il-proċess ta’ konsultazzjoni jista’ jvarja skont in-natura tal-funzjonijiet individwali tan-netwerk. Sabiex ikun żgurat li jkunu jistgħu jiġu indirizzati kwistjonijiet regolatorji, l-Istati Membri għandhom ikunu involuti meta dan ikun meħtieġ.

4.   F’każ li l-partijiet interessati ma jkunux sodisfatti bil-konsultazzjoni, il-kwistjoni l-ewwel għandha tgħaddi mill-arranġament ta’ konsultazzjoni xieraq fil-livell tal-funzjoni individwali. Meta ma tkunx tista’ tinstab soluzzjoni għall-kwistjoni fil-livell tal-funzjoni individwali, il-kwistjoni għandha tintbagħat lill-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk sabiex tiġi solvuta.

Artikolu 15

Arranġamenti ta’ ħidma dettaljati u proċessi operattivi

1.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiżviluppa arranġamenti ta’ ħidma dettaljati u proċessi operattivi sabiex jindirizza aspetti ta’ ppjanar u aspetti operattivi, filwaqt li jqis, b’mod partikolari, l-ispeċifiċità u r-rekwiżiti tal-funzjonijiet individwali tan-netwerk kif speċifikat fl-Annessi I sa VI.

2.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiżgura li l-arranġamenti ta’ ħidma dettaljati u l-proċessi operattivi jinkludu regoli għan-notifika tal-partijiet interessati kkonċernati.

3.   Dawn l-arranġamenti ta’ ħidma dettaljati u l-proċessi operattivi jeħtieġ li jirrispettaw is-separazzjoni tal-provvista tas-servizzi u tal-kwistjonijiet regolatorji u jeħtieġ li jiżguraw li l-Istati Membri jkunu involuti, meta dan ikun meħtieġ.

Artikolu 16

Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk

1.   Il-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk għandu jkun responsabbli:

(a)

għall-approvazzjoni tal-Pjan Strateġiku għan-Netwerk qabel ma jiġi adottat skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004;

(b)

għall-approvazzjoni tal-Pjan Operattiv tan-Netwerk ta’ tlieta sa ħames snin u ta’ dak annwali;

(c)

għall-approvazzjoni tal-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv, tal-proċessi ta’ konsultazzjoni kif ukoll tal-arranġamenti ta’ ħidma ddettaljati u tal-proċessi operattivi għall-funzjonijiet tan-netwerk, wara li l-Kumitat dwar l-Ajru Uniku jkun ta opinjoni pożittiva dwarhom;

(d)

għall-approvazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura taċ-Ċellula Ewropea ta’ Koordinazzjoni tal-Kriżijiet fis-Settur tal-Avjazzjoni prevista fl-Artikolu 18(4), wara li l-Kumitat dwar l-Ajru Uniku jkun ta opinjoni pożittiva dwarhom;

(e)

għall-monitoraġġ tal-progress fl-implimentazzjoni tal-pjanijiet u għall-indirizzar ta’ kwalunkwe devjazzjoni potenzjali mill-pjanijiet inizjali;

(f)

għall-monitoraġġ tal-proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati operattivi;

(g)

għall-monitoraġġ tal-attivitajiet marbutin mal-ġestjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk;

(h)

għall-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-Maniġer tan-Netwerk marbutin mal-kriżijiet tan-netwerk;

(i)

għall-approvazzjoni tar-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 20. Dan ir-rapport għandu jinkludi l-implimentazzjoni tal-Pjan Strateġiku għan-Netwerk u tal-Pjan Operattiv tan-Netwerk, imma m’għandux ikun limitat għaliha;

(j)

għall-indirizzar ta’ kwistjonijiet li ma ġewx solvuti fil-livell tal-funzjonijiet individwali tan-netwerk;

(k)

għall-valutazzjoni ta’ jekk il-Maniġer tan-Netwerk għandux il-kompetenzi, ir-riżorsi u l-imparzjalità xierqa sabiex iwettaq il-kompiti assenjati lilu b’mod indipendenti, inklużi l-arranġamenti tas-sigurtà, tar-responsabbiltà u tal-emerġenzi;

(l)

għall-approvazzjoni tal-baġit annwali tal-Maniġers tan-Netwerk, wara li l-Kumitat dwar l-Ajru Uniku jkun ta opinjoni pożittiva dwaru;

(m)

għall-approvazzjoni tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, wara li l-Kumitat dwar l-Ajru Uniku jkun ta opinjoni pożittiva dwarhom;

(n)

għall-indirizzar ta’ kwalunkwe suġġett addizzjonali li huwa jidentifika bħala rilevanti.

2.   Dawn li ġejjin għandhom ikunu membri tal-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk li jkollhom il-vot:

(a)

rappreżentant wieħed tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għal kull blokk funzjonali tal-ispazju tal-ajru li huwa stabbilit jew li qed jiġi stabbilit, b’għadd totali ta’ erba’ voti għall-fornituri kollha tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru;

(b)

erba’ rappreżentanti tal-utenti ċivili kummerċjali u mhux kummerċjali tal-ispazju tal-ajru;

(c)

żewġ rappreżentanti tal-operaturi tal-ajruporti;

(d)

żewġ rappreżentanti tal-militar bħala fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u bħala utenti tal-ispazju tal-ajru.

3.   Dawn li ġejjin ukoll għandhom ikunu membri tal-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk:

(a)

il-president, maħtur fuq il-bażi tal-kompetenza u tal-għarfien espert tekniku fuq proposta tal-Kummissjoni, fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-proposti tal-membri tal-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk li jkollhom il-vot, u wara li l-Kumitat dwar l-Ajru Uniku jkun ta opinjoni pożittiva dwaru;

(b)

rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni;

(c)

rappreżentant wieħed tal-Eurocontrol;

(d)

rappreżentant wieħed tal-Maniġer tan-Netwerk.

4.   Il-membri għandu jkollhom sostitut.

5.   Il-membri tal-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk li jkollhom il-vot għandhom jinħatru fuq proposti mill-organizzazzjonijiet tagħhom wara li l-Kumitat dwar l-Ajru Uniku jkun ta opinjoni pożittiva dwarhom.

6.   Il-Kummissjoni tista’ taħtar esperti indipendenti u rrikonoxxuti bħala konsulenti, li għandhom iservu fil-kapaċità personali tagħhom u li għandhom jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta’ dixxiplini li jinkludu l-aspetti ewlenin tal-funzjonijiet tan-netwerk. L-Istati li jipparteċipaw f’ħidmet il-Maniġer tan-Netwerk għandhom jipproponu kandidati għal dan il-għan.

7.   Il-membri mniżżlin fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 3 għandu jkollhom id-dritt li jiċħdu proposti li jkollhom impatt fuq:

(a)

is-sovranità u r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri, b’mod partikolari dawk marbutin mal-ordni pubbliku, mas-sigurtà pubblika u ma’ kwistjonijiet tad-difiża, kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004;

(b)

il-kompatibbiltà tal-attivitajiet tal-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk mal-għanijiet u mal-objettivi ta’ dan ir-Regolament;

(c)

l-imparzjalità u mal-ekwità tal-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk.

8.   Id-dokumenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati mill-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu li jkollhom il-vot.

9.   Meta ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil fuq kwistjonijiet li huma ta’ sinifikat kbir għan-netwerk, il-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk għandu jirreferi l-każ lill-Kummissjoni għal iktar azzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku.

Artikolu 17

Rwol tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku

1.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jirreferi kwistjonijiet regolatorji lill-Kummissjoni; il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku b’dawk il-kwistjonijiet.

2.   Il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku għandu jagħti opinjoni dwar:

(a)

il-ħatra tal-Maniġer tan-Netwerk;

(b)

il-ħatra tal-president tal-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk;

(c)

il-ħatra tal-membri tal-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk li jkollhom il-vot;

(d)

ir-Regoli ta’ Proċedura tal-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk;

(e)

il-Pjan Strateġiku għan-Netwerk, u b’mod partikolari dwar l-għanijiet ta’ dan il-pjan fi stadju bikri;

(f)

il-baġit annwali tal-Maniġer tan-Netwerk;

(g)

ir-Regoli ta’ Proċedura taċ-Ċellula Ewropea ta’ Koordinazzjoni tal-Kriżijiet fis-Settur tal-Avjazzjoni;

(h)

il-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv, il-proċessi ta’ konsultazzjoni kif ukoll l-arranġamenti ta’ ħidma dettaljati u l-proċessi operattivi għall-funzjonijiet tan-netwerk.

3.   Il-Kumitat dwar l-Ajru Uniku jista’ jagħti pariri lill-Kummissjoni meta ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil fuq kwistjonijiet li huma ta’ sinifikat kbir għan-netwerk mill-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk.

KAPITOLU IV

ĠESTJONI TAL-KRIŻIJIET TAN-NETWERK

Artikolu 18

Stabbiliment taċ-Ċellula Ewropea ta’ Koordinazzjoni tal-Kriżijiet fis-Settur tal-Avjazzjoni

1.   Il-ġestjoni tal-kriżijiet tan-netwerk għandha tkun appoġġata mill-istabbiliment ta’ Ċellula Ewropea ta’ Koordinazzjoni tal-Kriżijiet fis-Settur tal-Avjazzjoni (l-EACCC).

2.   Il-membri permanenti tal-EACCC għandhom ikunu rappreżentant wieħed tal-Istat Membru li jkollu l-Presidenza tal-Kunsill, rappreżentant wieħed tal-Kummissjoni, rappreżentant wieħed tal-Aġenzija, rappreżentant wieħed tal-Eurocontrol, rappreżentant wieħed tal-militar, rappreżentant wieħed tal-fornituri tas-serivzzi tan-navigazzjoni bl-ajru, rappreżentant wieħed tal-ajruporti u rappreżentant wieħed tal-utenti tal-ispazju tal-ajru.

3.   Il-kompożizzjoni tal-EACCC tista’ tittejjeb, fuq bażi ta’ każ b’każ, permezz ta’ esperti, skont in-natura tal-kriżi speċifika.

4.   L-EACCC għandha tipprepara r-Regoli ta’ Proċedura tagħha biex jiġu adottati mill-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk.

5.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jagħmel disponibbli r-riżorsi meħtieġa għall-istabbiliment u għall-funzjonament tal-EACCC.

Artikolu 19

Responsabbiltajiet tal-Maniġer tan-Netwerk u tal-EACCC

1.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jkun responsabbli, flimkien mal-membri tal-EACCC, biex jattiva l-EACCC u biex irendiha inattiva.

2.   Il-Maniġer tan-Netwerk, bl-appoġġ tal-EACCC, għandu jkun responsabbli:

(a)

għall-koordinazzjoni tal-ġestjoni tar-reazzjoni għall-kriżi tan-netwerk, skont ir-Regoli ta’ Proċedura tal-EACCC, li tinvolvi l-kooperazzjoni mill-qrib mal-istrutturi korrispondenti fl-Istati Membri;

(b)

għall-appoġġ għall-attivazzjoni u għall-koordinazzjoni tal-pjanijiet ta’ emerġenza fil-livell tal-Istati Membri;

(c)

għall-elaborazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni fil-livell tan-netwerk sabiex ikun żgurat li jkun hemm reazzjoni f’waqtha għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi tan-netwerk ta’ dan it-tip ħalli jitħares u jiġi żgurat il-funzjonament kontinwat u sikur tan-netwerk. Għal dan il-għan, il-Maniġer tan-Netwerk għandu:

(i)

jimmonitorja s-sitwazzjoni tan-netwerk fir-rigward tal-kriżijiet tan-netwerk kull 24 siegħa;

(ii)

jiżgura li jkun hemm ġestjoni u komunikazzjoni effettivi tal-informazzjoni permezz tat-tixrid ta’ dejta preċiża, f’waqtha u konsistenti sabiex tiġi appoġġata l-applikazzjoni tal-prinċipji u tal-proċessi ta’ ġestjoni tar-riskji fil-proċessi tat-teħid ta’ deċiżjonijiet;

(iii)

jiffaċilita l-ġbir organizzat u l-ħżin iċċentralizzat ta’ dik id-dejta;

(d)

għall-enfasizzar, fejn ikun xieraq, lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija jew lill-Istati Membri, tal-opportunitajiet għal appoġġ addizzjonali għall-mitigazzjoni tal-kriżi, inklużi l-kollegamenti ma’ operaturi ta’ mezzi oħrajn tat-trasport li jistgħu jidentifikaw u jimplimentaw soluzzjonijiet intermodali;

(e)

għall-monitoraġġ tal-irkupru u tas-sostenibbiltà tan-netwerk u għar-rappurtar dwarhom.

KAPITOLU V

MONITORAĠĠ, RAPPURTAR U SORVELJANZA

Artikolu 20

Monitoraġġ u rappurtar

1.   Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jistabbilixxi proċess ta’ monitoraġġ kontinwu:

(a)

tal-prestazzjoni operattiva tan-netwerk;

(b)

tal-miżuri meħuda u tal-eżitu tal-prestazzjoni milħuq mill-partijiet interessati operattivi u mill-Istati;

(c)

tal-effettività u tal-effiċjenza ta’ kull waħda mill-funzjonijiet koperti minn dan ir-Regolament.

2.   Il-monitoraġġ kontinwu għandu jidentifika kwalunkwe devjazzjoni potenzjali mill-Pjan Strateġiku għan-Netwerk u mill-Pjan Operattiv tan-Netwerk. Il-partijiet interessati operattivi għandhom jassistu lill-Maniġer tan-Netwerk f’dan il-kompitu billi jwettqu ċerti kompiti inkluża, iżda mhux biss, il-provvista ta’ dejta.

3.   Kull sena, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jippreżenta rapport lill-Kummissjoni u lill-Aġenzija dwar il-miżuri li ħa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu. Ir-rapport għandu jindirizza l-funzjonijiet individwali tan-netwerk kif ukoll is-sitwazzjoni kollha tan-netwerk u għandu jkun marbut mill-qrib mal-kontenut tal-Pjan Strateġiku għan-Netwerk u tal-Pjan Operattiv tan-Netwerk. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku.

Artikolu 21

Sorveljanza tal-Maniġer tan-Netwerk

Il-Kummissjoni, megħjuna mill-Aġenzija fi kwistjonijiet marbutin mas-sikurezza, għandha tiżgura s-sorveljanza tal-Maniġer tan-Netwerk, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mar-rekwiżiti inklużi f’dan ir-Regolament u f’leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kumitat dwar l-Ajru Uniku kull sena jew meta tintalab b’mod speċifiku biex tagħmel dan.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 22

Relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi

Pajjiżi terzi, flimkien mal-partijiet interessati operattivi tagħhom, jistgħu jieħdu sehem f’ħidmet il-Maniġer tan-Netwerk.

Artikolu 23

Finanzjament tal-Maniġer tan-Netwerk

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jiffinanzjaw il-funzjonijiet tan-netwerk li jkunu fdati f’idejn il-Maniġer tan-Netwerk fuq il-bażi tat-tariffi tan-navigazzjoni bl-ajru. Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jistabbilixxi l-ispejjeż tiegħu b’mod trasparenti.

Artikolu 24

Responsabbiltà

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jagħmel arranġamenti sabiex tkun koperta r-responsabbiltà marbuta mal-eżekuzzjoni tal-kompiti tiegħu. Il-metodu użat sabiex tingħata din il-kopertura għandu jkun adattat għat-telf u għad-dannu potenzjali inkwistjoni, filwaqt li jitqiesu l-istatus legali tal-Maniġer tan-Netwerk u l-livell ta’ kopertura tal-assigurazzjoni kummerċjali disponibbli.

Artikolu 25

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-effettività tal-eżekuzzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2013, u b’mod regolari wara dik id-data, filwaqt li tqis kif xieraq il-perjodi ta’ referenza għall-iskema ta’ prestazzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 691/2010.

Artikolu 26

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 691/2010

Ir-Regolament (UE) Nru 691/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 3(3), għandu jiżdied il-punt (m) li ġej:

“(m)

il-valutazzjoni tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-Maniġer tan-Netwerk, inkluża l-konsistenza tiegħu mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha.”

(2)

Għandu jiddaħħal l-Artikolu 5a li ġej:

“Artikolu 5a

Maniġer tan-Netwerk

1.   Il-Maniġer tan-Netwerk stabbilit bl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 677/2011 (*) għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-iskema ta’ prestazzjoni:

(a)

għandu jappoġġa lill-Kummissjoni billi jipprovdi t-tagħrif rilevanti għat-tħejjija ta’ miri tal-prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha qabel il-perjodi ta’ referenza u għall-monitoraġġ waqt il-perjodu ta’ referenza. B’mod partikolari, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiġbed l-attenzjoni tal-Kummissjoni għal kwalunkwe nuqqas sinifikanti u persistenti fil-prestazzjoni operattiva;

(b)

għandu jipprovdi aċċess lill-Kummissjoni għad-dejta kollha mniżżla fl-Anness IV, skont l-Artikolu 20(5);

(c)

għandu jappoġġa lill-Istati Membri u lill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru biex jilħqu l-mira ta’ prestazzjoni tagħhom waqt il-perjodi ta’ referenza;

(d)

għandu jelabora pjan ta’ prestazzjoni li għandu jiġi adottat bħala parti mill-Pjan Strateġiku għan-Netwerk qabel ma jibda kull perjodu ta’ referenza. Dan il-pjan ta’ prestazzjoni għandu jkun pubbliku u għandu jinkludi:

(i)

mira ta’ prestazzjoni marbuta mal-ambjent li għandha tkun konsistenti mal-mira ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha għall-perjodu kollu ta’ referenza, li jkollha valuri annwali li għandhom jintużaw għall-għanijiet ta’ monitoraġġ;

(ii)

miri ta’ prestazzjoni għal oqsma ta’ prestazzjoni ewlenin u rilevanti oħrajn, li jkunu konsistenti mal-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropa kollha għall-perjodu kollu ta’ referenza, li jkollhom valuri annwali li għandhom jintużaw għall-għanijiet ta’ monitoraġġ;

(iii)

deskrizzjoni tal-azzjonijiet ippjanati sabiex jintlaħqu l-miri;

(iv)

fejn ikun meħtieġ jew fejn ikun deċiż mill-Kummissjoni, indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u miri addizzjonali.

(*)  ĠU L 185, 15.7.2011, p. 1.”"

(3)

Fl-Artikolu 17, għandu jiddaħħal il-paragrafu 2a li ġej:

“2a.   Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ prestazzjoni tal-Maniġer tan-Netwerk. Jekk waqt il-perjodu ta’ referenza l-miri ma jintlaħqux, il-Kummissjoni għandha tapplika l-miżuri xierqa speċifikati fil-pjan ta’ prestazzjoni sabiex tiġi rettifikata s-sitwazzjoni. Għal dan il-għan, għandhom jintużaw il-valuri annwali mogħtija fil-pjan ta’ prestazzjoni.”

(4)

Fl-Anness III, il-paragrafi 3 u 4 għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“3.   L-ambjent

Id-disinn tar-rotot: Mhux applikabbli waqt l-ewwel perjodu ta’ referenza. Matul it-tieni perjodu ta’ referenza, valutazzjoni tal-proċess dwar id-disinn tar-rotot li ntuża fil-pjan ta’ prestazzjoni u l-konsistenza tiegħu mal-proċess għall-iżvilupp tal-Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot żviluppat mill-Maniġer tan-Netwerk.

4.   Il-kapaċità

Il-livell ta’ dewmien: Tqabbil tal-livell mistenni tad-dewmien tal-ATFM en route li ntuża fil-pjanijiet ta’ prestazzjoni ma’ valur ta’ referenza pprovdut mill-proċess ta’ ppjanar tal-kapaċità tal-Eurocontrol u fil-Pjan Operattiv tan-Netwerk tal-Maniġer tan-Netwerk.”

Artikolu 27

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 1.

(2)  ĠU L 96, 31.3.2004, p. 20.

(3)  ĠU L 108, 24.4.2002, p. 1.

(4)  ĠU L 80, 26.3.2010, p. 10.

(5)  ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1.

(6)  ĠU L 201, 3.8.2010, p. 1.

(7)  ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35.

(8)  ĠU L 342, 24.12.2005, p. 20.


ANNESS I

IL-FUNZJONI TAD-DISINN TAN-NETWERK EWROPEW TAR-ROTOT (ERND)

PARTI A

Għan

1.

Il-funzjoni tal-ERND għandha:

(a)

tikseb Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot għat-tħaddim sikur u effiċjenti tat-traffiku tal-ajru, li jqis kif xieraq l-impatt ambjentali;

(b)

tiffaċilita, fil-Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot, l-iżvilupp ta’ struttura tal-ispazju tal-ajru li toffri l-livell mitlub ta’ sikurezza, kapaċità, flessibbiltà, kapaċità ta’ reazzjoni, prestazzjoni ambjentali u provvista mingħajr problemi ta’ servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru fil-pront, filwaqt li tqis kif xieraq il-ħtiġijiet tas-sigurtà u tad-difiża;

(c)

tiżgura l-interkonnettività u l-interoperabbiltà reġjonali tan-netwerk Ewropew tar-rotot fir-Reġjun EUR tal-ICAO u mar-reġjuni tal-ICAO li jmissu miegħu.

2.

L-iżvilupp ta’ Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot għandu jkun ibbażat fuq proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet b’mod kooperattiv. Il-Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot għandu jifforma l-parti tal-Pjan Operattiv tan-Netwerk li hija speċifika għall-ERND u għandu jinkludi regoli dettaljati li jimplimentaw il-parti tal-ERND tal-Pjan Strateġiku għan-Netwerk.

3.

L-Istati Membri għandhom jibqgħu responsabbli għall-iżvilupp dettaljat, l-approvazzjoni u l-istabbiliment tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru għall-ispazju tal-ajru li jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

PARTI B

Prinċipji tal-ippjanar

1.

Mingħajr preġudizzju għas-sovranità tal-Istati Membri fuq l-ispazju tal-ajru u għar-rekwiżiti tal-Istati Membri marbutin mal-ordni pubbliku, mas-sigurtà pubblika u ma’ kwistjonijiet tad-difiża, il-Maniġer tan-Netwerk, l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi, l-utenti tal-ispazju tal-ajru, il-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru u l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, bħala parti mill-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru jew individwalment, għandhom jiżviluppaw, permezz ta’ proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet b’mod kooperattiv, il-Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot, filwaqt li japplikaw il-prinċipji tad-disinn tal-ispazju tal-ajru stabbiliti f’dan l-Anness. Il-Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot għandu jilħaq il-miri ta’ prestazzjoni stabbiliti għall-Maniġer tan-Netwerk fl-iskema tal-prestazzjoni.

2.

Il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv għandu jkun appoġġat minn arranġamenti ta’ ħidma dettaljati, permanenti u xierqa li għandhom jiġu miftehma fil-livell tal-esperti mill-Maniġer tan-Netwerk bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati kollha. L-arranġamenti ta’ konsultazzjoni għandhom ikunu organizzati b’perjodiċità li tirrifletti l-ħtiġijiet tal-funzjoni tad-Disinn tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot.

3.

Sabiex tkun żgurata l-konnettività xierqa tal-Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot, il-Maniġer tan-Netwerk u l-Istati Membri għandhom jinkludu lill-pajjiżi terzi fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv skont l-Artikolu 22. Għandha tiġi żgurata kooperazzjoni xierqa bejn il-Maniġer tan-Netwerk u l-arranġamenti ta’ ħidma dettaljati tiegħu fil-livell tal-esperti li jappoġġaw l-iżvilupp tal-Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot, minn naħa waħda, u l-arranġamenti ta’ ħidma rilevanti fil-livell tal-esperti tal-ICAO li jkopru t-titjib fin-netwerk tar-rotot fl-interfaċċja, min-naħa l-oħra.

4.

Il-Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot huwa pjan kontinwu li għandu jirrifletti l-elementi kollha meħtieġa sabiex ikun żgurat li l-ispazju tal-ajru Ewropew ikun iddisinjat bħala entità waħda u jkun jilħaq il-miri ta’ prestazzjoni applikabbli.

5.

Il-pjan għandu jinkludi:

(a)

prinċipji ġenerali komuni kkomplementati minn speċifikazzjonijiet tekniċi għad-disinn tal-ispazju tal-ajru;

(b)

ir-rekwiżiti militari tal-ispazju tal-ajru;

(c)

netwerk Ewropew tar-rotot miftiehem u, fejn dan ikun jista’ jsir, struttura ta’ spazju tal-ajru b’rotot liberi maħsuba sabiex tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-utenti b’dettalji li jkopru l-proġetti kollha ta’ bidliet fl-ispazju tal-ajru;

(d)

regoli dwar l-użu tan-netwerk tar-rotot u tal-ispazju tal-ajru b’rotot liberi u d-disponibbiltà tagħhom;

(e)

indikazzjonijiet dwar it-tqassim f’setturi ATC rrakkomandat, li jappoġġa l-istruttura tal-ispazju tal-ajru ATS li għandha tiġi ddisinjata, deċiża u implimentata mill-Istati Membri;

(f)

linji gwida għall-ġestjoni tal-ispazju tal-ajru;

(g)

skeda taż-żmien iddefinita għall-iżvilupp;

(h)

il-kalendarju għal ċiklu komuni ta’ pubblikazzjoni u ta’ implimentazzjoni, permezz tal-Pjan Operattiv tan-Netwerk;

(i)

ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali tan-netwerk u lejn dik mistennija, inkluża l-prestazzjoni mistennija bbażata fuq il-pjanijiet attwali u fuq dawk miftehma.

6.

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiżgura li jkun hemm arranġamenti xierqa fl-attivitajiet kollha sabiex tkun permessal-koordinazzjoni bejn iċ-ċivil u l-militar fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv.

7.

Il-Maniġer tan-Netwerk, l-Istati Membri, il-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru u l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, bħala parti mill-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru jew individwalment, għandhom jiżguraw li jkun hemm integrazzjoni koerenti tal-proġetti dwar id-disinn tal-ispazju tal-ajru miftehma permezz tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv fil-Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot.

8.

L-Istati Membri u l-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru għandhom jiżguraw li, qabel ma jiġu implimentati, il-proġetti tad-disinn tal-ispazju tal-ajru nazzjonali u dawk tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru jkunu kompatibbli u konsistenti mal-Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot u li dawn ikunu kkoordinati ma’ dawk l-Istati li se jiġu affettwati minnhom u mal-Maniġer tan-Netwerk.

9.

Il-dejta li tirrigwarda l-bidliet fil-proġetti li jeħtieġu li tiġi ċċekkjata l-kompatibbiltà tagħhom u li jeħtieġ li jitqegħdu għad-dispożizzjoni tal-Maniġer tan-Netwerk jinkludu dawn li ġejjin, imma mhumiex limitati għalihom:

(a)

bidliet fl-allinjament tar-rotot;

(b)

bidliet fid-direzzjoni tar-rotot;

(c)

bidliet fl-għan tar-rotot;

(d)

deskrizzjoni tal-ispazju tal-ajru b’rotot liberi, inklużi r-regoli ta’ użu assoċjati miegħu;

(e)

ir-regoli ta’ użu tar-rotot u d-disponibbiltà tagħhom;

(f)

bidliet fil-konfini vertikali jew orizzontali tas-setturi;

(g)

iż-żieda jew it-tneħħija ta’ punti sinifikanti;

(h)

bidliet fl-użu tal-ispazju tal-ajru transkonfinali;

(i)

bidliet fil-koordinati ta’ punti sinifikanti;

(j)

bidliet li jaffettwaw it-trasferiment tad-dejta;

(k)

bidliet li jaffettwaw id-dejta ppubblikata fil-pubblikazzjonijiet dwar l-informazzjoni ajrunawtika;

(l)

bidliet li jaffettwaw l-ittri ta’ ftehim fir-rigward tad-disinn u tal-użu tal-ispazju tal-ajru.

10.

Fil-kuntest ta’ dan l-Anness, il-Maniġer tan-Netwerk u l-Istati Membri, permezz tal-proċess ta’ teħid tad-deċiżjonijiet b’mod kooperattiv, għandhom jiżviluppaw proposti komuni għal emendi tad-dokumenti xierqa tal-ICAO. B’mod partikolari, għal emendi tad-dokumenti tal-ICAO marbutin ma’ rotot ATS li jgħaddu fuq ibħra internazzjonali, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċeduri ta’ koordinazzjoni tal-ICAO applikabbli.

11.

Il-Maniġer tan-Netwerk, l-Istati Membri, l-utenti tal-ispazju tal-ajru, l-operaturi tal-ajruporti, il-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru u l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, bħala parti mill-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru jew individwalment, għandhom, permezz tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv, jirrevedu b’mod kontinwu l-Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot sabiex iqisu domandi ġodda jew li qed jinbidlu marbutin mal-ispazju tal-ajru. Għandha tiġi żgurata koordinazzjoni kontinwa mal-awtoritajiet militari.

PARTI C

Prinċipji tad-disinn tal-ispazju tal-ajru

1.

Bl-iżvilupp tal-Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot, il-Maniġer tan-Netwerk, l-Istati Membri, il-pajjiżi terzi, il-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru u l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, bħala parti mill-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru jew individwalment, għandhom isegwu l-prinċipji tad-disinn tal-ispazju tal-ajru li ġejjin fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv:

(a)

l-istabbiliment u l-konfigurazzjoni tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru għandhom ikunu bbażati fuq rekwiżiti operattivi, irrispettivament mill-konfini nazzjonali jew tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru jew mill-konfini tar-Reġjun ta’ Informazzjoni dwar it-Titjir (FIR) u m’għandhomx bilfors ikunu marbuta bil-livell ta’ diviżjoni bejn l-ispazju tal-ajru ta’ fuq u dak ta’ isfel;

(b)

id-disinn tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru għandu jkun proċess trasparenti li juri d-deċiżjonijiet li ttieħdu u l-ġustifikazzjoni tagħhom billi jitqiesu r-rekwiżiti tal-utenti kollha filwaqt li jiġu rrikonċiljati l-aspetti tas-sikurezza, tal-kapaċità u dawk ambjentali u filwaqt li jitqiesu kif xieraq il-ħtiġijiet militari u dawk tas-sigurtà nazzjonali;

(c)

id-domanda tat-traffiku attwali u dik prevista fil-livell tan-netwerk u f’dak lokali, kif ukoll il-miri ta’ prestazzjoni għandhom ikunu t-tagħrif li fuqu għandu jiġi bbażat il-Pjan ta’ Titjib tan-Netwerk Ewropew tar-Rotot sabiex jiġu sodisfatti l-ħtiġijiet tal-flussi tat-traffiku u tal-ajruporti ewlenin;

(d)

għandha tkun żgurata konnettività vertikali u orizzontali, inkluż l-ispazju tal-ajru tat-terminal u l-istruttura tal-ispazju tal-ajru fl-interfaċċja;

(e)

il-possibbiltà li t-titjiriet jaħdmu tul ir-rotot mitluba mill-utenti u l-profili tat-titjriet mitluba fil-fażi tat-titjira ta’ waqt ir-rotta, jew li jaħdmu kemm jista’ jkun qrib tagħhom;

(f)

l-aċċettazzjoni tal-valutazzjoni u tal-iżvilupp possibbli tal-proposti kollha għall-istrutturi tal-ispazju tal-ajru, inklużi l-ispazju tal-ajru b’rotot liberi, il-possibbiltajiet ta’ rotot multipli u r-rotot kundizzjonali (CDR), li jkunu ntbagħtu mill-partijiet interessati li jkollhom rekwiżit operattiv f’dik iż-żona;

(g)

id-disinn tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru, inklużi l-ispazju tal-ajru b’rotot liberi u s-setturi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru għandu jqis l-istrutturi tal-ispazju tal-ajru eżistenti jew proposti li huma maħsubin għal attivitajiet li jeżiġu prenotazzjoni tal-ispazju tal-ajru jew restrizzjoni fuqu. Għal dak il-għan, għandhom jiġu stabbiliti biss strutturi ta’ dan it-tip li huma skont l-applikazzjoni tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru (FUA). Tali strutturi għandhom jiġu armonizzati u jinġiebu konsistenti, sal-ikbar livell possibbli, fin-netwerk Ewropew kollu;

(h)

l-iżvilupp tad-disinn tas-setturi ATC għandu jibda billi jsiru l-allinjamenti mitluba tar-rotot jew tal-flussi tat-traffiku fi ħdan proċess ripetut li għandu jiżgura l-kompatibbiltà bejn ir-rotot jew il-flussi u s-setturi;

(i)

is-setturi ATC għandhom jiġu ddisinjati sabiex ikunu jistgħu jinbnew konfigurazzjonijiet tas-setturi li jissodisfaw il-flussi tat-traffiku u li jkunu jistgħu jiġu adattati għal domanda varjabbli tat-traffiku u jkunu proporzjonati magħha;

(j)

għandhom ikunu stabbiliti ftehimiet dwar il-provvista tas-servizzi f’każijiet fejn, minħabba raġunijiet operattivi, is-setturi ATC ikunu jeħtieġu li jiġu ddisinjati b’mod li jkunu jmorru lil hinn mill-konfini nazzjonali jew mill-konfini tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru jew mill-konfini tar-Reġjuni ta’ Informazzjoni dwar it-Titjir.

2.

Permezz tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv, il-Maniġer tan-Netwerk, l-Istati Membri, il-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru u l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, bħala parti mill-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru jew individwalment, għandhom jiżguraw li l-prinċipji li ġejjin japplikaw b’rabta mal-użu tal-ispazju tal-ajru u mal-ġestjoni tal-kapaċità:

(a)

l-istrutturi tal-ispazju tal-ajru għandhom ikunu ppjanati b’mod li jiffaċilitaw użu u ġestjoni flessibbli u f’waqthom tal-ispazju tal-ajru f’dak li għandu x’jaqsam mal-possibbiltajiet tar-rotot, mal-flussi tat-traffiku, mal-iskemi ta’ konfigurazzjoni tas-setturi u mal-konfigurazzjoni ta’ strutturi oħrajn tal-ispazju tal-ajru.

(b)

l-istrutturi tal-ispazju tal-ajru għandhom jakkomodaw l-istabbiliment ta’ possibbiltajiet ta’ rotot addizzjonali filwaqt li jiżguraw il-kompatibbiltà tagħhom (kunsiderazzjonijiet tal-kapaċità u limitazzjonijiet fid-disinn tas-setturi).

PARTI D

Monitoraġġ kontinwu tal-kisbiet tal-prestazzjoni fil-livell tan-netwerk

1.

Sabiex jiżgura li jkun hemm titjib regolari fil-prestazzjoni, il-Maniġer tan-Netwerk, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati, mal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru u mal-partijiet interessati operattivi għandu jwettaq reviżjoni regolari tal-effettività tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru implimentati.

2.

Din ir-reviżjoni għandha tinkludi dawn li ġejjin, iżda m’għandhiex tkun limitata għalihom:

(a)

l-iżvilupp fid-domanda tat-traffiku;

(b)

il-prestazzjoni u l-limiti marbutin mal-kapaċità u mal-effiċjenza tat-titjiriet fil-livell tal-Istat, tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru jew tan-netwerk;

(c)

evalwazzjoni tal-aspetti tal-użu tal-ispazju tal-ajru kemm mil-lat ċivili kif ukoll mil-lat militari;

(d)

evalwazzjoni tat-tqassim f’setturi u tal-konfigurazzjonijiet tas-setturi użati;

(e)

evalwazzjoni tal-integrità u tal-kontinwità tal-istrutturi tal-ispazju tal-ajru;

(f)

li l-Kummissjoni tiġi informata fil-każijiet fejn l-azzjoni rimedjali meħtieġa teċċedi l-ambitu tal-kompetenzi tal-Maniġers tan-Netwerk.


ANNESS II

IL-FUNZJONI TAL-FREKWENZI TAR-RADJU

PARTI A

Rekwiżiti għall-eżekuzzjoni tal-funzjoni

1.

L-Istati Membri għandhom jaħtru persuna, awtorità jew organizzazzjoni kompetenti bħala maniġer tal-frekwenzi nazzjonali, li jkollha r-responsabbiltà li tiżgura li l-assenjazzjonijiet tal-frekwenzi jsiru, jiġu emendati u jiġu rrilaxxati skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni u lill-Maniġer tan-Netwerk bl-ismijiet u l-indirizzi ta’ dawk il-persuni sa mhux aktar tard minn erba’ xhur wara li jiġi adottat dan ir-Regolament.

2.

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jipprepara u jikkoordina l-aspetti strateġiċi tal-ispettru marbutin man-netwerk li għandhom jiġu ddokumentati b’mod xieraq fil-Pjan Strateġiku għan-Netwerk u fil-Pjan Operattiv tan-Netwerk. Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jappoġġa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fit-tħejjija tal-pożizzjonijiet komuni fis-settur tal-avjazzjoni sabiex il-kontributi tal-Istati Membri fil-fora internazzjonali, u b’mod partikolari fil-Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet tal-Posta u tat-Telekomunikazzjoni (CEPT) u fl-Unjoni Internazzjonali tat-Telekomunikazzjoni (UIT), ikunu kkoordinati.

3.

Fuq talba tal-maniġer jew tal-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jwettaq azzjonijiet, mal-Kummissjoni u mas-CEPT, sabiex jindirizza kwalunkwe tħassib li jista’ jkun hemm f’setturi oħrajn tal-industrija.

4.

Il-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali għandhom jirrappurtaw lill-Maniġer tan-Netwerk il-każijiet ta’ interferenza tar-radju li jkollhom impatt fuq in-netwerk Ewropew tal-avjazzjoni. Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jirreġistra l-okkorrenza tagħhom u jappoġġa l-valutazzjoni tagħhom. Fuq talba tal-maniġer jew tal-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jikkoordina jew jipprovdi kwalunkwe appoġġ li jkun meħtieġ sabiex jissolvew jew jittaffew dawn it-tipi ta’ każijiet, inklużi l-azzjonijiet mal-Kummissjoni u mas-CEPT.

5.

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiżviluppa u jżomm reġistru ċentrali li għandu jkun iddisinjat sabiex jaħżen id-dejta kollha dwar l-assenjazzjonijiet tal-frekwenzi tar-radju kif deskritt fil-punt 14.

6.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu mir-reġistru ċentrali sabiex iwettqu l-obbligi amministrattivi tagħhom fir-rigward tal-ICAO marbutin mar-reġistrazzjoni tal-assenjazzjonijiet tal-frekwenzi.

7.

Il-Maniġer tan-Netwerk u l-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali għandhom jiżviluppaw u jtejbu iktar il-proċeduri tal-ġestjoni tal-frekwenzi, il-kriterji tal-ippjanar, is-settijiet tad-dejta u l-proċessi sabiex jittejbu kemm jista’ jkun l-użu u l-okkupazzjoni tal-ispettru tar-radju mit-traffiku tal-ajru ġenerali. Fuq talba tal-Istat Membru jew tal-Istati Membri, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jipproponi dawn ukoll fil-livell reġjonali.

8.

Meta jkun hemm bżonn li tiġi assenjata frekwenza, l-applikant għandu jippreżenta talba lill-maniġer tal-frekwenzi nazzjonali xieraq, li tkun tinkludi d-dejta rilevanti kollha u l-ġustifikazzjoni għat-talba.

9.

Il-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali u l-Maniġer tan-Netwerk għandhom jivvalutaw it-talbiet għall-frekwenzi u jagħtuhom prijorità fuq il-bażi ta’ rekwiżiti operattivi u ta’ kriterji miftehma. Barra minn hekk, l-impatt tagħhom fuq in-netwerk għandu jiġi stabbilit mill-Maniġer tan-Netwerk flimkien mal-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali. Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jistabbilixxi kriterji ta’ dan it-tip f’konsultazzjoni mal-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali fi żmien tnax-il xahar minn meta jiġi adottat dan ir-Regolament u wara għandu jżomm dawn il-kriterji u jaġġornahom kif ikun meħtieġ.

10.

Fejn ikun hemm impatt fuq in-netwerk, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jidentifika l-frekwenza jew il-frekwenzi xierqa sabiex jissodisfaw it-talba, filwaqt li jqis ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

il-ħtieġa li jkunu pprovduti servizzi tal-infrastruttura għal komunikazzjoni, navigazzjoni u sorveljanza sikuri;

(b)

il-ħtieġa li jittejjeb kemm jista’ jkun l-użu ta’ riżorsi limitati tal-ispettru tar-radju;

(c)

il-ħtieġa li jkun hemm aċċess kosteffikaċi, ġust u trasparenti għall-ispettru tar-radju;

(d)

ir-rekwiżiti operattivi tal-applikant jew tal-applikanti u tal-partijiet interessati operattivi;

(e)

id-domanda prevista għall-ispettru tar-radju għall-ġejjieni;

(f)

id-dispożizzjonijiet mogħtija fil-manwal tal-ġestjoni tal-frekwenzi Ewropej tal-ICAO.

11.

Fejn ma jkun hemm l-ebda impatt fuq in-netwerk, il-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali għandhom jistabbilixxu l-frekwenza jew il-frekwenzi xierqa sabiex jissodisfaw it-talba filwaqt li jqisu r-rekwiżiti tal-punt 10.

12.

Meta ma tkunx tista’ tiġi sodisfatta talba għal frekwenza, il-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali jistgħu jitolbu lill-Maniġer tan-Netwerk iwettaq riċerka għal frekwenza speċifika. Sabiex tkun identifikata soluzzjoni għall-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali, il-Maniġer tan-Netwerk, appoġġat mill-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali, jista’ jwettaq eżami speċifiku tas-sitwazzjoni tal-użu tal-frekwenzi fiż-żona ġeografika kkonċernata.

13.

Il-maniġer tal-frekwenzi nazzjonali għandu jassenja l-frekwenza jew il-frekwenzi xierqa identifikati fil-punti 10, 11 jew 12.

14.

Il-maniġer tal-frekwenzi nazzjonali għandu jirreġistra kull frekwenza assenjata fir-reġistru ċentrali billi jinkludi t-tagħrif li ġej:

(a)

id-dejta kif iddefinita fil-manwal tal-ġestjoni tal-frekwenzi Ewropej tal-ICAO, inkluża d-dejta teknika u operattiva rilevanti assoċjata magħha;

(b)

ir-rekwiżiti mtejba tad-dejta li jirriżultaw mill-punt 7;

(c)

deskrizzjoni tal-użu operattiv tal-assenjazzjoni tal-frekwenza;

(d)

id-dettalji ta’ kuntatt tal-parti interessata operattiva li qed tuża l-frekwenza assenjata.

15.

Meta jassenja frekwenza lill-applikant, il-maniġer tal-frekwenzi nazzjonali għandu jinkludi l-kundizzjonijiet tal-użu tagħha. Mill-inqas, dawn il-kundizzjonijiet għandhom jispeċifikaw li l-frekwenza assenjata:

(a)

tibqa’ valida sakemm tibqa’ tintuża biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti operattivi deskritti mill-applikant;

(b)

tista’ tkun suġġetta għal talba għal bidla fil-frekwenza u li tali bidliet għandhom jiġu implimentati f’perjodu taż-żmien limitat;

(c)

hija suġġetta għal emenda ladarba jinbidel l-użu operattiv deskritt mill-applikant.

16.

Il-maniġer jew il-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali għandhom jiżguraw li kwalunkwe bidla, emenda jew rilaxx tal-frekwenzi li huwa meħtieġ jitwettaq fil-perjodu taż-żmien miftiehem u li r-reġistru ċentrali jiġi aġġornat skont dan. Il-maniġer jew il-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali għandhom jibagħtu l-ġustifikazzjoni xierqa lill-Maniġer tan-Netwerk meta dawn l-azzjonijiet ma jkunux jistgħu jitwettqu.

17.

Il-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali għandhom jiżguraw li d-dettalji operattivi, tekniċi u amministrattivi, imsemmija fil-punt 14, tal-frekwenzi assenjati kollha użati fin-netwerk Ewropew tal-avjazzjoni jkunu disponibbli mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2011.

18.

Il-Maniġer tan-Netwerk u l-maniġer jew il-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali għandhom jimmonitorjaw u jevalwaw il-meded ta’ frekwenza tal-avjazzjoni u l-frekwenzi assenjati abbażi ta’ proċeduri trasparenti sabiex ikun żgurat l-użu korrett u effiċjenti tagħhom. Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jistabbilixxi tali proċeduri, f’konsultazzjoni mal-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali, sa mhux aktar tard minn tnax-il xahar wara li jiġi adottat dan ir-Regolament u wara għandu jżomm dawn il-proċeduri u jaġġornahom kif ikun meħtieġ. B’mod partikolari, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jidentifika kwalunkwe diskrepanza bejn ir-reġistru ċentrali, l-għan operattiv u l-użu reali tal-frekwenza assenjata. Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jgħarraf lill-maniġer tal-frekwenzi nazzjonali b’diskrepanzi ta’ dan it-tip sabiex dawn jiġu solvuti f’perjodu taż-żmien miftiehem.

19.

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jiżgura li jkun hemm għodod komuni disponibbli sabiex jingħata appoġġ għall-attivitajiet ċentrali u nazzjonali marbutin mal-ippjanar, il-koordinazzjoni, ir-reġistrazzjoni, il-verifika u l-aħjar użu. B’mod partikolari, għandhom jiġu żviluppati għodod sabiex tiġi appoġġata l-analiżi tad-dejta tar-reġistru ċentrali biex tkun immonitorjata l-effiċjenza tal-funzjoni u biex jiġi ddisinjat u implimentat il-proċess tal-aħjar użu tal-frekwenzi skont il-punt 7.

PARTI B

Rekwiżiti għall-organizzazzjoni tal-funzjoni

1.

Il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod kooperattiv bejn il-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali u l-Maniġer tan-Netwerk għandu jkun ibbażat fuq arranġamenti li jkunu suġġetti għall-approvazzjoni tal-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk, skont l-Artikolu 16 ta’ dan ir-Regolamengt, wara opinjoni pożittiva tal-Kumitat dwar l-Ajru Uniku skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

2.

F’każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar l-arranġamenti msemmija fil-paragrafu 1 tal-Parti B ta’ dan l-Anness, il-Maniġer tan-Netwerk jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom iressqu l-kwistjoni quddiem il-Kummissjoni sabiex tittieħed azzjoni dwarha. Il-Kummissjoni għandha taġixxi skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 549/2004.

3.

L-arranġamenti għandhom jispeċifikaw mill-inqas:

(a)

il-kriterji għall-valutazzjoni tar-rekwiżiti operattivi u l-prijoritizzazzjoni tagħhom;

(b)

il-perjodi minimi taż-żmien għall-koordinazzjoni ta’ assenjazzjonijiet ġodda jew emendati tal-frekwenzi tar-radju;

(c)

il-mekkaniżmi sabiex ikun żgurat li l-Maniġer tan-Netwerk u l-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali jilħqu l-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha li huma rilevanti;

(d)

li l-proċeduri, il-kriterji u l-proċessi mtejba tal-ġestjoni tal-frekwenzi ma jaffettwawx ħażin dawk applikati minn pajjiżi oħrajn fil-kuntest tal-proċeduri reġjonali tal-ICAO;

(e)

ir-rekwiżiti sabiex ikun żgurat li l-Istati Membri jikkonsultaw b’mod xieraq lill-partijiet interessati affettwati kollha fil-livell nazzjonali u f’dak Ewropew dwar l-arranġamenti ġodda jew emendati tal-ġestjoni.

4.

L-arranġamenti inizjali għall-koordinazzjoni tal-frekwenzi tar-radju għandhom ikunu kompatibbli għal kollox ma’ dawk eżistenti. L-iżvilupp ta’ dawn l-arranġamenti għandu jkun speċifikat f’kooperazzjoni mal-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali u għandu jnaqqas l-ispejjeż ġenerali sa fejn dan ikun prattiku.

5.

Il-koordinazzjoni dwar l-użu strateġiku u tattiku tal-frekwenzi tar-radju mal-pajjiżi adjaċenti li ma jkunux qed jieħdu sehem f’ħidmet il-Maniġer tan-Netwerk għandha titwettaq permezz tal-arranġamenti ta’ ħidma reġjonali tal-ICAO. Dan se jsir sabiex pajjiżi adjaċenti jkun jista’ jkollhom aċċess għas-servizzi tal-Maniġer tan-Netwerk.

6.

Il-Maniġer tan-Netwerk u l-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali għandhom jiftehmu dwar il-prijoritajiet ġenerali għall-funzjoni sabiex jittejbu d-disinn tan-netwerk Ewropew tal-avjazzjoni u t-tħaddim tiegħu. Dawn il-prijoritajiet għandhom jiġu ddokumentati fit-taqsima fil-Pjan Strateġiku għan-Netwerk u fil-Pjan Operattiv tan-Netwerk li tittratta l-frekwenzi u li dwarha għandhom jiġu kkonsultati l-partijiet interessati. B’mod partikolari, il-prijoritizzazzjoni tista’ tqis meded, żoni u servizzi speċifiċi.

7.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-użu tal-meded ta’ frekwenza tal-avjazzjoni mill-utenti militari jkun ikkoordinat b’mod xieraq mal-maniġers tal-frekwenzi nazzjonali u mal-Maniġer tan-Netwerk.


ANNESS III

IL-FUNZJONI TAL-KODIĊIJIET TAT-TRANSPONDERS

PARTI A

Rekwiżiti għall-funzjoni tal-kodiċijiet tat-transponders

1.

L-għanijiet ta’ din il-funzjoni huma:

(a)

li tittejjeb ir-robustezza tal-proċess tal-allokazzjoni tal-kodiċijiet permezz tal-allokazzjoni ta’ rwoli u ta’ responsabbiltajiet ċari lill-partijiet interessati kollha involuti, bil-prestazzjoni ġenerali tan-netwerk tkun fiċ-ċentru tad-determinazzjoni tal-allokazzjoni tal-kodiċijiet;

(b)

li tipprovdi iktar trasparenza fl-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet u fl-użu reali tal-kodiċijiet, b’mod li tkun tista’ ssir valutazzjoni aħjar tal-effiċjenza ġenerali tan-netwerk;

(c)

li, permezz tal-inklużjoni f’regolament, tipprovdi l-bażi regolatorja li tippermetti infurzar u sorveljanza aħjar.

2.

Il-kodiċijiet tat-transponders SSR għandhom jiġu allokati lill-Istati Membri u lill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru mill-Maniġer tan-Netwerk b’mod li jsir l-aħjar użu mid-distribuzzjoni sikura u effiċjenti tagħhom billi jitqiesu dawn li ġejjin:

(a)

ir-rekwiżiti operattivi tal-partijiet interessati operattivi kollha;

(b)

il-livelli attwali u previsti tat-traffiku tal-ajru;

(c)

l-użu meħtieġ tal-kodiċijiet tat-transponders SSR f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Dokument ta’ Implimentazzjoni tal-Faċilitajiet u tas-Servizzi u tad-dokumenti ta’ gwida tal-Pjan Reġjonali tan-Navigazzjoni bl-Ajru tal-ICAO għar-Reġjun Ewropew.

3.

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru u tal-pajjiżi terzi, f’kull ħin, lista tal-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR li tiddeskrivi l-allokazzjoni kompluta u aġġornata tal-kodiċijiet SSR fl-ispazju tal-ajru stabbilit fl-Artikolu 1(3).

4.

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jimplimenta proċess formali sabiex ikunu stabbiliti, ivvalutati u kkoordinati r-rekwiżiti għall-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR, li fih jitqiesu l-użijiet ċivili u militari kollha meħtieġa tal-kodiċijiet tat-transponders SSR.

5.

Il-proċess formali stabbilit fil-punt 4 għandu jinkludi mill-inqas il-proċeduri, il-perjodi taż-żmien u l-miri ta’ prestazzjoni miftehma li huma rilevanti sabiex jitlestew l-attivitajiet li ġejjin:

(a)

it-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR;

(b)

il-valutazzjonijiet tal-applikazzjonijiet għall-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR;

(c)

il-koordinazzjoni tal-emendi proposti għall-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR mal-Istati Membri u mal-pajjiżi terzi skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti B;

(d)

il-verifika regolari tal-allokazzjonijiet u tal-ħtiġijiet tal-kodiċijiet SSR sabiex tittejjeb kemm jista’ jkun is-sitwazzjoni, inkluża l-allokazzjoni mill-ġdid tal-kodiċijiet eżistenti li kienu diġà allokati;

(e)

l-emendar, l-approvazzjoni u d-distribuzzjoni regolari tal-lista tal-allokazzjonijiet ġenerali tal-kodiċijiet tat-transponders SSR stabbilita fil-punt 3;

(f)

in-notifika, il-valutazzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ kunflitti mhux ippjanati bejn l-assenjazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR;

(g)

in-notifika, il-valutazzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ assenjazzjonijiet ħżiena tal-kodiċijiet tat-transponders SSR, li jkunu nnutati waqt il-kontrolli taż-żamma tal-kodiċijiet;

(h)

in-notifika, il-valutazzjoni u r-riżoluzzjoni ta’ nuqqasijiet mhux ippjanati fl-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR;

(i)

il-provvista ta’ dejta u ta’ tagħrif skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti C.

6.

L-applikazzjonijiet għall-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR li jkunu ġew irċevuti bħala parti mill-proċess stabbilit fil-punt 4 għandhom ikunu ċċekkjati mill-Maniġer tan-Netwerk għall-konformità mar-rekwiżiti tal-proċess f’dak li għandu x’jaqsam mal-konvenzjonijiet tal-format u tad-dejta, mal-kompletezza, mal-preċiżjoni, mal-preżentazzjoni fil-ħin u mal-ġustifikazzjoni.

7.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kodiċijiet tat-transponders SSR jiġu assenjati lill-inġenji tal-ajru skont il-lista tal-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR stabbilita fil-punt 3.

8.

Il-Maniġer tan-Netwerk jista’ jħaddem, f’isem l-Istati Membri u l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, sistema ċċentralizzata ta’ assenjazzjoni u ta’ ġestjoni tal-kodiċijiet tat-transponders SSR sabiex il-kodiċijiet tat-transponders SSR ikunu assenjati b’mod awtomatiku lit-traffiku tal-ajru ġenerali.

9.

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jimplimenta l-proċeduri u l-għodod għall-evalwazzjoni u għall-valutazzjoni regolari tal-użu reali tal-kodiċijiet tat-transponders SSR mill-Istati Membri u mill-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru.

10.

Il-pjanijiet u l-proċeduri għandhom ikunu miftehma bejn il-Maniġer tan-Netwerk, l-Istati Membri u l-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru sabiex jingħata appoġġ għall-analiżi u għall-identifikazzjoni regolari tar-rekwiżiti tal-kodiċijiet tat-transponders SSR fil-ġejjieni. Din l-analiżi għandha tinkudi l-identifikazzjoni tal-impatti li kwalunkwe nuqqas previst fl-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR jista’ jkollu fuq il-prestazzjoni.

11.

Għandhom jiġu żviluppati u jinżammu manwali operattivi li jkun fihom l-istruzzjonijiet u t-tagħrif meħtieġa sabiex il-funzjoni tan-netwerk tkun tista’ titwettaq skont ir-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. Dawn il-manwali operattivi għandhom jitqassmu u jinżammu aġġornati skont il-proċessi xierqa tal-ġestjoni tal-kwalità u tal-ġestjoni tad-dokumentazzjoni.

PARTI B

Rekwiżiti għall-mekkaniżmu speċifiku ta’ konsultazzjoni

1.

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jistabbilixxi mekkaniżmu maħsub apposta għall-koordinazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-arranġamenti dettaljati tal-allokazzjoni tal-kodiċijiet tat-transponders SSR li:

(a)

jiżgura li l-impatt tal-użu tal-kodiċijiet tat-transponders SSR fil-pajjiżi terzi jitqies permezz tal-parteċipazzjoni fl-arranġamenti ta’ ħidma għall-ġestjoni tal-kodiċijiet tat-transponders SSR stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Dokument ta’ Implimentazzjoni tal-Faċilitajiet u tas-Servizzi tal-Pjan Reġjonali tan-Navigazzjoni bl-Ajru tal-ICAO għar-Reġjun Ewropew;

(b)

jiżgura li l-lista tal-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR stabbilita fil-punt 3 tal-Parti A tkun kompatibbli mal-pjan ta’ ġestjoni tal-kodiċijiet stabbilit fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Dokument ta’ Implimentazzjoni tal-Faċilitajiet u tas-Servizzi tal-Pjan Reġjonali tan-Navigazzjoni bl-Ajru tal-ICAO għar-Reġjun Ewropew;

(c)

jispeċifika r-rekwiżiti sabiex ikun żgurat li titwettaq konsultazzjoni xierqa dwar arranġamenti ġodda jew emendati għall-ġestjoni tal-kodiċijiet tat-transponders SSR mal-Istati Membri kkonċernati;

(d)

jispeċifika r-rekwiżiti sabiex ikun żgurat li l-Istati Membri jwettqu konsultazzjoni xierqa dwar arranġamenti ġodda jew emendati għall-ġestjoni tal-kodiċijiet tat-transponders SSR mal-partijiet interessati kollha kkonċernati fil-livell nazzjonali;

(e)

jiżgura li titwettaq koordinazzjoni ma’ pajjiżi terzi dwar l-użu strateġiku u tattiku tal-kodiċijiet tat-transponders SSR permezz tal-arranġamenti ta’ ħidma għall-ġestjoni tal-kodiċijiet tat-transponders SSR stabbiliti fid-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Dokument ta’ Implimentazzjoni tal-Faċilitajiet u tas-Servizzi tal-Pjan Reġjonali tan-Navigazzjoni bl-Ajru tal-ICAO għar-Reġjun Ewropew;

(f)

jispeċifika l-perjodi minimi taż-żmien għall-koordinazzjoni u għall-konsultazzjoni tal-proposti għal allokazzjonijiet ġodda jew emendati tal-kodiċijiet tat-transponders SSR;

(g)

jiżgura li l-bidliet fil-lista tal-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR ikunu suġġetti għall-approvazzjoni ta’ dawk l-Istati Membri li jkunu kkonċernati mill-bidla;

(h)

jispeċifika r-rekwiżiti sabiex ikun żgurat li l-bidliet fil-lista tal-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR jitħabbru lill-partijiet interessati kollha immedjatament wara li jiġu approvati, mingħajr preġudizzju għall-proċeduri nazzjonali għall-komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar l-użu tal-kodiċijiet tat-transponders SSR mill-awtoritajiet militari.

2.

Il-Maniġer tan-Netwerk, b’koordinazzjoni mal-awtoritajiet militari nazzjonali, għandu jiżgura li jittieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex ikun żgurat li l-allokazzjoni u l-użu tal-kodiċijiet tat-transponders SSR għal ħtiġijiet militari ma jkollhom l-ebda impatt negattiv fuq is-sikurezza jew fuq il-fluss effiċjenti tat-traffiku tal-ajru ġenerali.

PARTI C

Rekwiżiti għall-provvista tad-dejta

1.

L-applikazzjonijiet imressqa għal allokazzjonijiet ġodda jew emendati tal-kodiċijiet tat-transponders SSR għandhom ikunu konformi mar-rekwiżiti fir-rigward tal-konvenzjonijiet tal-format u tad-dejta, tal-kompletezza, tal-preċiżjoni, tal-preżentazzjoni fil-ħin u tal-ġustifikazzjoni tal-proċess stabbilit fil-punt 4 tal-Parti A.

2.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dejta u t-tagħrif li ġejjin lill-Maniġer tan-Netwerk, kif ikun mitlub, fil-perjodi taż-żmien miftehma preskritti mill-Maniġer tan-Netwerk sabiex jingħata appoġġ ħalli tkun ipprovduta l-funzjoni tan-netwerk għall-kodiċijiet tat-transponders SSR:

(a)

reġistru aġġornat tal-allokazzjoni u tal-użu tal-kodiċijiet kollha tat-transponders SSR fil-qasam ta’ responsabbiltà tagħhom, suġġett għal kwalunkwe limitu tas-sigurtà marbut mal-iżvelar sħiħ tal-allokazzjonijiet speċifiċi tal-kodiċijiet militari li ma jintużawx għat-traffiku tal-ajru ġenerali;

(b)

ġustifikazzjoni li turi li l-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR li jeżistu u dawk mitluba huma l-minimu meħtieġ sabiex ikunu sodisfatti r-rekwiżiti operattivi;

(c)

dettalji ta’ kwalunkwe allokazzjoni ta’ kodiċijiet tat-transponders SSR li m’għadhomx iktar meħtieġa mil-lat operattiv u li jistgħu jiġu rrilaxxati biex jiġu allokati mill-ġdid fin-netwerk;

(d)

rapporti ta’ kwalunkwe nuqqas reali mhux ippjanat fl-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR;

(e)

dettalji ta’ kwalunkwe bidla fl-ippjanar tal-istallazzjonijiet jew fl-istatus operattiv tas-sistemi jew tal-partijiet tagħhom li jista’ jkollha impatt fuq l-assenjazzjoni tal-kodiċijiet tat-transponders SSR għat-titjiriet.

3.

Il-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandhom jipprovdu d-dejta u t-tagħrif li ġejjin lill-Maniġer tan-Netwerk, kif ikun mitlub, fil-perjodi taż-żmien miftehma preskritti mill-Maniġer tan-Netwerk sabiex jingħata appoġġ ħalli tkun ipprovduta l-funzjoni tan-netwerk għall-kodiċijiet tat-transponders SSR:

(a)

Rapporti dwar il-Pożizzjonijiet Ikkorrelatati tas-Sistema Mtejba tal-Ġestjoni Tattika tal-Flussi, li jinkludu l-assenjazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR għat-traffiku tal-ajru ġenerali li jkun qed iwettaq titjiriet skont ir-regoli tat-titjir bl-istrumenti;

(b)

rapporti ta’ kwalunkwe kunflitt jew periklu reali mhux ippjanat ikkawżat minn assenjazzjoni reali ta’ kodiċi ta’ transponder SSR operattiv, inkluż it-tagħrif dwar kif il-kunflitt ġie solvut.

4.

It-tweġibiet tal-Istati Membri u tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għall-koordinazzjoni tal-emendi proposti għall-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR u għall-aġġornamenti tal-lista tal-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR għandhom mill-inqas:

(a)

jidentifikaw jekk huwiex previst xi kunflitt jew periklu bejn l-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR jew le;

(b)

jikkonfermaw jekk ir-rekwiżiti operattivi jew l-effiċjenza humiex se jiġu affettwati ħażin jew le;

(c)

jikkonfermaw li l-emendi għall-allokazzjonijiet tal-kodiċijiet tat-transponders SSR jistgħu jiġu implimentati skont il-perjodi taż-żmien mitluba.


ANNESS IV

MUDELL GĦALL-PJAN STRATEĠIKU GĦAN-NETWERK

Il-Pjan Strateġiku għan-Netwerk għandu jkun ibbażat fuq l-istruttura li ġejja:

1.   DAĦLA

1.1.

Kamp ta’ applikazzjoni tal-Pjan Strateġiku għan-Netwerk (l-ambitu ġeografiku u l-perjodu taż-żmien)

1.2.

Tħejjija tal-pjan u l-proċess ta’ validazzjoni

2.   KUNTEST ĠENERALI U REKWIŻITI

2.1.

Deskrizzjoni tas-sitwazzjoni attwali tan-netwerk u ta’ dik ippjanata, inklużi l-ERND, l-ATFM, l-ajruporti u r-riżorsi skarsi

2.2.

Sfidi u opportunitajiet marbutin mal-perjodu taż-żmien tal-pjan (inklużi l-previżjonijiet tad-domanda tat-traffiku u l-iżvilupp dinji tagħha)

2.3.

Għanijiet tal-prestazzjoni u rekwiżiti tan-negozju kif ġew espressi mill-partijiet interessati differenti u l-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha

3.   VIŻJONI STRATEĠIKA

3.1.

Deskrizzjoni tal-mod strateġiku li bih se jiżviluppa u jagħmel progress in-netwerk sabiex jirnexxielu jissodisfa l-miri ta’ prestazzjoni u r-rekwiżiti tan-negozju

3.2.

Konformità mal-iskema ta’ prestazzjoni

3.3.

Konformità mal-Pjan Regolatorju Ewropew tal-ATM

4.   GĦANIJIET STRATEĠIĊI

4.1.

Deskrizzjoni tal-għanijiet strateġiċi tan-Netwerk:

li tinkludi l-aspetti kooperattivi tal-partijiet interessati operattivi li qed jieħdu sehem fih f’termini tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet tagħhom;

li tindika kif l-għanijiet strateġiċi se jissodisfaw ir-rekwiżiti;

li tidentifika kif se jitkejjel il-progress li jkun sar sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet;

li tindika l-impatt li l-għanijiet strateġiċi se jkollhom fuq l-industrija u fuq oqsma kkonċernati oħrajn.

5.   IPPJANAR TAL-PRESTAZZJONI

Il-pjan ta’ prestazzjoni għandu jkun ibbażat fuq l-istruttura li ġejja:

1.   Daħla

1.1.

Deskrizzjoni tas-sitwazzjoni (il-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan, il-funzjonijiet koperti, eċċ.)

1.2.

Deskrizzjoni tax-xenarju makroekonomiku għall-perjodu ta’ referenza, inklużi s-suppożizzjonijiet ġenerali (il-previżjonijiet tat-traffiku, eċċ.)

1.3.

Deskrizzjoni tal-eżitu tal-konsultazzjoni mal-partijiet interessati sabiex jitħejja l-pjan ta’ prestazzjoni (il-kwistjonijiet ewlenin li qajmu l-parteċipanti u, jekk ikun possibbli, il-kompromessi miftehma)

2.   Miri ta’ prestazzjoni fil-livell tal-Maniġer tan-Netwerk

2.1.

Miri ta’ prestazzjoni f’kull qasam prinċipali ta’ prestazzjoni li jkun rilevanti, iffissati b’referenza għal kull indikatur ewlieni tal-prestazzjoni li jkun rilevanti, għall-perjodu kollu ta’ referenza, u b’valuri annwali li għandhom jintużaw għall-għanijiet ta’ monitoraġġ u ta’ inċentivi

2.2.

Deskrizzjoni u spjegazzjoni tal-kontribut tal-miri ta’ prestazzjoni tal-Maniġer tan-Netwerk għall-miri ta’ prestazzjoni għall-Unjoni Ewropea kollha u tal-impatt tagħhom fuqhom

3.   Kontribut ta’ kull funzjoni

3.1.

Miri ta’ prestazzjoni individwali għal kull funzjoni (l-ATFM, l-ERND, il-kodiċijiet tat-transponders SSR u l-frekwenzi)

4.   Dimensjoni militari

4.1.

Deskrizzjoni tad-dimensjoni ċivili/militari tal-pjan, li tiddeskrivi l-prestazzjoni tal-applikazzjoni tal-użu flessibbli tal-ispazju tal-ajru sabiex titkabbar il-kapaċità filwaqt li titqies kif xieraq l-effettività tal-operazzjonijiet militari u, jekk jitqies li jkun xieraq, l-indikaturi u l-miri ta’ prestazzjoni rilevanti b’mod konsistenti mal-indikaturi u mal-miri tal-pjan ta’ prestazzjoni

5.   Analiżi tas-sensittività u tqabbil mal-pjan ta’ prestazzjoni ta’ qabel

5.1.

Sensittività għas-suppożizzjonijiet esterni

5.2.

Tqabbil mal-pjan ta’ prestazzjoni ta’ qabel

6.   Implimentazzjoni tal-pjan ta’ prestazzjoni

6.1.

Deskrizzjoni tal-miżuri implimentati mill-Bord ta’ Ġestjoni tan-Netwerk sabiex jintlaħqu l-miri ta’ prestazzjoni, bħall-:

mekkaniżmi ta’ monitoraġġ sabiex ikun żgurat li l-attivitajiet ta’ sikurezza u l-pjanijiet tan-negozju jiġu implimentati

miżuri sabiex tiġi mmonitorjata l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ prestazzjoni u jsiru rapporti dwarha, inklużi miżuri dwar kif wieħed għandu jindirizza s-sitwazzjoni jekk il-miri ma jintlaħqux matul il-perjodu ta’ referenza.

6.   IPPJANAR STRATEĠIKU

6.1.

Deskrizzjoni tal-ippjanar għal perjodu qasir taż-żmien jew għal dak medju:

il-prijoritajiet għal kull wieħed mill-għanijiet strateġiċi

l-implimentazzjoni ta’ kull wieħed mill-għanijiet strateġiċi f’termini tal-użu mitlub tat-teknoloġija, tal-impatt arkitettoniku, tal-aspetti umani, tal-ispiża involuta u tal-benefiċċji, kif ukoll tal-governanza, tar-riżorsi u tar-regolamentazzjoni meħtieġa

il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati operattivi mitluba għal kull element tal-pjan, inklużi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom

il-livell miftiehem ta’ involviment tal-Maniġer tan-Netwerk sabiex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni ta’ kull element tal-pjan għal kull funzjoni individwali.

6.2.

Deskrizzjoni tal-ippjanar fit-tul:

l-intenzjoni li jintlaħaq kull wieħed mill-għanijiet strateġiċi f’termini tat-teknoloġija mitluba u tal-aspetti tar-riċerka u tal-iżvilupp korrispondenti, tal-impatt arkitettoniku, tal-aspetti umani, tal-kwistjonijiet tan-negozju, tal-governanza mitluba u tar-regolamentazzjoni mitluba, kif ukoll il-ġustifikazzjoni ekonomika u tas-sikurezza marbuta ma’ dawn l-investimenti

il-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati operattivi mitluba għal kull element tal-pjan, inklużi r-rwoli u r-responsabbiltajiet tagħhom.

7.   VALUTAZZJONI TAR-RISKJI

7.1.

Deskrizzjoni tar-riskji marbutin mal-implimentazzjoni tal-pjan

7.2.

Deskrizzjoni tal-proċess ta’ monitoraġġ (inkluża d-devjazzjoni potenzjali mill-għanijiet inizjali)

8.   RAKKOMANDAZZJONIJIET

8.1.

Identifikazzjoni tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu mill-Unjoni u mill-Istati Membri sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-pjan


ANNESS V

MUDELL GĦALL-PJAN OPERATTIV TAN-NETWERK

Il-Pjan Operattiv tan-Netwerk għandu jkun ibbażat fuq l-istruttura ġenerali li ġejja (li għandha titfassal għad-diversi funzjonijiet individwali u għall-perjodu taż-żmien tal-Pjan Operattiv tan-Netwerk sabiex tirrifletti n-natura kontinwa tiegħu u l-perjodi minn tlieta sa ħames snin, annwali, tal-istaġun, ta’ kull ġimgħa u ta’ kuljum tiegħu):

1.   DAĦLA

1.1.

Kamp ta’ applikazzjoni tal-Pjan Operattiv tan-Netwerk (l-ambitu ġeografiku u l-perjodu taż-żmien)

1.2.

Tħejjija tal-pjan u l-proċess ta’ validazzjoni

2.   DESKRIZZJONI TAL-PJAN OPERATTIV TAN-NETWERK, TAL-MIRI U TAL-GĦANIJIET OPERATTIVI

li tinkludi l-aspett kollaborattiv tal-partijiet interessati operattivi li qed jieħdu sehem fih f’termini tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet tagħhom

li tindika kif il-miri u l-għanijiet operattivi se jiġu koperti fil-fażi tattika, fil-fażi ta’ qabel dik tattika u fil-fażijiet fuq perjodu qasir taż-żmien u fuq perjodu medju taż-żmien tal-Pjan Operattiv tan-Netwerk u li tindika miri oħrajn ta’ prestazzjoni stabbiliti skont ir-regolament dwar il-prestazzjoni

li tindika l-prijoritajiet stabbiliti u r-riżorsi meħtieġa għall-perjodu tal-ippjanar

li tindika l-impatt fuq l-industrija tal-ATM u oqsma oħrajn ikkonċernati.

3.   PROĊESS ĠENERALI TAL-IPPJANAR OPERATTIV TAN-NETWERK

deskrizzjoni tal-proċess ġenerali tal-ippjanar operattiv tan-netwerk

deskrizzjoni tal-mod strateġiku li bih se jiżviluppa u jagħmel progress il-Pjan Operattiv għan-Netwerk sabiex jirnexxielu jissodisfa r-rekwiżiti operattivi tal-prestazzjoni u l-miri l-oħrajn ta’ prestazzjoni stabbiliti skont ir-regolament dwar il-prestazzjoni

deskrizzjoni tal-għodod u tad-dejta użati.

4.   KUNTEST ĠENERALI U REKWIŻITI OPERATTIVI

4.1.

Deskrizzjoni fil-qosor tal-prestazzjoni operattiva tan-netwerk fl-imgħoddi

4.2.

Sfidi u opportunitajiet marbutin mal-perjodu taż-żmien tal-pjan

4.3.

Previżjonijiet tat-traffiku fin-netwerk skont l-Appendiċijiet 1 u 2, inklużi:

il-previżjonijiet marbutin man-netwerk

il-previżjonijiet marbutin mal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, mal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru u maċ-ċentri ta’ kontroll taż-żona (l-ACCs)

il-previżjonijiet marbutin mal-ajruporti ewlenin

l-analiżi tal-previżjonijiet tat-traffiku, inkluża firxa ta’ xenarji

l-analiżi tal-impatt ta’ avvenimenti speċjali.

4.4.

Rekwiżiti tal-prestazzjoni operattiva tan-netwerk, inklużi:

ir-rekwiżiti ġenerali tal-kapaċità tan-netwerk

ir-rekwiżiti tal-kapaċità tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru u taċ-ċentri ta’ kontroll taż-żona (l-ACCs)

il-kapaċità tal-ajruporti

l-analiżi tar-rekwiżiti tal-kapaċità

ir-rekwiżiti ġenerali tal-ambjent tan-netwerk jew tal-effiċjenza tat-titjiriet

ir-rekwiżiti ġenerali tas-sikurezza tan-netwerk

ir-rekwiżiti marbutin mal-emerġenzi u l-kontinwità tas-servizzi li jaffettwaw in-netwerk.

4.5.

Ħtiġijiet operattivi kif ġew espressi mill-partijiet interessati differenti, inkluż il-militar.

5.   PJANIJIET U AZZJONIJIET TA’ TITJIB TAL-PRESTAZZJONI OPERATTIVA TAN-NETWERK FIL-LIVELL TAN-NETWERK

deskrizzjoni tal-pjanijiet u tal-azzjonijiet li mistennija jiġu implimentati fil-livell tan-netwerk, inklużi l-ispazju tal-ajru, ir-riżorsi skarsi u l-ATFM

deskrizzjoni tal-kontribut ta’ kull pjan u ta’ kull azzjoni għall-prestazzjoni operattiva.

6.   PJANIJIET U AZZJONIJIET TA’ TITJIB TAL-PRESTAZZJONI OPERATTIVA FIL-LIVELL LOKALI

inkluża deskrizzjoni ta’ kull pjan u ta’ kull azzjoni li mistennija jiġu implimentati fil-livell lokali

deskrizzjoni tal-kontribut ta’ kull pjan u ta’ kull azzjoni għall-prestazzjoni operattiva

deskrizzjoni tar-relazzjonijiet ma’ pajjiżi terzi u tal-ħidma marbuta mal-ICAO.

7.   AVVENIMENTI SPEĊJALI

ħarsa ġenerali lejn l-avvenimenti speċjali li għandhom impatt sinifikanti fuq l-ATM

avvenimenti speċjali individwali u kif dawn jiġu ttrattati mil-lat tan-netwerk

eżerċizzji militari kbar.

8.   REKWIŻITI MILITARI TAL-ISPAZJU TAL-AJRU

8.1.

Il-fornituri militari tas-servizzi tal-ATM li huma responsabbli għal żoni rriżervati jew issegregati tal-ispazju tal-ajru għandhom jiskambjaw it-tagħrif li ġej mal-Maniġer tan-Netwerk, permezz taċ-Ċellula ta’ Ġestjoni tal-Ispazju tal-Ajru rilevanti, skont ir-regoli nazzjonali:

disponibbiltà tal-ispazju tal-ajru: jiem/ħinijiet iddefiniti minn qabel ta’ disponibbiltà tal-ispazju tal-ajru rriżervat

talbiet ad hoc għal użu mhux ippjanat ta’ spazju tal-ajru li huwa rriżervat

rilaxx tal-ispazju tal-ajru rriżervat għall-użu ċivili kull meta dan ma jkunx meħtieġ, filwaqt li għandu jingħata avviż dwar dan kemm jista’ jkun bil-quddiem.

9.   PREVIŻJONIJIET IKKONSOLIDATI U ANALIŻI TAL-PRESTAZZJONI OPERATTIVA TAN-NETWERK

miri u previżjonijiet tad-dewmien/tal-kapaċità tal-ATM tan-netwerk, tal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru, tal-blokok funzjonali tal-ispazju tal-ajru u taċ-ċentri ta’ kontroll taż-żona (l-ACCs)

prestazzjoni operattiva tal-ajruporti

mira u previżjonijiet tal-prestazzjoni marbutin mal-ambjent tan-netwerk/mal-effiċjenza tat-titjiriet

impatt tal-avvenimenti speċjali

analiżi tal-miri u tal-previżjonijiet tal-prestazzjoni operattiva.

10.   IDENTIFIKAZZJONI TAL-OSTAKLI OPERATTIVI U TAS-SOLUZZJONIJIET TA’ MITIGAZZJONI FIL-LIVELL TAN-NETWERK U FIL-LIVELL LOKALI

identifikazzjoni tal-ostakli operattivi (marbutin mas-sikurezza, mal-kapaċità u mal-effiċjenza tat-titjiriet) u tal-ostakli potenzjali, ta’ dak li qed jikkaġunahom u tas-soluzzjonijiet jew l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni miftehma, inklużi l-possibbiltajiet għall-ibbilanċjar tad-domanda mal-kapaċità (id-DCB).

Appendiċi 1

Ċentri ta’ kontroll taż-żona (l-ACCs)

Il-Pjan Operattiv tan-Netwerk għandu jagħti deskrizzjoni dettaljata taż-żoni kollha għal kull ċentru ta’ kontroll taż-żona, u għandu jiddeskrivi l-miżuri ta’ titjib operattiv ippjanati, il-prospetti għall-perjodu, il-previżjonijiet tat-traffiku, il-mira u l-previżjoni tad-dewmien, l-avvenimenti sinifikanti li jistgħu jaffettwaw it-traffiku u l-kuntatti operattivi tagħhom.

Għal kull ċentru ta’ kontroll taż-żona, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jinkludi:

il-previżjonijiet tat-traffiku

analiżi tal-prestazzjoni operattiva attwali

evalwazzjoni kkwantifikata tal-kapaċità miksuba (ix-xenarju ta’ referenza tal-kapaċità)

evalwazzjoni kkwantifikata tal-kapaċità mitluba għal diversi xenarji tal-iżvilupp tat-traffiku (il-profil tal-kapaċità mitluba)

evalwazzjoni kkwantifikata tal-azzjonijiet ta’ titjib operattiv ippjanati fil-livell taċ-ċentri ta’ kontroll taż-żona, kif miftiehem mal-fornituri tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru

il-mira u l-previżjonijiet marbutin mad-dewmien

analiżi tal-prestazzjoni operattiva mistennija (marbuta mas-sikurezza, mal-kapaċità u mal-ambjent).

Kull fornitur tas-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru għandu jipprovdi lill-Maniġer tan-Netwerk bit-tagħrif li ġej li għandu jiddaħħal fid-deskrizzjoni taċ-ċentri ta’ kontroll taż-żona individwali:

il-mira lokali marbuta mad-dewmien,

il-valutazzjoni jew il-konferma tal-previżjonijiet tat-traffiku, filwaqt li jitqies l-għarfien lokali,

l-għadd ta’ setturi disponibbli: il-konfigurazzjoni tas-setturi jew l-iskema tal-ftuħ għal kull staġun jew għal kull jum tal-ġimgħa jew għal kull ħin tal-jum,

il-valuri tal-kapaċitajiet jew tal-monitoraġġ għal kull settur jew għal kull volum tat-traffiku għal kull konfigurazzjoni jew għal kull skema ta’ ftuħ,

l-avvenimenti speċjali ppjanati jew magħrufa, inklużi d-dati jew il-ħinijiet u l-impatt fuq il-prestazzjoni operattiva marbut magħhom,

dettalji tal-miżuri ta’ titjib operattiv ippjanati, l-iskeda ta’ implimentazzjoni tagħhom u l-impatt pożittiv jew negattiv fuq il-kapaċità u/jew fuq l-effiċjenza marbut magħhom,

dettalji tal-bidliet proposti u kkonfermati fl-istruttura u fl-użu tal-ispazju tal-ajru,

azzjonijiet addizzjonali kif miftehma mal-Maniġer tan-Netwerk,

il-kuntatti operattivi taċ-ċentri ta’ kontroll taż-żona individwali.

Appendiċi 2

Ajruporti

Il-Pjan Operattiv tan-Netwerk għandu jagħti deskrizzjoni dettaljata taż-żoni kollha għall-ajruporti ewlenin Ewropej, u għandu jiddeskrivi l-miżuri ta’ titjib operattiv ippjanati, il-prospetti għall-perjodu, il-previżjonijiet tat-traffiku u tad-dewmien, l-avvenimenti sinifikanti li jistgħu jaffettwaw it-traffiku u l-kuntatti operattivi tagħhom.

Għal kull ajruport ewlieni, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jinkludi:

il-previżjonijiet tat-traffiku

analiżi tal-prestazzjoni operattiva mistennija (marbuta mas-sikurezza, mal-kapaċità u mal-ambjent).

Kull ajruport inkluż fil-Pjan Operattiv tan-Netwerk għandu jipprovdi lill-Maniġer tan-Netwerk bit-tagħrif li ġej li għandu jiddaħħal fid-deskrizzjoni tal-ajruporti individwali:

il-valutazzjoni jew il-konferma tal-previżjonijiet tat-traffiku, filwaqt li jitqies l-għarfien lokali

il-kapaċità tar-runway għal kull konfigurazzjoni tar-runway, il-wasliet u t-tluq attwali u previsti

speċifikazzjoni tal-kapaċità ta’ matul il-lejl u t-tul tal-perjodu ta’ bil-lejl, fejn ikun rilevanti

dettalji tal-miżuri ta’ titjib operattiv ippjanati, l-iskeda ta’ implimentazzjoni tagħhom u l-impatt pożittiv jew negattiv fuq il-kapaċità u/jew fuq l-effiċjenza marbut magħhom

l-avvenimenti speċjali ppjanati jew magħrufa, inklużi d-dati jew il-ħinijiet u l-impatt fuq il-prestazzjoni operattiva marbut magħhom

fatturi ppjanati oħrajn li jsaħħu l-kapaċità

azzjonijiet addizzjonali kif miftehma mal-Maniġer tan-Netwerk.


ANNESS VI

REKWIŻITI ĠENERALI GĦALL-FUNZJONIJIET TAN-NETWERK

1.   STRUTTURA ORGANIZZATTIVA

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jistabbilixxi u jimmaniġġa l-organizzazzjoni tiegħu skont struttura li tappoġġa s-sikurezza tal-funzjonijiet tan-netwerk.

L-istruttura organizzattiva għandha tispeċifika:

(a)

l-awtorità, id-dmirijiet u r-responsabbiltajiet tal-persuni maħturin f’kariga, b’mod partikolari tal-persunal maniġerjali inkarigat mill-funzjonijiet marbutin mas-sikurezza, mal-kwalità, mas-sigurtà u mar-riżorsi umani;

(b)

ir-relazzjonijiet u l-linji ta’ rappurtar (il-ġerarkija) bejn il-partijiet u l-proċessi differenti tal-organizzazzjoni.

2.   SIKUREZZA

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jkollu sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza li tkopri l-funzjonijiet kollha tan-netwerk li jwettaq, li tirrispetta l-prinċipji li ġejjin. Huwa għandu:

(a)

jiddeskrivi l-filosofiji u l-prinċipji ġenerali tal-organizzazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mas-sikurezza u b’tali mod li jiġu sodisfatti kemm jista’ jkun il-ħtiġijiet tal-partijiet interessati rilevanti (minn hawn ‘il quddiem “il-politika”);

(b)

jistabbilixxi funzjoni ta’ monitoraġġ tal-konformità li tinkludi proċeduri maħsubin sabiex jiġi vverifikat li l-funzjonijiet kollha qed jiġu pprovduti skont ir-rekwiżiti, l-istandards u l-proċeduri applikabbli. Il-monitoraġġ tal-konformità għandu jinkludi sistema ta’ informazzjoni dwar is-sejbiet mgħoddija lura lill-persunal maniġerjali responsabbli sabiex tkun żgurata implimentazzjoni effettiva u f’waqtha tal-azzjonijiet korrettivi skont il-bżonn;

(c)

jipprovdi evidenza tal-funzjonament tas-sistema ta’ ġestjoni permezz ta’ manwali u ta’ dokumenti ta’ monitoraġġ;

(d)

jaħtar rappreżentanti maniġerjali sabiex jimmonitorjaw il-konformità mal-proċeduri u l-adegwatezza tagħhom, sabiex ikunu żgurati prattiki operattivi sikuri u effiċjenti;

(e)

iwettaq analiżi tas-sistema ta’ ġestjoni stabbilita u jieħu azzjonijiet ta’ rimedju, kif ikun xieraq;

(f)

jimmaniġġa s-sikurezza tal-funzjonijiet kollha tan-netwerk allokati lilu. Biex jagħmel dan, għandu jistabbilixxi interfaċċji formali mal-partijiet interessati kollha rilevanti sabiex ikun jista’ jidentifika l-perikli għas-sikurezza tal-avjazzjoni li jiġu mill-attivitajiet tiegħu, sabiex jevalwahom u jimmaniġġa r-riskji marbutin magħhom kif ikun xieraq;

(g)

jinkludi proċeduri għall-ġestjoni tas-sikurezza meta jiddaħħlu sistemi funzjonali ġodda jew meta jinbidlu s-sistemi funzjonali eżistenti.

3.   SIGURTÀ

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jkollu sistema ta’ ġestjoni tas-sigurtà li tkopri l-funzjonijiet kollha tan-netwerk li jwettaq, li tirrispetta l-prinċipji li ġejjin. Huwa għandu:

(a)

jiżgura s-sigurtà tal-faċilitajiet u tal-persunal tiegħu sabiex jipprevjeni interferenza illegali li jista’ jkollha impatt fuq is-sikurezza tal-funzjonijiet tan-netwerk li jimmaniġġa;

(b)

jiżgura s-sigurtà tad-dejta operattiva li jirċievi jew li jipproduċi jew li juża b’xi mod ieħor, sabiex l-aċċess għaliha jkun ristrett għal min ikun awtorizzat biss;

(c)

jiddefinixxi l-proċeduri marbutin mal-valutazzjoni tar-riskji għas-sigurtà u mal-mitigazzjoni tagħhom, mal-monitoraġġ u mat-titjib tas-sigurtà, mal-analiżi tas-sigurtà u mat-tixrid tal-lezzjonijiet li joħorġu minnhom;

(d)

jiddefinixxi l-mezzi maħsubin sabiex jiġi nnutat ksur fil-qasam tas-sigurtà u sabiex il-persunal jiġi mwissi bi twissijiet xierqa tas-sigurtà;

(e)

jiddefinixxi l-mezzi biex ikunu ristretti l-effetti ta’ ksur fil-qasam tas-sigurtà u biex jiġu identifikati l-azzjonijiet ta’ rkupru u l-proċeduri ta’ mitigazzjoni sabiex dan il-ksur ma jitħalliex jerġa’ jseħħ.

4.   MANWALI OPERATTIVI

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jistabbilixxi u jżomm aġġornati manwali operattivi marbutin mal-ħidmiet tiegħu, sabiex jintużaw mill-persunal operattiv u jservu ta’ gwida għal dan il-persunal. Huwa għandu jiżgura li:

(a)

il-manwali operattivi jinkludu l-istruzzjonijiet u l-informazzjoni meħtieġa mill-persunal operattiv sabiex iwettaq dmirijietu;

(b)

il-partijiet rilevanti tal-manwali operattivi huma aċċessibbli għall-persunal ikkonċernat;

(c)

il-persunal operattiv jitgħarraf fil-pront bl-emendi fil-manwal operattiv li japplikaw għal dmirijietu kif ukoll bid-dħul fis-seħħ tagħhom.

5.   REKWIŻITI TAL-PERSUNAL

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jimpjega persunal li jkollu l-ħiliet xierqa sabiex jiżgura li l-funzjonijiet tan-netwerk allokati lilu jitwettqu b’mod sikur, effiċjenti, kontinwu u sostenibbli. F’dan il-kuntest, huwa għandu jistabbilixxi politiki għat-taħriġ tal-persunal.

6.   PJANIJIET TA’ EMERĠENZA

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jistabbilixxi pjanijiet ta’ emerġenza għall-funzjonijiet kollha li jipprovdi fil-każ ta’ avvenimenti li jwasslu għal degradazzjoni sinifikanti jew għal interruzzjoni ta’ ħidmietu.

7.   REKWIŻITI TAR-RAPPURTAR

Skont l-Artikolu 20, il-Maniġer tan-Netwerk għandu jipprovdi rapport annwali dwar l-attivitajiet tiegħu. Dan ir-rapport għandu jkopri l-prestazzjoni operattiva tiegħu, kif ukoll l-attivitajiet u l-iżviluppi sinifikanti, b’mod partikolari fil-qasam tas-sikurezza.

Ir-rapport annwali għandu jinkludi mill-inqas:

valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-funzjonijiet tan-netwerk li jimmaniġġa,

il-prestazzjoni mqabbla mal-għanijiet tal-prestazzjoni stabbiliti fil-Pjan Strateġiku għan-Netwerk, filwaqt li l-prestazzjoni attwali għandha tiġi rrikonċiljata mal-Pjan Operattiv tan-Netwerk billi jintużaw l-indikaturi tal-prestazzjoni stabbiliti fil-Pjan Operattiv tan-Netwerk,

spjegazzjoni tad-differenzi meta mqabbla mal-miri u identifikazzjoni tal-miżuri sabiex titnaqqas kwalunkwe differenza li jista’ jkun hemm matul il-perjodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004,

l-iżviluppi fil-ħidmiet u fl-infrastruttura,

tagħrif dwar il-proċess formali ta’ konsultazzjoni mal-utenti u mal-partijiet interessati,

tagħrif dwar il-politika tar-riżorsi umani.

8.   METODI TA’ ĦIDMA U PROĊEDURI OPERATTIVI

Il-Maniġer tan-Netwerk għandu jkun jista’ juri li l-metodi ta’ ħidma u l-proċeduri operattivi tiegħu huma konformi mal-leġiżlazzjoni l-oħra tal-Unjoni u b’mod partikolari mar-Regolament (UE) Nru 255/2010.