21.6.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 161/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 588/2011

tal-20 ta’ Ġunju 2011

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 2011/357/PESK tal-20 ta’ Ġunju 2011 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/639/PESK dwar miżuri restrittivi kontra ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja (1),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 (2) jipprovdi għall-iffriżar tal-assi tal-President Lukashenko u ta’ ċerti uffiċjali tal-Bjelorussja.

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni 2011/357/PESK, il-Kunsill iddeċieda li jieħu ċerti miżuri restrittivi addizzjonali fejn tidħol il-Bjelorussja, b’mod partikolari billi jimponi embargo fuq l-armamenti u projbizzjoni fuq apparat għar-repressjoni interna.

(3)

Xi elementi minn dawn il-miżuri jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u għalhekk hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati, partikolarment bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha.

(4)

Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja u f’konformità mad-Deċiżjoni 2011/357/PESK, għandhom jiġu inklużi aktar persuni u entitajiet fil-lista ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi li jidhru fl-Anness IA tar-Regolament (KE) Nru 765/2006.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 għandu għalhekk jiġi emendat kif meħtieġ.

(6)

Biex jiġi żgurat li l-miżuri f’dan ir-Regolament ikunu effettivi, dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ minnufih,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 huwa b’dan emendat kif ġej:

(1)

It-titolu tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat-18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja”.

(2)

L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-Punt (5) jinbidel b’dan li ġej:

“5.

‘territorju tal-Komunità’ tfisser it-territorji tal-Istati Membri, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom, li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, taħt il-kondizzjonijiet stipulati fit-Trattat.”.

(b)

Għandu jiżdied il-punt li ġej:

“6.

‘għajnuna teknika’ tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku relatat ma’ tiswijiet, żvilupp, manifattura, immuntar, ittestjar, manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u jista’ jkun f’forma ta’ istruzzjoni, parir, taħriġ, trażmissjoni ta’ konoxxenza operattiva jew ta’ ħiliet jew servizzi ta’ konsulenza; inklużi forom verbali ta’ għajnuna.”.

(3)

Għandhom jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 1a

1.   Huma pprojbiti:

(a)

il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, b’mod dirett jew indirett, ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness III, kemm jekk joriġina fl-Unjoni kemm jekk le, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Bjelorussja jew għall-użu fil-Bjelorussja;

(b)

il-parteċipazzjoni, b’mod konxju u intenzjonat, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom tkun l-evażjoni tal-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt (a).

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal ilbies protettiv, inklużi ġkieket kontra l-flak u elmi militari, esportati temporanjament lejn il-Bjelorussja minn persunal tan-Nazzjonijiet Magħquda (NU), minn persunal tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, minn rappreżentanti tal-media jew ħaddiema umanitarji u dawk li jaħdmu fl-iżvilupp u persuni assoċjati esklussivament għall-użu personali tagħhom.

3.   B’deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri kif elenkati fl-Anness II jistgħu jawtorizzaw il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu adegwati, jekk huma jiddeterminaw li tali tagħmir huwa maħsub biss għall-użu umanitarju jew protettiv.

Artikolu 1b

1.   Huma pprojbiti:

(a)

l-għoti, b’mod dirett jew indirett, ta’ għajnuna teknika relatata mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (3) (‘Lista Militari Komuni’), jew relatata mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ oġġetti inklużi f’dik il-lista, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Bjelorussja jew għall-użu fil-Bjelorussja;

(b)

l-għoti, b’mod dirett jew indirett, ta’ għajnuna teknika jew ta’ servizzi ta’ senserija relatati ma’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness III, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Bjelorussja jew għall-użu fil-Bjelorussja;

(ċ)

l-għoti, b’mod dirett jew indirett, ta’ finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni jew fl-Anness III, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ dawn l-oġġetti, jew għal kwalunkwe għoti ta’ għajnuna teknika relatata lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Bjelorussja jew għall-użu fil-Bjelorussja;

(d)

il-parteċipazzjoni, b’mod konxju u intenzjonat, f’attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom tkun l-evażjoni tal-projbizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) sa (c).

2.   B’deroga mill-paragrafu 1, il-projbizzjonijiet imsemmija fih m’għandhomx japplikaw għal:

(a)

tagħmir militari mhux letali, jew tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna, maħsub biss għall-użu umanitarju jew protettiv jew għall-programmi tan-NU u tal-Unjoni ta’ żvilupp ta’ istituzzjonijiet, jew għal operazzjonijiet tal-UE u tan-NU ta’ maniġġar ta’ kriżijiet; jew

(b)

vetturi mhux tal-kumbattiment mgħammra b’materjal li jipprovdi protezzjoni ballistika, maħsuba biss għall-użu protettiv ta’ persunal tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha fil-Bjelorussja;

sakemm l-għoti tagħhom ikun ġie approvat minn qabel mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru, kif identifikata fil-websites elenkati fl-Anness II.

3.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għal ilbies protettiv, inklużi ġkieket kontra l-flak u elmi militari, esportati temporanjament lejn il-Bjelorussja minn persunal tan-Nazzjonijiet Magħquda (NU), minn persunal tal-Unjoni jew tal-Istati Membri tagħha, minn rappreżentanti tal-media jew ħaddiema umanitarji u dawk li jaħdmu fl-iżvilupp u persuni assoċjati esklussivament għall-użu personali tagħhom.

(3)  ĠU C 69, 18.3.2010, p. 19.”."

Artikolu 2

1.   Il-persuni u l-entitajiet li jidhru fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament għandhom jiżdiedu fil-lista li tidher fl-Anness IA tar-Regolament (KE) Nru 765/2006.

2.   L-Anness II ta’ dan ir-Regolament għandu jiżdied fir-Regolament (KE) Nru 765/2006.

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fil-Lussemburgu, l-20 ta’ Ġunju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

C. ASHTON


(1)  Ara paġna 25 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(2)  ĠU L 134, 20.5.2006, p. 1; verżjoni bil Malti: ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 432.


ANNESS I

Persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikolu 2(1)

A.   Persuni

 

Ismijiet

Traskrizzjoni tal-ortografija Bjelorussa

Traskrizzjoni tal-ortografija Russa

Ismijiet

(ortografija Bjelorussa)

Ismijiet

(ortografija Russa)

Post u data tat-twelid, informazzjoni oħra ta' identifikazzjoni

(numru tal-passaport …)

Raġunijiet

1

Andrey Kazheunikau

Andrey Kozhevnikov

Андрэй Кажэўнiкаў

Андрей Кожевников

 

Prosekutur pubbliku tal-kawża kontra l-ex-kandidati presidenzjali Vladimir Neklyaev, Vitaly Rimashevsky, il-membri tat-tim tal-kampanja ta' Neklyaev, Andrei Dmitriev, Aleksandr Feduta u Sergei Vozniak, kif ukoll il-Viċi President tal-Young Front, Anastasia Polozhanka. L-akkuża ppreżentata minnu kellha motivazzjoni politika ċara u kienet ksur ċar tal-Kodiċi tal-Proċedura Penali. Hija kienet ibbażata fuq klassifikazzjoni żbaljata tal-avvenimenti tad-19 ta' Diċembru 2010, mhux sostnuta b'evidenza, provi u testimonjanzi tax-xhieda.

2

Grachova, Liudmila

(Grachova, Ludmila; Grachova Lyudmila)

Gracheva Liudmila

(Gracheva Lyudmila; Grachiova Ludmila)

Грачова Людмiла

Грачева Людмила

 

Imħallef tal-Qorti Distrettwali Leninski ta' Minsk. Hija ttrattat il-kawża tal-ex-kandidati presidenzjali Nikolai Statkevich u Dmitri Uss, kif ukoll l-attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili Andrei Pozniak, Aleksandr Klaskovski, Aleksandr Kvetkevich, Artiom Gribkov u Dmitri Bulanov. Il-mod tagħha kif mexxiet il-proċess kien ksur ċar tal-Kodiċi tal-Proċedura Penali. Hija ħalliet l-użu ta' evidenza u ta' testimonjanzi rrilevanti għall-persuni akkużati.

3

Chubkavets Kiril

Chubkovets Kirill

Чубкавец Кiрыл

Чубковец Кирилл

 

Prosekutur pubbliku tal-kawża kontra l-ex-kandidati presidenzjali Nikolai Statkevich u Dmitri Uss, kif ukoll l-attivisti politiċi u tas-soċjetà ċivili Andrei Pozniak, Aleksandr Klaskovski, Aleksandr Kvetkevich, Artiom Gribkov u Dmitri Bulanov. L-akkuża ppreżentata minnu kellha motivazzjoni politika ċara u kienet ksur ċar tal-Kodiċi tal-Proċedura Penali. Hija kienet ibbażata fuq klassifikazzjoni żbaljata tal-avvenimenti tad-19 ta' Diċembru 2010, mhux sostnuta b'evidenza, provi u testimonjanzi tax-xhieda.

4

Peftiev Vladimir

Peftiev Vladimir Pavlovich

Пефцiеў Уладзiмiр Паўлавiч

Пефтиев Владимир Павлович

Imwieled fl-1 ta' Lulju 1957 fil-belt ta' Berdyansk, Zaporozhskaya Oblast, Ukraina

Numru tal-passaport attwali: MP2405942

Persuna assoċjata mal-President Lukashenko u l-familja tiegħu. Konsulent ekonomiku ewlieni tal-President Lukashenko u sponsor finanzjarju prinċipali tar-reġim ta' Lukashenko. President tal-Kunsill tas-Sidien tal-Ishma ta' Beltechexport, l-akbar kumpanija ta' importazzjoni u esportazzjoni ta' prodotti tad-difiża fil-Bjelorussja


B.   Entitajiet

 

Ismijiet

Traskrizzjoni tal-ortografija Bjelorussa

Traskrizzjoni tal-ortografija Russa

Ismijiet

(ortografija Bjelorussa)

Ismijiet

(ortografija Russa)

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

1

Beltechexport

 

ЗАО „Белтехэкспорт“

Repubblika tal-Bjelorussja,

220012, Minsk,

Nezavisimost ave., 86-B

Tel: (+375 17) 263-63-83,

Fax: (+375 17) 263-90-12

Entità kkontrollata mis-Sur Peftiev Vladimir

2

Sport-Pari

(Operatur tal-Kumpannija tal-Lotterija Repubblikana)

 

ЗАО „Спорт-пари“ (оператор республиканской лотереи)

 

Entità kkontrollata mis-Sur Peftiev Vladimir

3

Private Unitary Enterprise (PUE) BT Telecommunications

 

частное унитарное предприятие ЧУП „БТ Телекоммуникации“

 

Entità kkontrollata mis-Sur Peftiev Vladimir


ANNESS II

“ANNESS III

Lista ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif imsemmi fl-Artikolu 1a u fl-Artikolu 1b

1.

Armi tan-nar, munizzjon u aċċessorji relatati magħhom, kif ġej:

1.1.

Armi tan-nar mhux ikkontrollati mill-ML 1 u l-ML 2 tal-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (1) (“il-Lista Militari Komuni”);

1.2.

Munizzjon imfassal speċifikament għall-armi tan-nar elenkati fl-element 1.1 u komponenti mfassla apposta għalihom;

1.3.

Miri tal-armi mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

2.

Bombi u granati mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

3.

Vetturi kif ġej:

3.1.

Vetturi mgħammra b’kanun tal-ilma, speċifikament imfassla jew immodifikati għall-fini tal-kontroll tal-irvellijiet;

3.2.

Vetturi mfassla jew immodifikati speċifikament biex ikunu elettrifikati biex jimbuttaw lill-attakkanti;

3.3.

Vetturi mfassla jew immodifikati speċifikament biex ineħħu barrikati, inkluż tagħmir ta’ kostruzzjoni bi protezzjoni ballistika;

3.4.

Vetturi mfassla speċifikament għat-trasport jew it-trasferiment ta’ priġunieri u/jew detenuti;

3.5.

Vetturi mfassla speċifikament għall-iskjerament tal-barrikati mobbli;

3.6.

Komponenti għall-vetturi speċifikati fl-elementi 3.1 sa 3.5 mfassla speċifikament għall-finijiet ta’ kontroll tal-irvellijiet.

Nota 1

Dan l-element ma jikkontrollax il-vetturi speċifikament imfassla għall-finijiet ta’ tifi tan-nar.

Nota 2

Għall-finijiet tal-element 3.5, it-terminu “vetturi” jinkludi l-karrijiet.

4.

Sustanzi splussivi u tagħmir relatat kif ġej:

4.1.

Tagħmir u apparat imfassla speċifikament biex iqabbdu splużjonijiet b’mezzi elettriċi jew mhux elettriċi, inklużi settijiet tat-tqabbid, detonaturi, apparati li jqabbdu, busters u fil detonatur, u komponenti mfassla speċifikament għalihom; minbarra dawk imfassla speċifikament għal użu kummerċjali speċifiku li jikkonsistu fl-attwazzjoni jew l-operazzjoni b’mezzi splussivi ta’ tagħmir jew apparat ieħor li l-funzjoni tagħhom mhijiex il-ħolqien ta’ splużjonijiet (pereżempju, neffieħa tal-airbags tal-karozzi, apparat li jipprevjeni ż-żieda f’daqqa tal-elettriku ta’ attwaturi ta’ bexxiexa għat-tifi tan-nar);

4.2.

Kargi splussivi ta’ qtugħ lineari mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni;

4.3.

Splussivi oħra mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni u sustanzi relatati kif ġej:

a.

amatol;

b.

nitroċelluloża (li fiha aktar minn 12,5 % nitroġenu);

ċ.

nitroglikol;

d.

tetranitrat tal-pentaeritritol (PETN);

e.

klorur tal-pikril;

f.

2,4,6-trinitrotoluwen (TNT).

5.

Tagħmir protettiv mhux ikkontrollat mill-ML 13 tal-Lista Militari Komuni kif ġej:

5.1.

Korazzi li jipprovdu protezzjoni ballistika u/jew kontra ferimenti b’arma bil-ponta jew sikkina;

5.2.

Elmi li jipprovdu protezzjoni ballistika u/jew mill-frammenti, elmi għal kontra l-irvellijiet, tarki għal kontra l-irvellijiet u tarki ballistiċi.

Nota: Dan l-element ma jikkontrollax:

tagħmir imfassal speċifikament għal attivitajiet sportivi;

tagħmir imfassal speċifikament sabiex jissodisfa rekwiżiti ta’ sikurezza okkupazzjonali.

6.

Simulaturi, minbarra dawk ikkontrollati mill-ML 14 tal-Lista Militari Komuni, għal taħriġ fl-użu ta’ armi tan-nar, u softwer imfassal speċifikament għalihom.

7.

Tagħmir ta’ viżjoni fid-dlam, termografiku u tubi tal-intensifikazzjoni tal-immaġni, minbarra dawk ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni.

8.

Barbed wire li jaqta’.

9.

Skieken militari, skieken ta’ kumbattiment u bajunetti b’xafra itwal minn 10 cm.

10.

Tagħmir ta’ produzzjoni mfassal speċifikament għall-elementi speċifikati f’din il-lista.

11.

Teknoloġija speċifika għall-iżvilupp, il-produzzjoni jew l-użu tal-elementi speċifikati f’din il-lista.”.


(1)  ĠU C 86, 18.3.2011, p. 1.