11.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 122/12


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 444/2011

tal-5 ta’ Mejju 2011

li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 599/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika għall-importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarat li joriġinaw mill-Kanada, kif ukoll jekk le, u li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 599/2009 fuq l- importazzjonijiet tal-bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti tal-Amerika, u li jtemm l-investigazzjoni fir-rigward tal-importazzjonijiet ikkunsinnati minn Singapor

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (1) (‘ir-Regolament bażiku’), u b’mod partikolari l-Artikolu 13(3) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mressqa mill-Kummissjoni Ewropea wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:

1.   PROĊEDURA

1.1.   Miżuri Eżistenti

(1)

Il-Kummissjoni, permezz tar-Regolament (KE) Nru 193/2009 (2) imponiet dazju anti-dumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil, li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika (l-Istati Uniti).

(2)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 599/2009 (3) (“ir-Regolament definittiv”), il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv ta’ bejn EUR 0 u EUR 198 għal kull tunnellata metrika fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil, kif iddefinit fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament imsemmi (“il-prodott ikkonċernat”) li joriġina fl-Istati Uniti (“il-miżuri eżistenti”). L-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament definittiv minn issa ‘l quddiem hija msejħa l-“investigazzjoni oriġinali”.

(3)

Ta’ min jinnota wkoll li bir-Regolament (KE) Nru 598/2009 (4), il-Kunsill impona dazju kumpensatorju definittiv ta’ bejn EUR 211,2 u EUR 237 kull tunnellata metrika fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat.

1.2.   Talba

(4)

Fit-30 ta’ Ġunju 2010, il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-allegata ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. It-talba tressqet mill-Bord Ewropew tal-Bijodiżil (EBB – European Biodiesel Board) f’isem il-produtturi tal-Unjoni tal-bijodiżil.

(5)

It-talba allegat li l-miżuri ta’ anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat kienu qegħdin jiġu ċċirkumventati permezz ta’ trasbord mill-Kanada u Singapor, u permezz ta’ esportazzjonijiet ta’ bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil

(6)

It-talba allegat li kien hemm bidla sinifikanti fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi l-esportazzjonijiet mill-Istati Uniti, mill-Kanada u minn Singapor wara l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq il-prodott ikkonċernat, u li ma hemmx raġuni jew ġustifikazzjoni adegwata biżżejjed ħlief l-impożizzjoni tad-dazju għal din il-bidla. Din il-bidla fix-xejra tal-kummerċ allegatament ġiet mit-trasbord tal-prodott ikkonċernat mill-Kanada u minn Singapor.

(7)

It-talba allegat ukoll li wara l-impożizzjoni tal-miżuri, l-esportazzjonijiet tal-bijodiżil f’taħlitiet li fihom 20 % jew inqas ta’ bijodiżil mill-Istati Uniti kienu bdew jaslu fl-Unjoni, fejn allegatament ħadu vantaġġ mil-limitu fil-kontenut tal-bijodiżil iffissat fid-deskrizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

(8)

Barra minn hekk, it-talba allegat li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq il-prodott ikkonċernat kienu qegħdin jiddgħajfu kemm f’termini ta’ kwantità kif ukoll f’termini ta’ prezz. Ġie allegat li ammonti sinifikanti ta’ importazzjonijiet ta’ bijodiżil pur jew f’taħlita li fiha bil-piż iktar minn 20 % bijodiżil mill-Kanada u minn Singapor u ta’ bijodiżil f’taħlitiet li fihom 20 % jew inqas ta’ bijodiżil, dehru li ħadu post l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat. Barra minn hekk, kien hemm biżżejjed evidenza li din iż-żieda fil-volum tal-importazzjonijiet saret bi prezzijiet ferm taħt il-prezz li ma jikkawżax danni stabbilit fl-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri eżistenti.

(9)

Fl-aħħar nett, it-talba allegat li l-prezzijiet tal-prodott investigat komplew ikunu ssussidjati kif kien stabbilit qabel.

1.3.   Bidu

(10)

Hekk kif iddeterminat, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li hemm biżżejjed evidenza prima facie biex tinbeda investigazzjoni skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni bir-Regolament (KE) Nru 720/2010 (5) (“ir-Regolament tal-bidu”). Skont l-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni, bir-Regolament tal-bidu, tat ukoll istruzzjonijiet lill-awtoritajiet tad-dwana biex jirreġistraw l-importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Kanada u minn Singapor, kif ukoll importazzjonijiet li joriġinaw mill-Istati Uniti ta’ bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn produzzjoni artifiċjali ta’ taħlitiet u/jew trattament idriku li ma joriġinax mill-fossili.

(11)

Il-Kummissjoni bdiet ukoll investigazzjoni parallela bir-Regolament (KE) Nru 721/2010 (6) rigward il-possibbiltà li ġew evitati miżuri kumpensatorji fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti permezz ta’ importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinjati mill-Kanada u minn Singapor, u permezz ta’ importazzjonijiet tal-bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti.

1.4.   L-investigazzjoni

(12)

Il-Kummissjoni informat uffiċjalment lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti, tal-Kanada u ta’ Singapor. Ġew mibgħuta kwestjonarji lil produtturi/esportaturi magħrufa fl-Istati Uniti, il-Kanada u Singapor. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament ta’ bidu.

(13)

Il-kumpaniji li ġejjin wieġbu għad-domandi tal-kwestjonarji u sussegwentement twettqu żjarat ta’ verifika fl-istabbilimenti tagħhom:

 

Produtturi/esportaturi fil-Kanada:

BIOX Corporation

Rothsay Biodiesel

 

Negozjanti fis-Singapor:

Trafigura Pte Ltd.

Wilmar Trading Pte Ltd.

 

Produtturi/esportaturi fl-Istati Uniti:

Archer Daniels Midland Company

BP Products North America Inc.

Louis Dreyfus Corporation

 

Importaturi relatati

BP Oil International Limited

Cargill BV

(14)

Barra minn hekk, saru żjarat lil awtoritajiet kompetenti tal-Gvern tal-Kanada u tal-Gvern ta’ Singapor.

1.5.   Il-perijodu ta’ investigazzjoni

(15)

Il-perijodu ta’ investigazzjoni kien bejn l-1 ta’ April 2009 u t-30 ta’ Ġunju 2010 (‘il-PI’). Id-dejta ġiet miġbura mill-perijodu tal-2008 sal-aħħar tal-PI sabiex jiġi investigat l-bdil allegat fid-drawwiet tal-kummerċ.

2.   IL-PRODOTT LI HUWA S-SUĠĠETT TAL-INVESTIGAZZJONI DWAR IĊ-ĊIRKOMVENZJONI

(16)

Il-prodott ikkonċernat miċ-ċirkomvenzjoni possibbli, jiġifieri l-prodott ikkonċernat fl-investigazzjoni oriġinali, huwa esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn minn sinteżi u/jew permezz ta’ trattament idriku li mhux ta’ oriġini mill-fossili magħruf b’mod komuni bħala “bijodiżil”, f’forma pura jew f’taħlita li b’piż ta’ iktar minn 20 % ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn produzzjoni artifiċjali ta’ taħlitiet u/jew trattament idriku li mhux ta’ oriġini mill-fossili, li bħalissa jaqgħu fil-kodiċi NM ex 1516 20 98, ex 1518 00 91, ex 1518 00 99, ex 2710 19 41, 3824 90 91, ex 3824 90 97, u li joriġina mill-Istati Uniti.

(17)

Il-prodott li jifforma parti mill-investigazzjoni dwar iċ-ċirkomvenzjoni jikkonsisti minn żewġ tipi. L-ewwel nett, fir-rigward tal-allegazzjonijiet tat-trasbord mill-Kanada u Singapor, huwa prodott identiku għall-prodott li kien suġġett tal-investigazzjoni oriġinali, kif deskritt fil-paragrafu preċedenti. Fir-rigward ta’ kunsinni direttament mill-Isati Uniti, il-prodott li qed jiġi investigat huwa bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew ta’ nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew permezz ta’ trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili li joriġinaw mill-Istati Uniti.

3.   IMPORTAZZJONIJIET TA’ BIJODIŻIL LILL-UNJONI VS ESPORTAZZJONIJIET MILL-ISTATI UNITI

(18)

B’konsegwenza tal-impożizzjoni tal-miżuri provviżorji ta’ anti-dumping f’Marzu 2009, importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat prattikament waqqfu. It-tabella hawn taħt tagħti sommarju tas-sitwazzjoni:

Importazzjonijiet ta’ bijodiżil u ċerti taħlitiet tal-bijodiżil fl-Unjoni Ewropea

taħt il-kodiċi NM 3824 90 91 (f’tunnellati metriċi)

 

2008

sehem

2009

sehem

IP

sehem

Stati Uniti

1 487 790

83,62  %

381 227

22,29  %

24

0,00  %

Kanada

1 725

0,10  %

140 043

8,19  %

197 772

9,28  %

Singapor

179

0,01  %

20 486

1,20  %

32 078

1,50  %

Sors: Eurostat

(19)

Id-dejta tal-Eurostat ta’ hawn fuq tkopri l-bijodiżil kollu li fih 96,5 % jew iktar ta’ esteri.

(20)

F’paragun, l-Istati Uniti jirrapurtaw esportazzjonijiet ta’ bijodiżil u taħlitiet ta’ bijodiżil kollha skont il-kodiċi HTS 3824 90 40 00 (taħlitiet ta’ sustanzi xaħmija, ta’ oriġini tal-annimali jew veġetali) kif ġej:

Esportazzjonijiet ta’ bijodiżil u taħlitiet ta’ bijodiżil mill-Istati Uniti

taħt il-kodiċi HTS 3824 90 40 00 (f’tunnellati metriċi)

 

2008

2009

IP

Unjoni Ewropea

2 241 473

335 577

358 291

Kanada

967

128 233

161 841

Singapor

311

42 056

27 415

 

2 242 751

505 866

547 547

Sors: Dipartiment tal-Kummerċ tal-Istati Uniti

(21)

Tqabbil taż-żewġ tabelli ta’ hawn fuq iwassal għall-konklużjoni li t-358 291 tunnellata metrika esportati lejn l-Unjoni waqt il-PI huma taħlitiet ta’ bijodiżil b’kontenut ta’ 96,5 % u inqas.

4.   KANADA

4.1.   Kunsiderazzjonijiet Ġenerali

(22)

Kien hemm livell għoli ta’ kooperazzjoni mill-produtturi/esportaturi fil-Kanada. Żewġ produtturi li jirrappreżentaw madwar 90 % tal-produzzjoni tal-bijodiżil fil-Kanada bagħtu tweġiba għall-kwestjonarju u kkooperaw bis-sħiħ fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, l-Assoċjazzjoni Kanadiża tal-Fjuwils Rinnovabbli u awtoritajiet rilevanti tal-Gvern tal-Kanada kkooperaw fl-investigazzjoni.

(23)

Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ ċirkomvenzjoni għandha ssir billi jiġi analizzat b’mod suċċessiv jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn l-Istati Uniti, il-Kanada u l-Unjoni, jekk din il-bidla tirriżultax minn prattika, proċess jew ħidma li għaliha ma kienx hemm raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, jekk kienx hemm evidenza ta’ ħsara jew jekk l-effetti ta’ rimedju tad-dazju kinux qed jiddgħajfu f’termini ta’ prezzijiet u/jew kwantitajiet tal-prodott simili, u jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping b’relazzjoni mal-valuri normali stabbiliti preċedentement għal prodott simili.

4.2.   Il-bidla fix-xejriet tal-kummerċ

4.2.1.   Importazzjonijiet fl-Unjoni

(24)

L-importazzjonijiet tal-bijodiżil fl-Istati Uniti naqsu minn 1 487 790 tunnellata metrika fl-2008 għal 381 227 tunnellata metrika fl-2009 u għal qrib iż-żero waqt il-PI.

(25)

Min-naħa l-oħra, skont id-dejta tal-Eurostat l-importazzjonijiet totali ta’ bijodiżil mill-Kanada għall-Unjoni żdiedu b’mod sinifikanti bejn l-2008 u l-PI minn 1 725 tunnellata metrika fl-2008 għal 140 043 tunnellata metrika fl-2009 u 197 772 tunnellata metrika waqt il-PI.

4.2.2.   Esportazzjonijiet ta’ bijodiżil mill-Istati Uniti għall-Kanada

(26)

Ma hemmx dazju applikabbli fuq il-bejgħ tal-bijodiżil bejn l-Istati Uniti u l-Kanada jew restrizzjonijiet ta’ xorta oħra fuq l-importazzjonijiet.

(27)

Skont l-istatistika tal-Istati Uniti, l-esportazzjonijiet ta’ bijodiżil bejn l-Istati Uniti u l-Kanada żdiedu minn 967 tunnellata metrika fl-2008 għal 128 233 tunnellata metrika fl-2009 u 161 841 tunnellata metrika waqt il-PI.

(28)

Tqabbil tal-istatistika tal-esportazzjonijiet ipprovduti mill-Istati Uniti mal-istatistika tal-importazzjonijiet ipprovduta fuq il-post mill-awtoritajiet Kanadiżi turi diskrepanzi sinifikanti fuq bażi ta’ xahar b’xahar. Skont l-istatistika Kanadiża, l-esportazzjonijiet ta’ bijodiżil tal-Istati Uniti żdiedu minn 11 757 tunnellata metrika fl-2008 għal 18 673 tunnellata metrika fl-2009 u 174 574 tunnellata metrika waqt il-PI.

(29)

Skont l-awtoritajiet Kanadiżi, ma hemmx kodiċi speċifiku biex jiġi ddikjarat il-bijodiżil. Huma nnutaw li l-Kanada u l-Istati Uniti jiskambjaw id-dejta għall-użu tal-importazzjoni mad-dejta rispettiva tal-esportazzjoni. Minħabba f’dan, fil-livell tas-sitt ċifri, id-dejta Kanadiża tal-importazzjoni u d-dejta tal-esportazzjoni tal-Istati Uniti għandhom jaqblu, kif kważi jagħmlu taħt l-HTS 38.24.90. Madankollu, lil hinn mis-sitt ċifri għandhom sistemi ta’ klassifikazzjoni għalihom. Ta’ min jinnota wkoll li l-istatistika Kanadiża tkopri biss l-importazzjonijiet li ġew awtorizzati mid-dwana fil-Kanada u mhux il-prodotti mibgħuta bit-trasbord.

(30)

Fl-aħħar mill-aħħar, minkejja d-diskrepanzi bejn iż-żewġ sorsi tad-dejta, huwa ċar li l-esportazzjoni ta’ bijodiżil mill-Istati Uniti għall-Kanada żdiedet mill-2008 sal-PI, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kumpensatorji Is-suq tal-bijodiżil Kanadiż bħalissa mhuwiex kapaċi jassorbi dawn il-kwantitajiet ta’ bijodiżil. Il-produtturi Kanadiżi tal-bijodiżil ġenwini fil-fatt huma orjentati lejn l-esportazzjoni.

4.2.3.   Produzzjoni fil-Kanada u bejgħ ta’ bijodiżil Kanadiż ġenwin lill-Unjoni

(31)

Iż-żewġ produtturi fil-Kanada li kkooperaw ma għamlu l-ebda xiri ta’ bijodiżil mill-Istati Uniti jew minn sorsi oħrajn waqt il-PI.

(32)

Il-produzzjoni tal-bijodiżil fil-Kanada hija industrija minuri. Madwar sitt faċilitajiet tal-produzzjoni kienu jeżistu waqt il-PI, imma ż-żewġ facilitajiet fil-Lvant tal-Kanada, li huma amministrati miż-żewġ produtturi li kkooperaw u proprjetà tagħhom, weħidhom iwieġbu għal kważi 90 % tal-produzzjoni totali.

(33)

Mill-volumi ta’ produzzjoni mibjugħa mill-produtturi li kkooperaw, ġie ddeterminat il-bejgħ tal-klijenti finali li kienu żgur fl-Amerika ta’ Fuq, jiġifieri fl-Istati Uniti jew il-Kanada. Il-kumplament tal-bejgħ ġie mibjugħ lill-konsumaturi li nnegozjaw il-prodotti u/jew ħalltu l-prodotti ma’ bijodiżil ieħor. Iż-żewġ kumpaniji ma kinux jafu jekk il-konsumaturi bigħux il-prodotti lill-Unjoni bħala bijodiżil Kanadiż, jekk ħalltuhx, jew jekk il-bijodiżil ġiex mibjugħ lil klijenti aħħarin fl-Istati Uniti jew fil-Kanada.

(34)

Anki jekk f’każ estrem kien preżunt li l-bijodiżil tal-Kanada ġenwin spiċċa kollu fl-Unjoni, dan iwieġeb biss għal 20 % tal-importazzjonijiet totali fl-Unjoni mill-Kanada waqt il-PI.

4.3.   Konklużjoni dwar il-bidla fix-xejra tal-kummerċ

(35)

Ir-rikonċiljazzjoni tal-istatistika mad-dejta miksuba mill-produtturi li kkooperaw uriet li l-produtturi tal-bijodiżil tal-Kanada ma setgħux ipproduċew il-volum esportat mill-Kanada għall-Unjoni. Għalhekk dan jissuġġerixxi b’mod qawwi li ż-żieda f’daqqa fl-importazzjoni mill-Kanada għas-suq tal-Unjoni hija relatata mal-esportazzjonijiet tal-bijodiżil fl-Istati Uniti kkunsinnati mill-Kanada.

(36)

It-tnaqqis globali fl-esportazzjonijiet tal-Istati Uniti għall-Unjoni sa mill-2008 u ż-żieda parallela tal-esportazzjonijiet mill-Kanada għall-Unjoni u tal-esportazzjonijiet mill-Istati Uniti għall-Kanada wara l-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali jistgħu għalhekk jitqiesu bħala bidla fix-xejra tal-kummerċ.

4.4.   Nuqqas ta’ raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping

(37)

L-investigazzjoni ma ħarġet għad-dawl l-ebda raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra għat-trasbord ħlief l-evitar tal-ħlas tad-dazju anti-dumping fis-seħħ fuq il-bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti.

4.5.   L-imminar tal-effett ta’ rimedju tad-dazju tal-anti-dumping

(38)

Id-dejta tal-Eurostat intużat biex jiġi vvalutat jekk il-prodotti importati, f’termini ta’ kwantitajiet, dgħajfux l-effetti ta’ remedju tal-miżuri tal-anti-dumping fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil mill-Istati Uniti. Il-kwantitajiet u l-prezzijiet tal-esportazzjonijiet mill-Kanada tqabblu mal-livell ta’ eliminazzjoni tad-danni stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

(39)

Kif imsemmi hawn fuq, l-importazzjonijiet mill-Kanada għall-Unjoni żdiedu minn 1 725 tunnellata metrika fl-2008 għal 197 772 tunnellata metrika waqt il-PI, bl-aħħar wieħed jirrappreżenta sehem ta’ importazzjonijiet ta’ 9,2 % Iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Kanada, ma setgħetx titqies bħala insinifikanti meta jitqies id-daqs tas-suq tal-Unjoni kif determinat fl-investigazzjoni oriġinali. Meta wieħed jikkunsidra l-livell tal-prezzijiet mingħajr dannu stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, l-importazzjonijiet tal-Kanada għall-Unjoni waqt il-PI urew twaqqigħ fil-bejgħ ta’ 50 % fir-reġjun, filwaqt li l-prezz tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni twaqqa’ b’madwar 40 %.

(40)

Għalhekk ġie konkluż li l-miżuri qegħdin jiġu mminati f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet.

4.6.   Evidenza ta’ dumping

(41)

Skont l-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping b’rabta mal-valur normali stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali.

(42)

Fl-investigazzjoni oriġinali l-valur normali ġie stabbilit fuq il-bażi tal-prezzijiet tal-bejgħ domestiku fl-andament normali tal-kummerċ u mibni fuq il-kost tal-produzzjoni magħdud ma’ marġni ta’ profitt raġjonevoli fejn ma kienx hemm bejgħ domestiku jew fejn ma kienx fl-andament normali tal-kummerċ.

(43)

Il-prezzijiet ta’ esportazzjoni mill-Kanada ġew stabbiliti fuq il-bażi tal-prezz medju ta’ importazzjoni tal-bijodiżil waqt il-PI kif ġie rrapportat fl-Eurostat.

(44)

Biex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz ta’ esportazzjoni, saret konċessjoni xierqa fil-forma ta’ aġġustamenti għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Skont dan, fin-nuqqas ta’ informazzjoni marbuta ma’ għadd ta’ oġġetti tal-ispejjeż, l-ispejjeż tat-trasport u tal-assigurazzjoni bbażata fuq l-ispejjeż medji osservati għat-tagħbija tal-bijodiżil mill-Istati Uniti għall-Unjoni waqt l-investigazzjoni oriġinali biss tnaqqsu mill-prezzijiet CIF tal-Eurostat sabiex jaslu bil-prezzijiet FOB mal-fruntiera Kanadiża.

(45)

Skont l-Artikoli 2(11) u 2(12) tar-Regolament bażiku, id-dumping ġie kkalkolat permezz ta’ tqabbil bejn il-medja bil-piż ppeżat tal-valur normali kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali u l-prezzijiet medji peżati ta’ esportazzjonijiet matul il-PI, espress bħala perċentwali tal-prezz CIF fi dazju mhux imħallas tal-fruntiera tal-Komunità.

(46)

Dan it-tqabbil wera l-eżistenza ta’ dumping.

4.7.   Konklużjoni

(47)

L-investigazzjoni kkonkludiet li d-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġina mill-Istati Uniti ġie evitat permezz ta’ trasbord mill-Kanada skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

5.   SINGAPOR

(48)

Żewġ negozjanti f’Singapor ikkooperaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, kien hemm kooperazzjoni mill-awtoritajiet rilevanti tal-Gvern tas-Singapor.

(49)

Il-kriterji tal-ivvalutar tal-eżistenza taċ-ċirkonvenzjoni ġew deskritti fil-premessa (23) hawn fuq.

(50)

Skont iċ-ċifri tal-Eurostat, l-esportazzjonijiet totali tal-bijodiżil mis-Singapor għall-Unjoni żdiedu minn 179 tunnellata metrika fl-2008 għal 20 486 tunnellata metrika fl-2009 u għal 32 078 tunnellata metrika waqt il-PI. L-esportazzjonijiet mill-Istati Uniti għas-Singapor żdiedu wkoll fl-istess perijodu.

(51)

Skont l-awtoritajiet rilevanti tal-Gvern tas-Singapor, il-bijodiżil prodott lokalment huwa l-biċċa l-kbira mibjugħ f’Singapor biex jipprovdi għad-domanda domestika. Madankollu, huma jinnutaw tkabbir tal-industrija fis-Singapor bil-bini riċenti ta’ faċilitajiet ġodda ta’ produzzjoni.

(52)

L-esportazzjonijiet minn Singapor kienu tradizzjonalment baxxi. L-importazzjonijiet tal-bijodiżil fl-Unjoni ġew eżaminati mill-qrib fil-bażi tad-dejta tal-Artikolu 14(6) u vverifikati mill-awtoritajiet tad-dwana nazzjonali rilevanti. Jidher li l-importazzjonijiet li waslu kienu ftit iżda fi kwantitajiet kbar. L-analiżi wriet li l-maġġoranza ta’ dawn l-importazzjonijiet kienu ġenwinament ta’ oriġini minn Singapor Madankollu, ma setax jingħata rendikont tal-importazzjonijiet kollha.

(53)

Meta mqabbla mal-konsum tal-Unjoni stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, il-volumi importati minn Singapor għall-Unjoni, li ma setgħux jingħataw rendikont, instabu li kienu baxxi ħafna. Barra minn hekk, is-sehem tagħhom mill-konsum tal-Unjoni huwa ta’ ftit importanza meta wieħed iqis l-istima tal-Bord Ewropew tal-Bijodiżil dwar iż-żieda konsiderevoli fil-konsum tal-Unjoni sa mill-investigazzjoni oriġinali.

(54)

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq jista’ jiġi konkluż li l-effetti ta’ rimedju tal-miżuri kompensatorji ma ddgħajfux f’termini ta’ kwantitajiet ikkunsinnati minn Singapor.

(55)

Fir-rigward tat-trasbord, huwa magħruf sew li Singapor huwa l-fulkru tal-ġarr bil-baħar fl-Asja, fejn vapuri reġjonali jaslu u jħottu l-oġġetti li wara jerġgħu jitgħabbew fuq vapuri li jsalpaw, fost oħrajn, lejn l-Ewropa. F’din l-investigazzjoni, wieħed min-negozjanti li kooperaw ittrasborda minn Singapor il-bijodiżil ta’ oriġini mill-Malasja jew mill-Indoneżja, b’destinazzjoni finali fl-Unjoni. Waqt il-PI, dan in-negozjant waħdu esporta kwantità sinifikanti ta’ bijodiżil lejn l-Unjoni permezz ta’ trasbord fis-Singapor, u d-dwana għaddew il-bijodiżil fl-Unjoni bħala ta’ oriġini mill-Malasja jew mill-Indoneżja. Il-verifika ma wrietx indikazzjonijiet li jqiegħdu f’dubju d-dikjarazzjoni tal-oriġini mill-Indoneżja jew mill-Malasja.

(56)

Fid-dawl ta’ dan, l-investigazzjoni li tikkonċerna l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping permezz ta’ importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mis-Singapor, għandha titwaqqaf.

6.   L-ISTATI UNITI

6.1.   Rimarki preliminari

(57)

Ħames produtturi tal-bijodiżil jew bijodiżil f’taħlitiet fl-Istati Uniti kkooperaw fl-investigazzjoni. Tlieta minnhom ġew inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali. Il-Gvern tal-Istati Uniti kkoopera billi pprovda statistika dwar l-esportazzjonijiet u l-interpretazzjoni tagħhom dwar din l-istatistika.

(58)

It-tlett produtturi li ġew inklużi fil-kampjun tal-investigazzjoni oriġinali waqfu jesportaw il-bijodiżil wara l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi.

(59)

Waħda biss mill-ħames kumpaniji li kkooperaw, BP North America, li ma kinitx ikkooperat fl-investigazzjoni oriġinali, esportat bijodiżil f’taħlitiet li fihom bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil (“B20 u inferjuri”) lill-Unjoni waqt il-PI.

(60)

Il-Bord Nazzjonali tal-Bijodiżil (“NBB” – National Biodiesel Board), li jirrappreżenta l-industrija tal-bijodiżil fl-Istati Uniti, argumenta li prodott li skont huma kien espliċitament barra mill-ambitu tal-prodott tal-miżuri eżistenti, ma jistax ikun soġġett għall-miżuri anti-dumping mingħajr investigazzjoni anti-dumping de novo. In-NBB argumenta li r-Regolament definittiv stabbilixxa f’termini espliċiti “il-prodott ikkonċernat” u “il-prodott simili” fil-livell tal-bijodiżil u tal-bijodiżil f’taħlitiet li jikkorrispondu għal iktar minn 20 %. Skont in-NBB, dan ma kienx limitu artifiċjali imma kien jikkorrispondi mar-realtà tas-suq li ħarġet waqt l-investigazzjoni oriġinali. Pereżempju, instab li dan il-limitu ta’ 20 % kien xieraq biex jippermetti distinzjoni ċara bejn it-tipi varji ta’ taħlitiet li kienu disponibbli fis-suq tal-Istati Uniti.

(61)

Skont in-NBB u partijiet interessati oħra, investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni tista’ biss testendi l-miżuri ta’ anti-dumping għall-prodott ikkonċernat għall-prodott simili li għandu biss modifiki żgħar meta mqabbel mal-prodott ikkonċernat. Mill-ġdid, in-NBB argumenta li fir-Regolament definittiv, il-Kunsill stess stabbilixxa li l-bijodiżil f’taħlitiet b’volum ta’ bijodiżil ta’ 20 % jew iktar mhuwiex prodott simili. Għalhekk skont in-NBB, fl-istruttura tad-dispożizzjoniijet tar-Regolament bażiku mhemm l-ebda għażla oħra ħlief li tinbeda investigazzjoni ġdida sabiex tiddetermina jekk dawn it-taħlitiet għandhomx ikunu suġġetti għal miżuri.

(62)

Bi tweġiba għal dawn l-argumenti, għandu qabel xejn jiġi nnutat li l-għan tad-dispożizzjonijiet kontra ċ-ċirkomvenzjoni fl-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku huwa li jikkontrobattu attentati allegati biex jiġu evitati l-miżuri fis-seħħ. Jekk teżisti biżżejjed evidenza prima facie li turi li ċ-ċirkomvenzjoni qed issir skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għandha tibda investigazzjoni sabiex tiddetermina jekk hux qed isseħħ iċ-ċirkomvenzjoni. Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-valutazzjoni tal-eżistenza ta’ evażjoni għandha tiġi magħmula eż. billi jiġi analizzat suċċessivament jekk kienx hemm bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni, jekk din il-bidla tirriżultax minn prattika, proċess jew ħidma li għaliha ma kienx hemm raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju, u jekk kienx hemm evidenza ta’ ħsara jew jekk l-effetti ta’ rimedju tad-dazju kinux qed jiddgħajfu f’termini ta’ prezzijiet u/jew kwantitajiet.

(63)

Għandu jiġi mfakkar li investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni mhix analiżi tal-ambitu tal-prodott ibbażata fuq l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku u ma tbiddilx id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili. Id-dispożizzjonijiet taħt l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku jipprovdu għall-bażi legali rilevanti għal investigazzjoni dwar jekk hemmx ċirkomvenzjoni fir-rigward tal-prodott soġġett għall-miżuri.

(64)

F’dan ir-rigward, it-talba li l-Kummissjoni rċeviet skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, allegat li wara l-impożizzjoni tal-miżuri, l-esportazzjonijiet tal-bijodiżil f’taħlitiet li fihom 20 % jew inqas ta’ bijodiżil mill-Istati Uniti kienu bdew jaslu fl-Unjoni, fejn allegatament ħadu vantaġġ mil-limitu fil-kontenut tal-bijodiżil iffissat fid-deskrizzjoni tal-prodott ikkonċernat u l-prodott simili. L-investigazzjoni eżaminat jekk din il-prattika għandhiex titqies bħala evażjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku. Fl-aħħar nett, ta’ min jinnota li l-allegata ċirkomvenzjoni tal-prattiki tista’ tiġi eżaminata biss skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

6.2.   Esportazzjonijiet ta’ taħlita B20 u inferjuri mill-Istati Uniti għall-Unjoni

(65)

Kif imsemmi fil-premessa (19) hawn fuq, il-kodiċi HTS 3824 90 40 00 tal-Istati Uniti fih ukoll taħlitiet b’kontenut ta’ bijodiżil ta’ 96,5 % u inqas. Skont l-istatistika tal-esportazzjoni tal-Istati Uniti ġiet esportata kwantità totali ta’ 358 291 tunnellata metrika lejn l-Unjoni waqt il-PI.

(66)

Waqt il-PI, il-BP Products North America (“BPNA”) esportat proporzjon sinifikanti tal-kwantità msemmija hawn fuq.

(67)

Il-BPNA ma pparteċipatx fl-investigazzjoni oriġinali minħabba li bdiet l-attivitajiet tagħha tal-bijodiżil biss fil-bidu tal-2009, qabel it-tkabbir fil-futur tas-suq tal-bijodiżil, bħala tweġiba għal mandati tal-gvern kemm fl-Istati Uniti u kemm barra. Il-BPNA bdiet tesporta lejn l-Unjoni f’Diċembru 2009 F’dan ir-rigward, huwa mfakkar li l-miżuri ġew imposti f’Lulju 2009.

(68)

Fl-Unjoni, il-BP biegħet il-bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 15 % jew inqas ta’ bijodiżil B15 ta’ oriġini mill-Istati Uniti fir-Renju Unit, Franza u l-Pajjiżi l-Baxxi. Fil-każijiet kollha, il-prodott huwa imħallat aktar sabiex jirrispetta l-leġiżlazzjoni rilevanti fis-seħħ f’xi Stati Membri li tippromwovi l-konsum tal-bijofjuwils fil-pompa li bħalissa huma kkunsidrati ambjentalment sostenibbli.

(69)

Il-BPNA argumentat li taħlitiet ta’ inqas minn 15 % mhumiex l-istess prodott għall-prodott ikkonċernat. Il-karatteristiċi u r-realtajiet tas-suq huma differenti ħafna. Il-loġistika involuta (inklużi r-restrizzjonijiet tat-trasport marittimu) fil-produzzjoni u l-importazzjoni tat-taħlitiet iktar baxxi huma differenti ħafna minn dak tal-gradi ogħla. Skont il-BPNA, meta t-taħlitiet ta’ trasportazzjoni huma inqas minn 15 %, prodotti bħal dawn għandhom jiġu kklassifikati bħala prodott tal-petroleum għat-trasportazzjoni għal kuntarju ta’ prodott kimiku li jrendi t-trasportazzjoni inqas għalja. Il-BPNA argumentat ukoll li hemm differenzi fil-prestazzjoni bejn il-bijodiżil f’taħlitiet bi grad baxx u dak bi grad għoli meta jintuża f’magni tad-diżil.

(70)

L-għan ta’ investigazzjoni dwar iċ-ċirkomvenzjoni huwa li jiġi stabbilit jekk il-bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % u inqas ta’ bijodiżil evitax il-miżuri fis-seħħ. Jista’ jagħti l-każ li taħlitiet iktar baxxi jattiraw spejjeż orħos. Madankollu ta’ min jinnota li taħlita B20 u inferjuri hija effettivament biss kompożizzjoni differenti tat-taħlita, meta mqabbla mal-proċess ta’ produzzjoni ta’ bijodiżil f’taħlita superjuri għall-B20. It-tibdil tal-kompożizzjoni ta’ taħlita huwa proċess sempliċi. L-iżvilupp tal-B20 u ta’ taħlitiet iktar inferjuri huwa meqjus sempliċement bħala modifika żgħira tal-prodott ikkonċernat, bl-unika differenza tikkonsisti mill-proporzjon tal-bijodiżil fit-taħlita. Ta’ min jinnota wkoll li l-prodott ikkonċernat, kif ukoll it-taħlitiet B20 u inferjuri, huma fl-aħħar mill-aħħar ddestinati għall-istess użi fl-Unjoni. Barra minn hekk, il-bijodiżil f’taħlitiet B20 u inferjuri kif ukoll biodiżil f’taħlitiet superjuri għall-B20 għandhom l-istess karatteristiċi essenzjali.

6.3.   Il-bidla fix-xejriet tal-kummerċ

(71)

Importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat mill-Istati Uniti naqsu minn 1 487 790 tunnellata metrika fl-2008 għal 381 227 tunnellata metrika fl-2009 u għal kważi żero waqt il-PI.

(72)

F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li għalkemm kien hemm taħlit obbligatorju ta’ pereżempju taħlitiet B5 fl-Unjoni waqt l-investigazzjoni oriġinali, l-esportazzjonijiet ta’ taħlitiet B20 jew inferjuri għal dan mill-Istati Uniti għall-Unjoni bdew iseħħu biss wara l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi. Skont id-dejta miksuba mill-kampjun tal-produtturi esportaturi li kkooperaw, waqt l-investigazzjoni oriġinali, fil-biċċa l-kbira, ġew esportati għall-Unjoni esportazzjonijiet ta’ taħlitiet B99,9. Ir-raġuni għal dan kienet li ġie mmassimizzat is-sussidju fuq il-prodotti esportati (USD 1 taxxa ta’ kreditu ta’ bijodiżil kull gallun).

(73)

Huwa għalhekk diffiċli biex wieħed jara x’tista’ tkun il-ġustifikazzjoni ekonomika biex jibdew jiġu esportati taħlitiet B20 u inferjuri, ħlief l-evażjoni tal-miżuri anti-dumping fis-seħħ.

(74)

Il-proporzjon ta’ bijodiżil fit-taħlita għadu jiġi ssussidjat u l-importatur qed jevita l-ħlas dovut tad-dazju anti-dumping. F’dan ir-rigward, ta’ min jinnota li d-dazju anti-dumping fuq it-taħlitiet huwa applikabbli proporzjonalment għall-bijodiżil fit-taħlita, jiġifieri fil-każ ta’ importazzjonijiet ta’ taħlitiet B15 id-dazju anti-dumping mhux imħallas ikun ta’ madwar EUR 26 kull tunnellata metrika.

6.4.   Nuqqas ta’ raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tad-dazju anti-dumping

(75)

Skont il-BNPA, il-ħolqien ta’ bijodiżil ta’ taħlitiet inferjuri għall-B15 ma seħħx speċifikament biex jiġu evitati d-dazji. Il-kumpanija argumentat li ma pparteċipatx fl-investigazzjoni oriġinali minħabba li hija bdiet l-attivitajiet tagħha tal-bijodiżil fl-2009 b’antiċipazzjoni ta’ suq attivi tal-bijodiżil fil-futur b’rispons għall-mandat tal-gvernijiet kemm fl-Istati Uniti kif ukoll barra. L-istruttura speċifika tal-kumpanija, l-attività tagħha bħala kumpanija tal-petroleum u l-preżenza loġistika tagħha fl-Istati Uniti, għamlet it-taħlit fl-Istati Uniti u l-esportazzjoni għall-Unjoni deċiżjoni kummerċjali loġika. It-taħlita esportata dejjem kienet ta’ B15 jew inferjuri, minħabba miżuri ta’ sigurtà inqas stretti: sa B15 it-taħlita ma titqisx prodott kimiku skont ir-regolamenti marittimi.

(76)

Ġie innutat li l-attività ta’ din il-kumpanija tal-esportazzjonijiet għall-Unjoni bdiet biss wara l-impożizzjonijiet tal-miżuri. Qed jitqies li mhemm l-ebda raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika oħra ħlief l-evitar tad-dazju anti-dumping fis-seħħ tal-bijodiżil li joriġina fl-Istati Uniti.

6.5.   L-imminar tal-effett ta’ rimedju fuq id-dazju tal-anti-dumping

(77)

Meta wieħed iqis il-livell tal-prezzijiet mingħajr dannu tal-investigazzjoni oriġinali, l-importazzjonijiet tal-Istati Uniti tat-taħlitiet B20 u inferjuri għall-Unjoni waqt il-PI urew kemm twaqqigħ fil-prezz kif ukoll bejgħ taħt il-prezz. L-importazzjonijiet ta’ taħlitiet B20 u inferjuri bdew isiru biss wara l-impożizzjoni tal-miżuri definittivi, u l-kwantitajiet involuti huma sinifikanti.

(78)

Għalhekk ġie konkluż li l-miżuri qegħdin jiġu mminati f’termini ta’ kwantitajiet u prezzijiet.

6.6.   Evidenza ta’ dumping

(79)

Skont l-Artikolu 13(1) u (2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping b’rabta mal-valur normali stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. It-tqabbil tal-valur normali medju peżat u l-prezz medju peżat ta’ esportazzjoni wera l-eżistenza ta’ dumping.

6.7.   Konklużjoni

(80)

L-investigazzjoni kkonkludiet ukoll li d-dazji anti-dumping definittivi imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti ġew evitati permezz ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas ta’ bijodiżil.

(81)

Ġie konkluż li l-unika ġustifikazzjoni ekonomika għall-esportazzjoni ta’ taħlitiet B20 u inferjuri ġiet imqanqla mis-sussidju fl-Istati Uniti minn naħa, u l-evitar tal-ħlas ta’ dazju anti-dumping waqt l-importazzjoni fl-Unjoni min-naħa l-oħra.

(82)

Il-BPNA talbet għal eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli. Madankollu, minħabba li l-investigazzjoni wriet biċ-ċar li l-importazzjonijiet ta’ taħlitiet B20 u inferjuri bdew isiru biss sabiex jiġu evitati l-miżuri fis-seħħ, din l-eżenzjoni ma setgħetx tingħata. Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, eżenzjonijiet jistgħu jingħataw biss lil produtturi tal-prodott ikkonċernat li jistgħu juru li mhumiex relatati mal-ebda produttur soġġett għal miżuri u li jinstabu li mhumiex involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni. F’dawn l-investigazzjonijiet instab li l-BPNA hija involuta fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni billi bdiet tesporta t-taħlitiet B20 u inferjuri wara l-impożizzjoni tal-miżuri kompensatorji u anti-dumping mingħajr raġuni adegwata jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr l-impożizzjoni tal-miżuri. Barra minn hekk, hemm evidenza li l-effetti tal-miżuri qegħdin jiġu mminati f’termini ta’ prezzijiet u kwantitajiet, u li jeżisti d-dumping f’relazzjoni mal-valuri normali stabbiliti qabel.

(83)

Xi produtturi tal-bijodiżil li kkoperaw fl-investigazzjonijiet oriġinali talbu eżenzjonijiet minn kwalunkwe miżuri estiżi minħabba ċ-ċirkomvenzjoni. Instab li dawn il-produtturi tal-Istati Uniti ma pproduċewx jew ma bigħux il-bijodiżil B20 u inferjuri. Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku, waqt li tkun għaddejja investigazzjoni dwar l-antiċirkomvenzjoni jistgħu jitqiesu biss talbiet min-naħa tal-produtturi. Madankollu, ta’ min jinnota li l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku fih dispożizzjonijiet għal produtturi ġodda.

7.   IL-MIŻURI

7.1.   Kanada

(84)

Minħabba dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li d-dazju definittiv anti-dumping impost fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġina fl-Istati Uniti kien evitat permezz tat-trasbord mill-Kanada skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

(85)

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat li joriġina mill-Istati Uniti għandhom għalhekk jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-istess prodott ikkunsinnat mill-Kanada, kemm jekk ikun iddikjarat li joriġina mill-Kanada u kemm jekk le.

(86)

Sabiex tiġi evitata l-evażjoni tad-dazju permezz ta’ allegazzjonijiet li ma jistgħux jiġu vverifikati li l-prodott li ġie ttrasbordat mill-Kanada ġie prodott minn kumpanija soġġetta għal dazju individwali fir-Regolament definittiv, il-miżura li trid tiġi estiża għandha tkun dik stabbilita għall-“Kumpaniji l-oħra kollha” fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 599/2009, li huwa dazju anti-dumping definittiv ta’ EUR 172,2 kull tunnellata metrika.

(87)

Id-dazju anti-dumping fuq it-taħlitiet għandu jkun applikabbli proporzjonalment fit-taħlita, skont il-piż, tal-kontenut totali tal-esteri monoalkiliċi ta’ aċidi xaħmija u nafta paraffinika minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili (kontenut ta’ bijodiżil).

(88)

Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li jistipula li kull miżura estiża għandha tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament tal-bidu, għandhom jinġabru d-dazji fuq dawk l-importazzjonijiet irreġistrati kkunsinnati mill-Kanada.

7.2.   L-Istati Uniti

(89)

Minn dan ta’ hawn fuq, ġie konkluż li d-dazju anti-dumping definittiv impost fuq l-importazzjonijiet ta’ bijodiżil li joriġinaw fl-Istati Uniti ġie evitat permezz ta’ importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ B20 u inferjuri skont l-Artikolu 13 tar-Regolament bażiku.

(90)

Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżuri fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġinaw mill-Istati Uniti għandhom għalhekk jiġu estiżi għall-importazzjonijiet ta’ B20 u inferjuri.

(91)

Il-miżuri li jridu jiġu estiżi għandhom ikunu dawk stabbliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 599/2009.

(92)

Id-dazju anti-dumping estiż fuq it-taħlitiet għandu jkun applikabbli proporzjonalment fit-taħlita, skont il-piż, tal-kontenut totali tal-esteri monoalkiliċi ta’ aċidi xaħmija u nafta paraffinika minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili (kontenut ta’ bijodiżil).

(93)

Skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku, li jistipula li kull miżura estiża għandha tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament ta’ bidu, għandhom jinġabru d-dazji għal dawk l-importazzjonijiet irreġistrati ta’ B20 u inferjuri li joriġinaw fl-Istati Uniti.

8.   TWAQQIF TAL-INVESTIGAZZJONI KONTRA SINGAPOR

(94)

Fid-dawl tas-sejbiet fir-rigward tal-Malasja, l-investigazzjoni dwar ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping minn importazzjonijiet ta’ bijodiżil minn Singapor għandha tintemm u r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet tal-bijodiżil minn Singapor introdotta mir-Regolament ta’ bidu għandha titwaqqaf.

9.   TALBA GĦALL-EŻENZJONI

(95)

Iż-żewġ kumpaniji li kkooperaw fil-Kanada billi wieġbu għall-kwestjonarju talbu eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

(96)

Instab li ż-żewġ produtturi tal-Kanada li kkooperaw ma kinux involuti fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni li huma s-soġġett ta’ din l-investigazzjoni. Barra minn hekk, dawn il-produtturi setgħu juru li ma kinux relatati mal-ebda mill-produtturi/esportaturi ta’ bijodiżil tal-Istati Uniti. Għalhekk, it-talbiet tagħhom ta’ eżenzjoni jistgħu jiġu milqugħa.

(97)

Huwa kkunsidrat li huma meħtieġa miżuri speċjali f’dan il-każ sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta ta’ dawn l-eżenzjonijiet. Dawn il-miżuri speċjali jikkonsistu fil-preżentazzjoni lill-awtoritajiet tad-Dwana tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati b’fattura tali għandhom ikunu suġġetti għad-dazju estiż anti-dumping.

(98)

Parti li kkooperat fl-Istati Uniti li wieġbet għall-kwestjonarju ukoll talbet għal eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku.

(99)

Kif spjegat fil-premessa (80) hawn fuq, l-investigazzjoni uriet biċ-ċar li din il-parti kienet involuta fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni billi importat taħlitiet B20 u inferjuri. Għalhekk, din l-eżenzjoni ma tistax tingħata.

(100)

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, kemm-il darba l-produttur(i) esportatur(i) ikkonċernati ma għadhomx jipprattikaw id-dumping, partijiet bħal dawn jistgħu jitolbu għal reviżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku.

10.   ŻVELAR

(101)

Il-partijiet kollha interessati ġew mgħarrfa bil-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija u ġew mistiedna jagħmlu l-kummenti. Ġew ikkunsidrati l-kummenti orali u miktuba li tressqu,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 599/2009 fuq importazzjonijiet ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, magħruf b’mod komuni bħala “bijodiżil”, sew jekk f’forma pura jew f’taħlita li fiha bil-piż iktar minn 20 % ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika, huwa b’dan estiż għal importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, magħruf b’mod komuni bħala “bijodiżil”, sew jekk f’forma pura jew f’taħlita li fiha bil-piż iktar minn 20 % ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada u kemm jekk le, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 1516 20 98 (il-kodiċi TARIC 1516209821), ex 1518 00 91 (il-kodiċi TARIC 1518009121), ex 1518 00 99 (il-kodiċi TARIC 1518009921), ex 2710 19 41 (il-kodiċi TARIC 2710194121), ex 3824 90 91 (il-kodiċi TARIC 3824909110) u ex 3824 90 97 (il-kodiċi TARIC 3824909701), minbarra dawk manifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt:

Pajjiż

Kumpanija

Kodiċi addizzjonali TARIC

Kanada

BIOX Corporation, Oakville, Ontario, Kanada

B107

Kanada

Rothsay Biodiesel, Guelph, Ontario, Kanada

B108

Il-dazju li jrid jiġi estiż għandu jkun dak stabbilit għall-“Kumpaniji l-oħra kollha” fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 599/2009, li huwa dazju anti-dumping definittiv ta’ EUR 172,2 kull tunnellata metrika netta.

Id-dazju anti-dumping fuq it-taħlitiet għandu jkun applikabbli proporzjonalment fit-taħlita, skont il-piż, tal-kontenut totali tal-esteri monoalkiliċi ta’ aċidi xaħmija u nafta paraffinika minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili (kontenut ta’ bijodiżil).

2.   L-applikazzjoni ta’ eżenzjonijiet mogħtija lill-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 1 jew awtorizzati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(2) għandha tkun soġġetta għall-preżentazzjoni lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri ta’ fattura kummerċjali valida, li għandha tkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fl-Anness. Jekk l-ebda fattura bħal din ma tiġi ppreżentata, għandu jiġi applikat id-dazju anti-dumping kif impost mill-paragrafu 1.

3.   Id-dazju estiż mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar għall-importazzjonijiet ikkunsinnati mill-Kanada, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mill-Kanada kif ukoll jekk le, u rreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 720/2010 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, minbarra dawk il-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 1.

4.   Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 2

1.   Id-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament (KE) Nru 599/2009 fuq importazzjonijiet ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, magħruf b’mod komuni bħala “bijodiżil”, sew jekk f’forma pura jew f’taħlita li fiha bil-piż iktar minn 20 % ta’ esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika, huwa b’dan estiż għal importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ bijodiżil f’taħlita li fiha bil-piż 20 % jew inqas esteri monoalkiliċi aċidi xaħmija u/jew nafta paraffinika miksuba minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili, li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika, u li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 1516 20 98 (il-kodiċi TARIC 1516209830), ex 1518 00 91 (il-kodiċi TARIC 1518009130), ex 1518 00 99 (il-kodiċi TARIC 1518009930), ex 2710 19 41 (il-kodiċi TARIC 2710194130) u ex 3824 90 97 (il-kodiċi TARIC 3824909704).

Id-dazjili jridu jiġu estiżi għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 599/2009.

Id-dazju anti-dumping fuq it-taħlitiet għandu jkun applikabbli proporzjonalment fit-taħlita, skont il-piż, tal-kontenut totali tal-esteri monoalkiliċi ta’aċidi xaħmija u nafta paraffinika miksub minn sinteżi u/jew trattament idriku, ta’ oriġini mhux mill-fossili (kontenut ta’ bijodiżil).rom synthesis and/or hydro-treatment, of non-fossil origin (biodiesel content).

2.   Id-dazju estiż permezz tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Istati Uniti tal-Amerika, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 720/2010 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009.

3.   Id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji doganali għandhom japplikaw.

Artikolu 3

L-investigazzjoni mibdija mir-Regolament (UE) Nru 720/2010 fir-rigward tal-possibbiltà ta’ corkonvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 599/2009 fuq l-importazzjonijiet tal-bijodiżil li joriġinaw mill-Istati Uniti tal-Amerika permezz ta’ importazzjonijiet tal-bijodiżil ikkunsinnati mis-Singapor, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw minn Singapor u kemm jekk le, u li tagħmel lil dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni, hija b’dan mitmuma.

Artikolu 4

1.   It-talbiet għall-eżenzjoni mid-dazju estiż skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1) għandhom isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jkunu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta l-entità li qed titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:

European Commission

Directorate-General for Trade

Directorate H

Office: N-105 4/92

1049 Brussels

BELGIUM

Fax: + 32 2 295 505

2.   Skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009, il-Kummissjoni tista’, wara li tikkonsulta mal-Kumitat Konsultattiv, tawtorizza b’deċiżjoni, l-eżenzjoni ta’ importazzjonijiet minn kumpaniji li ma evitawx il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament (KE) Nru 599/2009, mid-dazju estiż skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 2(1).

Artikolu 5

L-awtoritajiet tad-dwana huma b’dan mogħtija istruzzjonijiet biex itemmu r-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet, stabbiliti skont l-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 720/2010.

Artikolu 6

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

MARTONYI J.


(1)  ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

(2)  ĠU L 67, 12.3.2009, p. 22.

(3)  ĠU L 179, 10.7.2009, p. 26.

(4)  ĠU L 179, 10.7.2009, p. 1.

(5)  ĠU L 211, 12.8.2010, p. 1.

(6)  ĠU L 211, 12.8.2010, p. 6.


ANNESS

Dikjarazzjoni ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ il-fattura kummerċjali, fil-format li ġej għandha tidher fuq il-fattura kummerċjali valida msemmija fl-Artikolu 1(2):

1.

L-isem u l-funzjoni tal-uffiċjal tal-entità li qed joħroġ il-fattura kummerċjali.

2.

Id-dikjarazzjoni li ġejja: “Jiena, hawn taħt iffirmat, niċċertifika li l-(volum) ta’ (prodott ikkonċernat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura, kien immanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (il-kodiċi TARIC addizzjonali) fi (il-pajjiż ikkonċernat). Niddikjara li t-tagħrif provdut f’din il-fattura huwa sħiħ u korrett.”

3.

Data u firma.