6.5.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/2


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 436/2011

tal-5 ta’ Mejju 2011

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 690/2008 li jirrikonoxxi żoni protetti esposti għal riskji partikolari għas-saħħa tal-pjanti fil-Komunità

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 2(1)(h) tagħha,

Wara li kkunsidrat il-rekwiżiti mressqa mir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, Franza u l-Italja,

Billi:

(1)

Bir-Regolament (KE) Nru 690/2008 (2) ċerti Stati Membri jew ċerti żoni fi Stati Membri ġew rikonoxxuti bħala żoni protetti fir-rigward ta’ ċerti organiżmi ta’ ħsara. F’ċerti każijiet ir-rikonoxximent ingħata għal perjodu ta’ żmien limitat biex jippermetti lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex juri li l-organiżmi ta’ ħsara kkonċernati ma kinux jeżistu fl-Istat Membru jew fiż-żona kkonċernata jew biex itemm l-isforzi biex jeqred l-organiżmu inkwistjoni.

(2)

It-territorju kollu tal-Greċja ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tad-Dendroctonus micans Kugelan, il-Gilpinia hercyniae (Hartig), il-Gonipterus scutellatus Gyll., l-Ips amitinus Eichhof, l-Ips cembrae Heer u l-Ips duplicatus Sahlberg sal-31 ta’ Marzu 2011.

(3)

Fl-2010 l-Greċja wettqet stħarriġ u infurmat lill-Kummissjoni bir-riżultati f’konformità mat-tielet u l-ħames subparagrafu tal-Artikolu 2(1)(h) tad-Direttiva 2000/29/KE. Żjara fil-Greċja mill-esperti tal-Kummissjoni mill-24 sal-31 ta’ Jannar 2011 kkonfermat li dak l-Istat Membru kompla jagħmel progress sinifikanti fir-rigward tal-organizzazzjoni u t-twettiq ta’ dak l-istħarriġ u fir-rigward tan-notifikazzjoni tar-riżulati tiegħu. Madankollu, huwa meħtieġ li l-Greċja tagħti prova li l-progress li sar huwa sostenibbli.

(4)

Skont ir-riżultati tal-istħarriġ li sar fil-Greċja fl-2010, kien hemm sejba waħda biss ta’ Ips cembrae Heer, u ma kienx hemm sejbiet tal-ħames organiżmi l-oħra kkonċernati. Filwaqt li jiġu kkunsidrati dawk ir-riżultati u l-eżitu ta’ dik iż-żjara tal-esperti tal-Kummissjoni fil-Greċja, huwa xieraq li l-Greċja tkompli tiġi rikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward ta’ dawk l-organiżmi għal tliet snin oħra, sabiex tagħti lill-Greċja ż-żmien meħtieġ biex tiġbor u tressaq informazzjoni li tikkonferma li dawk l-organiżmi, minbarra l-Ips cembrae Heer, ma jeżistux fit-territorju tagħha u, biex fir-rigward tal-Ips cembrae Heer, tkompli l-isforzi biex teqirdu u biex tiġbor u tissottometti l-informazzjoni li tikkonferma li dak l-organiżmu ma jeżistix aktar fit-territorju tagħha.

(5)

It-territorju kollu tal-Greċja ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tal-vajrus tas-Citrus tristeza (varjanti Ewropej). Fir-rapport annwali għall-2010 dwar l-istħarriġ uffiċjali li sar dwar il-preżenza ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara, il-Greċja rrappurtat 104 siġra li rriżultaw pożittivi għal dak l-organiżmu ta’ ħsara fil-Prefettura ta’ Argolida. Osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni matul iż-żjara fil-Greċja mill-24 sal-31 ta’ Jannar 2011 ikkonfermaw li l-vajrus tas-Citrus tristeza (varjanti Ewropej) kien preżenti f’dik il-prefettura tal-inqas għal dawn l-aħħar tliet snin minkejja l-miżuri ta’ eradikazzjoni li wettqu l-awtoritajiet Griegi, li rriżultaw mhux effettivi. Konsegwentament, il-vajrus tas-Citrus tristeza (varjanti Ewropej) għandu jiġi kkunsidrat bħala stabbilit fil-Prefettura ta’ Argolida. Għaldaqstant, dik il-prefettura ma għandhiex tibqa’ tiġi rrikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward ta’ dak l-organiżmu ta’ ħsara.

(6)

It-territorju kollu ta’ Spanja ġie rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward ta’ Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al.. Spanja ressqet informazzjoni li turi li l-Erwinia amylovora (Burr.) Winsl. et al. issa hija stabbilita fil-komunità awtonoma ta’ Castilla y León. Il-miżuri meħuda għal perjodu ta’ sentejn suċċessivi, l-2009 u l-2010, bil-għan li jeqirdu l-organiżmu li jagħmel ħsara wrew li ma kinux effettivi. Għaldaqstant, Castilla y León m’għandhiex tibqa’ tiġi rrikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward ta’ dan l-organiżmu ta’ ħsara.

(7)

It-territorju kollu tar-Repubblika Ċeka, ċerti reġjuni ta’ Franza (Alsace, Champagne-Ardenne u Lorraine) u reġjun wieħed fl-Italja (Basilicata) ġew rikonoxxuti bħala żoni protetti fir-rigward tal-Grapevine flavescence dorée MLO sal-31 ta’ Marzu 2011. Minn meta ngħata dak ir-rikonoxximent, L-informazzjoni mibgħuta mir-Repubblika Ċeka, Franza u l-Italja, mindu ngħata dak ir-rikonoxximent tat evidenza li dak l-organiżmu ta’ ħsara ma jinstabx fiż-żoni protetti kkonċernati. Għaldaqstant it-territorju kollu tar-Repubblika Ċeka, ir-reġjuni ta’ Alsace, Champagne-Ardenne u Lorraine fi Franza u r-reġjun ta’ Basilicata fl-Italja għandhom ikomplu jiġu rikonoxxuti bħala żoni protetti fir-rigward ta’ dak l-organiżmu.

(8)

L-Italja talbet li r-reġjun ta’ Sardenja jkun rikonoxxut bħala żona protetta fir-rigward tal-organiżmu ta’ ħsara Grapevine flavescence dorée MLO. Fuq il-bażi tal-istħarriġ li sar bejn l-2004 u l-2010, l-Italja ressqet evidenza li l-organiżmu kkonċernat ta’ ħsara ma jeżistix fir-reġjun ta’ Sardenja minkejja kundizzjonijiet favorevoli għal dak l-organiżmu biex jistabbilixxi lilu nnifsu hemm. Madankollu, huwa meħtieġ li jsir aktar stħarriġ. Dak l-istħarriġ għandu jiġi monitorjat minn esperti taħt l-awtorità tal-Kummissjoni. Għalhekk Sardenja għandha tiġi rikonoxxuta bħala żona protetta fir-rigward tal-Grapevine flavescence dorée MLO għal perjodu ta’ tliet snin biss.

(9)

Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 690/2008 għandu jiġi emendat kif xieraq.

(10)

Ir-rikonoxximent attwali ta’ wħud minn dawn iż-żoni protetti jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2011. Għaldaqstant, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ April 2011 sabiex jippermetti rikonoxximent mhux interrott taż-żoni kollha protetti.

(11)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 690/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fit-tieni kolonna tal-punti 4, 5 u 7 sa 10 tal-intestatura (a), wara l-kelma “Greċja”, il-kliem “(sal-31 ta’ Marzu 2011)” huma sostitwiti bil-kliem “(sal-31 ta’ Marzu 2014)”.

(2)

Fit-tieni kolonna tat-2 punt tal-intestatura (b), wara l-kelma “Spanja” il-kliem “(minbarra l-komunità awtonoma ta’ Castilla y León),” huma miżjuda.

(3)

L-intestatura (d) hija emendata kif ġej:

(a)

Fit-tieni kolonna tal-punt 3, wara l-kelma “Greċja” il-kliem “(minbarra l-Prefettura ta’ Argolida),” huma miżjuda.

(b)

Il-punt 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.

Grapevine flavescence dorée MLO

Ir-Repubblika Ċeka (Alsace, Champagne-Ardenne u Lorraine), l-Italja ((Basilicata) u (Sardenja, sal-31 ta’ Marzu 2014))”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ April 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Mejju 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  ĠU L 193, 22.7.2008, p. 1.