8.4.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 94/2


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 333/2011

tal-31 ta’ Marzu 2011

li jistabbilixxi kriterji li jiddeterminaw meta ċerti tipi ta’ metall skreppjat ma jibqgħux jitqiesu bħala skart skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 6(2) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara s-sottomissjoni tal-miżuri proposti lill-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Minn evalwazzjoni ta’ diversi flussi ta’ skart jirriżulta li s-swieq tar-riċiklaġġ għall-metall skreppjat għandhom jibbenefikaw mill-iżvilupp ta’ kriterji speċifiċi li jiddeterminaw meta l-metall skreppjat miksub mill-iskart ma jibqax jitqies bħala skart. Dawn il-kriterji għandhom jiżguraw livell għoli ta’ ħarsien ambjentali. Għandhom ikunu mingħajr ħsara għall-klassifika tal-metall skreppjat bħala skart minn pajjiżi terzi.

(2)

Ir-rapporti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea wrew li jeżistu suq u domanda għar-ruttam tal-ħadid, tal-azzar u tal-aluminju biex jintuża bħala materja prima fl-impjanti tal-azzar, fil-funderiji, fir-raffineriji tal-aluminju u fl-impjanti tat-tidwib mill-ġdid għall-produzzjoni tal-metalli. Għalhekk ir-ruttam tal-ħadid, tal-azzar u tal-aluminju għandu jkun pur biżżejjed u għandu jissodisfa l-istandards jew l-ispeċifikazzjonijiet rilevanti tar-ruttam mitluba mill-industrija tal-produzzjoni tal-metalli.

(3)

Il-kriterji li jiddeterminaw meta r-ruttam tal-ħadid, tal-azzar u tal-aluminju ma jibqax jitqies bħala skart għandhom jiżguraw li r-ruttam tal-ħadid, tal-azzar u tal-aluminju li jirriżulta minn operazzjoni ta’ rkupru jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi tal-industrija tal-produzzjoni tal-metall, li dan ikun konformi mal-leġiżlazzjoni u mal-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti u li ma jwassalx għal impatti globali negattivi fuq l-ambjent jew fuq saħħet il-bniedem. Ir-rapporti taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea wrew li l-kriterji proposti dwar l-iskart li jintuża bħala materja prima fl-operazzjoni ta’ rkupru, dwar il-proċessi u t-tekniki ta’ trattament, kif ukoll dwar il-metall skreppjat li jirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru, jilħqu dawk l-għanijiet minħabba li għandhom jirriżultaw fil-produzzjoni ta’ ruttam tal-ħadid, tal-azzar u tal-aluminju bla karatteristiċi perikolużi u ħieles biżżejjed minn komposti mhux metalliċi.

(4)

Sabiex tkun żgurata l-konformità mal-kriterji, huwa xieraq li jkun ipprovdut li jinħareġ tagħrif dwar il-metall skreppjat li ma baqax jitqies bħala skart u li tiġi implimentata sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità.

(5)

Tista’ tkun meħtieġa reviżjoni tal-kriterji jekk, fuq il-bażi ta’ monitoraġġ tal-iżvilupp tal-kundizzjonijiet tas-suq għar-ruttam tal-ħadid u tal-azzar u tal-aluminju, jiġu nnutati effetti ħżiena fuq is-swieq tar-riċiklaġġ għar-ruttam tal-ħadid u tal-azzar u tal-aluminju, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mad-disponibbiltà ta’ tali ruttam u mal-aċċess għalih.

(6)

Sabiex l-operaturi jkunu jistgħu jadattaw irwieħhom għall-kriterji li jiddeterminaw meta l-metall skreppjat ma jibqax jitqies bħala skart, huwa xieraq li jingħata perjodu raġonevoli ta’ żmien qabel ma’ dan ir-Regolament jibda japplika.

(7)

Il-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2008/98/KE ma tax opinjoni dwar il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament. Għalhekk il-Kummissjoni ressqet proposta lill-Kunsill dwar il-miżuri u bagħtitha wkoll lill-Parlament Ewropew.

(8)

Il-Parlament Ewropew m’opponiex il-miżuri proposti,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kriterji li jiddeterminaw meta r-ruttam tal-ħadid, tal-azzar u tal-aluminju, inkluż ir-ruttam tal-ligi tal-aluminju, ma jibqax jitqies bħala skart.

Artikolu 2

Tifsiriet

Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw it-tifsiriet stabbiliti fid-Direttiva 2008/98/KE.

Barra minn hekk, għandhom japplikaw it-tifsiriet li ġejjin:

(a)

“ruttam tal-ħadid u tal-azzar” tfisser metall skreppjat li jikkonsisti prinċipalment f’ħadid u f’azzar;

(b)

“ruttam tal-aluminju” tfisser metall skreppjat li jikkonsisti prinċipalment f’aluminju u f’liga tal-aluminju;

(ċ)

“detentur” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li għandha fil-pussess tagħha l-metall skreppjat;

(d)

“produttur” tfisser id-detentur li jittrasferixxi l-metall skreppjat lil detentur ieħor għall-ewwel darba bħala metall skreppjat li ma baqax jitqies bħala skart;

(e)

“importatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Unjoni li tintroduċi metall skreppjat li ma baqax jitqies bħala skart fit-territorju doganali tal-Unjoni;

(f)

“persunal ikkwalifikat” tfisser persunal li huwa kkwalifikat bl-esperjenza jew bit-taħriġ sabiex jimmonitorja u jivvaluta l-karatteristiċi tar-ruttam tal-metall;

(g)

“spezzjoni viżwali” tfisser spezzjoni tar-ruttam tal-metall li tkopri l-partijiet kollha ta’ konsenja u li ssir permezz tas-sensi tal-bniedem jew permezz ta’ kwalunkwe tagħmir mhux speċjalizzat;

(h)

“konsenja” tfisser lott ta’ ruttam tal-metall li huwa maħsub sabiex jiġi kkonsenjat minn produttur lil detentur ieħor u li jista’ jinżamm f’unità tat-trasport waħda jew iktar, bħal kontejners.

Artikolu 3

Il-kriterji għar-ruttam tal-ħadid u tal-azzar

Ir-ruttam tal-ħadid u tal-azzar m’għandux jibqa’ jitqies bħala skart meta, mat-trasferiment mill-produttur lil detentur ieħor, jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-iskart użat bħala materja prima għall-operazzjoni ta’ rkupru jkun konformi mal-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness I;

(b)

l-iskart użat bħala materja prima għall-operazzjoni ta’ rkupru jkun ġie ttrattat skont il-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 3 tal-Anness I;

(ċ)

ir-ruttam tal-ħadid u tal-azzar li jirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru jkun konformi mal-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness I;

(d)

il-produttur ikun issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6.

Artikolu 4

Il-kriterji għar-ruttam tal-aluminju

Ir-ruttam tal-aluminju, inkluż ir-ruttam tal-ligi tal-aluminju, m’għandux jibqa’ jitqies bħala skart meta, mat-trasferiment mill-produttur lil detentur ieħor, jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-iskart użat bħala materja prima fl-operazzjoni ta’ rkupru jkun konformi mal-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 2 tal-Anness II;

(b)

l-iskart użat bħala materja prima fl-operazzjoni ta’ rkupru jkun ġie ttrattat skont il-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 3 tal-Anness II;

(ċ)

ir-ruttam tal-aluminju li jirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru jkun konformi mal-kriterji stabbiliti fit-Taqsima 1 tal-Anness II;

(d)

il-produttur ikun issodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6.

Artikolu 5

Dikjarazzjoni ta’ konformità

1.   Il-produttur jew l-importatur għandu joħroġ, għal kull konsenja ta’ metall skreppjat, dikjarazzjoni ta’ konformità skont il-mudell stabbilit fl-Anness III.

2.   Il-produttur jew l-importatur għandu jagħti d-dikjarazzjoni ta’ konformità lid-detentur tal-konsenja ta’ metall skreppjat li jmiss. Il-produttur jew l-importatur għandhom iżommu kopja tad-dikjarazzjoni ta’ konformità għal mill-inqas sena wara d-data tal-ħruġ tagħha u għandhom iqiegħduha għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti meta jintalbu jagħmlu dan.

3.   Id-dikjarazzjoni ta’ konformità tista’ tkun f’forma elettronika.

Artikolu 6

Il-ġestjoni tal-kwalità

1.   Il-produttur għandu jimplimenta sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità adattata biex turi l-konformità mal-kriterji msemmija fl-Artikoli 3 u 4.

2.   Is-sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità għandu jkun fiha sett ta’ proċeduri ddokumentati dwar kull wieħed mill-aspetti li ġejjin:

(a)

l-aċċettazzjoni tal-kontroll tal-iskart li ntuża bħala materja prima għall-operazzjoni ta’ rkupru kif stabbilit fit-Taqsima 2 tal-Annessi I u II;

(b)

il-monitoraġġ tal-proċessi u tat-tekniki ta’ trattament deskritti fit-Taqsima 3.3 tal-Annessi I u II;

(ċ)

il-monitoraġġ tal-kwalità tal-metall skreppjat li jirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru kif stabbilit fit-Taqsima 1 tal-Annessi I u II (inklużi t-teħid tal-kampjuni u l-analiżi);

(d)

l-effikaċja tal-monitoraġġ tar-radjazzjoni kif stabbilit fit-Taqsima 1.5 tal-Annessi I u II, rispettivament;

(e)

ir-reazzjoni tal-konsumaturi dwar il-konformità mal-kwalità tal-metall skreppjat;

(f)

iż-żamma tar-reġistri tar-riżultati tal-monitoraġġ imwettaq skont il-punti (a) sa (d);

(g)

ir-reviżjoni u t-titjib tas-sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità;

(h)

it-taħriġ tal-persunal.

3.   Is-sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità għandha tippreskrivi wkoll ir-rekwiżiti speċifiċi tall-monitoraġġ stabbiliti fl-Annessi I u II għal kull kriterju.

4.   Fejn kwalunkwe wieħed mit-trattamenti msemmija fit-Taqsima 3.3 tal-Anness I jew fit-Taqsima 3.3 tal-Anness II jitwettqu minn detentur preċedenti, il-produttur għandu jiżgura ruħu li l-fornitur jimplimenta sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità li tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu.

5.   Korp ta’ valutazzjoni tal-konformità, kif iddefinit fir-Regolament (KE) Nru 765/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 li jistabbilixxi r-rekwiżiti għall-akkreditament u għas-sorveljanza tas-suq relatati mal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti (2), li kiseb akkreditament skont dak ir-Regolament, jew kwalunkwe verifikatur ambjentali ieħor, kif iddefinit fl-Artikolu 2(20)(b) tar-Regolament (KE) 1221/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-parteċipazzjoni volontarja ta’ organizzazzjonijiet fi skema Komunitarja ta’ ġestjoni u verifika ambjentali (EMAS) (3), għandu jivverifika li s-sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità tkun konformi mar-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu. Il-verifika għandha titwettaq kull tliet snin.

6.   L-importatur għandu jeżiġi li l-fornituri tiegħu jimplimentaw sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità li tkun konformi mar-rekwiżiti tal-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu u li tkun ġiet ivverifikata minn verifikatur estern indipendenti.

7.   Il-produttur għandu jagħti aċċess għas-sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità lill-awtoritajiet kompetenti meta jintalab jagħmel dan.

Artikolu 7

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mid-9 ta’ Ottubru 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

VÖLNER P.


(1)  ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

(2)  ĠU L 218, 13.8.2008, p. 30.

(3)  ĠU L 342, 22.12.2009, p. 1.


ANNESS I

Il-kriterji għar-ruttam tal-ħadid u tal-azzar

Kriterji

Rekwiżiti ta’ awtomonitoraġġ

1.   Il-kwalità tar-ruttam li jirriżulta mill-operazzjoni ta’ rkupru

1.1.

Ir-ruttam għandu jkun ikklassifikat skont speċifikazzjoni tal-klijent, speċifikazzjoni tal-industrija jew standard għal użu dirett fil-produzzjoni ta’ sustanzi jew ta’ oġġetti metalliċi minn impjanti jew funderiji tal-azzar.

Persunal ikkwalifikat għandu jikklassifika kull konsenja.

1.2.

L-ammont totali ta’ impuritajiet (sterili) għandu jkun ta’ ≤ 2 % skont il-piż.

L-impuritajiet huma:

(1)

metalli li ma fihomx ħadid (ħlief għall-elementi li jilligaw fi kwalunkwe sottostrat metalliku li fih il-ħadid) u materjali mhux metalliċi bħall-ħamrija, it-trab, il-materjali li jservu bħala iżolaturi u l-ħġieġ;

(2)

materjali kombustibbli u mhux metalliċi bħal-lastku, il-plastik, id-drapp, l-injam u sustanzi kimiċi jew organiċi oħrajn;

(3)

biċċiet ikbar (daqs il-briks) li mhumiex kondutturi tal-elettriku bħat-tajers, il-pajpijiet mimlija bis-siment, bl-injam jew bil-konkos;

(4)

residwi li ġejjin minn operazzjonijiet ta’ tidwib, tisħin, trattamenti tas-superfiċje (inkluż l-irbit bil-battenti, bil-gargnu u bl-ingast – “scarfing”), tħin, serrar, iwweldjar u qtugħ b’torċa tal-iwweldjar tal-azzar, bħall-gagazza, il-frak mill-ipproċessar tal-metalli (“mill scale”), it-trabijiet tal-filtri tal-arja (“baghouse dust”), it-trabijiet mit-tagħmir tat-tħin u l-ħama.

Persunal ikkwalifikat għandu jwettaq spezzjoni viżwali ta’ kull konsenja.

F’intervalli xierqa (mill-inqas kull sitt xhur), għandhom jiġu analizzati kampjuni rappreżentattivi tal-impuritajiet billi jintiżnu wara separazzjoni b’kalamita jew separazzjoni manwali (kif ikun xieraq) tal-partiċelli u tal-oġġetti tal-ħadid u tal-azzar taħt spezzjoni viżwali bir-reqqa.

Il-frekwenzi xierqa tal-monitoraġġ permezz tat-teħid tal-kampjuni għandhom ikunu stabbiliti billi jitqiesu l-fatturi li ġejjin:

(1)

it-tendenza mistennija tal-varjabbiltà (pereżempju kif murija mir-riżultati tal-imgħoddi);

(2)

ir-riskju inerenti ta’ varjabbiltà fil-kwalità tal-iskart li ntuża bħala materja prima għall-operazzjoni ta’ rkupru u għal kwalunkwe pproċessar li sar wara;

(3)

il-preċiżjoni inerenti tal-metodu ta’ monitoraġġ; u

(4)

il-qrubija tar-riżultati għal-limitu tal-kontenut ta’ impuritajiet sa massimu ta’ 2 % skont il-piż.

Il-proċess tad-determinazzjoni tal-frekwenzi tal-monitoraġġ għandu jkun iddokumentat bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità u għandu jkun disponibbli għall-verifiki.

1.3.

Ir-ruttam m’għandux ikun fih ossidu tal-ħadid eċċessiv fi kwalunkwe forma, ħlief għall-ammonti tipiċi li jirriżultaw minn ħażna fuq barra ta’ ruttam ippreparat f’kundizzjonijiet atmosferiċi normali.

Persunal ikkwalifikat għandu jwettaq spezzjoni viżwali għall-preżenza tal-ossidi.

1.4.

Ir-ruttam m’għandux ikollu żejt viżibbli, emulsjonijiet żejtnija, lubrikanti jew griż ħlief għal ammonti negliġibbli li mhux se jwasslu għal taqtir.

Persunal ikkwalifikat għandu jwettaq spezzjoni viżwali ta’ kull konsenja, u għandu joqgħod attent l-iktar għal dawk il-partijiet minn fejn hemm l-iktar ċans li jibda jqattar iż-żejt.

1.5.

Ir-radjuattività: m’hemm bżonn tittieħed l-ebda azzjoni ta’ rispons skont regoli nazzjonali jew internazzjonali dwar il-proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ rispons għall-metall radjuattiv skreppjat.

Dan ir-rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għall-istandards bażiċi dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku adottata skont il-Kapitolu III tat-Trattat tal-Euratom, b’mod partikulari d-Direttiva 96/29/Euratom (1).

Persunal ikkwalifikat għandu jimmonitorja r-radjuattività ta’ kull konsenja.

Kull konsenja ta’ ruttam għandu jkollha magħha ċertifikat, stabbilit skont regoli nazzjonali jew internazzjonali, dwar il-proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ rispons għall-metall radjuattiv skreppjat. Iċ-ċertifikat jista’ jiġi inkluż fid-dokumentazzjoni l-oħra li takkumpanja l-konsenja.

1.6.

Ir-ruttam m’għandu juri l-ebda waħda mill-karatteristiċi perikolużi elenkati fl-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE. Ir-ruttam għandu jkun konformi mal-limiti ta’ konċentrazzjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni 2000/532/KE (2) u m’għandux jaqbeż il-limiti ta’ konċentrazzjoni stabbiliti fl-Anness IV għar-Regolament Nru (KE) 850/2004 (3).

Il-karatteristiċi tal-elementi individwali inklużi fil-liġi tal-ħadid u tal-azzar mhumiex rilevanti għal dan ir-rekwiżit.

Persunal ikkwalifikat għandu jwettaq spezzjoni viżwali ta’ kull konsenja. Fejn l-ispezzjoni viżwali tqajjem xi suspett ta’ possibbiltà ta’ karatteristiċi perikolużi, għandhom jittieħdu iktar miżuri xierqa ta’ monitoraġġ, bħat-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar fejn ikun xieraq.

Il-persunal għandu jitħarreġ dwar il-karatteristiċi perikolużi potenzjali li jistgħu jkunu assoċjati mar-ruttam tal-ħadid u tal-azzar u dwar il-komponenti jew il-karatteristiċi tal-materjali li jippermettu ‘l dak li jkun jagħraf il-karatteristiċi perikolużi.

Il-proċedura għar-rikonoxximent tal-materjali perikolużi għandha tkun iddokumentata fis-sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità.

1.7.

Ir-ruttam m’għandu jkun fih l-ebda kontenitur taħt pressjoni, magħluq, jew mhux miftuħ biżżejjed li jista’ jikkawża splużjoni f’forn ta’ xogħol fil-metall.

Persunal ikkwalifikat għandu jwettaq spezzjoni viżwali ta’ kull konsenja.

2.   L-iskart użat bħala materja prima għall-operazzjoni ta’ rkupru

2.1.

L-iskart li jkun fih ħadid jew azzar li jista’ jiġi rkuprat biss jista’ jintuża bħala materja prima.

2.2.

L-iskart perikoluż m’għandux jintuża bħala materja prima ħlief fejn jingħataw provi li jkunu ġew applikati l-proċessi u t-tekniki speċifikati fit-Taqsima 3 ta’ dan l-Anness sabiex jitneħħew il-karatteristiċi perikolużi kollha.

2.3.

L-iskart li ġej m’għandux jintuża bħala materja prima:

(a)

il-limatura u l-bċejjeċ u s-serratura li jaqgħu mill-użu tat-torn li fihom fluwidi bħaż-żejt jew l-emulsjonijiet żejtnija, u

(b)

l-btieti u l-kontenituri, ħlief għat-tagħmir minn vetturi li m’għadhomx jintużaw, li fihom jew li kien fihom iż-żejt jew iż-żebgħa.

Il-kontroll tal-aċċettazzjoni tal-iskart kollu li jasal (permezz ta’ spezzjoni viżwali) u tad-dokumentazzjoni li takkumpanjah għandu jitwettaq minn persunal ikkwalifikat li jkun ingħata taħriġ dwar kif jagħraf l-iskart li ma jissodisfax il-kriterji stabbiliti f’din it-Taqsima.

3.   Il-proċessi u t-tekniki ta’ trattament

3.1.

Ir-ruttam tal-ħadid jew tal-azzar għandu jkun ġie sseparat mill-ewwel fis-sors jew waqt il-ġbir u għandu jkun inżamm separat jew l-iskart ta’ materja prima għandu jkun ġie ttrattat sabiex ir-ruttam tal-ħadid u tal-azzar jiġi sseparat mill-komponenti mhux metalliċi u minn dawk li ma fihomx ħadid.

3.2.

It-trattamenti mekkaniċi kollha (bħall-qtugħ, il-qtugħ permezz tad-deformazzjoni (“shearing”), il-qtugħ bċejjeċ bċejjeċ jew il-granulazzjoni; l-għażla, is-separazzjoni, it-tindif, it-tneħħija tas-sustanzi li jniġġsu, l-iżvujtar) li huma meħtieġa sabiex jiġi ppreparat ir-ruttam tal-metall għall-użu finali dirett tiegħu bħala materja prima fl-impjanti u fil-funderiji tal-azzar għandhom ikunu tlestew.

3.3.

Għall-iskart li jkun fih komponenti perikolużi, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti speċifiċi li ġejjin:

(a)

Il-materja prima li tkun ġejja minn skart ta’ tagħmir elettriku jew elettroniku jew minn vetturi li m’għadhomx jintużaw għandha tkun għaddiet mit-trattamenti kollha mitluba mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) u mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5);

(b)

Il-klorofluworokarbonji f’tagħmir imwarrab għandhom ikunu nqabdu fi proċess approvat mill-awtoritajiet kompetenti;

(c)

Il-kejbils għandu jkun tneħħilhom il-kisi jew għandhom ikunu tqattgħu biċċa biċċa. Jekk kejbil ikun fih kisi organiku (tal-plastik), il-kisi organiku għandu jkun tneħħa bl-aħjar tekniki disponibbli;

(d)

Il-btieti u l-kontenituri għandhom ikunu żvujtati u għandhom ikunu tnaddfu, u

(e)

Is-sustanzi perikolużi fl-iskart li ma ssemmiex fil-punt (a) għandhom ikunu tneħħew b’mod effiċjenti fi proċess li jkun approvat mill-awtorità kompetenti.

 


(1)  Id-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom tat-13 ta’ Mejju 1996 li tistabbilixxi standards bażiċi ta’ sigurtà għall-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u l-pubbliku ġenerali kontra l-perikli li jiġu minn radjazzjoni jonizzanti (ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1).

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabilixxi lista ta’ skart skont l-Artikolu 1(a) tad- Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabilixxi lista ta’ skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar skart perikoluż (ĠU L 226, 6.9.2000, p. 3).

(3)  Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropewu tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7).

(4)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24.

(5)  ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34.


ANNESS II

Il-kriterji għar-ruttam tal-aluminju

Kriterji

Rekwiżiti ta’ awtomonitoraġġ

1.   Il-kwalità tar-ruttam

1.1.

Ir-ruttam għandu jkun ikklassifikat skont speċifikazzjoni tal-klijent, speċifikazzjoni tal-industrija jew standard għall-użu dirett fil-produzzjoni ta’ sustanzi jew ta’ oġġetti metalliċi permezz tal-irfinar jew tat-tidwib mill-ġdid.

Persunal ikkwalifikat għandu jikklassifika kull konsenja.

1.2.

L-ammont totali ta’ impuritajiet għandu jkun ta’ ≤ 5 % skont il-piż jew l-ammont ta’ metall irkuprat (“metal yield”) għandu jkun ta’ ≥ 90 %.

L-impuritajiet huma:

(1)

metalli li mhumiex aluminju u ligi tal-aluminju;

(2)

materjali mhux metalliċi bħall-ħamrija, it-trab, il-materjali li jservu bħala iżolaturi u l-ħġieġ;

(3)

materjali kombustibbli u mhux metalliċi bħal-lastku, il-plastik, id-drapp, l-injam u sustanzi kimiċi jew organiċi oħrajn;

(4)

biċċiet ikbar (daqs il-briks) li mhumiex kondutturi tal-elettriku bħat-tajers, il-pajpijiet mimlija bis-siment, bl-injam jew bil-konkos; jew

(5)

u qtugħ b’torċa tal-iwweldjar bħal gagazza, residwi li ġejjin minn operazzjonijiet ta’ tidwib tal-aluminju u tal-ligi tal-aluminju, ta’ tisħin, trattamenti tas-superfiċje (inkluż l-irbit bil-battenti, bil-gargnu u bl-ingast – “scarfing”), tħin, serrar, iwweldjar u qtugħ b’torċa tal-iwweldjar bħall-gagazza, il-ħmieġ tal-metalli, ir-ragħwiet, it-trabijiet tal-filtri tal-arja (“baghouse dust”), it-trabijiet mit-tagħmir tat-tħin u l-ħama.

Il-prodottur tar-ruttam tal-aluminju għandu jikkontrolla l-konformità billi jimmonitorja l-ammont ta’ impuritajiet jew billi jiddetermina l-ammont ta’ metall irkuprat.

Persunal ikkwalifikat għandu jwettaq spezzjoni viżwali ta’ kull konsenja.

F’intervalli xierqa (mill-inqas kull sitt xhur), għandhom jiġu analizzati kampjuni rappreżentattivi ta’ kull grad ta’ ruttam tal-aluminju sabiex jitkejjel l-ammont totali ta’ impuritajiet jew l-ammont ta’ metall irkuprat.

Il-kampjuni rappreżentattivi għandhom jinkisbu skont il-proċeduri ta’ teħid tal-kampjuni deskritti fl-istandard EN 13920 (1).

L-ammont totali ta’ impuritajiet għandu jitkejjel skont il-piż wara li l-partiċelli u l-oġġetti metalliċi tal-aluminju jkunu ġew isseparati mill-partiċelli u mill-oġġetti li jikkonsistu f’impuritajiet billi jintgħażlu bl-idejn jew b’mezzi oħrajn ta’ separazzjoni (bħal permezz ta’ kalamita jew billi tintuża d-densità bħala l-bażi).

L-ammont ta’ metall irkuprat għandu jitkejjel skont il-proċedura li ġejja:

(1)

Id-determinazzjoni tal-massa (m1) wara t-tneħħija u d-determinazzjoni tal-indewwa (skont il-punt 7.1. tal-istandard EN 13920-1:2002);

(2)

It-tneħħija u d-determinazzjoni tal-ħadid liberu (skont il-punt 7.2. tal-istandard EN 13920-1:2002);

(3)

Id-determinazzjoni tal-massa tal-metall wara t-tidwib u s-solidifikazzjoni (m2) wara l-proċedura għad-determinazzjoni tal-ammont ta’ metall irkuprat skont il-punt 7.3. tal-istandard EN 13920-1:2002;

(4)

Il-kalkolu tal-ammont ta’ metall irkuprat m [f’%] = (m2/m1) × 100.

Il-frekwenzi xierqa tal-analiżi tal-kampjuni rappreżentattivi għandhom ikunu stabbiliti billi jitqiesu l-fatturi li ġejjin:

(1)

it-tendenza mistennija tal-varjabbiltà (pereżempju kif murija mir-riżultati tal-imgħoddi);

(2)

ir-riskju inerenti ta’ varjabbiltà fil-kwalità tal-iskart li ntuża bħala materja prima għall-operazzjoni ta’ rkupru u fil-prestazzjoni tal-proċessi ta’ trattament;

(3)

il-preċiżjoni inerenti tal-metodu ta’ monitoraġġ; u

(4)

il-qrubija tar-riżultati għall-valuri ta’ limitu għall-ammont totali ta’ impuritajiet jew għall-ammont ta’ metall irkuprat.

1.3.

Ir-ruttam m’għandux ikun fih kloridu polivinili (PVC) fil-forma ta’ kisi, żebgħa jew plastik.

Persunal ikkwalifikat għandu jwettaq spezzjoni viżwali ta’ kull konsenja.

1.4.

Ir-ruttam m’għandux ikollu żejt viżibbli, emulsjonijiet żejtnija, lubrikanti jew griż ħlief għal ammonti negliġibbli li mhux se jwasslu għal taqtir.

Persunal ikkwalifikat għandu jwettaq spezzjoni viżwali ta’ kull konsenja, u għandu joqgħod attent l-iktar għal dawk il-partijiet minn fejn hemm l-iktar ċans li jibda jqattar iż-żejt.

1.5.

Ir-radjuattività: m’hemm bżonn tittieħed l-ebda azzjoni ta’ rispons skont regoli nazzjonali jew internazzjonali dwar il-proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ rispons għall-metall radjuattiv skreppjat.

Dan ir-rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għall-istandards bażiċi dwar il-ħarsien tas-saħħa tal-ħaddiema u tal-pubbliku adottati f’atti li jaqgħu taħt il-Kapitolu III tat-Trattat tal-Euratom, b’mod partikulari d-Direttiva tal-Kunsill 96/29/Euratom (2).

Persunal ikkwalifikat għandu jimmonitorja r-radjuattività ta’ kull konsenja. Kull konsenja ta’ ruttam għandu jkollha magħha ċertifikat, stabbilit skont regoli nazzjonali jew internazzjonali, dwar il-proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ rispons għall-metall radjuattiv skreppjat. Iċ-ċertifikat jista’ jiġi inkluż fid-dokumentazzjoni l-oħra li takkumpanja l-konsenja.

1.6.

Ir-ruttam m’għandu juri l-ebda waħda mill-karatteristiċi perikolużi elenkati fl-Anness III għad-Direttiva 2008/98/KE. Ir-ruttam għandu jkun konformi mal-limiti ta’ konċentrazzjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE (3) u m’għandux jaqbeż il-limiti ta’ konċentrazzjoni stabbiliti fl-Anness IV għar-Regolament Nru (KE) 850/2004 (4).

Il-karatteristiċi tal-elementi individwali inklużi fil-liġi tal-aluminju mhumiex rilevanti għal dan ir-rekwiżit.

Persunal ikkwalifikat għandu jwettaq ispezzjoni viżwali ta’ kull konsenja. Fejn l-ispezzjoni viżwali tqajjem xi suspett ta’ possibbiltà ta’ karatteristiċi perikolużi, għandhom jittieħdu iktar miżuri xierqa ta’ monitoraġġ, bħat-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar fejn ikun xieraq.

Il-persunal għandu jitħarreġ dwar il-karatteristiċi perikolużi potenzjali li jistgħu jkunu assoċjati mar-ruttam tal-aluminju u dwar il-komponenti jew il-karatteristiċi tal-materjali li jippermettu 'l dak li jkun jagħraf il-karatteristiċi perikolużi.

Il-proċedura għar-rikonoxximent tal-materjali perikolużi għandha tkun iddokumentata fis-sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità.

1.7.

Ir-ruttam m’għandu jkun fih l-ebda kontenitur taħt pressjoni, magħluq, jew mhux miftuħ biżżejjed li jista’ jikkawża splużjoni f’forn ta’ xogħol fil-metall.

Persunal ikkwalifikat għandu jwettaq ispezzjoni viżwali ta’ kull konsenja.

2.   L-iskart użat bħala materja prima fl-operazzjoni ta’ rkupru

2.1.

L-iskart li kien fih aluminju jew ligi tal-aluminju li jistgħu jiġu rkuprati biss jista’ jintuża bħala materja prima.

2.2.

L-iskart perikoluż m’għandux jintuża bħala materja prima ħlief fejn jingħataw provi li jkunu ġew applikati l-proċessi u t-tekniki speċifikati fit-Taqsima 3 ta’ dan l-Anness sabiex jitneħħew il-karatteristiċi perikolużi kollha.

2.3.

L-iskart li ġej m’għandux jintuża bħala materja prima:

(a)

il-limatura u l-bċejjeċ u s-serratura li jaqgħu mill-użu tat-torn li fihom fluwidi bħaż-żejt jew l-emulsjonijiet żejtnija, u

(b)

l-btieti u l-kontenituri, ħlief għat-tagħmir minn vetturi li m’għadhomx jintużaw, li fihom jew li kien fihom iż-żejt jew iż-żebgħa.

Il-kontroll tal-aċċettazzjoni tal-iskart kollu li jasal (permezz ta’ spezzjoni viżwali) u tad-dokumentazzjoni li takkumpanjah għandu jitwettaq minn persunal ikkwalifikat li jkun ingħata taħriġ dwar kif jagħraf l-iskart li ma jissodisfax il-kriterji stabbiliti f’din it-Taqsima.

3.   Il-proċessi u t-tekniki ta’ trattament

3.1.

Ir-ruttam tal-aluminju għandu jkun ġie sseparat mill-ewwel fis-sors jew waqt il-ġbir u għandu jkun inżamm separat jew l-iskart ta’ materja prima għandu jkun ġie ttrattat sabiex ir-ruttam tal-aluminju jiġi sseparat mill-komponenti mhux metalliċi u minn dawk tal-metall li ma fihomx aluminju.

3.2.

It-trattamenti mekkaniċi kollha (bħall-qtugħ, il-qtugħ permezz tad-deformazzjoni (“shearing”), il-qtugħ bċejjeċ bċejjeċ jew il-granulazzjoni; l-għażla, is-separazzjoni, it-tindif, it-tneħħija tas-sustanzi li jniġġsu, l-iżvujtar) li huma meħtieġa sabiex jiġi ppreparat ir-ruttam tal-metall għall-użu finali dirett tiegħu bħala materja prima għandhom ikunu tlestew.

3.3.

Għall-iskart li jkun fih komponenti perikolużi, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti speċifiċi li ġejjin:

(a)

Il-materja prima li tkun ġejja minn skart ta’ tagħmir elettriku jew elettroniku u minn vetturi li m’għadhomx jintużaw għandha tkun għaddiet mit-trattamenti kollha mitluba mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) u mill-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/53/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6);

(b)

Il-klorofluworokarbonji f’tagħmir imwarrab għandhom ikunu nqabdu fi proċess approvat mill-awtoritajiet kompetenti;

(c)

Il-kejbils għandu jkun tneħħilhom il-kisi jew għandhom ikunu tqattgħu biċċa biċċa. Jekk kejbil ikun fih kisi organiku (tal-plastik), il-kisi organiku għandu jkun tneħħa bl-aħjar tekniki disponibbli;

(d)

Il-btieti u l-kontenituri għandhom ikunu żvujtati u għandhom ikunu tnaddfu;

(e)

Is-sustanzi perikolużi fl-iskart li ma ssemmiex fil-punt (a) għandhom ikunu tneħħew b'mod effiċjenti fi proċess li jkun approvat mill-awtorità kompetenti.

 


(1)  EN 13920-1:2002; L-aluminju u l-ligi tal-aluminju – Ir-ruttam – Il-parti 1: Ir-rekwiżiti ġenerali, it-teħid tal-kampjuni u t-testijiet; CEN 2002.

(2)  ĠU L 159, 29.6.1996, p. 1.

(3)  ĠU L 226, 6.9.2000, p. 3.

(4)  ĠU L 229, 30.4.2004, p. 1.

(5)  ĠU L 37, 13.2.2003, p. 24.

(6)  ĠU L 269, 21.10.2000, p. 34.


ANNESS III

Id-dikjarazzjoni ta’ konformità mal-kriterji ta’ tmiem l-iskart imsemmija fl-Artikolu 5(1)

1.

Il-produttur/l-importatur tal-metall skreppjat:

L-isem:

L-indirizz:

Il-persuna ta’ kuntatt:

In-numru tat-telefown:

In-numru tal-faks:

L-indirizz tal-posta elettronika:

2.

(a)

l-isem jew il-kodiċi tal-kategorija tal-metall skreppjat, skont speċifikazzjoni jew standard tal-industrija:

(b)

fejn rilevanti, id-dispożizzjonijiet tekniċi prinċipali ta’ speċifikazzjoni tal-klijent, bħall-kompożizzjoni, id-daqs, it-tip u l-karatteristiċi:

3.

Il-konsenja ta’ metall skreppjat hija konformi mal-ispeċifikazzjoni jew mal-istandard imsemmi fil-punt 2:

4.

Il-kwantità tal-konsenja f’tunnellati:

5.

Ġie stabbilit ċertifikat ta’ test għar-radjuattività skont ir-regoli nazzjonali jew internazzjonali dwar il-proċeduri ta’ monitoraġġ u ta’ rispons għall-metall radjuattiv skreppjat:

6.

Il-produttur tal-metall skreppjat japplika sistema ta’ ġestjoni tal-kwalità li hija konformi mal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 333/2011 (1), li ġiet ivverifikata minn verifikatur akkreditat jew minn verifikatur indipendenti f’każ li l-metall skreppjat li ma baqax jitqies bħala skart jiġi impurtat fit-territorju doganali tal-Unjoni.

7.

Il-konsenja ta’ metall skreppjat tissodisfa l-kriterji msemmija fil-punti a) sa c) tal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (UE) Nru 333/2011.

8.

Dikjarazzjoni tal-produttur/tal-importatur tal-metall skreppjat: Jiena niċċertifika li, safejn naf jien, it-tagħrif mogħti hawn fuq huwa komplut u korrett:

L-isem:

Id-data:

Il-firma:


(1)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 333/2011 tal-31 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi kriterji li jiddeterminaw meta ċerti tipi ta’ ruttam tal-metall ma jibqgħux jitqiesu bħala skart skont id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 94, 8.4.2011, p. 2).