29.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 81/8


REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 302/2011

tat-28 ta' Marzu 2011

li jiftaħ kwota tariffarja eċċezzjonali għal ċerti kwantitajiet ta' zokkor għas-sena tas-suq 2010/2011

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 187, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-prezzijiet tas-suq dinji għaz-zokkor ilhom f'livell għoli kostanti sa mill-bidu tas-sena tas-suq 2010/2011. It-tbassir tal-prezzijiet tas-suq dinji għal Mejju, Lulju u Ottubru 2011, ibbażat fuq is-suq tal-kambju għall-futuri taz-zokkor ta' New York jindika li l-prezz tas-suq dinji se jibqa' għoli.

(2)

Id-differenza negattiva bejn id-disponibbiltà u l-utilizzazzjoni taz-zokkor fis-suq tal-Unjoni matul l-aħħar sentejn tas-suq hija stmata għal miljun (1,0) tunnellata. Dan jirriżulta fl-iżjed livell baxx ta' stokkijiet aħħarin minn mindu ġiet implimentata r-riforma tas-settur taz-zokkor fl-2006. Kwalunkwe tnaqqis ieħor fl-importazzjonijiet jhedded li jxekkel id-disponibbiltà tal-provvista fis-suq taz-zokkor tal-Unjoni u li jgħolli l-prezz intern tas-suq taz-zokkor. Sabiex tiġi limitata d-differenza negattiva bejn id-disponibbiltà u l-utilizzazzjoni taz-zokkor fis-suq tal-Unjoni fis-sena tas-suq 2010/2011, hemm bżonn li jiġu utilizzati kompletament il-flussi eżistenti tal-importazzjoni: il-kwoti tar-rati tariffarji tal-importazzjoni u l-1,95 miljun tunnellata ta' importazzjonijiet li jirriżultaw mill-arranġamenti tal-kummerċ, il-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika / Kollox Ħlief Armi (FSE/EBA).

(3)

Madankollu, l-importazzjonijiet tal-FSE/EBA rreġistrati matul is-sena tas-suq 2009/2010 ammontaw għal 1,5 miljun tunnellata. Abbażi tas-sitwazzjoni attwali tas-suq dinji, din il-kwantità ma tantx għandha l-probabbiltà li tiżdied fit-terminu ta' żmien qasir. Din inevitabbilment twassal għall-iktar tnaqqis fil-provvista fis-suq tal-UE. Din is-sitwazzjoni hija kkawżata mill-prezzijiet għoljin fis-suq dinji taz-zokkor u għal dik ir-raġuni, hemm bżonn li tiġi sospiża l-applikazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni għal ċerti kwantitajiet ta' zokkor.

(4)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 891/2009 tal-25 ta' Settembru 2009 li jiftaħ u jipprovdi għall-amministrazzjoni ta’ ċerti kwoti tariffarji tal-Komunità fis-settur taz-zokkor (2) jipprovdi għall-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji għall-importazzjonijiet ta' prodotti taz-zokkor skont l-Artikolu 187 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 bin-numru tas-serje 09.4380 (zokkor ta' importazzjoni eċċezzjonali). Madankollu, skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 891/2009 il-kwantitajiet ta’ dawk il-prodotti li għalihom għandha tiġi sospiża l-applikazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni għandhom ikunu determinati permezz ta’ att legali separat.

(5)

Il-kwantità eċċezzjonali ta' zokkor li jista' jiġi importat b'rata ta' dazju nulla fis-sena tas-suq 2011/2012, trid tiġi stabbilita skont dan.

(6)

Sabiex jiġi evitat il-kummerċ tal-liċenzji tal-importazzjoni, id-drittijiet li tagħti l-liċenzja tal-importazzjoni ma għandhomx ikunu trasferibbli.

(7)

Il-livell ta' sigurtà għandu jiġi stabbilit f'livell għoli biżżejjed biex jiżgura l-utilizzazzjoni kompluta tal-liċenzji tal-importazzjoni maħruġa skont il-prezzijiet volatili taz-zokkor dinji, attwali.

(8)

Il-Kumitat ta' Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli ma tax l-opinjoni tiegħu fil-limitu taż-żmien stabbilit mill-President tiegħu,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-dazji fuq l-importazzjoni għaz-zokkor li jaqa' taħt il-kodiċi NM 1701 u bin-numru tal-ordni 09.4380 għandhom jiġu sospiżi għal kwantità ta' 300 000 tunnellata mill-1 ta' April 2011 sat-30 ta' Settembru 2011.

Ir-Regolament (KE) Nru 891/2009 għandu japplika għall-aministrazzjoni tal-kwota msemmija fl-ewwel paragrafu.

Artikolu 2

B’deroga mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 (3), id-drittijiet li tagħti l-liċenzji tal-importazzjoni ma għandhomx ikunu trasferibbli.

Artikolu 3

B’deroga mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 891/2009, l-ammont ta’ sigurtà għandu jkun ta' EUR 150 għal kull tunnellata.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mill-1 ta’ April 2011.

Għandu jiskadi fit-30 ta’ Settembru 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 254, 26.9.2009, p. 82.

(3)  ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3.