11.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 64/15


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 234/2011

tal-10 ta' Marzu 2011

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsil li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enzimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enzimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(1) tiegħu,

Wara li kkonsultat l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel skont l-Artikolu 9(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 jistipula arranġamenti proċedurali għall-aġġornament tal-listi tas-sustanzi li t-tqegħid fis-suq tagħhom huwa awtorizzat fl-Unjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (2), ir-Regolament (KE) Nru 1332/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-enzimi tal-ikel (3) u r-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-aromatizzanti u ċerti ingredjenti tal-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel (4) (minn issa 'l quddiem imsejħa “l-liġjiet settorjali tal-ikel”)

(2)

Skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 hija l-Kummissjoni li għandha tadotta l-miżura ta' implimentazzjoni fir-rigward tal-kontenut, l-abbozzar u l-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet biex taġġorna l-listi tal-Unjoni taħt kull liġi settorjali tal-ikel, l-arranġamenti għall-verifika tal-validità tal-applikazzjonijiet u t-tip ta' informazzjoni li għandha tiġi inkluża fl-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (minn issa 'l quddiem tissejjaħ l-Awtorità).

(3)

Sabiex jiġu aġġornati l-listi jeħtieġ li jiġi vverifikat li l-użu tas-sustanza huwa konformi mal-kundizzjonijiet ġenerali u speċifiċi tal-użu kif ipprovdut fil-liġijiet settorjali tal-ikel rispettivi.

(4)

L-awtorità adottat opinjoni xjentifika nhar id-9 ta' Lulju 2009 dwar ir-rekwiżiti ta' dejta għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-addittivi tal-ikel (5). Din id-dejta għandha tiġi pprovduta meta tintbagħat applikazzjoni għall-użu ta' addittiv ġdid tal-ikel. F’każ ta’ applikazzjoni għal modifika tal-kondizzjonijiet tal-użu ta' addittiv tal-ikel diġà awtorizzat jew għal modifika tal-ispeċifikazzjonijiet ta' addittiv tal-ikel diġà awtorizzat, id-dejta meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju tista' ma tkunx meħtieġa, kemm-il darba dan ikun iġġustifikat mill-applikant.

(5)

L-Awtorità adottat opinjoni xjentifika nhar it-23 ta' Lulju 2009 dwar ir-rekwiżiti ta' dejta għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-enzimi tal-ikel (6). Din id-dejta għandha tiġi pprovduta meta tintbagħat applikazzjoni għall-użu ta' enzima ġdida tal-ikel. F’każ ta’ applikazzjoni għal modifika tal-kondizzjonijiet tal-użu ta' enzima tal-ikel diġà awtorizzata jew għal modifika tal-ispeċifikazzjonijiet ta' enzima tal-ikel diġà awtorizzata, id-dejta meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju tista' ma tkunx meħtieġa, kemm-il darba dan ikun iġġustifikat mill-applikant.

(6)

L-Awtorità adottat opinjoni xjentifika nhar id-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rekwiżiti tad-dejta għall-valutazzjoni tar-riskju tal-aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel (7). Din id-dejta għandha tiġi pprovduta meta tintbagħat applikazzjoni għall-użu ta' aromatizzant ġdid. F’każ ta’ applikazzjoni għal modifika tal-kondizzjonijiet tal-użu ta' aromatizzant diġà awtorizzat jew għal modifika tal-ispeċifikazzjonijiet ta' aromatizzant diġà awtorizzat, id-dejta meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju tista' ma tkunx meħtieġa, kemm-il darba dan ikun iġġustifikat mill-applikant.

(7)

Huwa importanti li jsiru testijiet tossikoloġiċi li jilħqu ċertu livell. Għalhekk id-Direttiva 2004/10/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li għandhom x'jaqsmu mal-applikazzjoni tal-prinċipji ta' prattika tajba tal-laboratorju u l-verifikazzjoni tal-applikazzjonijiet tagħhom għal provi fuq sustanzi kimiċi (8) għandha tiġi segwita. Fejn dawn il-provi jitwettqu barra mit-territorju tal-Unjoni, għandhom jimxu skont “il-Prinċipji ta' Prattika Tajba tal-Laboratorju tal-OECD” (GLP) (OECD,1998) (9).

(8)

L-użu tal-addittivi tal-ikel u l-enzimi tal-ikel għandu jkun dejjem iġġustifikat teknoloġikament. L-applikanti għandhom ukoll jispjegaw fil-każ ta' addittiv tal-ikel l-għala l-effett teknoloġiku ma jistax jinkiseb b'mezzi oħra ekonomikament u teknoloġikament prattikabbli.

(9)

L-użu ta' sustanza għandu jkun awtorizzat jekk ma jqarraqx bil-konsumatur. L-applikanti għandhom jispjegaw li l-użi meħtieġa ma jqarrqux bil-konsumatur. Il-vantaġġi u l-benefiċċji għall-konsumatur għandhom ukoll jiġu spjegati fil-każ ta' addittiv tal-ikel.

(10)

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008, l-Artikolu 19 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008, il-Kummissjoni għandha tivverifika l-validità tal-applikazzjoni u jekk hix fl-ambitu tal-liġi settorjali tal-ikel rispettiva. Għandu jitqies il-parir mill-Awtorità, fejn xieraq, dwar kemm id-dejta mibgħuta hija xierqa għall-valutazzjoni tar-riskju. Din il-verifika ma għandhiex tittardja l-valutazzjoni ta' applikazzjoni.

(11)

L-informazzjoni pprovduta fl-opinjoni tal-Awtorità għandha tkun biżżejjed biex jiġi vverifikat jekk l-awtorizzazzjoni tal-użu propost tas-sustanza huwiex sikur għall-konsumaturi. Din tinkludi konklużjonijiet dwar it-tossiċità tas-sustanza, fejn xieraq u possibbli l-konstatazzjoni ta' doża aċċettabbli ta' kuljum (ADI) espressa f'sura ta' numri b'dettalji dwar valutazzjoni ta' espożizzjoni alimentari għall-kategoriji kollha tal-ikel, inkluża espożizzjoni ta' gruppi ta' konsumaturi vulnerabbli.

(12)

L-applikant għandu wkoll iqis il-gwida fid-dettall dwar id-dejta meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju stabbilita mill-Awtorità (Il-Ġurnal tal-EFSA (10).

(13)

Dan ir-Regolament iqis l-għarfien xjentifiku u tekniku attwali. Il-Kummissjoni tista' tirrevedi dan ir-Regolament fid-dawl ta' xi żviluppi f'dan il-qasam u l-pubblikazzjoni ta' xi gwida xjentifika addizzjonali jew riveduta mill-Awtorità.

(14)

Arranġamenti prattiċi marbuta ma' applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta' addittivi tal-ikel, enzimi u aromatizzanti tal-ikel, bħal indirizzi, persuni ta' kuntatt, trażmissjoni ta' dokumenti, eċċ., għandhom ikunu disponibbli f'komunikazzjoni għaliha tal-Kummissjoni u/jew tal-Awtorità.

(15)

Jeħtieġ li jiġi pprovdut perjodu ta' żmien sabiex l-applikanti jkunu jistgħu jikkonformaw mad-dispożizzjoniet ta' dan ir-Regolament.

(16)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Ambitu

Dan ir-Regolament għandu japplika għal applikazzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, enzimi u aromatizzanti tal-ikel.

KAPITOLU II

KONTENUT, ABBOZZAR U PREŻENTAZZJONI TA' APPLIKAZZJONI

Artikolu 2

Kontenut ta' applikazzjoni

1.   L-applikazzjoni msemmija fl-Artikolu 1 għandha tikkonsisti f'dan li ġej:

(a)

ittra,

(b)

dossier tekniku,

(c)

taqsira tad-dossier.

2.   L-ittra msemmija fil-paragrafu 1(a) għandha tkun abbozzata skont il-mudell ipprovdut fl-Anness.

3.   Id-dossier tekniku msemmi fil-paragrafu 1(b) għandu jkun fih:

(a)

id-dejta amministrattiva kif ipprovdut fl-Artikolu 4,

(b)

id-dejta meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju kif ipprovdut fl-Artikoli 5, 6, 8 u 10, u

(c)

id-dejta meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju kif ipprovdut fl-Artikoli 7, 9 u 11.

4.   F'każ ta' applikazzjoni għal modifika tal-kondizzjonijiet tal-użu ta' addittiv tal-ikel, enzima jew aromatizzant tal-ikel diġà awtorizzati d-dejta kollha msemmija fl-Artikoli 5 sa 11 tista' ma tkunx meħtieġa. L-applikant għandu jibgħat ġustifikazzjoni li tista' tiġi vverifikata dwar l-għala t-tibdiliet proposti ma jaffettwawx ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju attwali.

5.   F'każ ta' applikazzjoni għal modifika tal-ispeċifikazzjonijiet ta' addittiv tal-ikel, enzima jew aromatizzant tal-ikel diġà awtorizzati:

(a)

id-dejta tista' tkun limitata għall-ġustifikazzjoni tat-talba u t-tibdil fl-ispeċifikazzjoni;

(b)

l-applikant għandu jibgħat ġustifikazzjoni li tista' tiġi vverifikata dwar l-għala t-tibdiliet proposti ma jaffettwawx ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskju attwali.

6.   It-taqsira tad-dossier msemmija fil-paragrafu 1(c) għandha tinkludi stqarrija ġġustifikata li l-użu tal-prodott huwa konformi mal-kondizzjonijiet stipulati:

(a)

fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008 jew

(b)

fl-Artikoli 6, 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, jew

(c)

fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008.

Artikolu 3

Abbozzar u preżentazzjoni

1.   L-applikazzjonijiet għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni. L-applikant għandu jqis il-gwida prattika dwar is-sottomissjoni tal-applikazzjonijiet magħmula disponibbli mill-Kummissjoni (Websajt tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Konsumaturi (11).

2.   Biex tiġi stabbilita l-lista tal-Unjoni tal-enzimi tal-ikel kif imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008, l-applikazzjonijiet ma għandhomx jintbagħtu aktar tard minn 24 xahar wara d-data ta' applikazzjoni tal-miżuri ta' implimentazzjoni stabbiliti b'dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Dejta amministrattiva

Id-dejta amministrattiva kif imsemmi fl-Artikolu 2(3)(a) għandha tinkludi:

(a)

isem l-applikant (kumpanija, organizzazzjoni, eċċ) indirizz u dettalji ta' kuntatt;

(b)

isem il-manifattur(i) tas-sustanza, jekk huwa differenti minn dak tal-applikant, l-indirizz u d-dettalji ta' kuntatt;

(c)

isem il-persuna responsabbli għad-dossier, l-indirizz u d-dettalji ta' kuntatt;

(d)

id-data ta' sottomissjoni tad-dossier;

(e)

it-tip tal-applikazzjoni, jiġifieri li tirrigwarda addittiv tal-ikel, enzima tal-ikel, jew aromatizzant;

(f)

fejn applikabbli, l-isem kimiku skont in-nomenklatura IUPAC;

(g)

fejn huwa applikabbli, l-E-numru tal-addittiv kif iddefinit fil-leġiżlazzjoni dwar l-addittivi tal-ikel;

(h)

fejn huwa applikabbli, referenza għal enzimi tal-ikel awtorizzati simili;

(i)

fejn huwa applikabbli, in-numru FL ta' sustanza għat-taħwir kif iddefinit fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-aromatizzanti;

(j)

fejn huwa applikabbli, l-informazzjoni dwar awtorizzazzjonijiet li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (12);

(k)

werrej tad-dossier;

(l)

lista ta' dokumenti u dettalji oħra; l-applikant għandu jidentifika n-numru u t-titoli tal-volumi ta' dokumentazzjoni mibgħuta bħala sostenn tal-applikazzjoni; indiċi fid-dettall b'referenza għall-volumi u l-paġni għandu jiġi inkluż;

(m)

lista tal-partijiet tad-dossier li jridu jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali; l-applikanti għandhom jindikaw x'jixtiequ li jkun ittrattat bħala kunfidenzjali u jagħtu ġustifikazzjoni verifikabbli skont l-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

Artikolu 5

Dispożizzjonijiet ġenerali dwar dejta meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju

1.   Id-dossier mibgħut b'appoġġ ta' applikazzjoni għall-valutazzjoni tas-sigurtà ta' sustanza għandu jippermetti valutazzjoni tar-riskju komprensiva tas-sustanza u għandu jippermetti verifika li s-sustanza mhix ta' tħassib għas-sigurtà tal-konsumatur fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 6(a) tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008, l-Artikolu 6(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 u l-Artikolu 4(a) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008.

2.   Id-dossier tal-applikazzjoni għandu jinkludi d-dejta kollha disponibbli rilevanti għall-fini tal-valutazzjoni tar-riskju (jiġifieri d-dokumenti kompluti ppubblikati tar-referenzi kollha kkwotati, kopji kompluti tal-istudji oriġinali mhux ippubblikati).

3.   L-applikant għandu jqis l-aħħar dokumenti ta' gwida adottati jew approvati mill-Awtorità disponibbli dakinhar ta' meta tintbagħat l-applikazzjoni (Il-Ġurnal tal-EFSA).

4.   Id-dokumentazzjoni dwar il-proċedura segwita fil-ġbir tad-dejta għandha tiġi pprovduta, inklużi l-istrateġiji ta' tfittxija ta' letteratura (suppożizzjonijiet magħmula, kliem ewlieni użat, bażijiet ta' dejta użati, perjodu ta' żmien kopert, kriterji ta' limitazzjoni, eċċ.) u riżultat komprensiv ta' din it-tfittxija.

5.   L-istrateġija ta' valutazzjoni tas-sigurtà u l-istrateġija ta' ttestjar korrispondenti għandhom jiġu deskritti u ġġustifikati b'raġunijiet għall-inklużjoni u l-esklużjoni ta' studji speċifiċi u/jew informazzjoni.

6.   Id-dejta individwali mhux ipproċessata tal-istudji mhux ippubblikati u, fejn possibbli, tal-istudji ppubblikati kif ukoll ir-riżultati individwali tal-eżamijiet għandhom ikunu disponibbli fuq talba mill-Awtorità.

7.   Għal kull studju bijoloġiku jew tossikoloġiku, għandu jiġi ċċarat jekk il-materjal tat-test huwiex konformi mal-ispeċifikazzjoni proposta jew eżistenti. Fejn il-materjal tat-test ikun differenti minn dik l-ispeċifikazzjoni, l-applikant għandu juri r-rilevanza ta' dik id-dejta mas-sustanza li tkun qed titqies.

Għandhom isiru studji tossikoloġiċi f'faċilitajiet li huma konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/10/KE jew, jekk isiru barra mit-territorju tal-Unjoni, għandhom jimxu skont “il-Prinċipji ta' Prattika Tajba tal-Laboratorju tal-OECD” (GLP). L-applikant għandu jipprovdi evidenza biex juri li dawk ir-rekwiżiti huma sodisfatti. Għal studji mhux imwettqa skont il-protokolli standard, għandhom jiġu pprovduti kemm l-interpretazzjoni tad-dejta kif ukoll ġustifikazzjoni dwar kemm hija xierqa għall-valutazzjoni tar-riskju.

8.   L-applikant għandu jipproponi konklużjoni ġenerali dwar is-sigurtà tal-użi proposti tas-sustanza. Il-valutazzjoni ġenerali ta' riskju potenzjali għas-saħħa tal-bniedem għandha ssir fil-kuntest ta' espożizzjoni magħrufa jew possibbli tal-bniedem.

Artikolu 6

Dejta speċifika meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju tal-addittivi tal-ikel

1.   Barra mid-dejta li trid tiġi pprovduta skont l-Artikolu 5, għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar:

(a)

l-identità u l-karatterizzazzjoni tal-addittiv, inklużi l-ispeċifikazzjonijiet proposti u d-dejta analitika;

(b)

fejn applikabbli, id-daqs tal-partiċella, it-tqassim tad-daqs tal-partiċella u karatteristiċi fiżiko-kimiċi oħra;

(c)

il-proċess ta' manifattura;

(d)

il-preżenza ta' impuritajiet;

(e)

l-istabbiltà, ir-reazzjoni u d-destin fl-ikel li fih ikun żdied l-addittiv;

(f)

fejn ikun applikabbli, l-awtorizzazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tar-riskju attwali;

(g)

livelli normali u użi massimi proposti fil-kategoriji tal-ikel imsemmija fil-lista tal-Unjoni, jew f'kategorija tal-ikel proposta mill-ġdid, jew f'ingredjent tal-ikel aktar speċifiku li jifforma parti minn waħda minn dawn il-kategoriji;

(h)

valutazzjoni ta' espożizzjoni alimentari;

(i)

id-dejta bijoloġika u tossikiloġika.

2.   Għal dak li għandu x'jaqsam mad-dejta bijoloġika u tossikoloġika, imsemmija fil-punt (i) tal-paragrafu 1, l-oqsma ewlenin li ġejjin għandhom jiġu koperti:

(a)

it-tossikokinetika,

(b)

it-tossiċità subkronika,

(c)

il-ġenotossiċità,

(d)

it-tossiċità/karċinoġenità kronika,

(e)

it-tossiċità riproduttiva u marbuta ma' stadju jew proċess tal-iżvilupp.

Artikolu 7

Dejta meħtieġa għall-ġestjoni tar-riskju tal-addittivi tal-ikel

1.   Id-dossier mibgħut b'appoġġ ta' applikazzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi vverifikat jekk hemmx ħtieġa teknoloġika raġonevoli li ma tistax tinkiseb b'mezzi oħra ekonomikament u teknoloġikament prattikabbli u jekk l-użu propost ma jqarraqx bil-konsumatur fi ħdan it-tifsira tal-punti (b) u (c) tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

2.   Sabiex tiġi żgurata l-verifika msemmija fil-paragrafu 1, għandha tiġi pprovduta informazzjoni biżżejjed u xierqa dwar:

(a)

l-identità tal-addittiv tal-ikel, inkluża referenza għall-ispeċifikazzjonijiet attwali;

(b)

il-funzjoni u l-ħtieġa teknoloġika għal-livell propost f'kull waħda mill-kategoriji tal-ikel jew tal-prodotti li għalihom tinħtieġ awtorizzazzjoni u spjegazzjoni li dan ma jistax jinkiseb b'mod raġonevoli b'mezzi oħra ekonomikament u teknoloġikament prattiċi;

(c)

l-investigazzjonijiet dwar l-effikaċja tal-addittiv tal-ikel għall-effett maħsub fil-livell ta' użu propost;

(d)

vantaġġi u benefiċċju għall-konsumatur. L-applikant għandu jqis ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008;

(e)

l-għala l-użu ma għandux iqarraq lill-konsumatur;

(f)

livelli normali u użi massimi proposti fil-kategoriji tal-ikel imsemmija fil-lista tal-Unjoni, jew f'kategorija tal-ikel proposta mill-ġdid, jew f'ingredjent tal-ikel aktar speċifiku li jifforma parti minn waħda minn dawn il-kategoriji;

(g)

il-valutazzjoni tal-espożizzjoni, imsejsa fuq l-użu normali u massimu għal kull waħda mill-kategoriji jew kull wieħed mill-prodotti kkonċernati;

(h)

l-ammont ta' addittiv tal-ikel preżenti fl-ikel finali kif ikkunsmat mill-konsumatur;

(i)

metodi analitiċi li jippermettu l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni tal-addittiv jew il-fdalijiet tiegħu fl-ikel;

(j)

fejn applikabbli, il-konformità mal-kondizzjonijiet speċifiċi għall-ħlewwiet u għall-koloranti kif stabbilit fl-Artikolu 7 u 8 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

Artikolu 8

Dejta speċifika meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju tal-enzimi tal-ikel

1.   Barra mid-dejta li trid tiġi pprovduta skont l-Artikolu 5, għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar:

(a)

isem(ismijiet), sinonimi, taqsiriet u klassifikazzjoni(jiet);

(b)

Numru tal-Enzima tal-Kummissjoni;

(c)

l-ispeċifikazzjonijiet proposti, inkluża l-oriġini;

(d)

il-proprjetajiet;

(e)

ir-referenza għal xi enzima tal-ikel simili;

(f)

il-materjal ta' sors;

(g)

il-proċess ta' manifattura;

(h)

l-istabbiltà, ir-reazzjoni u d-destin fl-ikel li fih tkun żdiedet l-enzima;

(i)

fejn ikun applikabbli, l-awtorizzazzjonijiet u l-valutazzjonijiet attwali;

(j)

l-użi proposti fl-ikel u, fejn applikabbli, il-livelli normali u massimi ta' użu propost;

(k)

il-valutazzjoni ta' espożizzjoni alimentari;

(l)

id-dejta bijoloġika u tossikiloġika.

2.   Għal dak li għandu x'jaqsam mad-dejta bijoloġika u tossikoloġika, imsemmija fil-punt (l) tal-paragrafu 1, l-oqsma ewlenin li ġejjin għandhom jiġu koperti:

(a)

it-tossiċità subkronika;

(b)

il-ġenotossiċità.

Artikolu 9

Dejta meħtieġa għall-ġestjoni tar-riskju tal-enzimi tal-ikel

1.   Id-dossier mibgħut b'appoġġ ta' applikazzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi vverifikat jekk hemmx ħtieġa tekonloġika raġonevoli u jekk l-użu propost ma jqarraqx bil-konsumatur fi ħdan it-tifsira tal-punti (b) u (c) tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008.

2.   Sabiex tiġi żgurata l-verifika msemmija fil-paragrafu 1, għandha tiġi pprovduta informazzjoni biżżejjed u xierqa dwar:

(a)

l-identità tal-enzima tal-ikel, inkluża referenza għall-ispeċifikazzjonijiet;

(b)

il-funzjoni u l-ħtieġa teknoloġika, inkluża deskrizzjoni tal-proċess(i) tipiku(tipiċi) li fih/fihom tista' tiġi applikata l-enzima tal-ikel;

(c)

l-effett tal-enzima tal-ikel fuq l-ikel finali;

(d)

l-għala l-użu ma għandux iqarraq lill-konsumatur;

(e)

il-livelli normali u massimi ta' użu propost fejn applikabbli;

(f)

il-valutazzjoni ta' espożizzjoni alimentari, kif deskritta fid-dokument ta' gwida tal-Awtorità dwar l-enzimi tal-ikel (13).

Artikolu 10

Dejta speċifika meħtieġa għall-valutazzjoni tar-riskju tal-aromatizzanti

1.   Barra mid-dejta li trid tiġi pprovduta skont l-Artikolu 5, għandha tiġi pprovduta informazzjoni dwar:

(a)

il-proċess ta' manifattura;

(b)

l-ispeċifikazzjonijiet;

(c)

fejn applikabbli, informazzjoni dwar id-daqs tal-partiċella, it-tqassim tad-daqs tal-partiċella u karatteristiċi fiżiko-kimiċi oħra;

(d)

fejn ikun applikabbli, l-awtorizzazzjonijiet u l-valutazzjonijiet attwali;

(e)

l-użi proposti fl-ikel u l-livelli ta' użu normali u massimi proposti fil-kategoriji skont il-lista tal-Unjoni jew f'tip iktar speċifiku ta' prodott fi ħdan il-kategoriji;

(f)

id-dejta dwar sorsi ta' dieta;

(g)

il-valutazzjoni ta' espożizzjoni alimentari;

(h)

id-dejta bijoloġika u tossikiloġika.

2.   Għal dak li għandu x'jaqsam mad-dejta bijoloġika u tossikoloġika, imsemmija fil-punt (h) tal-paragrafu 1, l-oqsma ewlenin li ġejjin għandhom jiġu koperti:

(a)

eżami ta' similarità strutturali/metabolika ma' sustanzi għat-taħwir f'valutazzjoni tal-grupp ta' aromatizzanti attwali (VGA);

(b)

il-ġenotossiċità;

(c)

it-tossiċità subkronika, fejn applikabbli;

(d)

it-tossiċità marbuta ma' stadju jew proċess tal-iżvilupp, fejn applikabbli;

(e)

dejta dwar it-tossiċità kronika u l-karċinoġenità, fejn applikabbli.

Artikolu 11

Dejta meħtieġa għall-ġestjoni tar-riskju tal-aromatizzanti

Id-dossier imressaq b'appoġġ ta' applikazzjoni għandu jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità tal-aromatizzant, inkluża referenza għall-ispeċifikazzjonijiet attwali;

(b)

il-proprjetajiet organolettiċi tas-sustanza;

(c)

il-livelli normali u massimi ta' użu propost fil-kategoriji tal-ikel jew f'ikel iktar speċifiku li jagħmel parti minn waħda minn dawn il-kategoriji;

(d)

il-valutazzjoni tal-espożizzjoni, imsejsa fuq l-użu normali u massimu għal kull waħda mill-kategoriji jew kull wieħed mill-prodotti kkonċernati.

KAPITOLU III

ARRANĠAMENTI GĦALL-VERIFIKA TAL-VALIDITÀ TA' APPLIKAZZJONI

Artikolu 12

Proċeduri

1.   Mal-wasla ta' applikazzjoni l-Kummissjoni għandha tivverifika mingħajr dewmien jekk addittiv tal-ikel, enzima tal-ikel jew aromatizzant jaqax fi ħdan l-ambitu tal-liġi settorjali tal-ikel xierqa u jekk l-applikazzjoni għandhiex l-elementi kollha meħtieġa skont il-Kapitolu II.

2.   Fejn l-applikazzjoni għandha l-elementi kollha meħtieġa skont il-Kapitolu II, il-Kummissjoni għandha, fejn meħtieġ, titlob l-Awtorità tivverifika kemm hija xierqa d-dejta għall-valutazzjoni tar-riskju skont l-opinjonijiet xjentifiċi dwar ir-rekwiżiti tad-dejta għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet tas-sustanzi u biex tħejji, fejn xieraq, opinjoni.

3.   Fi żmien 30 jum tax-xogħol mill-wasla tat-talba tal-Kummissjoni, l-Awtorità għandha tinforma lill-Kummissjoni b'ittra dwar kemm hija xierqa d-dejta għall-valutazzjoni tar-riskju. Jekk id-dejta titqies xierqa għall-valutazzjoni tar-riskju, il-perjodu ta' valutazzjoni msemmi fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 għandu jibda mid-data meta tasal l-ittra tal-Awtorità għand il-Kummissjoni.

Iżda, skont il-punt (a) tat-tieni sottoparagrafu tal-Artikolu 17(4) tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008, f'każ li tiġi stabbilita l-lista tal-Unjoni tal-enzimi tal-ikel, l-Artikolu 5(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 ma japplikax.

4.   F'każ ta' applikazzjoni għal aġġornament tal-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel, l-enzimi tal-ikel jew l-aromatizzanti, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni addizzjonali mill-applikant dwar kwistjonijiet li jirrigwardaw il-validità tal-applikazzjoni u tinforma l-applikant dwar il-perjodu li fih għandha tiġi pprovduta din l-informazzjoni. F'każ ta' applikazzjonijiet mibgħuta skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (KE) Nru 1332/2008, il-Kummissjoni għandha tiddetermina dan il-perjodu flimkien mal-applikant.

5.   Meta l-applikazzjoni ma tkunx fi ħdan il-liġi settorjali xierqa tal-ikel jew meta ma jkunx fiha l-elementi kollha meħtieġa skont il-Kapitolu II jew meta l-Awtorità tqis li d-dejta għall-valutazzjoni tar-riskju mhix xierqa, l-applikazzjoni għandha titqies bħala mhux valida. F'każ bħal dan il-Kummissjoni għandha tinforma lill-applikant, lill-Istati Membri u lill-Awtorità u tindika r-raġunijiet għaliex l-applikazzjoni titqies mhux valida.

6.   B’deroga mill-paragrafu 5, applikazzjoni tista' titqies bħala valida wkoll anki jekk ma jkollhiex l-elementi kollha meħtieġa skont il-Kapitolu II, jekk kemm-il darba l-applikant ikun bagħat ġustifikazzjoni li tista' tiġi vverifikata għal kull element nieqes.

KAPITOLU IV

OPINJONI TAL-AWTORITÀ

Artikolu 13

Informazzjoni li trid tiġi inkluża fl-opinjoni tal-Awtorità

1.   L-opinjoni tal-Awtorità għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità u l-karatterizzazzjoni tal-addittivi tal-ikel, l-enzima tal-ikel jew l-aromatizzant;

(b)

il-valutazzjoni tad-dejta bijoloġika u tossikoloġika;

(c)

valutazzjoni tal-espożizzjoni alimentari għall-popolazzjoni Ewropea waqt li jitqiesu sorsi oħra possibbli ta' espożizzjoni alimentari;

(d)

valutazzjoni tar-riskju ġenerali li tistabbilixxi, jekk ikun possibbli u rilevanti, valur ta' gwida bbażat fuq is-saħħa, u li jenfasizza l-inċertezzi u l-limitazzjonijiet fejn ikun rilevanti;

(e)

meta l-espożizzjoni alimentari taqbeż il-valur ta' gwida bbażat fuq is-saħħa identifikat fil-valutazzjoni ġenerali tar-riskju, il-valutazzjoni tal-espożizzjoni alimentari tas-sustanza għandha tingħata fid-dettall, filwaqt li tiġi pprovduta fejn possibbli l-kontribuzzjoni għall-espożizzjoni totali ta' kull kategorija ta' ikel jew oġġett tal-ikel li għaliha/għalih l-użu huwa awtorizzat jew intalab;

(f)

konklużjonijiet.

2.   Il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni addizzjonali speċifika fit-talba tagħha ta' opinjoni tal-Awtorità

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 14

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-11 ta' Settembru 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(3)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 7.

(4)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 34.

(5)  http://www.efsa.europa.eu/en/scdocs/doc/1188.pdf

(6)  http://www.efsa.europa.eu/en/scdocs/doc/1305.pdf

(7)  http://www.efsa.europa.eu/en/scdocs/doc/1623.pdf

(8)  ĠU L 50, 20.2.2004, p. 44.

(9)  Is-sensiela tal-OECD dwar il-Prinċipji ta' Prattika Tajba tal-Laboratorju u l-Monitoraġġ tal-Konformità. Numru 1. Il-Prinċipji ta' Prattika Tajba tal-Laboratorju tal-OECD (kif riveduti fl-1997) ENV/MC/CHEM(98)17.

(10)  http://www.efsa.europa.eu/en/efsajournal.htm

(11)  http://ec.europa.eu/dgs/health_consumer/index_en.htm

(12)  ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.

(13)  Gwida tal-EFSA mħejjija mill-Panil Xjentifiku għall-Materjal li jiġi f'Kuntatt mal-Ikel, Enzimi, Aromatizzanti u Mezzi ta' Pproċessar dwar it-Tressiq ta' Dossier dwar l-Enzimi tal-Ikel. The EFSA Journal (2009) 1305, p. 1.


ANNESS

ITTRA MUDELL LI TINTHEMEŻ MA’ APPLIKAZZJONI GĦAL ADDITTIVI TAL-IKEL

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Direttorat Ġenerali

Direttorat

Unità

Data: …

Suġġett: Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ addittiv tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ addittiv ġdid tal-ikel

Applikazzjoni għal modifika tal-kondizzjonijiet ta’ użu ta’ addittiv tal-ikel diġà awtorizzat

Applikazzjoni għal modifika tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ addittiv tal-ikel diġà awtorizzat

(Jekk jogħġbok indika b’mod ċar billi timmarka waħda mill-kaxxi).

L-Applikant(i) u/jew ir-Rappreżentant(i) tiegħu/tagħhom fl-Unjoni Ewropea.

(isem, indirizz, …)

iressqu (iressaq) din l-applikazzjoni biex jaġġornaw (jaġġorna) il-lista tal-addittivi tal-ikel tal-UE.

Isem l-addittiv tal-ikel:

Numru ELINCS jew EINECS (jekk attribwit)

Nru CAS (jekk applikabbli)

Il-klassi (klassijiet) funzjonali tal-addittivi tal-ikel (1):

(lista)

Kategoriji tal-ikel u livelli meħtieġa:

Kategorija tal-ikel

Livell ta’ użu normali

Livell ta’ użu massimu propost

 

 

 

 

 

 

Dejjem tiegħek,

Firma: …

Mehmuża:

Dossier komplut

Sommarju pubbliku tad-dossier

Sommarju fid-dettall tad-dossier

Lista tal-partijiet tad-dossier mitlub li jridu jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali

Kopja tad-dejta amministrattiva tal-applikant(i)

ITTRA MUDELL LI TINTHEMEŻ MA’ APPLIKAZZJONI GĦAL ENZIMI TAL-IKEL

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Direttorat Ġenerali

Direttorat

Unità

Data: …

Suġġett: Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ enzima tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ enzima ġdida tal-ikel

Applikazzjoni għal modifika tal-kondizzjonijiet ta’ użu ta’ enzima tal-ikel diġà awtorizzata

Applikazzjoni għal modifika tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ enzima tal-ikel diġà awtorizzata

(Jekk jogħġbok indika b’mod ċar billi timmarka waħda mill-kaxxi)

L-Applikant(i) u/jew ir-Rappreżentant(i) tiegħu/tagħhom fl-Unjoni Ewropea

(isem, indirizz, …)

iressqu (iressaq) din l-applikazzjoni biex jaġġornaw (jaġġorna) il-lista tal-enzimi tal-ikel tal-UE.

Isem l-enzima tal-ikel:

Numru tal-Klassifikazzjoni tal-Enzima tal-Kummissjoni tal-Enzimi tal-IUBMB

Il-materjal ta’ sors

Isem

Speċifikazzjonijiet

Ikel

Kondizzjonijiet għall-użu

Restrizzjonijiet dwar il-bejgħ tal-enzima tal-ikel lill-konsumatur aħħari

Rekwiżit speċifiku fir-rigward tal-ittikkettjar tal-ikel

 

 

 

 

 

 

Dejjem tiegħek,

Firma: …

Mehmuża:

Dossier komplut

Sommarju pubbliku tad-dossier

Sommarju fid-dettall tad-dossier

Lista tal-partijiet tad-dossier mitlub li jridu jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali

Kopja tad-dejta amministrattiva tal-applikant(i)

ITTRA MUDELL LI TINTHEMEŻ MA’ APPLIKAZZJONI GĦALL-AROMATIZZANTI

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Direttorat Ġenerali

Direttorat

Unità

Data: …

Suġġett: Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ aromatizzant tal-ikel skont ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ sustanza aromatizzanti ġdida

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ preparazzjoni aromatizzanti ġdida

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ prekursur aromatizzanti ġdid

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ aromatizzanti bi proċess termali ġdid

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ aromatizzanti ieħor ġdid

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ materjal ta’ sors ġdid

Applikazzjoni għal modifika tal-kondizzjonijiet ta’ użu ta’ aromatizzant tal-ikel diġà awtorizzat

Applikazzjoni għal modifika tal-ispeċifikazzjonijiet ta’ aromatizzant tal-ikel diġà awtorizzat

(Jekk jogħġbok indika b’mod ċar billi timmarka waħda mill-kaxxi)

L-Applikant(i) u/jew ir-Rappreżentant(i) tiegħu/tagħhom fl-Unjoni Ewropea

(isem, indirizz, …)

iressqu(iressaq) din l-applikazzjoni biex jaġġornaw(jaġġorna) il-lista dwar l-aromatizzanti tal-ikel tal-UE.

Isem l-aromatizzant jew il-materjal ta’ sors:

Numru FL-, CAS-, JECFA-, CoE (jekk ikun attribwit)

Proprjetajiet organolettiċi tal-aromatizzant

Kategoriji tal-ikel u livelli meħtieġa:

Kategorija tal-ikel

Livell ta’ użu normali

Livell ta’ użu massimu propost

 

 

 

 

 

 

Dejjem tiegħek,

Firma: …

Mehmuża:

Dossier komplut

Sommarju pubbliku tad-dossier

Sommarju fid-dettall tad-dossier

Lista tal-partijiet tad-dossier mitlub li jridu jiġu ttrattati bħala kunfidenzjali

Kopja tad-dejta amministrattiva tal-applikant(i)


(1)  Il-klassijiet funzjonali ta’ addittivi tal-ikel fl-ikel u tal-addittivi tal-ikel fl-addittivi tal-ikel u l-enzimi tal-ikel huma elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. Jekk l-addittiv mhux parti mill-klassijiet imsemmija, jista’ jiġi propost isem funzjonali ġdid u definizzjoni.