4.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 59/4


Ir-REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 213/2011

tat-3 ta’ Marzu 2011

li jemenda l-Annessi II u V għad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali (1), u b’mod partikolari t-tieni paragrafu tal-Artikolu 11 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 26,

Billi:

(1)

L-Awstrija talbet iż-żieda tal-għaxar programmi ta' taħriġ relatati mal-kura tas-saħħa fl-Anness II għad-Direttiva 2005/36/KE. Dawn il-programmi tat-taħriġ jiġu rregolati mill-Ordinanza ta' Kompitu Speċjali dwar il-Kura tas-Saħħa u l-Infermerija (GuK-SV BGBl II Nru 452/2005) u l-Ordinanza dwar id-Doveri tat-Tagħlim u l-Ġestjoni tal-Kura tas-Saħħa u l-Infermerija (GuK-LFV BGBl II Nru 453/2005).

(2)

Peress li dawn il-programmi Awstrijaċi tat-taħriġ huma ekwivalenti għal-livell tat-taħriġ ipprovdut skont l-Artikolu 11(c)(i) tad-Direttiva 2005/36/KE u jipprovdu standard professjonali komparabbli u jippreparaw lil min qed jitħarreġ għal livell komparabbli ta' responsabbiltajiet u funzjonijiet, id-dħul tagħhom abbażi tal-Artikolu 11(c)(ii) fl-Anness II għad-Direttiva 2005/36/KE huwa ġġustifikat.

(3)

Il-Portugall ressaq talba raġjonevoli sabiex fil-punt 5.1.3 tal-Anness V għad-Direttiva 2005/36/KE jiddaħħal taħriġ mediku speċjalizzat fl-onkoloġija medika.

(4)

L-onkoloġija medika timmira li toffri trattament sistemiku għall-kanċer. Minħabba l-progress xjentifiku, matul l-aħħar għaxar snin it-trattament tal-pazjenti tal-kanċer għadda minn bidliet ewlenin. It-taħriġ mediku speċjalizzat fl-onkoloġija medika mhuwiex elenkat fil-punt 5.1.3 tal-Anness V għad-Direttiva 2005/36/KE. Madankollu, l-onkoloġija medika żviluppat f'taħriġ mediku speċjalizzat separat u distint f'iktar minn tnejn minn ħames Stati Membri, u dan jiġġustifika d-dħul tagħha fil-punt 5.1.3 tal-Anness V għad-Direttiva 2005/36/KE.

(5)

Sabiex ikun żgurat livell għoli biżżejjed ta' taħriġ mediku speċjalizzat, il-perjodu minimu ta' taħriġ meħtieġ għall-ispeċjalizzazzjoni medika tal-onkoloġija medika biex tiġi rikonoxxuta awtomatikament għandu jkun 5 snin.

(6)

Franza ressqet talba raġjonevoli sabiex fil-punt 5.1.3 tal-Anness V għad-Direttiva 2005/36/KE jiddaħħal taħriġ mediku speċjalizzat fil-ġenetika medika.

(7)

Il-ġenetika medika hija speċjalizzazzjoni li tirrispondi għall-iżvilupp rapidu tal-għarfien fil-qasam tal-ġenetika u l-implikazzjoni tagħha f'oqsma speċjalizzati numerużi, bħall-onkoloġija, il-mediċina tal-fetu, il-pedjatrija, il-mard kroniku. Il-ġenetika medika għandha rwol li dejjem qed jikber iktar fl-iskrinjar u l-prevenzjoni ta' patoloġiji numerużi. It-taħriġ mediku speċjalizzat fil-ġenetika medika mhuwiex elenkat fil-punt 5.1.3 tal-Anness V għad-Direttiva 2005/36/KE. Madankollu, huwa żviluppa f'taħriġ mediku speċjalizzat separat u distint f'iktar minn tnejn minn ħames Stati Membri, u dan jiġġustifika d-dħul tiegħu fil-punt 5.1.3 tal-Anness V għad-Direttiva 2005/36/KE.

(8)

Sabiex ikun żgurat livell għoli biżżejjed ta' taħriġ mediku speċjalizzat, il-perjodu minimu ta' taħriġ meħtieġ għall-ispeċjalizzazzjoni medika tal-ġenetika medika biex tiġi rikonoxxuta awtomatikament għandu jkun 4 snin.

(9)

Għalhekk, id-Direttiva 2005/36/KE għandha tiġi emendata skont dan.

(10)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi II u V għad-Direttiva 2005/36/KE huma emendati kif stabbilit fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.


ANNESS

L-Annessi II u V għad-Direttiva 2005/36/KE huma emendati kif ġej:

1.

Fil-punt 1 tal-Anness II, taħt “fl-Awstrija”, jiżdied dan li ġej:

‘—

taħriġ speċjali fil-kura tat-tfal u ż-żgħażagħ (Sonderausbildung in der Kinder- und Jugendlichenpflege),

taħriġ speċjali għall-kura tas-saħħa u l-infermerija psikjatrika (Sonderausbildung in der psychiatrischen Gesundheits- und Krankenpflege),

taħriġ speċjali fil-kura intensiva (Sonderausbildung in der Intensivpflege),

taħriġ speċjali fil-kura intensiva tat-tfal (Sonderausbildung in der Kinderintensivpflege),

taħriġ speċjali fl-infermerija relatata mal-anestesija (Sonderausbildung in der Anästhesiepflege),

taħriġ speċjali fl-infermerija relatata mat-terapija tad-dijalisi renali (Sonderausbildung in der Nierenersatztherapie),

taħriġ speċjali fl-infermerija fis-swali tal-operazzjonijiet dipartimentali (Sonderausbildung in der Pflege im Operationsbereich),

taħriġ speċjali fl-iġjene tal-isptarijiet (Sonderausbildung in der Krankenhaushygiene),

taħriġ speċjali għat-tagħlim tal-ħidma fil-kura tas-saħħa u l-infermerija (Sonderausbildung für Lehraufgaben in der Gesundheits- und Krankenpflege),

taħriġ speċjali fil-ġestjoni tal-kura tas-saħħa u l-infermerija. (Sonderausbildung für Führungsaufgaben in der Gesundheits- und Krankenpflege),

li jirrappreżenta korsijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ b'tul totali ta' mill-inqas bejn tlettax-il sena u sitt xhur u erbatax-il sena, inkluża edukazzjoni ġenerali ta' mill-inqas għaxar snin, tliet snin oħra taħriġ bażiku fil-livell postsekondarju għal pożizzjoni fis-servizz pubbliku fil-kura tas-saħħa u l-infermerija, u taħriġ speċjali ta' bejn sitta u tnax-il xahar f'ħidma speċjalizzata, tat-tagħlim jew tal-ġestjoni.’.

2.

It-tabella li ġejja hija miżjuda mal-punt 5.1.3 tal-Anness V:

‘Pajjiż

Onkoloġija medika

Perjodu minimu tat-taħriġ: 5 snin

Ġenetika medika

Perjodu minimu tat-taħriġ: 4 snin

Titlu

Titlu

Belgique/België/Belgien

Oncologie médicale/ Medische oncologie

 

България

Медицинска онкология

Медицинска генетика

Česká republika

Klinická onkologie

Lékařská genetika

Danmark

 

Klinisk genetik

Deutschland

 

Humangenetik

Eesti

 

Meditsiinigeneetika

Ελλάς

Παθολογική Ογκολογία

 

España

 

 

France

Oncologie

Génétique médicale

Ireland

Medical oncology

Clinical genetics

Italia

Oncologia medica

Genetica medica

Κύπρος

Ακτινοθεραπευτική Ογκολογία

 

Latvija

Onkoloģija ķīmijterapija

Medicīnas ģenētika

Lietuva

Chemoterapinė onkologija

Genetika

Luxembourg

Oncologie médicale

Médecine génétique

Magyarország

Klinikai onkológia

Klinikai genetika

Malta

 

 

Nederland

 

Klinische genetica

Österreich

 

Medizinische Genetik

Polska

Onkologia kliniczna

Genetyka kliniczna

Portugal

Oncologia médica

Genética médica

România

Oncologie medicala

Genetica medicala

Slovenija

Internistična onkologija

Klinična genetika

Slovensko

Klinická onkológia

Lekárska genetica

Suomi/Finland

 

Perinnöllisyyslääketiede/ Medicinsk genetik

Sverige

 

 

United Kingdom

Medical oncology

Clinical genetics’