28.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 55/13


REGOLAMENT (UE) Nru 182/2011 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-16 ta’ Frar 2011

li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikolu 291(3) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

Billi:

(1)

Fejn ikunu meħtieġa kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ atti tal-Unjoni li jkunu jorbtu legalment, dawk l-atti għadhom jikkonferixxu s-setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, jew, f’każijiet speċifiċi debitament ġustifikati u fil-każijiet previsti fl-Artikoli 24 u 26 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, lill-Kunsill.

(2)

Huwa kompitu tal-leġiżlatur, f’osservanza sħiħa tal-kriterji stipulati fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), li jiddeċiedi, fir-rigward ta’ kull att bażiku, jekk għandux jikkonferixxi jew le setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 291(2) ta’ dak it-Trattat.

(3)

Sa issa, l-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni kien regolat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE (2).

(4)

It-TFUE issa jirrikjedi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistabbilixxu r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni.

(5)

Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li l-proċeduri għal tali kontroll ikunu ċari, effikaċi u proporzjonati għan-natura tal-atti ta’ implimentazzjoni u li dawn jirriflettu r-rekwiżiti istituzzjonali tat-TFUE kif ukoll l-esperjenzi miksuba u l-prattika komuni segwita fl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

(6)

F’dawk l-atti bażiċi, li jirrikjedu l-kontroll tal-Istati Membri għall-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni, huwa kunsiljabbli li, għall-fini ta’ tali kontroll, jiġu mwaqqfa kumitati komposti mir-rappreżentanti tal-Istati Membri u ppreseduti mill-Kummissjoni.

(7)

Fejn ikun il-każ, il-modalità ta’ kontroll għandha tinkludi rinviju lil kumitat ta’ appell li għandu jiltaqa’ fil-livell appositu.

(8)

Għall-finijiet tas-simplifikazzjoni, il-Kummissjoni għandha teżerċita s-setgħat ta’ implimentazzjoni konformement ma’ waħda biss minn żewġ proċeduri, jiġifieri l-proċedura konsultattiva jew il-proċedura ta’ eżami.

(9)

Għall-finijiet ta’ aktar simplifikazzjoni, għandhom japplikaw regoli proċedurali komuni għall-kumitati, inklużi d-dispożizzjonijiet prinċipali relattivi għall-funzjonament tagħhom u għall-possibbiltà li tingħata opinjoni permezz tal-proċedura bil-miktub.

(10)

Għandhom jiġu stabbiliti l-kriterji li jiddeterminaw il-proċedura li għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni. Għall-finijiet ta’ aktar konsistenza, ir-rekwiżiti proċedurali għandhom ikunu proporzjonati għan-natura u l-impatt tal-atti ta’ implimentazzjoni li jkunu ser jiġu adottati.

(11)

Il-proċedura ta’ eżami għandha tapplika b’mod partikolari għall-adozzjoni ta’ atti ta’ ambitu ġenerali mfassla biex jimplimentaw atti bażiċi u atti ta’ implimentazzjoni speċifiċi li jkollhom impatt potenzjalment importanti. Dik il-proċedura għandha tiżgura li l-atti ma jistgħux jiġu adottati mill-Kummissjoni jekk dawn ma jkunux konformi mal-opinjoni tal-kumitat, ħlief f’ċirkostanzi li jkunu ferm eċċezzjonali, fejn ikunu jistgħu japplikaw għal perjodu ta’ żmien limitat. Il-proċedura għandha wkoll tiżgura li l-Kummissjoni tkun tista’ tirrivedi l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni fejn ma tkun ingħatat ebda opinjoni mill-kumitat, b’kont meħud tal-fehmiet espressi fi ħdan il-kumitat.

(12)

Sakemm l-att bażiku jikkonferixxi setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni relatati ma’ programmi b’implikazzjonijiet baġitarji sostanzjali jew li jkunu diretti lejn pajjiżi terzi, għandha tapplika l-proċedura ta’ eżami.

(13)

Il-president tal-kumitat rilevanti għandu jagħmel ħiltu biex isib soluzzjonijiet li jkunu jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fil-kumitat jew fil-kumitat ta’ appell u għandu jispjega l-mod kif ittieħed kont tad-diskussjonijiet u s-suġġerimenti għall-emendi. Għal dak l-iskop, il-Kummissjoni għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-fehmiet espressi fil-kumitat jew fil-kumitat ta’ appell fir-rigward tal-abbozzi ta’ miżuri anti-dumping jew kumpensatorji definittivi.

(14)

Meta tkun qed tikkunsidra l-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ atti ta’ implimentazzjoni oħrajn li jikkonċernaw setturi partikolarment sensittivi, b’mod partikolari t-tassazzjoni, is-saħħa tal-konsumaturi, is-sikurezza fl-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni, sabiex issib soluzzjoni bbilanċjata, sejra, safejn ikun possibbli, timxi b’mod li jevita konflitt ma’ xi pożizzjoni predominanti li tista’ tirriżulta fil-kumitat ta’ appell li tikkontesta l-adegwatezza ta’ att ta’ implimentazzjoni.

(15)

Il-proċedura konsultattiva għandha, bħala regola ġenerali, tapplika fil-każi l-oħra kollha jew fejn tkun ikkunsidrata aktar adatta.

(16)

Għandu jkun possibbli, fejn hekk ikun previst f’att bażiku, li jiġu adottati atti ta’ implimentazzjoni li japplikaw immedjatament għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza.

(17)

Il-Parlament u l-Kunsill għandhom jiġu infurmati minnufih bil-proċedimenti tal-kumitat fuq bażi regolari.

(18)

Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill għandhom ikunu jistgħu fi kwalunkwe mument jindikaw lill-Kummissjoni li, fl-opinjoni tagħhom l-abbozz ta’ att implimentattiv jeċċedi s-setgħat ta’ implimentazzjoni previsti fl-att bażiku, b’kont meħud tad-drittijiet tagħhom relatati mal-eżami tal-legalità ta’ atti tal-Unjoni.

(19)

Għandu jiġi żgurat l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni dwar il-proċedimenti tal-kumitati skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (3).

(20)

Għandu jinżamm reġistru mill-Kummissjoni li jkun fih informazzjoni dwar il-proċedimenti tal-kumitati. Konsegwentement, ir-regoli li jirrigwardaw il-protezzjoni ta’ dokumenti klassifikati li japplikaw għall-Kummissjoni għandhom japplikaw ukoll għall-użu tar-reġistru.

(21)

Id-Deċiżjoni 1999/468/KE għandha titħassar. Sabiex tiġi żgurata t-tranżizzjoni bejn ir-reġim previst fid-Deċiżjoni 1999/468/KE u dan ir-Regolament, kwalunkwe referenza f’leġiżlazzjoni eżistenti għall-proċeduri previsti f’dik id-Deċiżjoni, bl-eċċezzjoni tal-proċedura regolatorja bi skrutinju prevista fl-Artikolu 5a tiegħu, għandha tinftiehem bħala referenza għall-proċeduri korrispondenti previsti f’dan ir-Regolament. L-effetti tal-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jinżammu b’mod provviżorju għall-finijiet tal-atti bażiċi eżistenti li jirriferu għal dak l-Artikolu.

(22)

Is-setgħat tal-Kummissjoni, kif stabbiliti mit-TFUE, dwar l-implimentazzjoni tar-regoli dwar il-kompetizzjoni, mhumiex affettwati minn dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali li jirregolaw il-modalitajiet li għandhom japplikaw fejn att tal-Unjoni li jkun jorbot legalment (minn hawn ’il quddiem “att bażiku”) jidentifika l-ħtieġa ta’ kundizzjonijiet uniformi ta’ implimentazzjoni u jirrikjedi li l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni tkun suġġetta għall-kontroll mill-Istati Membri.

Artikolu 2

Għażla tal-proċeduri

1.   Att bażiku jista’ jipprovdi għall-applikazzjoni tal-proċedura konsultattiva jew tal-proċedura ta’ eżami, b’kont meħud tan-natura jew l-impatt tal-atti ta’ implimentazzjoni meħtieġa.

2.   Il-proċedura ta’ eżami tapplika b’mod partikolari, għall-adozzjoni ta’:

(a)

atti ta’ implimentazzjoni ta’ ambitu ġenerali;

(b)

atti oħra ta’ implimentazzjoni relatati ma’:

(i)

programmi b’implikazzjonijiet sostanzjali;

(ii)

il-politika agrikola komuni u l-politika ta’ sajd komuni;

(iii)

l-ambjent, is-sigurtà u s-sikurezza jew il-protezzjoni tas-saħħa jew sikurezza ta’ bnedmin, annimali jew pjanti;

(iv)

il-politika kummerċjali komuni.

(v)

tassazzjoni.

3.   Il-proċedura konsultattiva tapplika, bħala regola ġenerali, għall-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni li ma jaqgħux fl-ambitu tal-paragrafu 2. Il-proċedura konsultattiva, iżda, tista’ tapplika għall-adozzjoni tal-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 f’każijiet debitament ġustifikati.

Artikolu 3

Dispożizzjonijiet komuni

1.   Id-dipożizzjonijiet komuni f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw għall-proċeduri kollha msemmija fl-Artikoli 4 sa 8.

2.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat kompost minn rappreżentanti tal-Istati Membri. Il-kumitat għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni. Il-president m’għandux jieħu sehem fil-votazzjoni fil-kumitat.

3.   Il-president għandu jippreżenta lill-Kumitat l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni.

Ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, il-president għandu jsejjaħ laqgħa mhux inqas minn 14-il ġurnata mill-preżentazzjoni tal-abbozz tal-atti ta’ implimentazzjoni u tal-abbozz tal-aġenda lill-kumitat. Il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni f’limitu ta’ żmien li l-president jista’ jistabbilixxi skont l-urġenza tal-każ. Il-limiti ta’ żmien għandhom ikunu proporzjonati u għandhom jippermettu lill-membri tal-kumitati opportunitajiet bikrija u effikaċi biex jeżaminaw l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom.

4.   Sa meta l-kumitat jagħti opinjoni, kwalunkwe membru tal-kumitat jista’ jissuġġerixxi emendi u l-president jista’ jippreżenta verżjonijiet emendati tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

Il-president għandu jagħmel ħiltu biex isib soluzzjonijiet li jkunu jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fi ħdan il-kumitat. Il-president għandu jinforma lill-kumitat dwar il-mod kif ittieħed kont tad-diskussjonijiet u s-suġġerimenti għal emendi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawk is-suġġerimenti li ngħataw appoġġ kbir fil-kumitat.

5.   F’każijiet debitament ġustifikati, il-president jista’ jikseb l-opinjoni tal-kumitat permezz tal-proċedura bil-miktub. Il-president għandu jibgħat lill-membri tal-kumitat l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni u għandu jistipula limitu ta’ żmien għall-għoti ta’ opinjoni skont l-urġenza tal-materja. Kwalunkwe membru tal-kumitat li ma jikkontestax l-att ta’ implimentazzjoni jew li ma jastjenix espliċitament milli jivvota dwar dan qabel jiskadi dak il-limitu taż-żmien għandu jiġi meqjus li jkun qabel b’mod taċitu mal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

Sakemm ma jiġix previst b’mod ieħor fl-att bażiku, il-proċedura bil-miktub għandha tiġi terminata mingħajr riżultat fejn, fil-limitu ta’ żmien imsemmi fl-ewwel subparagrafu, il-president jiddeċiedi hekk jew membru tal-kumitat jitlob li jsir dan. F’każ bħal dan, il-president għandu jsejjaħ laqgħa tal-kumitat fi żmien raġonevoli.

6.   L-opinjoni tal-kumitat għandha tiġi reġistrata fil-minuti. Il-membri tal-kumitat għandhom id-dritt li jitolbu li l-pożizzjoni tagħhom tkun reġistrata fil-minuti. Il-president għandu jibgħat il-minuti lill-membri tal-kumitat mingħajr dewmien.

7.   Fejn applikabbli, il-modalità ta’ kontroll għandha tinkludi rinviju lil kumitat ta’ appell.

Il-kumitat ta’ appell għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess b’maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni.

Meta kwistjoni tiġi quddiem kumitat ta’ appell, dan għandu jiltaqa’ mhux qabel 14-il ġurnata mid-data tar-rinviju, ħlief f’każijiet debitament ġustifikati, u mhux aktar tard minn sitt ġimgħat wara dik id-data. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, il-kumitat ta’ appell għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien xahrejn mid-data tar-rinviju.

Il-kumitat ta’ appell għandu jkun ippresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni.

Il-president għandu jistabbilixxi d-data tal-laqgħa tal-kumitat ta’ appell f’kooperazzjoni mill-qrib mal-membri tal-kumitat, biex jippermetti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw livell xieraq ta’ rappreżentanza. Sal-1 ta’ April 2011, il-Kummissjoni għandha ssejjaħ l-ewwel laqgħa tal-kumitat ta’ appell biex jiġu adottati r-regoli ta’ proċedura tiegħu.

Artikolu 4

Proċedura konsultattiva

1.   Fejn tapplika l-proċedura konsultattiva, il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu permezz ta’ vot jekk ikun meħtieġ. Jekk il-kumitat jieħu vot, l-opinjoni għandha tingħata permezz ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni li għandu jiġi adottat, billi jiġu kkunsidrati bir-reqqa l-konklużjonijiet meħuda mid-diskussjonijiet fil-kumitat u mill-opinjoni li tkun ingħatat.

Artikolu 5

Proċedura ta’ eżami

1.   Fejn tapplika l-proċedura ta’ eżami, il-kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu permezz tal-maġġoranza stipulata fl-Artikolu 16(4) u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u, fejn applikabbli, l-Artikolu 238(3) tat-TFUE, għal atti li għandhom jiġu adottati fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti tal-Istati Membri fi ħdan il-kumitat għandhom ikunu ppeżati bil-mod stipulat f’dawk l-Artikoli.

2.   Fejn il-kumitat jagħti opinjoni pożittiva, il-Kummissjoni għandha tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, jekk il-kumitat jagħti opinjoni negattiva, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta dak l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni. Fejn att ta’ implimentazzjoni jitqies meħtieġ, il-president jista’ jew jippreżenta verżjoni emendata tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni lill-istess kumitat fi żmien xahrejn mill-għoti tal-opinjoni negattiva, jew jippreżenta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni fi żmien xahar minn tali għoti lill-kumitat ta’ appell għal aktar deliberazzjoni.

4.   Fejn ma tingħata ebda opinjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, ħlief fil-każijiet previsti fit-tieni subparagrafu. Fejn il-Kummissjoni ma tadottax l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, il-president jista’ jippreżenta lill-kumitati verżjoni emendata tiegħu.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-Kummissjoni ma tistax tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni fejn:

(a)

dak l-att jikkonċerna t-tassazzjoni, is-servizzi finanzjarji, il-protezzjoni tas-saħħa jew is-sikurezza ta’ bnedmin, annimali jew pjanti, jew miżuri ta’ salvagwardja multilaterali definittivi,

(b)

l-att bażiku jipprevedi li l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni ma jistax jiġi adottat fejn ma tingħatax opinjoni, jew

(ċ)

tkun topponih maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tal-kumitat.

Fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu, fejn att ta’ implimentazzjoni jitqies meħtieġ, il-president jista’ jew jippreżenta verżjoni emendata ta’ dak l-att lill-istess kumitat fi żmien xahrejn mill-vot, jew jippreżenta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni fi żmien xahar mill-vot lill-kumitat ta’ appell għal aktar deliberazzjoni.

5.   B’deroga mill-paragrafu 4, il-proċedura li ġejja għandha tapplika għall-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ miżuri anti-dumping jew kumpensatorji definittivi fejn ma tingħata l-ebda opinjoni mill-kumitat u maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu topponi l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

Il-Kummissjoni għandha jkollha konsultazzjonijiet mal-Istati Membri. Mill-anqas erbatax-il ġurnata qabel u sa mhux aktar tard minn xahar wara l-laqgħa tal-kumitat, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-membri tal-kumitat bir-riżultati ta’ dawk il-konsultazzjonijiet u tippreżenta abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni lill-kumitat ta’ appell. B’deroga mill-Artikolu 3(7), il-kumitat ta’ appell għandu jiltaqa’ mhux qabel 14-il ġurnata minn u sa mhux aktar tard minn xahar wara l-preżentazzjoni tal-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni. Il-kumitat ta’ appell għandu jagħti l-opinjoni tiegħu skont l-Artikolu 6. Il-limiti ta’ żmien stipulati f’dan il-paragrafu għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li jiġu rispettati l-iskadenzi stipulati fl-atti bażiċi rilevanti.

Artikolu 6

Rinviju lill-kumitat ta’ appell

1.   Il-kumitat ta’ appell għandu jagħti l-opinjoni tiegħu bil-maġġoranza prevista fl-Artikolu 5(1).

2.   Sa meta tingħata opinjoni, kwalunkwe membru tal-kumitat ta’ appell jista’ jissuġġerixxi emendi għall-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni u l-president jista’ jiddeċiedi jekk jimmodifikahx jew le.

Il-president għandu jagħmel ħiltu biex isib soluzzjonijiet li jkunu jgawdu l-akbar appoġġ possibbli fil-kumitat ta’ appell.

Il-president għandu jinforma lill-kumitat ta’ appell dwar il-mod li bih ittieħed kont tad-diskussjonijiet u s-suġġerimenti għal emendi, b’mod partikolari fir-rigward ta’ suġġerimenti għal emendi li ngħataw appoġġ kbir fil-kumitat ta’ appell.

3.   Fejn il-kumitat ta’ appell jagħti opinjoni pożittiva, il-Kummisjoni għandha tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

Fejn ma tingħata l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

Fejn il-kumitat ta’ appell jagħti opinjoni negattiva, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

4.   B’deroga mill-paragrafu 3, għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja multilaterali definittivi, fin-nuqqas ta’ opinjoni pożittiva vvutata b’maġġoranza prevista fl-Artikolu 5(1), il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozzi tal-miżuri.

5.   B’deroga mill-paragrafu 1, sal-1 ta’ Settembru 2012, il-kumitat ta’ appell għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar abbozzi ta’ miżuri anti-dumping jew kumpensatorji definittivi b’maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu.

Artikolu 7

L-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’każijiet eċċezzjonali

B’deroga mill-Artikolu 5(3) u mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4), il-Kummissjoni tista’ tadotta abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni fejn dan ikun jeħtieġ li jiġi adottat mingħajr dewmien biex jiġi evitat il-ħolqien ta’ tfixkil sinifikanti tas-swieq fil-qasam tal-agrikoltura jew riskju għall-interessi finanzjarji tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 325 tat-TFUE.

F’tali każ il-Kummissjoni għandha immedjatament tippreżenta l-att ta’ implimentazzjoni adottat lill-kumitat ta’ appell. Fejn il-kumitat ta’ appell jagħti opinjoni negattiva dwar l-att ta’ implimentazzjoni adottat, il-Kummissjoni għandha tħassar dak l-att immedjatament. Fejn il-kumitat ta’ appell jagħti opinjoni pożittiva jew ma jagħti l-ebda opinjoni, l-att ta’ implimentazzjoni għandu jibqa’ fis-seħħ.

Artikolu 8

Atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament

1.   B’deroga mill-Artikoli 4 u 5, att bażiku jista’ jipprovdi li, għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza debitament ġustifikati, għandu japplika dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li għandu japplika immedjatament, mingħajr il-preżentazzjoni tiegħu minn qabel lil xi kumitat, u li għandhom jibqgħu fis-seħħ għal perjodu li ma jaqbiżx is-sitt xhur sakemm l-att bażiku ma jipprevedix mod ieħor.

3.   Mhux aktar tard minn 14-il ġurnata wara l-adozzjoni tiegħu, il-president għandu jippreżenta l-att imsemmi fil-paragrafu 2 lill-kumitat rilevanti sabiex jikseb l-opinjoni tegħu.

4.   Fejn tkun tapplika l-proċedura ta’ eżami, fil-każ li li l-kumitat jagħti opinjoni negattiva, il-Kummissjoni għandha minnufih tħassar l-att ta’ implimentazzjoni adottat skont il-paragrafu 2.

5.   Fejn il-Kummissjoni tadotta miżuri anti-dumping jew kumpensatorji provviżorji, għandha tapplika l-proċedura prevista f’dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni għandha tadotta tali miżuri wara li tikkonsulta jew, f’każijiet ta’ urġenza kbira, wara li tinforma, lill-Istati Membri. F’dan il-każ tal-aħħar, il-konsultazzjonijiet għandhom isiru mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara n-notifika lill-Istati Membri tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni.

Artikolu 9

Regoli ta’ proċedura

1.   Kull kumitat għandu jadotta b’maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti tiegħu r-regoli ta’ proċedura tiegħu fuq proposta tal-president tiegħu, abbażi ta’ regoli standard li għandhom jitfasslu mill-Kummissjoni wara konsultazzjoni mal-Istati Membri. Dawn ir-regoli standard għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Safejn jista’ jkun meħtieġ, il-kumitati eżistenti għandhom jadattaw ir-regoli ta’ proċedura tagħhom għar-regoli standard.

2.   Il-prinċipji u l-kundizzjonijiet dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti u r-regoli dwar il-protezzjoni tad-data applikabbli għall-Kummissjoni għandhom japplikaw għall-kumitati.

Artikolu 10

Informazzjoni dwar il-proċedimenti tal-kumitati

1.   Il-Kummissjoni għandha żżomm reġistru tal-proċedimenti tal-kumitati li għandu jinkludi:

(a)

lista tal-kumitati,

(b)

l-aġendi tal-laqgħat tal-kumitati,

(c)

is-sommarji ta’ entrati reġistrati, flimkien mal-listi tal-awtoritajiet u organizzazzjonijiet li għalihom jkunu jappartjenu l-persuni maħtura mill-Istati Membri bħala rappreżentanti tagħhom,

(d)

l-abbozzi tal-atti ta’ implimentazzjoni li dwarhom il-kumitati jintalbu li jagħtu opinjoni,

(e)

ir-riżultati tal-votazzjonijiet,

(f)

l-abbozzi finali tal-atti ta’ implimentazzjoni wara li tingħata l-opinjoni tal-kumitati,

(g)

informazzjoni li tikkonċerna l-adozzjoni tal-abbozzi finali tal-atti ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni, u

(h)

data ta’ statistika dwar il-ħidma tal-kumitati.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika wkoll rapport annwali dwar il-ħidma tal-kumitati.

3.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikollhom aċċess għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 f’konformità mar-regoli applikabbli.

4.   Fl-istess mument li jintbagħtu lill-membri tal-kumitat, il-Kummissjoni għandha tagħmel disponibbli għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill id-dokumenti msemmija fil-punti (b), (d) u (f) tal-paragrafu 1 filwaqt li tinfurmahom ukoll bid-disponibbiltà ta’ dawn id-dokumenti.

5.   Ir-referenzi għad-dokumenti kollha msemmija fil-punti (a) sa (g) tal-paragrafu 1 kif ukoll l-informazzjoni msemmija fil-punt (h) tal-paragrafu 1 għandhom isiru pubbliċi fir-reġistru.

Artikolu 11

Id-dritt ta’ skrutinju tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

Fejn att bażiku jiġi adottat skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jew il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jista’ fi kwalunkwe mument jindika lill-Kummissjoni li, fl-opinjoni tiegħu, l-abbozz ta’ att ta’ implimentazzjoni jeċċedi s-setgħat ta’ implimentazzjoni previsti fl-att bażiku. F’tali każ, il-Kummissjoni għandha teżamina l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, filwaqt li tqis il-pożizzjonijiet espressi, u għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jekk ikollhiex l-intenzjoni li żżomm, temenda jew tirtira l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni.

Artikolu 12

Tħassir tad-Deċiżjoni 1999/468/KE

Id-Deċiżjoni 1999/468/KE hija b’dan imħassra.

L-effetti tal-Artikolu 5a tad-Deċiżjoni 1999/468/KE għandhom jinżammu għall-finijiet tal-atti bażiċi eżistenti li għalihom jagħmlu referenza.

Artikolu 13

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali: adattament tal-atti bażiċi eżistenti

1.   Fejn atti bażiċi adottati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jipprovdu għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni mill-Kummissjoni skont id-Deċiżjoni 1999/468/KE, ir-regoli li ġejjin għandhom japplikaw:

(a)

fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandha tapplika l-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament;

(b)

fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandha tapplika l-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament, bl-eċċezzjoni tat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 5(4) ta’ dan ir-Regolament;

(ċ)

fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandha tapplika l-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament u l-att bażiku għandu jitqies li jistipula li, fin-nuqqas ta’ opinjoni, il-Kummissjoni ma tistax tadotta l-abbozz tal-att ta’ implimentazzjoni, kif previst fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(4);

(d)

fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandu japplika l-Artikolu 8 ta’ dan ir-Regolament;

(e)

fejn l-att bażiku jagħmel referenza għall-Artikoli 7 u 8 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, għandhom japplikaw l-Artikoli 10 u 11 ta’ dan ir-Regolament.

2.   L-Artikoli 3 u 9 ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw għall-kumitati eżistenti kollha għall-finijiet tal-paragrafu 1.

3.   L-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament għandu japplika biss għal proċeduri eżistenti li jagħmlu referenza għall-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE.

4.   Il-miżuri tranżizzjonali stabbiliti f’dan l-Artikolu m’għandhomx jippreġudikaw in-natura tal-atti kkonċernati.

Artikolu 14

Arranġament tranżizzjonali

Dan ir-Regolament m’għandux jinċidi fuq proċeduri pendenti li fihom kumitat ikun diġà ta l-opinjoni tiegħu taħt id-Deċiżjoni 1999/468/KE.

Artikolu 15

Klawsola ta’ eżami

Sal-1 ta’ Marzu 2016, il-Kummnissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, akkumpanjat, jekk ikun meħtieġ, minn proposti leġiżlattivi adatti.

Artikolu 16

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Frar 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

MARTONYI J.


(1)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ Diċembru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Frar 2011.

(2)  ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.

(3)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.


STQARRIJA MILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL U L-KUMMISSJONI

L-Artikolu 5(2) ta' dan ir-Regolament jeħtieġ li l-Kummissjoni tadotta abbozz ta' att ta' implimentazzjoni fejn il-kumitat jagħti opinjoni pożittiva. Din id-dispożizzjoni ma teskludix li l-Kummissjoni tista', bħal fil-prattika attwali, f'każijiet eċċezzjonali ħafna, tieħu kont ta' ċirkostanzi ġodda li rriżultaw wara l-votazzjoni u tiddeċiedi li ma tadottax abbozz ta' att ta' implimentazzjoni, wara li tkun infurmat debitament lill-kumitat u l-leġislatur.


STQARRIJIET MILL-KUMMISSJONI

Il-Kummissjoni se tgħaddi biex teżamina l-atti leġiżlattivi kollha li jinsabu fis-seħħ u li ma ġewx adattati għall-proċedura regolatorja bi skrutinju qabel ma daħal fis-seħħ it-Trattat ta' Lisbona, sabiex tivvaluta jekk jeħtieġx li dawk l-istrumenti jiġu adattati għar-reġim tal-atti ddelegati li ddaħħal permezz tal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni se tagħmel il-proposti xerqin mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard mid-dati msemmijin fil-kalendarju indikattiv li jinsab anness ma' din id-dikjarazzjoni.

Waqt li jkun għaddej dan l-eżerċizzju ta' allinjament, il-Kummissjoni se żżomm lill-parlament Ewropew mgħarraf b'mod regolari dwar l-abbozzi ta' miżuri implimentattivi marbutin ma' dawn l-istrumenti li fil-ġejjieni għandhom isiru atti ddelegati.

Rigward l-atti leġiżlattivi fis-seħħ li bħalissa fihom referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju, l-Kummissjoni se tirrevedi d-dispożizzjonijiet marbutin ma' din il-proċedura f'kull strument li għandha l-ħsieb li timmodifika, sabiex meta jasal iż-żmien xieraq tadattahom skont il-kriterji preskritti fit-Trattat. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill se jkunu intitolati li jindikaw l-atti bażiċi li jqisuh importanti li jiġu adattati bi prijorità.

Sa tmiem l-2012 il-Kummissjoni se tivvaluta r-riżultati ta' dan il-proċess sabiex tistma kemm ikun għad baqa' fis-seħħ atti leġiżlattivi li jkun fihom referenzi għall-proċedura regolatorja bi skrutinju. Imbagħad il-Kummissjoni tħejji l-inizjattivi leġiżlattivi xerqin sabiex tlesti l-adattament. L-objettiv ġenerali tal-Kummissjoni huwa li, sa tmiem is-7 mandat tal-Parlament, id-dispożizzjonijiet kollha li jirreferu għall-proċedura regolatorja bi skrutinju jkunu tneħħew mill-istrumenti leġiżlattivi kollha.

Il-Kummissjoni tinnota li dan l-aħħar varat studju li jipprovdi ħarsa kompluta u oġġettiva lejn l-aspetti kollha tal-linja politika u l-prattiki tal-UE għad-difiża tal-kummerċ, inkluża evalwazzjoni tar-riżultati, tal-metodi, tal-utilizzazzjoni u tal-effettività tal-iskema kurrenti tas-SDK (TDI) fil-kisba tal-objettivi tal-linja politika dwar il-kummerċ, evalwazzjoni tal-effettività tad-deċiżjonijiet eżistenti u potenzjali dwar linji politiċi meħudin mill-Unjoni Ewropea (e.g., it-test dwar l-interess tal-Unjoni, ir-regola tal-inqas dazji, is-sistema tal-ġbir tad-dazji) meta wieħed iqabbel mad-deċiżjonijiet rigward linji politiċi meħudin minn ċerti sħab kummerċjali u eżami tar-regolamenti bażiċi kontra d-dumping u kontra s-sussidji fil-kuntest tal-prattika amministrattiva tal-istituzzjonijiet tal-UE, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Korp tal-WTO għar-Riżoluzzjoni ta' Tilwim.

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb, fil-kuntest tar-riżultati tal-istudju u tal-iżviluppi fin-negozjati dwar l-Aġenda ta' Doħa għall-Iżvilupp, tistħarreġ jekk għandhiex tkompli taġġorna u timmodernizza l-istrumenti tal-UE għad-difiża tal-kummerċ u kif.

Il-Kummissjoni tfakkar ukoll fl-inizjattivi li ħadet dan l-aħħar biex ittejjeb it-trasparenza tat-tħaddim tal-istrumenti għad-difiża tal-kummerċ (bħall-ħatra ta' Uffiċjal tas-Seduta) u ħidmietha mal-Istati Membri biex tiċċara elementi ewlenin tal-prattika tad-difiża tal-kummerċ. Il-Kummissjoni tagħti importanza sostanzjali lil dan ix-xogħol, u se tfittex li tidentifika, b'konsultazzjoni mal-Istati Membri, inizjattivi oħrajn li jistgħu jittieħdu f'dan ir-rigward.

Skont ir-regoli tal-komitoloġija msejsin fuq id-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill, fejn kumitat ta' ġestjoni tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) ikun ta opinjoni kuntrarja, il-Kummissjoni trid tissottometti l-abbozz ta' miżura inkwistjoni lill-Kunsill, li jista' jieħu deċiżjoni differenti fi żmien xahar. Madanakollu, xejn ma jżomm lill-Kummissjoni milli taġixxi iżda għandha l-għażla li ddaħħal il-miżura jew inkella tiddifferixxi l-applikazzjoni tagħha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni tista' tieħu l-miżura fejn tqis, kollox ma' kollox, li s-sospensjoni tal-applikazzjoni tagħha tkun, ngħidu aħna, tipprovoka effetti negattivi irriversibbli fuq is-suq. Meta aktar tard il-Kunsill jiddeċiedi mod ieħor il-miżura mdaħħla fis-seħħ mill-Kummissjoni naturalment ma jkunx hemm iktar bżonnha. Hekk, ir-regoli ta' bħalissa jarmaw lill-Kummissjoni bi strument li jippermetti li jitħares l-interess komuni tal-Unjoni kollha kemm hi billi tadotta miżura, għall-inqas fuq bażi interim.

L-Artikolu 7 ta' dan ir-Regolament ifittex li jilħaq l-objettiv li dan il-mod ta' kif isiru l-affarijiet jinżamm fl-arranġamenti l-ġodda tal-komitoloġija iżda li jiġi limitat għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali u fuq il-bażi ta' kriterji ddefiniti tajjeb u restrittivi. Dan ikun jippermetti lill-Kummissjoni tadotta abbozz ta' miżura minkejja l-opinjoni kuntrarja tal-kumitat li jeżamina, dment li “n-nuqqas ta' adozzjoni tagħha b'urġenza jkun joħloq tħarbit sinifikanti tas-swieq (…) jew għal-interessi finanzjarji tal-Unjoni.” Id-dispożizzjoni tirreferi għal sitwazzjonijiet fejn ma jkunx possibbli li wieħed jistenna sakemm il-kumitat jerġa' jivvota fuq l-istess abbozz ta' miżura jew fuq abbozz ieħor ta' miżura minħabba li sadattant is-suq ikun ġie mfixkel b'mod sinifikanti e.g. minħabba l-imġiba spekulattiva tal-operaturi. Sabiex tiżgura l-kapaċità tal-Unjoni li taġixxi, hija tagħti lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni l-opportunità li jkollhom diskussjoni infurmata oħra dwar l-abbozz ta' miżura mingħajr ma l-affarijiet jitħallew mhux deċiżi u miftuħin għall-ispekulazzjoni bil-konsegwenzi negattivi għas-swieq u għall-baġit.

Tali sitwazzjonijiet jistgħu notevolment iqumu fil-kuntest tal-ġestjoni minn ġurnata għall-oħra tal-PAK (e.g. l-iffissar tar-rifużjonijiet tal-esportazzjoni, il-ġestjoni tal-liċenzji, klawsola speċjali ta' salvagwardja) fejn spiss ikun meħtieġ li d-deċiżjonijiet jittieħdu malajr u jista' jkollhom konsegwenzi ekonomiċi sinifikanti għas-swieq u b'hekk għall-bdiewa u għall-operaturi kif ukoll għall-baġit tal-Unjoni.

F'każijiet fejn il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jindikaw lill-Kummissjoni li jqisu li abbozz ta' att implimentattiv ikun imur lil hinn mis-setgħat implimentattivi previsti fl-att bażiku, il-Kummissjoni tirrevedi minnufih l-abbozz ta' att implimentattiv b'mod li jagħti kas tal-pożizzjonijiet espressi mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Il-Kummissjoni taġixxi b'mod li jagħti kas xieraq tal-urġenza tal-materja.

Qabel ma tiddeċiedi jekk l-abbozz ta' att implimentattiv għandux jiġi adottat, emendat jew irtirat, il-Kummissjoni tinforma lill-Parlament Ewropew jew lill-Kunsill dwar l-azzjoni li jkollha l-ħsieb li tieħu u dwar ir-raġunijiet għaliex tkun se tagħmel dan.