11.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 6/7


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 16/2011

tal-10 ta’ Jannar 2011

li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għas-sistema ta’ twissija bikrija għall-ikel u l-għalf

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 51 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jistabbilixxi sistema ta’ twissija bikrija għall-ikel u l-għalf (aktar ‘il quddiem – “RASFF”), amministrata mill-Kummissjoni u li tinvolvi l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, biex tipprovdi lill-awtoritajiet ta’ kontroll b’għodda effettiva għan-notifika tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem li ġejjin mill-ikel jew mill-għalf. L-Artikolu 50 ta’ dan ir-Regolament jistipula l-ambitu u r-rekwiżiti li bihom għandha taħdem l-RASFF.

(2)

L-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jitlob li l-Kummissjoni tistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni għall-Artikolu 50 ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet u l-proċeduri speċifiċi li japplikaw għat-trażmissjoni tan-notifiki u tal-informazzjoni addizzjonali.

(3)

L-Istati Membri huma primarjament responsabbli għall-infurzar tal-leġiżlazzjoni tal-UE. Huma jwettqu kontrolli uffiċjali, li r-regoli tagħhom huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kontrolli uffiċjali mwettqa biex tiġi żgurata l-verifikazzjoni tal-konformità mal-liġi tal-għalf u l-ikel, mas-saħħa tal-annimali u mar-regoli dwar il-welfare tal-annimali (2). L-RASFF issostni l-azzjonijiet tal-Istati Membri billi tippermetti l-iskambju rapidu ta’ informazzjoni dwar riskji li jirriżultaw mill-ikel jew l-għalf u dwar il-miżuri li ttieħdu jew li għandhom jittieħdu sabiex jiġu evitati tali riskji.

(4)

L-Artikolu 29 tar-Regolament KE Nru 183/2005 tal-Parlament Ewoprew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Jannar 2005 li jistabbilixxi l-ħtiġijiet għall-iġjene tal-għalf (3) jestendi l-ambitu tal-RASFF għal riskji serji għas-saħħa tal-annimali u għall-ambjent. Għalhekk, il-kelma “riskju” li tintuża f’dan ir-Regolament għandha tinftiehem bħala riskju dirett jew indirett għas-saħħa tal-bniedem b’rabta mal-ikel, il-materjal li jmiss mal-ikel jew l-għalf skont ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jew bħala riskju serju għas-saħħa tal-bniedem, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent b’rabta mal-għalf skont ir-Regolament (KE) Nru 183/2005.

(5)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli biex jippermettu lill-RASFF taħdem tajjeb kemm fir-rigward ta’ każijiet fejn jiġi identifikat riskju serju skont it-tifsira tal-Artikolu 50(2) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 u fir-rigward ta’ każijiet oħra fejn, anke jekk jiġi identifikat riskju li huwa inqas gravi jew urġenti, huwa meħtieġ skambju effiċjenti ta’ informazzjoni bejn u fost il-membri tan-netwerk tal-RASFF. In-notifiki huma kklassifikati f’notifiki ta’ twissija, ta’ informazzjoni u ta’ rifjut mal-fruntiera sabiex ikunu jistgħu jiġu mmaniġġjati aħjar mill-membri tan-netwerk.

(6)

Sabiex l-RASFF taħdem b’mod effiċjenti, għandhom jiġu fformulati rekwiżiti għall-proċedura ta’ trażmissjoni tat-tipi differenti ta’ notifiki. In-notifiki ta’ twissija għandhom jiġu trażmessi u jiġu pproċessati bi prijorità. In-notifiki ta’ rifjut mal-fruntiera huma partikolarment rilevanti għall-kontrolli li jitwettqu fil-postijiet ta’ spezzjoni tal-fruntiera u f’punti ta’ dħul magħżula tul il-fruntiera taż-Żona Ekonomika Ewropea. Il-mudelli (templates) u d-dizzjunarji tad-dejta jsaħħu l-leġibbiltà u l-fehim tan-notifiki. L-immarkar ta’ membri tan-netwerk għal ċerti notifiki jiġbed l-attenzjoni tagħhom għal notifiki partikolari u b’hekk jiġi żgurat li dawn jiġu pproċessati malajr.

(7)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 178/2002, il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-EFSA għażlu punti ta’ kuntatt, li jirrappreżentaw il-membri tan-netwerk sabiex jibbenefikaw minn komunikazzjoni tajba u mgħaġġla. B’applikazzjoni tal-Artikolu 50 ta’ dak ir-Regolament u sabiex jiġu evitati żbalji possibbli fit-trażmissjoni tan-notifiki, għandu jeżisti punt ta’ kuntatt magħżul wieħed biss għal kull membru tan-netwerk. Dan il-punt ta’ kuntatt għandu jiffaċilita t-trażmissjoni rapida lil awtorità kompetenti f’pajjiż membru.

(8)

Sabiex jiġi żgurat it-tħaddim tajjeb u effiċjenti tan-netwerk bejn il-membri tiegħu, għandhom jiġu stabbiliti regoli komuni għall-kompiti tal-punti ta’ kuntatt. Għandhom jiġu stabbiliti wkoll dispożizzjonijiet rigward ir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-Kummissjoni, inkluża l-verifika tan-notifiki. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha wkoll tgħin lill-membri tan-netwerk fit-teħid ta’ miżuri xierqa billi tidentifika perikli rikorrenti u operaturi rrapurtati fin-notifiki.

(9)

Fil-każ li, minkejja l-verifiki mwettqa mill-membru li qiegħed jinnotifika u mill-Kummissjoni, notifika trażmessa tirriżulta bħala waħda żbaljata jew mhux ġustifikata, għandha tiġi stabbilita proċedura li tipprevedi l-emenda jew l-irtirar tagħha mis-sistema.

(10)

Skont il-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pajjiżi terzi b’ċerti notifiki tal-RASFF. Għalhekk, bla ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi fi ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 50.6 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, il-Kummissjoni għandha tiżgura kuntatt dirett mal-awtoritajiet tas-sigurtà tal-ikel fil-pajjiżi terzi sabiex tibgħat notifiki lil dawn il-pajjiżi terzi u fl-istess ħin tiżgura l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti fir-rigward ta’ dawn in-notifiki u kull riskju dirett jew indiriett għas-saħħa tal-bniedem li ġej mill-ikel jew mill-għalf.

(11)

L-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jirrikjedi li l-awtoritajiet pubbliċi jinfurmaw lill-pubbliku dwar ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem inter alia. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni fil-qosor dwar in-notifiki tal-RASFF trażmessi u rapporti annwali li jindikaw it-tendenzi fil-kwistjonijiet tas-sigurtà tal-ikel innotifikati permezz tal-RASFF u l-iżvilupp tan-netwerk innifsu biex tinforma lill-membri, il-partijiet interessati u l-pubbliku ġenerali.

(12)

Dan ir-Regolament ġie diskuss mal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

(13)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw b’żieda ma’ dawk stipulati fir-Regolamenti (KE) Nru 178/2002 u (KE) Nru 882/2004:

1.

“netwerk” tfisser is-sistema ta’ twissija bikrija għan-notifika ta’ riskju dirett jew indirett għas-saħħa tal-bniedem li ġej mill-ikel jew mill-għalf, kif stabbilit mill-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

2.

“membru tan-netwerk” tfisser Stat Membru, il-Kummissjoni, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u kwalunkwe pajjiż applikant, pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li jkun ikkonkluda ftehim mal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 50(6) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

3.

“punt ta’ kuntatt” tfisser il-punt ta’ kuntatt magħżul li jirrappreżenta l-membru tan-netwerk;

4.

“notifika ta’ twissija” tfisser notifika ta’ riskju li teħtieġ jew x’aktarx li teħtieġ azzjoni malajr f’pajjiż membru ieħor;

5.

“notifika ta’ informazzjoni” tfisser notifika ta’ riskju li ma teħtieġx azzjoni malajr f’pajjiż membru ieħor;

(a)

“notifika ta’ informazzjoni għas-segwitu” tfisser notifika ta’ informazzjoni relatata ma’ prodott li jinsab jew jista’ jitqiegħed fis-suq f’pajjiż membru ieħor;

(b)

“notifika ta’ informazzjoni għall-attenzjoni” tfisser notifika ta’ informazzjoni relatata ma’ prodott li:

(i)

huwa preżenti biss fil-pajjiż membru li jkun qiegħed jagħmel in-notifika jew

(ii)

ma tqiegħedx fis-suq, jew

(iii)

ma għadux fis-suq;

6.

“notifika ta’ rifjut mal-fruntiera” tfisser notifika ta’ rifjut ta’ lott, kontejner jew tagħbija ta’ merkanzija ta’ ikel jew għalf kif imsemmi fl-Artikolu 50(3)(c) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

7.

“notifika oriġinali” tfisser notifika ta’ twissija, notifika ta’ informazzjoni jew notifika ta’ rifjut mal-fruntiera;

8.

“notifika ta’ segwitu” tfisser notifika li jkun fiha informazzjoni addizzjonali relatata ma’ notifika oriġinali;

9.

“operaturi professjonali” tfisser operaturi tan-negozju tal-ikel u operaturi tan-negozju tal-għalf kif definit fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 jew operaturi tan-negozju kif definit fir-Regolament (KE) Nru 1935/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

Artikolu 2

Il-kompiti tal-membri tan-network

1.   Il-membri tan-netwerk għandhom jiżguraw li n-netwerk jaħdem b’mod effiċjenti fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom.

2.   Kull membru tan-netwerk għandu jagħżel punt ta’ kuntatt wieħed u jikkomunika din l-għażla lill-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni, kif ukoll informazzjoni dettaljata rigward il-persuni li jkunu qegħdin jħaddmuh u d-dettalji tal-kuntatt tagħhom. Għal dan l-għan għandhom jużaw il-mudell ta’ informazzjoni dwar il-punt ta’ kuntatt li għandu jiġi pprovdut mill-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni.

3.   Il-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni għandu jżomm u jaġġorna l-lista tal-punti ta’ kuntatt u jagħmilha disponibbli lill-membri kollha tan-netwerk. Il-membri tan-netwerk għandhom jinfurmaw lill-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni minnufih bi kwalunkwe bidla fil-punti ta’ kuntatt u fid-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.

4.   Il-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni għandu jipprovdi mudelli lill-membri tan-netwerk sabiex jintużaw għal finijiet ta’ notifika.

5.   Il-membri tan-netwerk għandhom jiżguraw li jkun hemm komunikazzjoni effettiva bejn il-punti ta’ kuntatt tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom minn naħa u bejn il-punti ta’ kuntatt tagħhom u l-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni min-naħa l-oħra għall-finijiet tan-netwerk. B’mod partikolari għandhom:

(a)

iwaqqfu netwerk ta’ komunikazzjoni effettiva bejn il-punti ta’ kuntatt tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti kollha fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom u b’hekk ikunu qegħdin jippermettu li tiġi trażmessa notifika minnufih lill-awtoritajiet kompetenti għal azzjoni xierqa, u tinżamm fi stat tajjeb b’mod permanenti.

(b)

jiddefinixxu r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-punti ta’ kuntatt tagħhom u dawk tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom, fir-rigward tat-tħejjija u t-trażmissjoni ta’ notifiki mibgħuta lill-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni, kif ukoll fir-rigward tal-valutazzjoni u t-tqassim ta’ notifiki li jkunu ġejjin mill-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni.

6.   Il-punti ta’ kuntatt kollha għandhom jiżguraw li jkun hemm uffiċjal fuq xogħol li jkun jista’ jiġi kkuntattjat barra l-ħinijiet tal-uffiċċju għall-komunikazzjonijiet urġenti fuq bażi ta’ 24 siegħa kuljum u sebat ijiem fil-ġimgħa.

Artikolu 3

In-notifiki ta’ twissija

1.   Il-membri tan-netwerk għandhom jibagħtu n-notifiki ta’ twissija lill-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni mingħajr dewmien eċċessiv u fi kwalunkwe każ fi żmien 48 siegħa minn meta jkun ġie rrapurtat ir-riskju lilhom. In-notifiki ta’ twissija għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha disponibbli rigward, b’mod partikolari, ir-riskju u l-prodott li minnu ġej ir-riskju. Madankollu, il-fatt li ma nġabritx l-informazzjoni rilevanti kollha ma għandux idewwem b’mod eċċessiv it-trażmissjoni tan-notifiki ta’ twissija.

2.   Il-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni għandu jittrażmetti n-notifiki ta’ twissija lill-membri kollha tan-netwerk fi żmien 24 siegħa minn meta jirċevihom, wara li ssir verifika kif imsemmi fl-Artikolu 8.

3.   Barra l-ħinijiet tal-uffiċċju, il-membri tan-netwerk għandhom iħabbru t-trażmissjoni ta’ notifika ta’ twissija jew jagħtu segwitu għal notifika ta’ twissija permezz ta’ telefonata lin-numru ta’ emerġenza tal-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni. Il-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni għandu jinforma lill-membri tan-netwerk li jkunu mmarkati għas-segwitu permezz ta’ telefonata lin-numri ta’ emerġenza tagħhom.

Artikolu 4

In-notifiki ta’ informazzjoni

1.   Il-membri tan-netwerk għandhom jibagħtu n-notifiki ta’ informazzjoni lill-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni mingħajr dewmien eċċessiv. In-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni kollha disponibbli rigward, b’mod partikolari, ir-riskju u l-prodott li minnu ġej ir-riskju.

2.   Il-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni għandu jittrażmetti n-notifiki ta’ informazzjoni lill-membri kollha tan-netwerk mingħajr dewmien eċċessiv wara li ssir verifika kif imsemmi fl-Artikolu 8.

Artikolu 5

In-notifiki ta’ rifjut mal-fruntiera

1.   Il-membri tan-netwerk għandhom jibagħtu n-notifiki ta’ rifjut mal-fruntiera lill-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni mingħajr dewmien eċċessiv. In-notifika għandha tinkludi l-informazzjoni kollha disponibbli rigward, b’mod partikolari, ir-riskju u l-prodott li minnu ġej ir-riskju.

2.   Il-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni għandu jittrażmetti n-notifiki ta’ rifjut mal-fruntiera lill-postijiet ta’ spezzjoni fil-fruntiera kif stabbilit fid-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE tat-18 ta' Diċembru 1997 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi (5) u lill-punti ta’ dħul magħżula kif imsemmi fir-Regolament (KE) Nru 882/2004.

Artikolu 6

In-notifiki ta’ segwitu

1.   Kull meta membru tan-netwerk ikollu informazzjoni addizzjonali relatata mar-riskju jew mal-prodott imsemmi f’notifika oriġinali, għandu minnufih jittrażmetti notifika ta’ segwitu permezz tal-punt ta’ kuntatt tiegħu lill-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni.

2.   Meta tintalab xi informazzjoni ta’ segwitu relatata ma’ notifika oriġinali minn membru tan-netwerk, tali informazzjoni għandha tiġi pprovduta sal-limitu massimu possibbli u mingħajr dewmien eċċessiv.

3.   Meta tittieħed azzjoni wara li tkun waslet notifika oriġinali kif imsemmi fl-Artikolu 50(5) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, il-membru li jkun ħa l-azzjoni għandu jittrażmetti minnufih informazzjoni dettaljata dwarha lill-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni permezz ta’ notifika ta’ segwitu.

4.   Jekk l-azzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tikkonsisti fi prodott li qiegħed jinżamm u li jkun intbagħat lura lil min għamel id-dispaċċ f’pajjiż membru ieħor:

(a)

il-membru li qiegħed jieħu l-azzjoni għandu jipprovdi informazzjoni rilevanti dwar il-prodott li ntbagħat lura permezz ta’ notifika ta’ segwitu ħlief jekk dik l-informazzjoni tkun diġà ġiet inkluża b’mod sħiħ fin-notifika oriġinali;

(b)

il-pajjiż membru fejn ikunu ntbagħtu lura l-prodotti għandu jagħti informazzjoni dwar l-azzjoni li tkun ittieħdet fuq il-prodotti meħudin lura, permezz ta’ notifika ta’ segwitu.

5.   Il-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni għandu jittrażmetti n-notifiki ta’ segwitu lill-membri kollha tan-netwerk mingħajr dewmien eċċessiv u fi żmien 24 siegħa għan-notifiki ta’ segwitu għat-twissijiet.

Artikolu 7

Is- sottomissjoni tan-notifiki

1.   In-notifiki għandhom jitressqu bl-użu tal-mudelli pprovduti mill-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni.

2.   Il-kaxex kollha tal-mudelli għandhom jimtlew sabiex tkun tista’ ssir identifikazzjoni ċara tal-prodott(i) u tar-riskju/riskji involut/i u biex tiġi pprovduta l-informazzjoni ta’ traċċabbiltà. Id-dizzjunarji tad-dejta pprovduti mill-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni għandhom jintużaw sal-limitu massimu possibbli.

3.   In-notifiki għandhom jiġu kklassifikati skont id-definizzjonijiet ipprovduti fl-Artikolu 1 f’waħda mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

notifika oriġinali

(i)

notifika ta’ twissija;

(ii)

notifika ta’ informazzjoni għas-segwitu;

(iii)

notifika ta’ informazzjoni għall-attenzjoni;

(iv)

notifiki ta’ rifjut mal-fruntiera;

(b)

notifika ta’ segwitu

4.   In-notifiki għandhom jidentifikaw il-membri tan-netwerk li jkunu ntalbu jipprovdu segwitu għan-notifika.

5.   Id-dokumenti rilevanti kollha għandhom jiġu miżjuda man-notifika u jintbagħtu lill-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni mingħajr dewmien eċċessiv.

Artikolu 8

Il-verifika tan-notifika

Qabel it-trażmissjoni ta’ notifika lill-membri kollha tan-netwerk, il-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni għandu:

(a)

jivverifika l-kompletezza u l-leġibbiltà tan-notifika, inkluż jekk tkunx intgħażlet id-dejta xierqa mid-dizzjunarji msemmijin fl-Artikolu 7(2);

(b)

jivverifika l-korrettezza tal-bażi legali mogħtija għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità li jkunu nstabu; madankollu bażi legali ħażina ma għandhiex tfixkel it-trażmissjoni tan-notifika jekk ikun ġie identifikat riskju;

(ċ)

jivverifika li s-suġġett tan-notifika jaqa’ fl-ambitu tan-netwerk kif stabbilit fl-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002;

(d)

jiżgura li l-informazzjoni essenzjali fin-notifika tkun provduta f’lingwa li tkun tista’ tinftiehem faċilment mill-membri kollha tan-netwerk;

(e)

jivverifika l-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(f)

jidentifika rikorrenzi tal-istess operatur professjonali u/jew periklu u/jew pajjiż ta’ oriġini fin-notifiki.

Sabiex jiġi mħares iż-żmien għat-trażmissjoni, il-Kummissjoni tista’ tagħmel bidliet żgħar fin-notifika sakemm ikun qabel magħhom il-membru li għamel in-notifika qabel it-trażmissjoni.

Artikolu 9

L-irtirar u l-emendi tan-notifiki

1.   Kwalunkwe membru tan-netwerk jista’ jitlob li l-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni jirtira notifika li tkun ġiet trażmessa permezz tan-netwerk bi ftehim mal-membru li jkun għamel in-notifika jekk l-informazzjoni li fuqha tkun imsejsal-azzjoni li għandha tittieħed tidher li mhijiex ġustifikata jew jekk in-notifika tkun ġiet trażmessa bi żball.

2.   Kwalunkwe membru tan-netwerk jista’ jitlob li jsiru xi emendi fin-notifika bi ftehim mal-membru li jkun għamel in-notifika. Notifika ta’ segwitu ma għandhiex titqies bħala emenda għal notifika u għalhekk tista’ tiġi trażmessa mingħajr il-kunsens ta’ kwalunkwe membru ieħor tan-netwerk.

Artikolu 10

L-iskambju tal-informazzjoni mal-pajjiżi terzi

1.   Jekk il-prodott innotifikat ikun ġej minn jew jitqassam lil pajjiż terz, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-pajjiż terz mingħajr dewmien eċċessiv.

2.   Bla ħsara għal dispożizzjonijiet speċifiċi fi ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 50(6) tar-Regolament (KE) Nru 178/2002, il-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni għandu jistabbilixxi kuntatt ma’ punt ta’ kuntatt uniku magħżul fil-pajjiż terz, jekk ikun hemm, sabiex tissaħħaħ il-komunikazzjoni, inkluż permezz tal-użu tat-teknoloġija tal-informazzjoni. Il-punt ta’ kuntatt tal-Kummissjoni għandu jibgħat notifiki lil dak il-punt ta’ kuntatt fil-pajjiż terz għall-attenzjoni jew għas-segwitu bbażati fuq il-gravità tar-riskju.

Artikolu 11

Il-pubblikazzjonijiet

Il-Kummissjoni tista’ tippubblika:

(a)

taqsira tan-notifiki ta’ twissija, ta’ informazzjoni u ta’ rifjut mal-fruntiera kollha, filwaqt li tipprovdi informazzjoni dwar il-klassifikazzjoni u l-istatus tan-notifika, il-prodotti u r-riskji identifikati, il-pajjiż ta’ oriġini, il-pajjiżi fejn tqassmu l-prodotti, il-membru tan-netwerk li jkun għamel in-notifika, il-bażi għan-notifika u l-miżuri li ttieħdu;

(b)

rapport annwali dwar in-notifiki trażmessi permezz tan-netwerk.

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Jannar 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 165, 30.4.2004, p. 1.

(3)  ĠU L 35, 8.2.2005, p. 1.

(4)  ĠU L 338, 13.11.2004, p. 4.

(5)  ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.