20.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 337/9


DIRETTIVA 2011/95/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Diċembru 2011

dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija

(riformulazzjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 78(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2)

Billi:

(1)

Għandu jsir ammont ta’ tibdil sostantiv fid-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad-29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (3). Dik id-Direttiva għandha tiġi mfassla mill-ġdid fl-interess taċ-ċarezza.

(2)

Politika komuni fuq l-ażil, inkluża Sistema Komuni Ewropea tal-Ażil, hija parti fundamentali mill-għan tal-Unjoni Ewropea li tistabbilixxi progressivament żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li tkun miftuħa għal dawk li, mġegħlin miċ-ċirkustanzi, ifittxu leġittimament protezzjoni fl-Unjoni.

(3)

Il-Kunsill Ewropew fil-laqgħa speċjali tiegħu f'Tampere fil-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999 ftiehem li jaħdem sabiex jistabbilixxi Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklussiva tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, tat-28 ta’ Lulju 1951 li Tirrigwarda l-Istatus ta’ Refuġjati (“il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra”), kif supplimentata mill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967 (“il-Protokoll”), u li b'hekk tafferma l-prinċipju ta’ non-refoulement u tiżgura li ħadd ma’ jintbagħat lura għal persekuzzjoni.

(4)

Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u l-Protokoll jipprovdu l-pedament tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.

(5)

Il-konklużjonijiet ta’ Tampere jipprovdu li Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea għandha tinkludi, fuq terminu qasir, l-approssimazzjoni ta’ regoli dwar l-għarfien ta’ refuġjati u l-kontenut tal-istatus tar-refuġjat.

(6)

Il-konklużjonijiet ta’ Tampere jipprovdu wkoll li regoli rigward l-istatus tar-refuġjati għandhom jiġu kumplimentati b'miżuri dwar forom sussidjarji ta’ protezzjoni, li joffru status xieraq lil kull persuna fil-bżonn ta’ din il-protezzjoni.

(7)

L-ewwel fażi fil-ħolqien tas-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea issa ntlaħqet. Il-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Novembru 2004 adotta l-Programm tal-Aja li jistabbilixxi l-għanijiet li għandhom jiġu implimentati fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja matul il-perjodu 2005-2010. F'dan ir-rigward, il-Programm tal-Aja stieden lill-Kummissjoni Ewropea tikkonkludi l-evalwazzjoni tal-istrumenti legali tal-ewwel fażi u tissottometti l-istrumenti u l-miżuri tat-tieni fażi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, biex dawn jiġu adottati qabel it-tmiem tal-2010.

(8)

Fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil adottat fil-15 u fis-16 ta’ Ottobru 2008, il-Kunsill Ewropew innota li kien fadal numru konsiderevoli ta’ diverġenzi bejn Stat Membru u ieħor dwar l-għoti ta’ protezzjoni u l-forom li l-protezzjoni tieħu u sejjaħ għal inizjattivi ġodda sabiex jitkompla l-istabbiliment tas-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea, provduta fil-Programm tal-Aja, u għalhekk joffri grad ogħla ta’ protezzjoni.

(9)

Fil-Programm ta’ Stokkolma, il-Kunsill Ewropew tenna l-impenn tiegħu dwar l-għan li jistabbilixxi żona komuni ta’ protezzjoni u solidarjetà, ibbażata fuq proċedura komuni ta’ ażil u status uniformi, skont l-Artikolu 78 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), għal dawk li ngħataw protezzjoni internazzjonali, mhux aktar tard mill-2012.

(10)

Fid-dawl tar-riżultati tal-evalwazzjonijiet li ttieħdu, hu xieraq, f'dan l-istadju, li jiġu kkonfermati l-prinċipji bażi tad-Direttiva 2004/83/KE kif ukoll biex jinkiseb livell ogħla ta’ approssimazzjoni tar-regoli dwar rikonoxximent u kontenut tal-protezzjoni internazzjonali fuq il-bażi ta’ standards ogħla.

(11)

Ir-riżorsi tal-Fond Ewropew tar-Refuġjati u tal-Uffiċċju Ewropew tal-Appoġġ dwar l-Ażil għandhom ikunu mobilizzati sabiex jipprovdu appoġġ adegwat għall-isforzi ta’ Stati Membri fl-implimentazzjoni tal-istandards msemmija fit-tieni fażi tas-Sistema Komuni Ewropea għall-Ażil, b'mod partikolari għal dawk l-Istati Membri li jaffaċċjaw pressjonijiet speċifiċi u sproporzjonati mas-sistemi tal-ażil tagħhom, b'mod partikolari minħabba s-sitwazzjoni ġeografika jew demografika tagħhom.

(12)

L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, minn naħa waħda, li jiżgura li l-Istati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, min-naħa l-oħra, biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawk il-persuni fl-Istati Membri kollha.

(13)

L-approssimazzjoni ta’ regoli dwar ir-rikonoxximent u l-kontenut tal-istatus ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja għandu jgħin biex jillimita l-moviment sekondarju ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri, fejn dan il-moviment huwa purament ikkaġunat minn differenzi f'qafas legali.

(14)

L-Istati Membri għandu jkollhom il-poter li jdaħħlu jew iżommu aktar dispożizzjonijiet favorevoli mill-istandards stabbiliti f'din id-Direttiva għal ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li jitolbu l-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru, fejn din it-talba hija mifhuma li hija fuq il-bażi li l-persuna interessata hija jew refuġjat skont it-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, jew persuna li hija eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja.

(15)

Dawk iċ-ċittadini nazzjonali tal-pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat li huma permessi li jibqgħu fit-territorji tal-Istati Membri għal raġunijiet li mhumiex minħabba ħtieġa għal protezzjoni internazzjonali imma fuq bażi ta’ diskrezzjoni għal raġunijiet ta’ kumpassjoni jew umanitarji, jaqgħu ‘l barra mill-ambitu ta’ din id-Direttiva.

(16)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. B'mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt għall-ażil għal applikanti u għall-membri tal-familja li jakkompanjawhom u sabiex tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 7, 11, 14, 15, 16, 18, 21, 24, 34 u 35 ta’ dik il-Karta u għandha għalhekk tiġi implimentata kif meħtieġ.

(17)

Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri huma marbuta b'obbligi taħt strumenti tal-liġi internazzjonali li tagħhom jagħmlu parti, inkluż partikolarment dawk li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni.

(18)

L-“aħjar interessi tat-tfal”, għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja tal-Istati Membri meta jkunu qed jimplimentaw din id-Direttiva, skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Fl-evalwazzjoni tal-aħjar interessi tat-tfal, l-Istati Membri għandhom partikolarment jikkunsidraw b'mod xieraq il-prinċipju tal-unità tal-familja, il-benesseri tal-minuri u l-iżvilupp soċjali, il-kunsiderazzjonijiet tas-sikurezza u tas-sigurtà u l-opinjonijiet tal-minuri skont l-età u l-maturità tiegħu/jew tagħha.

(19)

Hu meħtieġ li wieħed iwessa' l-kunċett ta’ membri tal-familja, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi differenti partikolari tad-dipendeza u l-attenzjoni speċjali li għandha tingħata fl-aħjar interessi tat-tfal.

(20)

Din id-Direttiva hi mingħajr preġudizzju għall-Protokoll dwar ażil għal ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea kif hemm fl-anness tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea (TUE) u t-TFUE.

(21)

L-għarfien ta’ status ta’ refuġjat huwa att dikjaratorju.

(22)

Konsultazzjonijiet mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għal Refuġjati jistgħu jipprovdu gwida ta’ valur għall-Istati Membri meta jistabbilixxu status ta’ refuġjat skont l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

(23)

Standards għad-definizzjoni u l-kontenut tal-istatus ta’ refuġjat għandhom jiġu stabbiliti sabiex iservu ta’ gwida lill-korpi nazzjonali tal-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

(24)

Hu meħtieġ li jiġu introdotti kriterji komuni sabiex jiġu rikonoxxuti applikanti għall-ażil bħala refuġjati skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

(25)

B'mod partikolari, hu meħtieġ li wieħed jintroduċi aspetti komuni tal-ħtiġiet għall-protezzjoni li jinqajmu fuq il-post; sorsi ta’ periklu u protezzjoni; protezzjoni interna; u persekuzzjoni, inklużi r-raġunijiet għall-persekuzzjoni.

(26)

Il-protezzjoni tista' tiġi provduta, fejn ikun hemm ir-rieda u l-kapaċità li joffru protezzjoni, jew mill-Istat jew minn partijiet jew organizzazzjonijiet, inklużi organizzazzjonijiet internazzjonali, li jilħqu l-kundizzjonijiet imniżżla f'din id-Direttiva, li jikkontrollaw reġjun jew żona akbar tal-istat. Protezzjoni bħal din għandha tkun effettiva u ta’ natura mhux temporanja.

(27)

Protezzjoni interna kontra l-persekuzzjoni jew dannu serju għandha tkun disponibbli b'mod effettiv lill-applikant f'parti mill-pajjiż ta’ oriġini fejn dan jista' jivvjaġġa b'mod sikur u legali għalih, jikseb dħul għalih u b'mod raġonevoli huwa mistenni li jissetilja. Fejn l-Istat jew l-aġenti tal-Istat huma l-atturi ta’ persekuzzjoni jew ħsara gravi, għandu jkun hemm preżunzjoni li l-protezzjoni effettiva mhijiex disponibbli għall-applikant. Fejn l-applikant ikun minuri mhux akkumpanjat, id-disponibilità ta’ arranġamenti ta’ kura u kustodja xierqa, li jkunu fl-aħjar interessi tal-minuri mhux akkumpanjat, għandha tifforma parti mill-valutazzjoni dwar jekk dik il-protezzjoni hijiex effettivament disponibbli.

(28)

Huwa meħtieġ, meta jiġu eżaminati applikazzjonijiet minn minuri għal protezzjoni internazzjonali, li l-Istati Membri għandhom jagħtu każ ta’ forom ta’ persekuzzjoni speċifiċi għat-tfal.

(29)

Waħda mill-kundizzjonijiet sabiex wieħed jikkwalifika għal status ta’ refuġjat skont it-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra hi l-eżistenza ta’ konnessjoni każwali bejn raġunijiet ta’ persekuzzjoni, jiġifieri razza, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija fi grupp soċjali partikolari, u l-atti ta’ persekuzzjoni jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra tali atti.

(30)

Hu ugwalment meħtieġ li jiġi introdott kunċett komuni tal-bażi ta’ persekuzzjoni “sħubija fi grupp soċjali partikolari”. Minħabba l-bżonn li tingħata tifsira ta’ grupp soċjali partikolari, kwistjonijiet li joħorġu mis-sess ta’ applikant, inkluża l-identità sesswali u l-orjentazzjoni sesswali, li jistgħu jkunu relatati ma’ ċerti tradizzjonijiet u drawwiet legali, li jirriżultaw pereżempju f'mutilazzjoni ġenitali, sterilizzazzjoni furzata, jew abort furzat, għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixirqilhom, sakemm ikunu relatati mal-biża' ġustifikata tal-applikant minn persekuzzjoni.

(31)

Atti kontra r-raġunijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti huma msemmija fil-Preambolu u fl-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u huma, fost l-oħrajn, inkorporati fir-riżoluzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti dwar miżuri li jiġġieldu kontra t-terroriżmu, li jiddikjaraw li “atti, metodi u prattiki tat-terroriżmu huma kuntrarji għall-għanijiet u prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti” u li “l-finanzjament, l-ippjanar u t-tqanqil ta’ atti terroristiċi apposta huma wkoll kuntrarji għall-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti”.

(32)

Kif imsemmi fl-Artikolu 14, “status” jista' jinkludi ukoll status ta’ refuġjat.

(33)

Standards għad-definizzjoni u l-kontenut tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu stipulati wkoll. Il-protezzjoni sussidjarja għandha tkun kumplimentari u addizzjonali għall-protezzjoni tar-refuġjati stabbilita fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

(34)

Hu meħtieġ li jiġu introdotti kriterji komuni li fuq il-bażi tagħhom applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rikonoxxuti bħala eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja. Dawk il-kriterji għandhom jitfasslu mill-obbligi internazzjonali skont strumenti u prattiki tad-drittijiet tal-bniedem li jeżistu fl-Istati Membri.

(35)

Riskji li hija ġeneralment esposta għalihom popolazzjoni ta’ pajjiż jew sezzjoni minn popolazzjoni normalment ma joħolqux fihom infushom theddida individwali li tkun tikkwalifika bħala dannu serju.

(36)

Membri tal-familja sempliċement minħabba r-relazzjoni tagħhom mar-refuġjat, normalment ikunu vulnerabbli għal atti ta’ persekuzzjoni f'manjiera li tista' tkun il-bażi ta’ status ta’ refuġjat.

(37)

L-idea ta’ sigurta nazzjonali u ordni pubblika tkopri wkoll każijiet li fihom ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jappartjeni għal assoċjazzjoni li tappoġġja terroriżmu internazzjonali jew tappoġġja din l-assoċjazzjoni.

(38)

Meta jiddeċiedu dwar il-jedd għall-benefiċċji inklużi f'din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw b'mod dovut l-aħjar interessi tat-tfal, kif ukoll iċ-ċirkostanzi partikolari tad-dipendenza fuq il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali ta’ qraba viċini li diġà huma preżenti fl-Istat Membru u li mhumiex membri tal-familja ta’ dak il-benefiċjarju. F'ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn persuna relatata mill-qrib mal-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali tkun minuri miżżewġa iżda mhux akkumpanjata mill-konjuġi tagħha, l-aħjar interessi tal-minuri jistgħu jitqiesu bħala dawk tal-familja oriġinali tagħha.

(39)

Filwaqt li tiġi sodisfatta t-talba tal-programm ta’ Stokkolma għall-istabbiliment ta’ status uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u bl-eċċezzjoni tad-derogi li huma meħtieġa u ġustifikati b'mod oġġettiv, benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jingħataw l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk li jgawdu refuġjati taħt din id-direttiva, u għandhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibilità.

(40)

Fil-limiti dikjarati minn obbligi internazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jippreskrivu li l-għoti ta’ benefiċċji rigward aċċess għal impjieg, għajnuna soċjali, kura tas-saħħa u aċċess għal faċilitajiet ta’ integrazzjoni jeħtieġ il-ħruġ minn qabel ta’ permess ta’ residenza.

(41)

Sabiex jiġi mtejjeb l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet u l-benefiċċji stabbiliti f'din id-Direttiva mill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali, hu neċċessarju li jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi tagħhom u l-isfidi partikolari tal-integrazzjoni li magħhom jħabbtu wiċċhom. Tali kunsiderazzjoni normalment ma għandhiex tirriżulta fi trattament aktar favorevoli milli dak pprovdut lil ċittadini nazzjonali tagħhom stess mingħajr preġudizzju għall-possibilità għall-Istati Membri li jintroduċu jew iżommu standards aktar favorevoli.

(42)

F'dak il-kuntest, għandhom isiru sforzi b'mod partikolari sabiex jiġu indirizzati l-problemi li ma jħallux lill-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali li jkollhom aċċess effettiv għall-opportunitajiet edukattivi li huma relatati mal-impjieg u għat-taħriġ vokazzjonali, inter alia, b'relazzjoni ma’ restrizzjonijiet finanzjarji.

(43)

Din id-Direttiva ma tapplikax għall-benefiċċji finanzjarji mill-Istati Membri li huma mogħtija biex jippromwovu l-edukazzjoni.

(44)

Miżuri speċjali għandhom jiġu kkunsidrati sabiex jiġu indirizzati b'mod effettiv id-diffikultajiet fil-prattika li jiltaqgħu magħhom il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali dwar l-awtentikazzjoni tad-diplomi u ċ-ċertifikati barranin tagħhom jew ta’ evidenza oħra ta’ kwalifiki formali, b'mod partikolari minħabba n-nuqqas ta’ evidenza dokumentarja u tal-inabilità li jlaħħqu mal-ispejjeż relatati mal-proċeduri ta’ rikonoxximent.

(45)

Sabiex tiġi evitata tbatija soċjali, huwa xieraq li l-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali jiġu pprovduti b'għajnuna soċjali u mezzi ta’ sussistenza adegwati, mingħajr diskriminazzjoni fil-kuntest tal-assistenza soċjali. Fir-rigward tal-assistenza soċjali, il-modalitajiet u d-dettall tal-provvista ta’ benefiċċji bażiċi lil benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jiġu determinati mil-liġi nazzjonali. Il-possibbiltà li tiġi limitata dik it-tip ta’ assistenza għal benefiċċji bażiċi trid tinftiehem li tkopri mill-inqas is-sostenn ta’ dħul minimu, għajnuna fil-każ ta’ mard, jew tqala u assistenza lill-ġenituri, safejn dawk il-benefiċċji jingħataw liċ-ċittadini nazzjonali skont il-liġi nazzjonali.

(46)

Aċċess għall-kura tas-saħħa, inkluż kemm il-kura tas-saħħa fiżika u mentali, għandhom jiġu żgurati lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.

(47)

Il-bżonnijiet u l-partikolaritajiet speċifiċi tas-sitwazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ status ta’ refuġjat u status ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jiġi kkunsidrati, kemm jista' jkun, fil-programm ta’ integrazzjoni li jiġi provdut lilhom inkluż, fejn xieraq, taħriġ fil-lingwa u l-proviżjoni ta’ informazzjoni li tirrigwarda drittijiet u obbligi individwali relatati mal-istatus ta’ protezzjoni tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat.

(48)

L-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva għandha tiġi valutata f'intervalli regolari, filwaqt li tiġi kkunsidrata b'mod partikolari l-evoluzzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri dwar non-refoulement, l-evoluzzjoni tas-swieq tax-xogħol fl-Istati Membri kif ukoll l-iżvilupp ta’ prinċipji bażiċi komuni għall-integrazzjoni.

(49)

Minħabba li l-objettivi ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tistabbilixxi standards għall-għotja ta’ protezzjoni internazzjonali lil ċittadini ta’ pajjiż terz u persuni mingħajr stat mill-Istati Membri, għal status uniformi lir-refuġjati u lil persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, ma jistgħux jintlaħqu suffiċjentement mill-Istati Membri u jistgħu għalhekk, minħabba l-iskala u l-effetti ta’ din id-Direttiva, jintlaħqu aħjar fuq il-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tistà tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TEU. Bi qbil mal-prinċipju ta’ proporzjonalita, kif dikjarat f'dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(50)

B'konformità mal-Artikoli 1, 2 u l-Artikolu 4a(1) tal-Protokoll (Nru 21) dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda rigward l-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja, anness mat-TUE u t-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, ir-Renju Unit u l-Irlanda mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhumiex marbuta biha jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

(51)

Skont l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll (Nru 22) dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, mehmużin mat-TUE u t-TFUE, id-Danimarka mhix se tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Direttiva u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(52)

L-obbligu li tiġi trasposta din id-Direttiva fil-liġi nazzjonali għandu jiġi limitat għal dawk id-dispożizzjonijiet li jirrapreżentaw bidla sostantiva meta mqabbla mad-Direttiva 2004/83/KE. L-obbligu li d-dispożizzjonijiet li ma nbidlux jiġu trasposti ġej minn dik id-Direttiva.

(53)

Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri dwar il-limiti ta’ żmien biex issir traspożizzjoni għal liġi nazzjonali tad-Direttiva 2004/83/KE stabbilita fl-Anness I, Parti B,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Skop

L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għal refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal ptotezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“protezzjoni internazzjonali” tfisser l-istatus ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f'punti (e) u (g);

(b)

“benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali” tfisser persuna li ngħatat status ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f'punti (e) u (g);

(c)

“Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra” tfisser il-Konvenzjoni tat-28 ta’ Lulju 1951 relatata mal-Istatus tar-Refuġjati magħmula f'Ġinevra, kif emendata bill-Protokoll ta’ New York tal-31 ta’ Jannar 1967;

(d)

“refuġjat” ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f'biża' ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża', ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f'dan il-biża', ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

(e)

“status ta’ refuġjat” ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

(f)

“persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikax, u ma tistax, jew, minħabba f'dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

(g)

“status ta’ protezzjoni sussidjarja” ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja;

(h)

“applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” tfisser talba magħmula minn ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għal protezzjoni minn Stat Membru, li tista' tinftiehem li tfittex status ta’ refuġjat jew stat ta’ protezzjoni sussidjarja, u li ma titlobx espliċitament tip ieħor ta’ protezzjoni, barra mill-iskop ta’ din id-Direttiva, li tista' ssir applikazzjoni separata għaliha;

(i)

“applikant” ifisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li għamel applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li fir-rigward tagħha għadha ma ttiħditx deċiżjoni finali;

(j)

“membri tal-familja” ifisser, safejn il-familja tkun diġa' eżistiet fil-pajjiż tal-oriġini, il-membri tal-familja li ġejjin tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali li huma preżenti fl-istess Stat Membru rigward l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali:

il-konjuġi tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali jew is-sieħeb/sieħba tiegħu f'relazzjoni stabbli, fejn il-liġi jew il-prassi tal-Istat Membru interessat tittratta koppji mhux miżżewġa b'mod paragunabbli għal koppji miżżewġa skont il-liġi li tirrigwarda ċittadini nazzjonali minn pajjiż terz;

it-tfal minuri tal-koppji msemmija fl-ewwel inċiż jew il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, fuq kundizzjoni li mhumiex miżżewġin u indipendentement mill-fatt jekk twildux fiż-żwieġ jew barra ż-żwieġ jew ġew adottati kif definit skont liġi nazzjonali;

il-missier, l-omm jew adult ieħor responsabbli għall-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali sew jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, meta dak il-benefiċjarju hu minuri jew mhux miżżewweġ;

(k)

“minuri” tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna bla stat taħt l-età ta’ 18-il sena;

(l)

“minuri mhux akkumpanjat” ifisser minuri li jasal fit-territorju tal-Istati Membri mhux akkumpanjat minn adult responsabbli għalih jew/għaliha sew jekk bil-liġi jew bil-prattika tal-Istat Membru kkonċernat, u sakemm hu mhuwiex jew/hi mhijiex effettivament fil-kura ta’ persuna bħal din; għandha tinkludi minuri li jitħalla mhux akkompanjat wara li hu/hi jkun daħal/tkun daħlet fit-territorju tal-Istati Membri;

(m)

“permess ta’ residenza” ifisser kull permess jew awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru, fil-forma provduta skont dik il-liġi tal-Istat, li tippermetti ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li tgħix fit-territorju tiegħu;

(n)

“pajjiż ta’ oriġini” ifisser il-pajjiż jew pajjiżi ta’ nazzjonalità jew, għal persuni mingħajr stat, ta’ residenza abitwali ta’ qabel.

Artikolu 3

Standards stabbiliti aktar favorevoli

L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.

KAPITOLU II

EŻAMI TA’ APPLIKAZZJONIJIET GĦAL PROTEZZJONI INTERNAZZJONALI

Artikolu 4

Eżami ta’ fatti u ċirkostanzi

1.   L-Istati Membri jistgħu jqisuh bħala d-dmir tal-applikant li jissottometti kemm jista' jkun malajr l-elementi kollha meħtieġa biex tiġi sostanzjata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. F'kooperazzjoni mal-applikant huwa d-dmir tal-Istat Membru li jeżamina l-elementi rilevanti tal-applikazzjoni.

2.   L-elementi msemmija fil-paragrafu 1 jikkonsistu mid-dikjarazzjonijiet tal-applikant u d-dokumentazzjoni kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant rigward l-età tal-applikant, l-isfond, inkluż dawk ta’ qraba rilevanti, l-identità, in-nazzjonalità(jiet), il-pajjiż(i) u l-post(ijiet) ta’ residenza ta’ qabel, l-applikazzjonijiet ta’ ażil preċedenti, ir-rotot ta’ vjaġġar, id-dokumenti ta’ vjaġġar u r-raġunijiet għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

3.   L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta':

(a)

il-fatti kollha rilevanti kif jirrelataw mal-pajjiż ta’ oriġini fil-mument tat-teħid ta’ deċiżjoni fuq l-applikazzjoni, inkluż liġijiet u regolamenti tal-pajjiż tal-oriġini u l-manjiera li biha jiġu applikati;

(b)

id-dikjarazzjonijiet u d-dokumentazzjoni rilevanti preżentati mill-applikant inkluż informazzjoni dwar jekk l-applikant kienx jew jistax jiġi suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju;

(c)

il-pożizzjoni individwali u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, inkluż fatturi bħal ma huma l-ambjent minn fejn ikun ġej, is-sess u l-età, sabiex jiġi stmat jekk, fuq il-bażi taċ-ċirkostanzi personali tal-applikant, l-atti li għalihom l-applikant kien jew jista' jiġi espost ikunu jammontaw għal persekuzzjoni jew periklu serju;

(d)

jekk l-attivitajiet tal-applikant minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini kinux għall-għan waħdieni jew ewlieni li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, sabiex jiġi stmat jekk dawk l-attivitajiet jesponux lill-applikant għal persekuzzjoni jew periklu serju jekk jiġi ritornat lejn dak il-pajjiż;

(e)

jekk l-applikant ikun mistenni b'mod raġonevoli li japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ pajjiż ieħor fejn ikun jista' jiddikjara ċ-ċittadinanza.

4.   Il-fatt li applikant diġà kien suġġett għal persekuzzjoni jew periklu serju jew għal theddid dirett għal din il-persekuzzjoni jew dan il-periklu, huwa indikazzjoni serja tal-biża' ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew ir-riskju veru li jsofri dannu serju, sakemm ma jkunx hemm raġunijiet tajbin li jista' jitqies li din il-persekuzzjoni jew dan id-dannu serju ma jiġix ripetut.

5.   Fejn Stati Membri japplikaw il-prinċipju skont liema huwa d-dmir tal-applikant li jissostanzja l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u fejn aspetti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant mhumiex appoġġjati minn xhieda dokumentarja jew xhieda oħra, dawk l-aspetti m'għandhomx jeħtieġu konferma, meta jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

l-applikant ikun għamel sforz ġenwin sabiex jissostanzja l-applikazzjoni tiegħu;

(b)

l-elementi rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tal-applikant ikunu ġew sottomessi, u spjegazzjoni sodisfaċenti li tirrigwarda nuqqas ta’ elementi rilevanti oħra tkun ingħatat;

(c)

id-dikjarazzjonijiet tal-applikant jinstabu li huma koerenti u plawsibbli u ma jmorrux kontra informazzjoni speċifika u ġenerali rilevanti għall-każ tal-applikant;

(d)

l-applikant ikun applika għal protezzjoni internazzjonali kmieni kemm jista' jkun, sakemm l-applikant jista' jagħti raġuni tajba għaliex ma jkunx għamel dan; u

(e)

il-kredibilità ġenerali tal-applikant tkun ġiet stabbilita.

Artikolu 5

Ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali li jinħolqu sur place

1.   Biża' ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew riskju veru li l-persuna ssofri dannu serju jista' jiġi bbażat fuq każijiet li jkunu seħħew mindu l-applikant ikun telaq mill-pajjiż tal-oriġini.

2.   Biża' ġustifikata ta’ persekuzzjoni jew riskju veru li l-persuna ssofri dannu serju jistgħu jiġu bbażati fuq attivitajiet li l-applikant ikun wettaq minn meta telaq mill-pajjiż ta’ oriġini, partikolarment fejn jiġi stabbilit li l-attivitajiet fuq liema jkun straħ jikkostitwixxu l-espressjoni u l-kontinwità ta’ konvinzjonijiet jew orjentamenti miżmuma fil-pajjiż ta’ orġini.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li applikant li jiddepożita applikazzjoni sussegwenti normalment m'għandux jingħata status ta’ refuġjat jekk ir-riskju ta’ persekuzzjoni jkun ibbażat fuq ċirkostanzi li l-applikant ikun ħoloq bid-deċiżjoni tiegħu stess minn meta jkun telaq mill-pajjiż ta’ oriġini.

Artikolu 6

Atturi ta’ persekuzzjoni jew dannu serju

Atturi ta’ persekuzzjoni jew dannu serju jinkludu:

(a)

l-Istat;

(b)

partijiet jew organizzazzjonijiet li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju tal-Istat;

(c)

atturi mhux tal-Istat, jekk ikun jista' jiġi muri li l-atturi msemmija f'punti (a) u (b), inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, ma jistgħux jew ma jixtiqux jipprovdu protezzjoni kontra persekuzzjoni jew periklu serju kif definit fl-Artikolu 7.

Artikolu 7

Atturi ta’ protezzjoni

1.   Protezzjoni minn persekuzzjoni jew dannu serju tista' tiġi pprovduta biss minn:

(a)

l-Istat; jew

(b)

partijiet jew organizzazzjonijiet, inkluż organizzazzjonijiet internazzjonali, li jikkontrollaw l-Istat jew parti sostanzjali tat-territorju tal-Istat,

sakemm dawn iridu u jistgħu joffru protezzjoni skont il-paragrafu 2.

2.   Protezzjoni kontra persekuzzjoni jew dannu serju trid tkun effettiva u ta’ natura mhux temporanja. Tali protezzjoni hija ġeneralment ipprovduta meta l-atturi msemmija skont il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 jieħdu passi raġonevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni jew il-konsegwenzi ta’ dannu serju, fost ħwejjeġ oħra billi joperaw sistema legali effettiva għall-kxif, il-prosekuzzjoni u l-kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni jew dannu serju, u meta l-applikant ikollu aċċess għal din il-protezzjoni.

3.   Meta jiġi eżaminat jekk organizzazzjoni internazzjonali tikkontrollax Stat jew parti sostanzjali tat-territorju tiegħu u tipprovdi protezzjoni kif deskritta fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom iqisu kull gwida li tista' tiġi pprovduta f'atti rilevanti tal-Unjoni.

Artikolu 8

Protezzjoni interna

1.   Bħala parti mill-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li applikant mhuwiex fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali jekk f'parti mill-pajjiż tal-oriġini, hu jew hi:

(a)

ma hemmx biża' ġustifikat li jiġi persegwitat, jew mhuwiex fir-riskju reali li jsofri dannu serju; jew

(b)

għandu aċċess għal protezzjoni mill-persekuzzjoni jew dannu serju kif definit fl-Artikolu 7;

u hu jew hi jista' jivvjaġġa mingħajr periklu u legalment għal u jidħol f'dik il-parti tal-pajjiż u huwa mistenni b'mod raġonevoli jissetilja hemmhekk.

2.   Fl-eżami ta’ jekk applikant għandux biża' ġustifikata li jkun ippersegwitat jew huwiex fir-riskju reali li jsofri dannu serju, jew għandux aċċess għal protezzjoni minn persekuzzjoni jew dannu serju f'parti mill-pajjiż ta’ oriġini bi qbil mal-Paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom fil-mument tat-teħid tad-deċiżjoni fuq l-applikazzjoni jqisu ċ-ċirkostanzi ġenerali fis-seħħ f'dik il-parti tal-pajjiż u ċ-ċirkostanzi personali tal-applikant bi qbil mal-Artikolu 4. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li informazzjoni preċiża u aġġoranta tinkiseb minn sorsi rilevanti, bħal eżempju l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u l-Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ għall-Ażil.

KAPITOLU III

KWALIFIKA BIEX WIEĦED IKUN REFUĠJAT

Artikolu 9

Atti ta’ persekuzzjoni

1.   Sabiex din titqies bħala att ta’ persekuzzjoni fit-tifsira tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, att għandu:

(a)

ikun serju biżżejjed fin-natura jew ripetizzjoni tiegħuli jikkostitwixxi vjolazzjoni serja ta’ drittijiet bażiċi tal-bniedem, partikolarment id-drittijiet li ma tistax issir deroga minnhom skont l-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u Libertajiet Fondamentali; jew

(b)

ikunu akkumulazzjoni ta’ diversi miżuri, inkluż vjolazzjonijiet ta’ drittijiet tal-bniedem li huwa serju biżżejjed li jaffettwa individwu f'manjiera simili kif imsemmi f'punt (a).

2.   Atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikati fil-paragrafu 1, jistgħu, fost ħwejjeġ oħra, jieħdu l-forma ta':

(a)

atti ta’ vjolenza fiżiċi jew mentali, inkluż atti ta’ vjolenza sesswali;

(b)

miżuri legali, amministrattivi, miżuri mill-pulizija u/jew miżuri ġudizzjarji li huma fihom infushom diskriminatorji jew li huma implimentati f'manjiera diskriminatorja;

(c)

prosekuzzjoni jew kastig li huwa sproporzjonat jew diskriminatorju;

(d)

ċaħda ta’ rimedju ġudizjarju li tirriżulta f'kastig sproporzjonat jew diskriminatorju;

(e)

prosekuzzjoni jew kastig għar-rifjut li wieħed iwettaq servizz militari f'konflitt, fejn it-twettiq ta’ servizz militari jkun jinkludi delitti jew atti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ esklużjonijiet kif dikjarat fl-Artikolu 12(2);

(f)

atti ta’ natura speċifika għas-sess jew għat-tfal.

3.   Bi qbil ma punt (d) tal-Artikolu 2, irid ikun hemm konnessjoni bejn ir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 10 u l-atti ta’ persekuzzjoni kif kwalifikat fil-paragrafu 1 ta dan l-Artikolu jew l-assenza ta’ protezzjoni kontra atti bħal dawn.

Artikolu 10

Raġunijiet għal persekuzzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom iqisu l-elementi li ġejjin meta jivvalutaw ir-raġunijiet għal persekuzzjoni:

(a)

il-kunċett ta’ razza għandu partikolarment jinkludi kunsiderazzjonijiet ta’ kulur, dixxendenza jew sħubija ta’ grupp etniku partikolari;

(b)

il-kunċett ta’ reliġjon għandu partikolarment jinkludi t-twemmin teistiku, non-teistiku, u ateistiku, il-parteċipazzjoni fi, jew l-astenzjoni minn, qima formali fil-privat jew fil-pubbliku, jew b'mod individwali jew f'komunità ma’ oħrajn, atti oħra reliġjużi jew espressjonijiet ta’ opinjoni, jew forom ta’ kondotta personali jew kommunali bbażati fuq jew magħmula obbligatorji minn xi twemmin reliġjuż;

(c)

il-kunċett ta’ nazzjonalità m'għandux jiġi ristrett għal ċittadinanza jew nuqqas tagħha, imma għandu partikolarment, jinkludi sħubija ta’ grupp stabbilit mill-identità kulturali, etnika, jew lingwistika tiegħu, oriġini ġeografika jew politika jew ir-relazzjoni tiegħu mal-popolazzjoni ta’ Stat ieħor;

(d)

grupp għandu jitqies li jifforma grupp soċjali partikolari fejn partikolarment:

membri ta’ dak il-grupp jaqsmu karatteristika innata jew sfond komuni li ma jistax jinbidel, jew jaqsmu karatteristika jew twemmin li tant huwa fondamentali għall-identità jew il-kuxjenza li persuna m'għandhiex tiġi sfurzata li tirrinunċja għalih; u

grupp għandu identità distinta fil-pajjiż rilevanti, minħabba li hija meqjusa bħala differenti mis-soċjeta ta’ madwaru.

Skont iċ-ċirkostanzi fil-pajjiż ta’ orġini, grupp soċjali partikolari jista' jinkludi grupp ibbażat fuq karatteristika komuni ta’ orjentament sesswali. Orjentament sesswali ma jistax jinftiehem li jinkludi atti li huma meqjusa bħala kriminali bi qbil mal-liġi nazzjonali tal-Istati Membri. Aspetti relatati mas-sess, inkluża l-identità sesswali, għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni li jixirqilhom sabiex tiġi determinata sħubija fi grupp soċjali partikolari jew identifikata karatteristika ta’ grupp bħal dan;

(e)

il-kunċett ta’ opinjoni politika għandu, partikolarment, jinkludi ż-żamma ta’ opinjoni, ħsieb jew twemmin dwar kwistjoni relatata mal-atturi potenzjali ta’ persekuzzjoni msemmija fl-Artikolu 6 u għall-politika jew metodi tagħhom, kemm jekk dik l-opinjoni, ħsieb jew twemmin ikun aġixxa fuqu l-applikant u kemm jekk le.

2.   Fil-valutazzjoni ta’ jekk applikant għandux biża' ġustifikat ta’ persekuzzjoni mhuwiex importanti jekk l-applikant fil-verità għandux il-karatteristika razzista, reliġjuża, nazzjonali, soċjali jew politika li tattira l-persekuzzjoni, sakemm din il-karatteristika tkun attribbwita għall-applikant mill-attur ta’ persekuzzjoni.

Artikolu 11

Terminazzjoni

1.   Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tieqaf milli jkun refuġjat, jekk hija:

(a)

approfittat ruħha mill-ġdid b'mod voluntarju mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità; jew

(b)

billi tkun tilfet in-nazzjonalità tagħha, reġgħet akkwistatha mill-ġdid b'mod voluntarju; jew

(c)

akkwistat nazzjonalità ġdida, u tgawdi l-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità ġdida tagħha; jew

(d)

stabbiliet lilha nnifisha mill-ġdid b'mod voluntarju fil-pajjiż li hija tkun telqet minnu jew barra mill-liema hija tkun baqgħet minħabba biża' ta’ persekuzzjoni; jew

(e)

ma tistax aktar, minħabba li ċ-ċirkostanzi li bihom hija tkun ġiet rikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, tkompli tirrifjuta milli tapprofitta ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità; jew

(f)

billi hija persuna mingħajr stat, hija tista', minħabba li ċ-ċirkostanzi li bihom hija ġiet rikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, tirritorna lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel.

2.   Fil-kunsiderazzjoni tal-punti (e) u (f) tal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iqisu jekk il-bdil fiċ-ċirkostanzi huwiex ta’ natura sinifikanti u mhux temporanja li l-biża' tar-refuġjat minn persekuzzjoni ma jistax jibqa' jitqies bħala ġustifikat.

3.   Il-punti (e) u (f) tal-paragrafu 1 m'għandhomx japplikaw għal refuġjat li jistà jinvoka raġunijiet b'saħħithom li joħorġu minn persekuzzjoni preċedenti talli rrifjuta li juża l-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità jew, minħabba li kien persuna mingħajr stat, tal-pajjiz tar-residenza abitwali ta’ qabel.

Artikolu 12

Esklużjoni

1.   Persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat, jekk:

(a)

hija taqa' fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 D tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, li tirrigwarda l-protezzjoni jew l-għajnuna minn organi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti apparti l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati. Meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni, mingħajr ma l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun miftiehma definittivament bi qbil mar-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawk il-persuni għandhom ipso facto jkunu intitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva;

(b)

hija tkun rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż li fih hija tkun ħadet ir-residenza tagħha bħala li għandha d-drittijiet u l-obbligi li huma marbuta mal-pussess tan-nazzjonalità ta’ dak il-pajjiż, jew drittijiet u obbligi ekwivalenti.

2.   Persuna li tkun ċittadina nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li:

(a)

hija kkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

(b)

hija kkommettiet delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż tar-refuġju qabel id-dħul tagħha bħala refuġjat; jiġifieri qabel il-mument tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fuq il-bażi tal-għoti ta’ stat ta’ refuġjat; partikolarment azzjonijiet krudili, anke jekk kommessi b'għan allegatament politiku, jistgħu jiġu klassifikati bħala delitti serji mhux politiċi;

(c)

hija tkun instabet ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif stabbilit fil-Preambolu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

3.   Il-paragrafu 2 japplika għal persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq tad-delitti jew atti msemmija fih.

KAPITOLU IV

STATUS TA REFUĠJAT

Artikolu 13

L-għoti ta’ status ta’ refuġjat

L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III.

Artikolu 14

Revoka ta', tmiem ta’ jew ċaħda għat-tiġdid ta’ status ta’ refuġjat

1.   Rigward applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali depożitati wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/83/KE, l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ refuġjat ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju jekk hija tkun waqfet milli tkun refuġjat bi qbil mal-Artikolu 11.

2.   Mingħajr preġudizzju għad-dmir tar-refuġjat bi qbil mal-Artikolu 4(1) li jiżvela l-fatti rilevanti kollha u jipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tiegħu jew/tagħha, l-Istat Membru, li jkun ta l-istatus ta’ refuġjat għandu, fuq bażi individwali, juri li l-persuna interessata tkun waqfet milli tkun jew qatt ma kienet refuġjat bi qbil mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.   L-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ refuġjat ta’ persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat jekk, wara li hija tkun ingħatat status ta’ refuġjat, jiġi stabbilit mill-Istat Membru interessat li:

(a)

hija kellha tkun jew hija eskluża milli tkun refuġjat bi qbil mal-Artikolu 12;

(b)

il-preżentazzjoni qarrieqa ta’ fatti jew l-ommissjoni tagħhom, inkluż l-użu ta’ dokumenti foloz, kienu deċiżivi għall-għoti tal-istat ta’ refuġjat.

4.   L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti lil refuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, meta:

(a)

ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti;

(b)

hija, wara li tkun instabet ħatja minn sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikkostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru.

5.   F'sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux status lil refuġjat, fejn din id-deċiżjoni ma tkunx għadha ttieħdet.

6.   Persuni li għalihom japplikaw il-paragrafi 4 jew 5 huma intitolati għal drittijiet dikjarati jew simili għal dawk dikjarati fl-Artikoli 3, 4, 16, 22, 31, 32 u 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra safejn huma preżenti fl-Istat Membru.

KAPITOLU V

KWALIFIKA BIEX PERSUNA TKUN ELIĠIBBLI GĦAL PROTEZZJONI SUSSIDJARJA

Artikolu 15

Dannu serju

Dannu serju jikkonsisti minn:

(a)

piena kapitali jew eżekuzzjoni; jew

(b)

tortura jew trattament inuman jew degradanti jew kastig ta’ applikant fil-pajjiż ta’ oriġini; jew

(c)

theddida serja u individwali għall-ħajja jew għall-persuna ċivili minħabba vjolenza indiskriminatorja f'sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.

Artikolu 16

Terminazzjoni

1.   Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tieqaf milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja jkunu waqfu milli jeżistu jew ikunu nbiddlu sat-tali punt li l-protezzjoni ma tkunx għadha meħtieġa.

2.   Fl-applikazzjoni ta’ paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom iqisu jekk il-bdil fiċ-ċirkostanzi huwiex ta’ natura sinifikanti u mhux temporanja li l-persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja m'għadhiex tiffaċċja riskju veru ta’ dannu serju.

3.   Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għal benefiċjarju ta’ protezzjoni sussidjarja li jista' jinvoka raġunijiet obbligatorji li joħorġu minn dannu serju preċedenti talli rrifjuta li juża l-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità jew, bħala persuna mingħajr stat, tal-pajjiz ta’ residenza abitwali ta’ qabel.

Artikolu 17

Esklużjoni

1.   Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta jkun hemm raġunijiet serji li jitqiesu li:

(a)

hija tkunu ikkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

(b)

hija tkun ikkommettiet delitt serju;

(c)

hija tkun instabet ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif dikjarat fil-Preamblu u fl-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

(d)

hija tikkostitwixxi periklu għall-komunità jew għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti.

2.   Il-paragrafu 1 japplika għall-persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq ta’ delitti jew atti msemmija fih.

3.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu ċittadin nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuna mingħajr stat milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja jekk hija, qabel id-dħul tagħha fl-Istat Membru kkonċernat, tkun ikkommettiet delitt wieħed jew aktar barra mill-iskop ta’ paragrafu 1 li jwassal għal kastig ta’ ħabs kieku ġew kommessi fl-Istat Membru interessat, u jekk hija tkun telqet biss mill-pajjiż ta’ oriġini tagħha sabiex tevita sanzjonijiet li jirriżultaw minn dawk id-delitti.

KAPITOLU VI

STATUS TA’ PROTEZZJONI SUSSIDJARJA

Artikolu 18

Għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjara

L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ protezzjoni sussidjarja lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Kapitoli II u V.

Artikolu 19

Revoka ta', tmiem ta’ jew rifjut għat-tiġdid ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja

1.   Rigward applikazzjonijiet għal protezzjonijiet internazzjonali depożitati wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2004/83/KE, l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju jekk hija tkun waqfet milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Artikolu 16.

2.   L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, jekk wara li hija tkun ingħatat status ta’ protezzjoni sussidjarja, hija messha kienet eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Artikolu 17(3).

3.   L-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw illi jġeddu l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, jekk:

(a)

il-persuna, wara li tkun ingħatat status ta’ protezzjoni sussidjarja, messha kienet jew hija eskluża milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil mal-Artikolu 17(1) u (2);

(b)

il-misinterpretazzjoni jew it-tħollija barra tagħha ta’ fatti, inkluż l-użu ta’ dokumenti foloz, kienu deċiżivi għall-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja.

4.   Mingħajr preġudizzju għad-dmir taċ-ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bi qbil mal-Artikolu 4(1) li tiżvela l-fatti rilevanti kollha u li tipprovdi d-dokumentazzjoni rilevanti kollha għad-dispożizzjoni tagħha, l-Istat Membru, li jkun ta l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja għandu, fuq bażi individwali juri li l-persuna interessata tkun waqfet milli tkun jew qatt ma kienet eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja bi qbil ma’ paragrafi 1, 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.

KAPITOLU VII

KONTENUT TA’ PROTEZZJONI INTERNAZZJONALI

Artikolu 20

Regoli ġenerali

1.   Dan il-Kapitolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet preskritti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

2.   Dan il-Kapitolu għandu japplika kemm għal refuġjati kif ukoll għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja minbarra jekk ikun indikat mod ieħor.

3.   Fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli bħal ma huma minuri, minuri mhux akkumpanjati, persuni b'diżabilità, persuni anzjani, nisa tqal, ġenituri li jrabbu waħedhom bi tfal minuri, vittimi ta’ traffikar tal-bniedem, persuni b'mard mentali u persuni li jkunu ġew suġġetti għal tortura, stupru, jew forom oħra serji ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali.

4.   Il-paragrafu 3 għandu japplika biss għal persuni misjuba li għandhom bżonnijiet speċjali wara evalwazzjoni individwali tas-sitwazzjoni tagħhom.

5.   L-aħjar interessi tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu li jinvolvi minuri.

Artikolu 21

Protezzjoni minn refoulement

1.   L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement bi qbil mal-obbligi internazzjonali tagħhom.

2.   Fejn mhux projbit mill-obbligi internazzjonali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw (refoule) refuġjat, sewwa jekk rikonoxxut formalment u sewwa jekk le, meta:

(a)

ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti; jew

(b)

il-persuna, wara li tkun instabet ħatja b'sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu jew li jagħtu l-permess ta’ residenza ta’ (jew lil) refuġjat li għalih japplika l-paragrafu 2.

Artikolu 22

Informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jipprovdu benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, kemm jista' jkun malajr wara li jkunu ngħataw l-istatus ta’ refuġjat jew l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, b'aċċess għal informazzjoni, f'lingwa li jifhmu jew li b'mod raġonevoli huma mistennija li jifhmu, dwar id-drittijiet u l-obbligi rigward dak l-istatus.

Artikolu 23

Żamma ta’ unità tal-familja

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-unità tal-familja tista' tinżamm.

2.   L-Istati Membru għandhom jiżguraw li membri tal-familja tal-benefiċjarju tal-protezzjoni internazzjonali, li ma jikkwalifikawx individwalment għal tali protezzjoni, huma intitolati li jitolbu l-benefiċċji msemmija fl-Artikoli 24 sa 35, bi qbil mal-proċeduri nazzjonali safejn huwa kompatibbli mal-istatus legali personali tal-membru tal-familja.

3.   Il-Paragrafi 1 u 2 mhumiex applikabbli fejn il-membru tal-familja huwa jew jista' jiġi eskluż minn protezzjoni internazzjonali skont il-Kapitoli III u V.

4.   Minkejja paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw, inaqqsu jew jirtiraw il-benefiċċji msemmija fihom għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku.

5.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li dan l-Artikolu japplika wkoll għal qraba oħra qrib li għexu flimkien bħala parti mill-familja fil-mument meta telqu mill-pajjiż ta’ oriġini, u li kienu dipendenti għal kollox jew prinċipalment fuq il-benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali f'dak il-ħin.

Artikolu 24

Permessi ta’ residenza

1.   Kemm jista' jkun malajr wara li jkun ingħata protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat permess ta’ residenza li jrid ikun validu għal mill-inqas tliet snin u jiġġedded, sakemm raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku jeħtieġu mod ieħor, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(3).

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 23(1), il-permess ta’ residenza li jrid jinħareġ lill-membri tal-familja tal-benefiċjarji ta’ status ta’ refuġjati jista' jkun validu għal inqas minn tliet snin u jkun jiġġedded.

2.   Kemm jista' jkun malajr wara li tkun ingħatat protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja u lill-membri tal-familja tagħhom permess ta’ residenza li jista' jiġġedded irid ikun validu għal mill-inqas sena u, f'każ ta’ tiġdied, għal mill-inqas sentejn, sakemm raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubblika jeħtieġu mod ieħor.

Artikolu 25

Dokument ta’ vjaġġjar

1.   L-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji ta’ status ta’ refuġjat dokumenti ta’ vjaġġar, fil-forma stabbilita fl-Iskeda mehmuża mal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, għall-iskop ta’ vjaġġar barra mit-territorju tagħhom sakemm raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku jeħtieġu mod ieħor.

2.   L-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja li ma jistgħux jiksbu passaport nazzjonali, dokumenti li jippermettulhom li jivvjaġġaw barra mit-territorju tagħhom, minbarra jekk raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubblika jeħtieġu mod ieħor.

Artikolu 26

Aċċess għal impjieg

1.   L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonalisabiex jieħu parti f'attivitajiet ta’ xogħol bħala impjegati jew xogħol għal rashom soġġett għar-regoli ġeneralment applikabbli għall-professjoni u għas-settur pubbliku, immedjatament wara li tkun ingħatat protezzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li attivitajiet bħal opportunitajiet ta’ edukazzjoni relatati mal-impjieg għall-adulti, taħriġ vokazzjonali, inklużi korsijiet ta’ taħriġ sabiex jittejbu ħiliet, l-esperjenzi ta’ prattiki tal-post tax-xogħol u s-servizzi ta’ konsulenza li jingħataw mill-uffiċji tal-impjieg, jiġu offruti lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, taħt l-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini nazzjonali.

3.   L-Istati Membri għandhom jippruvaw jiffaċilitaw aċċess sħiħ għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali għall-attivitajiet imsemmija fil-paragrafu 2.

4.   Il-liġi fis-seħħ fl-Istati Membri applikabbli għal rimunerazzjoni, aċċess għal sistemi ta’ sigurta soċjali relatati ma’ attivitajiet ta’ xogħol ta’ persuna impjegata jew li taħdem għal rasha u kundizzjonijiet oħra ta’ impjieg għandhom japplikaw.

Artikolu 27

Aċċess għal edukazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jagħtu aċċess sħiħ għas-sistema ta’ edukazzjoni lill-minuri kollha li ngħataw protezzjoni internazzjonali taħt l-istess kundizzjonijiet bħal ċittadini nazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-adulti li jingħataw protezzjoni internazzjonali aċċess għas-sistema ġenerali ta’ edukazzjoni, aktar taħriġ jew taħriġ mill-ġdid, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal ċittadini nazzjonali ta’ pajjiż terz legalment residenti.

Artikolu 28

Aċċess għal proċeduri għar-rikonoxximent ta’ kwalifiki

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw trattament ugwali bejn benefiċjarji ta’ protezzjonali internazzjonali u ċittadini nazzjonali fil-kuntest tal-proċeduri eżistenti ta’ rikonoxximent għal diplomi, ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali minn barra l-pajjiż.

2.   L-Istati Membri għandhom jippruvaw jiffaċilitaw aċċess sħiħ għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali li ma jistgħux jipprovdu evidenza dokumentarja tal-kwalifiki tagħhom lil skemi xierqa għall-valutazzjoni, validazzjoni u akkreditament tat-tagħlim tagħhom preċedenti. Kull miżura bħal din għandha tikkonforma mal-Artikoli 2(2) u 3(3) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali (4).

Artikolu 29

Għajnuna soċjali

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jirċievu, fl-Istat Membru li jkun ta din il-protezzjoni, l-għajnuna soċjali meħtieġa, kif ipprovdut lil ċittadini nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru.

2.   B'deroga mir-regola ġenerali stipulata fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-għajnuna soċjali mogħtija lil benefiċjarji bi status ta’ protezzjoni sussidjarja għal benefiċċji bażiċi li mbagħad jiġu provduti fl-istess livelli u bl-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibilità bħalma jingħataw liċ-ċittadini nazzjonali.

Artikolu 30

Kura tas-saħħa

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jkollhom aċċess għall-kura tas-saħħa taħt l-istess kondizzjonijiet ta’ eliġibilità bħal ċittadini nazzjonali tal-Istat Membru li jkun ta’ din il-protezzjoni

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu, taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibilità bħal ċittadini nazzjonali tal-Istat Membru li jkun ta l-protezzjoni, kura tas-saħħa adegwata, inkluż trattament għal mard mentali meta meħtieġ, lil benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali li għandhom bżonnijiet speċjali, bħal ma huma nisa tqal, persuni b'diżabilità, persuni li jkunu għaddew minn tortura, stupru jew forom oħra serji ta’ vjolenza psikoloġika, fiżika jew sesswali jew minuri li kienu sfaw vittmi ta’ kull forma ta’ abbuż, negliġenza, esplojtazzjoni, tortura, trattament krudili, inuman jew degradanti jew li jkunu sofrew minn konflitt armat.

Artikolu 31

Minuri mhux akkumpanjati

1.   Kemm jista' jkun malajr wara li tingħata protezzjoni internazzjonali l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw ir-rappreżentanza ta’ minuri mhux akkumpanjati minn kustodja legali, jew fejn meħtieġ, minn organizzazzjoni responsabbli għall-kura u l-benesseri tal-minuri, jew b'kull rappreżentanza oħra xierqa inkluż dik ibbażata fuq il-leġiżlazzjoni jew ordni tal-qorti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-bżonnijiet tal-minuri jiġu sodisfatti b'mod dovut fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva mill-kustodju jew rappreżentant maħtur. L-awtoritajiet xierqa għandhom jagħmlu l-evalwazzjonijiet regolari.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-minuri mhux akkumpanjati jitqiegħdu jew:

(a)

ma' qraba adulti; jew

(b)

ma' familja li trabbihom (foster); jew

(c)

f'ċentri speċjalizzati fl-akkomodazzjoni għal minuri; jew

(d)

f'akkomodazzjoni oħra addattata għal minuri.

F'dan il-kuntest, il-ħsibijiet tat-tfal għandhom jitqiesu skont l-età u l-grad ta’ maturità tagħhom.

4.   Sakemm hu possibbli, l-aħwa għandhom jinżammu flimkien, filwaqt li jitqiesu l-aħjar interessi tal-minuri kkonċernat u, b'mod partikolari, l-età u l-grad ta’ maturità tiegħu jew tagħha. Bdil ta’ residenza ta’ minuri mhux akkumpanjati għandu jiġi limitat għall-minimu.

5.   Jekk minur mhux akkumpanjat ikun ingħata protezzjoni internazzjonali u r-rintraċċjar tal-membri tal-familja tiegħu jew tagħha ma jkunx għadu beda, l-Istati Membri għandhom jibdew jirrintraċċjawhom malajr kemm jistà jkun wara l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, filwaqt li jiġu protetti l-aħjar interessi tal-minuri. Jekk ir-rintraċċjar jkun diġà beda, l-Istati Membri għandhom ikomplu l-proċess ta’ rintraċċjar fejn ikun xieraq. F'każijiet fejn jista' jkun hemm theddida għall-ħajja jew l-integrità tal-minuri jew il-qraba viċini tiegħu jew tagħha, partikolarment jekk ikunu baqgħu fil-pajjiż ta’ oriġini, għandha tingħata attenzjoni sabiex jiġi żgurat li l-ġbir, l-ipproċessar u ċ-ċirkolazzjoni ta’ informazzjoni rigward dawk il-persuni jsiru fuq bażi kunfidenzjali.

6.   Dawk li qed jaħdmu ma’ minuri mhux akkumpanjati għandhom ikun irċevew u jibqgħu jirċievu taħriġ xieraq rigward il-bżonnijiet tagħhom.

Artikolu 32

Aċċess għal akkomodazzjoni

1.   Stati Membri għandhom jiżguraw li benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni taħt kundizzjonijiet ekwivalenti għal ċittadini nazzjonali oħra ta’ pajjiż terz residenti legalment fit-territorji tagħhom.

2.   Filwaqt li jippermettu prattiki nazzjonali ta’ dispersjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom jippruvaw jimplimentaw politiki mmirati bil-għan li jipprevjenu diskriminazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali u sabiex jiżguraw opportunitajiet ugwali dwar aċċess għall-akkomodazzjoni.

Artikolu 33

Libertà ta’ moviment fi ħdan l-Istat Membru

L-Istati Membri għandhom jippermettu libertà ta’ moviment fit-territorju tagħhom għal benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, taħt l-istess kundizzjonijiet u restrizzjonijiet bħal dawk ipprovduti lil ċittadini nazzjonali ta’ pajjiż terz residenti legalment fit-territorji tagħhom.

Artikolu 34

Aċċess għal faċilitajiet ta’ integrazzjoni

Sabiex tiġi faċilitata l-integrazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fis-soċjetà, l-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni li jqisu li huma xierqa sabiex jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi tal-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, jew joħolqu kundizzjonijiet minn qabel li jiggarantixxu aċċess għal dawn il-programmi.

Artikolu 35

Ripatrijazzjoni

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għajnuna lill-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali li jixtiequ jirritornaw f'pajjiżhom.

KAPITOLU VIII

KOOPERAZZJONI AMMINISTRATTIVA

Artikolu 36

Kooperazzjoni

L-Istati Membri għandhom kull wieħed minnhom jistabbilixxu punt ta’ kuntatt nazzjonali u jikkomunikaw l-indirizz tiegħu lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tikkomunika dik l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

L-Istati Membri għandhom, b'konnessjoni mal-Kummissjoni, jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jistabbilixxu kooperazzjoni diretta u skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 37

Persunal

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li awtoritajiet u organizzazzjonijiet oħra li jimplimentaw din id-Direttiva jkunu rċevew it-taħriġ meħtieġ u għandhom jiġu marbuta bil-prinċipju ta’ kunfidenzjalità, kif definit fil-liġi nazzjonali, f'relazzjoni ma’ kull informazzjoni li jiksbu matul ix-xogħol tagħhom.

KAPITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 38

Rapporti

1.   Sa 21 ta' Ġunju 2015, il-Kummissjoni għanda tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u għandha tipproponi kull emenda li hija meħtieġa. Dawk il-proposti għal emenda għandhom isiru bi prijorità fl-Artikoli 2 u 7. L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha li hija xierqa għat-tfassil ta’ dak ir-rapport sa 21 ta' Diċembru 2014.

2.   Wara li tippreżenta r-rapport, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-inqas kull ħames snin.

Artikolu 39

Traspożizzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikoli 1, 2, 4, 7, 8, 9, 10, 11, 16, 19, 20, 22, 23, 24, 25, 26, 27, 28, 29, 30, 31, 32, 33, 34, u 35 sa 21 ta' Diċembru 2013. Għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu riferenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati b'din ir-riferenza fl-okkazzjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Għandhom ukoll jinkludu dikjarazzjoni li fiha jingħad li referenzi għal liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-direttiva mħassra minn din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif tali referenza għandha tiġi magħmula u kif tali dikjarazzjoni għandha tiġi mfassla.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 40

Tħassir

Id-Direttiva 2004/83/KE hi mħassra għall-Istati Membri marbutin b'din id-Direttiva bis-seħħ minn 21 ta' Diċembru 2013, mingħajr preġudizzji għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva stabbilita fl-Anness I, Parti B.

Għall-Istati Memebri marbutin b'din id-Direttiva, referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 41

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 1, 2, 4, 7, 8, 9, 10, 11, 16, 19, 20, 22, 24, 25, 26, 27, 28, 29, 30, 31, 32, 33, 34 u 35 għandhom japplikaw minn 22 ta' Diċembru 2013.

Artikolu 42

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri bi qbil mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

M. SZPUNAR


(1)  ĠU C 18, 19.1.2011, p, 80.

(2)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Ottubru 2011 (għadha mhix ippublikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2011

(3)  ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12. Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kap. 19, Vol. 7, p. 96.

(4)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.


ANNESS I

PARTI A

Direttiva Mħassra

(imsemmija fl-Artikolu 40)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE

(ĠU L 304, 30.9.2004, p. 12)

PARTI B

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 39)

Direttiva

Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni

2004/83/KE:

fl-10 ta’ Ottubru 2006.


ANNESS II

Tabella ta’ Korrelazzjoni

Direttiva 2004/83/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2, il-kliem tal-bidu

Artikolu 2, il-kliem tal-bidu

Artikolu 2(a)

Artikolu 2(a)

Artikolu 2(b)

Artikolu 2(b) – (g)

Artikolu 2(c) – (h)

Artikolu 2(i)

Artikolu 2(h)

Artikolu 2(j), l-ewwel u t-tieni inċiż

Artikolu 2(j) it-tielet inċiż

Artikolu 2(k)

Artikolu 2(i)

Artikolu 2(l)

Artikolu 2(j)

Artikolu 2(m)

Artikolu 2(k)

Artikolu 2(n)

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6

Artikolu 6

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8(1)(2)

Artikolu 8(1)(2)

Artikolu 8(3)

Artikolu 9

Artikolu 9

Artikolu 10

Artikolu 10

Artikolu 11(1)(2)

Artikolu 11(1)(2)

Artikolu 11(3)

Artikolu 12

Artikolu 12

Artikolu 13

Artikolu 13

Artikolu 14

Artikolu 14

Artikolu 15

Artikolu 15

Artikolu 16(1)(2)

Artikolu 16(1)(2)

Artikolu 16(3)

Artikolu 17

Artikolu 17

Artikolu 18

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 19

Artikolu 20(1) – (5)

Artikolu 20(1) – (5)

Artikolu 20(6)(7)

Artikolu 21

Artikolu 21

Artikolu 22

Artikolu 22

Artikolu 23(1)

Artikolu 23(1)

Artikolu 23(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 23(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 23(2) it-tieni subparagrafu

Artikolu 23(2) it-tielet subparagrafu

Artikolu 23(3) – (5)

Artikolu 23(3) – (5)

Artikolu 24(1)

Artikolu 24(1)

Artikolu 24(2)

Artikolu 24(2)

Artikolu 25

Artikolu 25

Artikolu 26(1) – (3)

Artikolu 26(1) – (3)

Artikolu 26(4)

Artikolu 26(5)

Artikolu 26(4)

Artikolu 27(1)(2)

Artikolu 27(1)(2)

Artikolu 27(3)

Artikolu 28(1)

Artikolu 28(2)

Artikolu 28(1)

Artikolu 29(1)

Artikolu 28(2)

Artikolu 29(2)

Artikolu 29(1)

Artikolu 30(1)

Artikolu 29(2)

Artikolu 29(3)

Artikolu 30(2)

Artikolu 30

Artikolu 31

Artikolu 31

Artikolu 32(1)

Artikolu 32(2)

Artikolu 32

Artikolu 33

Artikolu 33

Artikolu 34

Artikolu 34

Artikolu 35

Artikolu 35

Artikolu 36

Artikolu 36

Artikolu 37

Artikolu 37

Artikolu 38

Artikolu 38

Artikolu 39

Artikolu 40

Artikolu 39

Artikolu 41

Artikolu 40

Artikolu 42

Anness I

Anness II