15.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 296/35


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2011/90/UE

tal-14 ta’ Novembru 2011

li temenda Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jipprovdi assunzjonijiet addizzjonali għall-kalkolu tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumaturi u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (1) (Direttiva tal-Kreditu tal-Konsumatur), u b’mod partikolari l-Artikolu 19(5) tagħha,

Billi:

(1)

L-esperjenza miġbura mill-Istati Membri bl-implimentazzjoni tad-Direttiva 2008/48/KE wriet li l-assunzjonijiet stipulati fil-Parti II tal-Anness I ta’ dik id-Direttiva mhumiex biżżejjed għall-kalkolu b’mod uniformi tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta u barra dan mhumiex aktar adottati għas-sitwazzjoni kummerċjali fis-suq.

(2)

Huwa neċessarju li jsiru żidiet ma’ dawk l-assunzjonijiet billi jiġu pprovduti assunzjonijiet ġodda fuq il-livelli għall-kalkolu tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta għal krediti mingħajr tul ta’ żmien fiss jew ripagabbli bis-sħiħ ripetutament. Huwa neċessarju wkoll li jiġu pprovduti livelli għall-għażla taż-żmien tal-bidu tal-ġbid ta’ kreditu u l-ħlasijiet li jridu jsiru mill-konsumatur.

(3)

Il-Parti II tal-Anness I mad-Direttiva 2008/48/KE għandha għalhekk tiġi emendata skont dan.

(4)

Il-miżuri pprovduti f’din id-Direttiva huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 25(1) tad-Direttiva 2008/48/KE u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Il-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2008/48/KE hija emendata kif stipulat fl-Anness ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jaddottaw u jippubblikaw, sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2012, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni dwar dan.

Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2013.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif għandha ssir it-tali referenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66.


ANNESS

Il-Parti II tal-Anness I tad-Direttiva 2008/48/KE hija mibdula b’dan li ġej:

“II.

L-assunzjonijiet miżjuda għall-kalkolu tar-rata perċentwali annwali ta’ imposta għandhom ikunu kif ġej:

(a)

Jekk ftehim ta’ kreditu jagħti lill-konsumatur libertà fil-ġbid ta’ kreditu, l-ammont totali ta’ kreditu għandu jitqies li jkun miġbud immedjatament u interament.

(b)

Jekk ftehim ta’ kreditu jagħti lill-konsumatur il-libertà ta’ ġbid ta’ kreditu b’mod ġenerali iżda jimponi, fost il-modi differenti ta’ ġbid, limitu fir-rigward tal-ammont ta’ kreditu u l-perjodu ta’ żmien, l-ammont ta’ kreditu għandu jitqies bħala li nġibed fl-aktar data bikrija prevista fil-ftehim u skont dawk il-limiti ta’ ġbid.

(ċ)

Jekk ftehim ta’ kreditu jipprovdi modi differenti għall-ġbid ta’ kreditu b’imposti jew rati tat-teħid ta’ self differenti, l-ammont totali tal-kreditu għandu jitqies bħala li ġie miġbud fl-ogħla imposta u rata ta’ teħid ta’ self applikata għall-mekkaniżmu għall-ġbid ta’ kreditu l-iktar komuni għal dan it-tip ta’ ftehim ta’ kreditu.

(d)

Fil-każ ta’ faċilità ta’ overdraft, l-ammont totali ta’ kreditu għandu jiġi meqjus li huwa miġbud kompletament u għat-tul ta’ żmien kollu tal-ftehim ta’ kreditu. Jekk id-duratura tal-faċilità ta’ overdraft mhix magħrufa, ir-rata perċentwali annwali ta’ imposta għandha tiġi kkalkolata fuq is-suppożizzjoni li t-tul ta’ żmien tal-kreditu huwa tliet xhur.

(e)

Fil-każ ta’ ftehim ta’ kreditu bla skadenza, ħlief faċilità ta’ overdraft, għandu jiġi meqjus li:

(i)

il-kreditu pprovdut għall-perjodu ta’ sena li jibda mid-data tal-ġbid tal-bidu, u li l-ħlas finali magħmul mill-konsumatur iħassar il-bilanċ tal-kapital, l-imgħax u imposti oħrajn, jekk ikun hemm;

(ii)

il-kapital huwa mħallas mill-ġdid mill-konsumatur fi ħlasijiet ndaqs kull xahar, li jibdew xahar wara d-data tal-ġbid tal-bidu. Madankollu, f’każi fejn il-kapital għandu biss jitħallas mill-ġdid bis-sħiħ, fi ħlas waħdieni, f’kull perjodu ta’ ħlas, ġbid suċċessivi u ħlasijiet mill-ġdid tal-kapital kollu mill-konsumatur għandhom jitqiesu li jsiru fil-perjodu ta’ sena. L-imgħax u imposti oħrajn għandhom jiġu applikati skont il-ġbid u l-ħlasijiet mill-ġdid tal-kapital u kif pprovdut fil-ftehim ta’ kreditu.

Għall-għanijiet ta’ dan il-punt, ftehim ta’ kreditu bla skadenza huwa ftehim ta’ kreditu mingħajr tul ta’ żmien fiss u jinkludi krediti li għandhom jitħallsu mill-ġdid bis-sħiħ fil-perjodu jew wara l-perjodu, iżda la darba jitħallsu mill-ġdid, jsiru disponibbli mill-ġdid biex jinġibdu.

(f)

Fil-każ ta’ ftehimiet ta’ kreditu, ħlief overdrafts u krediti bla skandenza kif imsemmi fl-assunzjonijiet stipulati fil-punti (d) u (e):

(i)

jekk id-data jew l-ammont ta’ ġbid mill-ġdid tal-kapital, li għandu jsir mill-konsumatur ma jistgħux jiġu aċċertati, għandu jitqies li l-ħlas mill-ġdid isir fl-iktar data qrib ipprovduta fil-ftehim ta’ kreditu u huwa għall-inqas ammont li jipprovdi għalih il-ftehim ta’ kreditu;

(ii)

jekk id-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu mhix magħrufa, id-data tal-bidu tal-ġbid għandha tkun meqjusa bħala d-data li tirriżulta fl-inqas intervall bejn dik id-data u d-data tal-ewwel ħlas li għandu jsir mill-konsumatur.

(g)

Fejn id-data u l-ammont ta’ ħlas li għandu jsir mill-konsumatur ma jistgħux jiġu aċċertati abbażi tal-ftehim ta’ kreditu jew l-assunzjonijiet stipulati fil-punti (d), (e) jew (f), għandu jitqies li l-ħlas isir skont id-dati u l-kundizzjonijiet meħtieġa mill-kreditur u, meta dawn ma jkunux magħrufa:

(i)

imposti tal-interessi jitħallsu flimkien mal-ħlas mill-ġdid tal-kapital;

(ii)

imposta bla interess espressa f’somma waħdanija titħallas fid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ kreditu;

(iii)

imposti bla interess espressi f’diversi ħlasijiet jitħallsu f’intervalli regolari, jibdew mad-data tal-ewwel ħlas mill-ġdid tal-kapital, u jekk l-ammont ta’ ħlasijiet tali mhuwiex magħruf għandhom jitqiesu bħala ammonti ndaqs;

(iv)

il-ħlas finali jħassar il-bilanċ tal-kapital, l-imgħax u imposti oħrajn, jekk ikun hemm.

(h)

Jekk il-limitu massimu applikabbli għall-kreditu għadu ma ġiex miftiehem, dak il-limitu massimu jitqies li hu EUR 1 500.

(i)

Jekk jiġu offruti rati tat-teħid ta’ self u imposti differenti għal perjodu jew ammont limitat, ir-rata tat-teħid ta’ self u l-imposti għandhom jitqiesu li huma l-ogħla rata għat-tul ta’ żmien kollu tal-ftehim ta’ kreditu.

(j)

Għal ftehimiet ta’ kreditu tal-konsumatur li għalihom hija miftehma rata tat-teħid ta’ self fissa fir-rigward tal-perjodu inizjali, li fi tmiem tiegħu tiġi ddeterminata rata tat-teħid ta’ self ġdida u sussegwentement perjodikament aġġustata skont indikatur miftiehem, il-kalkolu tar-rata perċentwali annwali tal-imposti għandha tkun ibbażata fuq is-suppożizzjoni li, fi tmiem il-perjodu ta’ rata tat-teħid ta’ self fissa, ir-rata tat-teħid tas-self tkun l-istess bħal meta sar il-kalkolu tar-rata perċentwali annwali, abbażi tal-valur tal-indikatur miftiehem f’dak iż-żmien.”