23.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 306/41


DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2011/85/UE

tat-8 ta’ Novembru 2011

dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 126(14) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (2),

Billi:

(1)

Jeħtieġ li sservi ta’ sisien l-esperjenza miksuba matul l-aħħar deċennju tal-unjoni ekonomika u monetarja. L-iżviluppi ekonomiċi reċenti ħolqu sfidi ġodda għat-tmexxija tal-politika fiskali fl-Unjoni kollha u b’mod partikolari enfasizzaw il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sjieda nazzjonali u li jkun hemm rekwiżiti uniformi fir-rigward tar-regoli u l-proċeduri li jifformaw l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. B’mod partikolari, huwa meħtieġ li jkun speċifikat x’għandhom jagħmlu l-awtoritajiet nazzjonali biex ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu.

(2)

Il-gvernijiet u s-sottosetturi tal-gvernijiet tal-Istati Membri jżommu sistemi ta’ kontabbiltà pubblika li jinkludu elementi bħaż-żamma tal-kotba, il-kontroll intern, ir-rappurtar finanzjarju, u l-verifika. Għandha ssir distinzjoni bejn dawk is-sistemi u d-data tal-istatistika relatata mar-riżultati tal-finanzi tal-gvern abbażi ta’ metodoloġiji tal-istatistika, u minn tbassir jew azzjonijiet ta’ bbaġitjar relatati mal-finanzi futuri tal-gvern.

(3)

Il-prattiċi tal-kontabbiltà pubblika kompleti u affidabbli għas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika huma prekondizzjoni għall-produzzjoni ta’ statistika ta’ kwalità għolja li tkun komparabbli fl-Istati Membri kollha. Il-kontroll intern għandu jiżgura li r-regoli eżistenti jiġu infurzati fis-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika ġenerali. L-awditjar indipendenti mwettaq minn istituzzjonijiet pubbliċi bħall-qrati tal-awdituri jew minn korpi privati tal-awditjar għandu jinkoraġġixxi l-aqwa prattiki internazzjonali.

(4)

Id-disponibbiltà ta’ data fiskali hija kruċjali għall-funzjonament tajjeb tal-qafas ta’ sorveljanza baġitarja tal-Unjoni. Id-disponibbiltà regolari ta’ data fiskali f’waqtha u affidabbli hija ċ-ċavetta għal monitoraġġ tajjeb u f’waqtu, li mbagħad jippermetti azzjoni rapida fil-każ ta’ żviluppi baġitarji mhux mistennija. Element kruċjali fl-iżgurar tal-kwalità ta’ data fiskali, huwa t-trasparenza, li għandha tinvolvi disponibbiltà pubblika u regolari ta’ data bħal din.

(5)

Fir-rigward tal-istatistika, ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-istatistika Ewropea (3) stabbilixxa qafas leġislattiv għall-produzzjoni ta’ statistika Ewropea bil-ħsieb tal-formulazzjoni, l-applikazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-linji ta’ politika tal-Unjoni. Dak ir-Regolament stabbilixxa wkoll il-prinċipji li jirregolaw l-iżvilupp, il-produzzjoni u d-disseminazzjoni tal-istatistika Ewropea: l-indipendenza professjonali, l-imparzjalità, l-oġġettività, l-affidabbiltà, il-kunfidenzjalità tal-statistika u l-effettività tal-infiq, filwaqt li jagħti definizzjonijiet preċiżi ta’ kull wieħed minn dawn il-prinċipji. Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (4), saħħaħ is-setgħat tal-Kummissjoni biex tivverifika d-data tal-istatistika użata fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv.

(6)

Id-definizzjonijiet ta’ ‘gvern’, ‘defiċit’ u ‘investiment’ huma stabbiliti fil-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv b’referenza għas-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Ekonomiċi Integrati (ESA), sostitwita bis-sistema Ewropea ta’ kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (adottata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (5) (ESA 95).

(7)

Id-disponibbiltà u l-kwalità tad-data tal-ESA 95 huma kruċjali biex jiġi żgurat funzjonament tajjeb tal-qafas ta’ sorveljanza fiskali tal-Unjoni. L-ESA95 toqgħod fuq informazzjoni pprovduta fuq bażi tad-dovuti. Madanakollu, din l-istatistika fiskali tad-dovuti tiddipendi mill-kompilazzjoni preċedenti ta’ data bbażata fuq flus kontanti, jew l-ekwivalenti tagħha. Dawn jista’ jkollhom rwol rilevanti fit-tisħiħ ta’ monitoraġġ baġitarju f’waqtu, sabiex jiġi evitat is-sejbien tard ta’ żbalji baġitarji sinifikanti. Id-disponibbiltà tas-serje ta’ żmien ta’ data bbażata fuq flus kontanti tal-iżviluppi baġitarji, tista’ tikxef tendenzi li jkun jistħoqqilhom sorveljanza aktar mill-qrib. Id-data fiskali bbażata fuq flus kontanti (jew ċifri ekwivalenti mill-kontabbiltà pubblika jekk id-data bbażata fuq flus kontanti ma tkunx disponibbli) li għandha tiġi ppubblikata għandha tinkludi mill-inqas bilanċ ġenerali, dħul totali u nfiq totali. Fejn ikun ġustifikat, pereżempju fejn hemm numru kbir ta’ korpi governattivi lokali, il-pubblikazzjoni fil-ħin ta’ data tista’ sserraħ fuq tekniki ta’ stima adatti bbażati fuq kampjun ta’ korpi, b’reviżjoni sussegwenti bl-użu ta’ data sħiħa.

(8)

It-tbassir makroekonomiku u baġitarju ppreġudikat u mhux realistiku jista’ jxekkel b’mod konsiderevoli l-effettività tal-ippjanar fiskali u konsegwentement ifixkel l-impenn għal dixxiplina baġitarja, waqt li t-trasparenza u d-diskussjoni dwar il-metodoloġiji tat-tbassir jistgħu jżidu b’mod sinifikanti l-kwalità tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju għall-ippjanar fiskali.

(9)

Element kruċjali biex jiġi żgurat l-użu ta’ tbassir realistiku għat-twettiq ta’ politika baġitarja huwa t-trasparenza, li għandha tinvolvi d-disponibbiltà pubblika mhux biss tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju uffiċjali mħejji għall-ippjanar fiskali, iżda wkoll tal-metodoloġiji, is-suppożizzjonijiet u l-parametri rilevanti li fuqhom huwa bbażat tali tbassir.

(10)

L-analiżi tas-sensittività u l-projezzjonijiet baġitarji korrispondenti li jissupplimentaw ix-xenarju makrofiskali l-aktar probabbli jippermettu l-analiżi ta’ kif il-varjabbli fiskali ewlenin jistgħu jevolvu taħt suppożizzjonijiet ta’ rati ta’ tkabbir u ta’ imgħax varji u b’hekk inaqqsu ħafna r-riskju li d-dixxiplina baġitarja tkun ipperikolata minn żbalji fit-tbassir.

(11)

It-tbassir mill-Kummissjoni u l-informazzjoni dwar il-mudelli li fuqhom ikunu bbażati jistgħu jipprovdu lill-Istati Membri b’punt ta’ referenza utli għax-xenarju makrofiskali l-aktar probabbli, filwaqt li jsaħħaħ il-validità tat-tbassir użat għall-ippjanar baġitarju. Madanaollu, il-livell safejn l-Istati Membri jistgħu jkunu mistennija jqabblu t-tbassir użat għall-ippjanar baġitarju mat-tbassir tal-Kummissjoni jvarja skont iż-żmien tat-tħejjija tat-tbassir u l-komparabbiltà tal-metodoloġiji u s-suppożizzjonijiet tat-tbassir. It-tbassir minn korpi indipendenti oħra jista’ jipprovdi punti ta’ referenza utli wkoll.

(12)

Id-differenzi sinifikanti bejn ix-xenarju makrofiskali magħżul u t-tbassir tal-Kummissjoni għandhom jiġu deskritti u għalihom għandhom jingħataw raġunijiet, b’mod partikolari jekk il-livell jew it-tkabbir tal-fatturi varjabbli fis-suppożizzjonijiet esterni jitbiegħed b’mod sinifikanti mill-valuri li jinsabu fit-tbassir tal-Kummissjoni.

(13)

Fid-dawl tal-interdipendenza bejn il-budgets tal-Istati Membri u l-budget tal-Unjoni, sabiex l-Istati Membri jiġu appoġġati fit-tħejjija tat-tbassir baġitarju tagħhom, il-Kummissjoni għandha tipprovdi tbassir għall-infiq tal-Unjoni bbażat fuq il-livell ta’ nfiq programmat fil-qafas finanzjarju multiannwali.

(14)

Sabiex tiġi ffaċilitata l-produzzjoni tat-tbassir użat għall-ippjanar baġitarju u jiġu ċċarati d-differenzi bejn it-tbassir tal-Istati Membri u dawk tal-Kummissjoni, kull Stat Membru għandu jkollu, fuq bażi annwali, l-opportunità li jiddiskuti mal-Kummissjoni s-suppożizzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata t-tħejjija tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju.

(15)

Il-kwalità tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju uffiċjali tissaħħaħ b’mod sinifikanti b’evalwazzjoni regolari, imparzjali u komprensiva bbażata fuq kriterji oġġettivi. Verifika bir-reqqa tinkludi skrutinju tas-suppożizzjonijiet ekonomiċi, tqabbil mat-tbassir imħejji minn istituzzjonijiet oħra u evalwazzjoni tal-prestazzjoni tat-tbassir fil-passat.

(16)

B’kont meħud tal-effettività ddokumentata ta’ oqfsa baġitarji bbażati fuq ir-regoli tal-Istati Membri fit-tisħiħ tas-sjieda nazzjonali tar-regoli fiskali tal-Unjoni u fil-promozzjoni tad-dixxiplina baġitarja, fil-promozzjoni tad-dixxiplina baġitarja, regoli fiskali numeriċi sodi li jkunu speċifiċi għall-pajjiż u li huma konsistenti mal-objettivi baġitarji fil-livell tal-Unjoni, għandhom ikunu l-pedament tal-qafas imsaħħaħ ta’ sorveljanza baġitarja msaħħa tal-Unjoni. Ir-regoli fiskali numeriċi sodi għandhom ikollhom definizzjonijiet speċifikati sew tal-miri flimkien ma’ mekkaniżmi għal monitoraġġ effettiv u f’waqtu. Dawk ir-regoli għandhom ikunu bbażati fuq analiżi affidabbli u indipendenti mwettqa minn korpi indipendenti jew korpi li għandhom awtonomija funzjonali vis-à-vis l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, l-esperjenza tal-politika wriet li biex ir-regoli fiskali numeriċi jaħdmu b’mod effettiv, għandu jkun hemm konsegwenzi marbutin man-nuqqas ta’ konformità, fejn l-ispejjeż involuti jistgħu jkunu sempliċiment reputazzjonali.

(17)

Permezz tal-Protokoll (Nru 15) dwar ċerti dispożizzjonijiet li jirrigwardaw ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq, anness mat-TUE u mat-TFUE, il-valuri referenzjali msemmija fil-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness ma’ dawk it-Trattati mhumiex direttament vinkolanti għar-Renju Unit. L-obbligu li jkun hemm regoli fiskali numeriċi li jippromwovu b’mod effettiv konformità mal-valuri referenzjali speċifiċi għad-defiċit eċċessivi, u l-obbligu relatat għall-objettivi multiannwali f’oqsfa baġitarji ta’ perjodu medju biex ikunu konsistenti ma’ regoli bħal dawn, għalhekk ma għandhomx japplikaw għar-Renju Unit.

(18)

L-Istati Membri għandhom jevitaw linji ta’ politika fiskali li jkunu proċikliċi u l-isforzi ta’ konsolidazzjoni fiskali għandhom ikunu akbar f’perjodi ta’ żminijiet ekonomiċi tajbin. Regoli fiskali numeriċi speċifikati tajjeb għandhom iwasslu għal dawn l-objettivi u għandhom ikunu riflessi fil-leġislazzjoni baġitarja annwali tal-Istati Membri.

(19)

L-ippjanar fiskali nazzjonali jista’ jkun konsistenti kemm mal-parti preventiva kif ukoll mal-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (SGP) biss jekk jadotta perspettiva multiannwali u jsegwi b’mod partikolari l-kisba tal-objettivi baġitarji għal perjodu medju. L-oqfsa baġitarji għal perjodu medju huma strettament strumentali biex ikun żgurat li l-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri huma konsistenti mal-leġislazzjoni tal-Unjoni. Fl-ispirtu tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (6) u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit (7) eċċessiv, il-parti preventiva u l-parti korrettiva tal-SGP ma għandhomx jitqiesu f’iżolament.

(20)

Għalkemm l-approvazzjoni tal-leġislazzjoni tal-budget annwali hija pass ewlieni fil-proċess tal-budget li fih jiġu adottati deċiżjonijiet baġitarji importanti fl-Istati Membri, il-parti l-kbira tal-miżuri fiskali għandhom implikazzjonijiet baġitarji li jmorru lil hinn sewwa miċ-ċiklu baġitarju annwali. Perspettiva ta’ sena waħda għalhekk tipprovdi bażi dgħajfa għal linji ta’ politika baġitarja sodi. Sabiex il-perspettiva baġitarja multiannwali tal-qafas ta’ sorveljanza baġitarja tal-Unjoni tiġi inkorporata, l-ippjanar tal-leġislazzjoni tal-budget annwali għandu jkun ibbażat fuq ippjanar fiskali multiannwali li jirriżulta mill-qafas baġitarju għal perjodu medju.

(21)

Dak il-qafas baġitarju għal perjodu medju għandu jkollu fih, fost oħrajn, projezzjonijiet ta’ kull suġġett ta’ nfiq u dħul maġġuri għas-sena tal-budget u lil hinn minnha abbażi ta’ linji ta’ politika mingħajr tibdil. Kull Stat Membru għandu jkun kapaċi jiddefinixxi b’mod adatt linji ta’ politika mingħajr tibdil u dawk id-definizzjonijiet għandhom isiru pubbliċi flimkien mas-suppożizzjonijiet involuti, il-metodoloġiji u parametri rilevanti oħrajn.

(22)

Din id-Direttiva ma għandhiex timpedixxi gvern ġdid ta’ Stat Membru milli jaġġorna l-qafas baġitarju tiegħu għal perjodu medju biex jirrifletti l-prijoritajiet politiċi ġodda tiegħu. F’dan il-każ, il-gvern il-ġdid għandu jenfasizza d-differenzi mill-qafas baġitarju preċedenti għal perjodu medju.

(23)

Id-dispożizzjonijiet tal-qafas ta’ sorveljanza baġitarja stabbilita mit-TFUE u b’mod partikolari l-SGP japplikaw għall-amministrazzjoni pubblika fl-intier tagħha, li tinkludi s-sottosetturi tal-gvern ċentrali, il-gvern statali, il-gvern lokali, u l-fondi tas-sigurtà soċjali, kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 2223/96.

(24)

Numru sinifikanti ta’ Stati Membri ġarrbu diċentralizzazzjoni fiskali mdaqqsa bid-divoluzzjoni tas-setgħat baġitarji lil gvernijiet sottonazzjonali. Ir-rwol ta’ tali gvernijiet sottonazzjonali biex jiżguraw il-konformità mal-SGP b’hekk żdiedet b’mod konsiderevoli, u għandha tingħata attenzjoni partikolari biex ikun żgurat li s-sottosetturi tal-amministrazzjoni pubblika kollha jkunu koperti kif jixraq mill-kamp ta’ applikazzjonital-obbligi u l-proċeduri stabbiliti fl-oqfsa baġitarji domestiċi, partikolarment, iżda mhux esklużivament, f’dawk l-Istati Membri.

(25)

Biex ikunu effettivi fil-promozzjoni tad-dixxiplina baġitarja u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, l-oqfsa baġitarji għandhom ikopru l-finanzi pubbliċi b’mod komprensiv. Għal din ir-raġuni, l-operazzjonijiet ta’ dawk il-korpi ta’ amministrazzjoni pubblika u fondi ġenerali li ma jiffurmawx parti mill-budgets regolari fil-livell sottosettur u li għandhom impatt immedjat jew għal perjodu medju fuq il-pożizzjonijiet baġitarji tal-Istati Membri għandhom jingħataw attenzjoni partikolari. L-impatt kombinat tagħhom fuq il-bilanċi u d-dejn ta’ amministrazzjoni pubblika għandu jiġi ppreżentat fil-qafas tal-proċessi baġitarji annwali u fil-pjanijiet baġitarji għal perjodu medju.

(26)

Bl-istess mod, l-eżistenza ta’ debiti kontinġenti teħtieġ attenzjoni xierqa. B’mod aktar speċifiku, id-debiti kontinġenti jkopru obbligazzjonijiet possibbli li jiddipendu minn xi avveniment futur inċert li jista’ jseħħ, jew obbligazzjonijiet preżenti fejn x’aktarx il-ħlas ma jsirx jew l-ammont tal-ħlas probabbli ma jkunx jista’ jitkejjel b’mod affidabbli. Huma jkopru pereżempju informazzjoni rilevanti dwar garanziji tal-gvern, is-self inadepjenti, u d-debiti li jiġu mill-operat ta’ korporazzjonijiet pubbliċi, inkluż, fejn ikun il-każ, il-probabbiltà u d-data dovuta potenzjali tal-infiq fir-rigward ta’ debiti kontinġenti. Is-sensittivitajiet tas-suq għandhom jitqiesu kif adatt.

(27)

Il-Kummissjoni għandha tissorvelja regolarment l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Għandhom jiġu identifikati u kondiviżi l-aħjar prattiċi rigward id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jittrattaw l-aspetti differenti tal-oqfsa baġitarji nazzjonali.

(28)

Ladarba l-għan ta’ din id-Direttiva, jiġifieri l-konformità uniformi mad-dixxiplina baġitarja kif meħtieġ mit-TFUE, ma tistax tinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri u tista’ tinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(29)

F’konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (8), l-Istati Membri huma mħeġġa biex ifasslu, għalihom infushom u fl-interessi tal-Unjoni, it-tabelli tagħhom stess li, safejn ikun possibbli, juru l-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u biex jagħmluhom pubbliċi,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli dettaljati rigward il-karatteristiċi tal-oqfsa baġitarji tal-Istati Membri. Dawk ir-regoli huma meħtieġa biex tiġi żgurata l-konformità tal-Istati Membri mal-obbligi taħt it-TFUE fir-rigward tal-evitar ta’ defiċits eċċessivi tal-gvern.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet ta’ ‘gvern’, ‘defiċit’ u ‘investiment’ stabbiliti fl-Artikolu 2 tal-Protokoll (Nru 12) dwar il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv anness mat-TUE u mat-TFUE. Id-definizzjoni tas-sottosetturi ta’ amministrazzjoni pubblika stabbilita fil-punt 2.70 tal-Anness A tar-Regolament (KE) Nru 2223/96 għandha tapplika wkoll.

Barra minn hekk, għandha tapplika d-definizzjoni li ġejja:

“qafas baġitarju” tfisser is-sett ta’ arranġamenti, proċeduri, regoli u istituzzjonijiet li huma l-bażi għat-twettiq tal-linji ta’ politika baġitarja ta’ amministrazzjoni pubblika, b’mod partikolari:

(a)

is-sistemi ta’ kontabbiltà baġitarja u rapportar tal-istatistika;

(b)

ir-regoli u l-proċeduri li jirregolaw it-tħejjija tat-tbassir għall-ippjanar baġitarju;

(c)

ir-regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż, li jikkontribwixxu għall-konsistenza tat-twettiq tal-politika fiskali mill-Istati Membri mal-obbligi rispettivi tagħhom skont it-TFUE imfissra f’termini ta’ indikatur sommarju tal-prestazzjoni baġitarja, bħad-defiċit, is-self, id-dejn tal-budget tal-gvern, jew komponent maġġuri tiegħu;

(d)

il-proċeduri baġitarji li jkopru regoli proċedurali li jappoġġaw il-proċess tal-budget fl-istadji kollha;

(e)

l-oqfsa baġitarji għal perjodu medju bħala sett speċifiku ta’ proċeduri baġitarji nazzjonali li jestendu l-perjodu għat-tfassil tal-politika fiskali lil hinn mill-kalendarju baġitarju annwali, inkluż l-istabbiliment tal-prijoritajiet ta’ politika u tal-objettivi baġitarji għal perjodu medju;

(f)

l-arranġamenti għal monitoraġġ u analiżi indipendenti għat-tisħiħ tat-trasparenza ta’ elementi tal-proċess tal-budget;

(g)

mekkaniżmi u regoli li jirregolaw ir-relazzjonijiet fiskali bejn l-awtoritajiet pubbliċi fis-sottosetturi tal-amministrazzjoni pubblika.

KAPITOLU II

KONTABBILTÀ U STATISTIKA

Artikolu 3

1.   Fir-rigward tas-sistemi nazzjonali tal-kontabbiltà pubblika, l-Istati Membri għandu jkollhom stabbiliti sistemi ta’ kontabbiltà pubblika li komprensivament u konsistentement ikopru s-sottosetturi kollha tal-aministrazzjoni pubblika u jkollhom fihom l-informazzjoni meħtieġa biex biex tiġi ġġenerata data bbażata fuq id-dovuti bl-għan li titħejja data bbażata fuq l-istandard tal-ESA 95. Dawk is-sistemi ta’ kontabbiltà pubblika għandhom ikunu soġġetti għal kontroll intern u awditjar indipendenti.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw disponibbiltà pubblika f’waqtha u regolari tad-data fiskali għas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika kif definiti fir-Regolament (KE) Nru 2223/96. B’mod partikolari l-Istati Membri għandhom jippubblikaw:

(a)

data fiskali bbażata fuq flus kontanti (jew iċ-ċifra ekwivalenti mill-kontabbiltà pubblika jekk data bbażata fuq flus kontanti ma tkunx disponibbli) bil-frekwenza li ġejja:

kull xahar għall-gvern ċentrali, għall-gvern statali u għas-sottosetturi tas-sigurtà soċjali, qabel l-aħħar tax-xahar ta’ wara, u

kull tliet xhur, għas-sottosettur tal-gvern lokali, qabel l-aħħar tal-perjodu tat-tliet xhur ta’ wara;

(b)

tabella ta’ rikonċiljazzjoni dettaljata li turi l-metodoloġija tat-transizzjoni bejn data bbażata fuq flus kontanti (jew iċ-ċifri ekwivalenti mill-kontabbiltà pubblika jekk data bbażata fuq flus kontanti ma tkunx disponibbli) u data bbażata fuq l-istandard tal-ESA 95.

KAPITOLU III

TBASSIR

Artikolu 4

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ippjanar fiskali jkun ibbażat fuq tbassir makroekonomiku u baġitarju realistiku bl-użu tal-aktar informazzjoni aġġornata. L-ippjanar baġitarju għandu jkun ibbażat fuq ix-xenarju makrofiskali l-aktar probabbli jew fuq xenarju aktar prudenti. It-tbassir makroekonomiku u baġitarju għandu jitqabbel mat-tbassir l-aktar aġġornat tal-Kummissjoni u, jekk ikun xieraq, ma’ dak ta’ korpi indipendenti oħra. Id-differenzi sinifikanti bejn ix-xenarju makrofiskali magħżul u t-tbassir tal-Kummissjoni għandhom jiġu deskritti bir-raġunijiet għalihom, b’mod partikolari jekk il-livell jew it-tkabbir tal-fatturi varjabbli fis-suppożizzjonijiet esterni jitbiegħed b’mod sinifikanti mill-valuri li jinsabu fit-tbassir tal-Kummissjoni.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-metodoloġiji, is-suppożizzjonijiet u l-parametri rilevanti li fuqhom ikun ibbażat it-tbassir makroekonomiku u baġitarju tagħha.

3.   Biex l-Istati Membri jiġu appoġġati fit-tħejjija tat-tbassir baġitarju tagħhom, il-Kummissjoni għandha tipprovdi tbassir għall-infiq tal-Unjoni bbażat fuq il-livell ta’ nfiq programmat fil-qafas finanzjarju multiannwali.

4.   Fil-qafas ta’ analiżi tas-sensittività, it-tbassir makroekonomikuu baġitarju għandu jeżamina t-tendenzi ta’ fatturi fiskali varjabbli prinċipali taħt suppożizzjonijiet differenti ta’ rati ta’ tkabbir u ta’ interessi. Il-firxa ta’ suppożizzjonijiet alternattivi użati fit-tbassir makroekonomiku u baġitarju għandha tkun iggwidata mill-prestazzjoni tat-tbassir tal-passat u għandha tagħmel ħilitha biex tieħu kont tax-xenarji rilevanti tar-riskju.

5.   L-Istati Membri għandhom jispeċifikaw liema istituzzjoni hija responsabbli għall-produzzjoni tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju u għandhom jippubblikaw it-tbassir makroekonomiku u baġitarju uffiċjali mħejji għall-ippjanar fiskali, inklużi l-metodoloġiji, is-suppożizzjonijiet u l-parametri rilevanti li hu bbażat fuqhom dak it-tbassir. Mill-inqas darba fis-sena l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandu jkollhom djalogu tekniku dwar is-suppożizzjonijiet li fuqhom hija bbażata t-tħejjija tat-tbassir makroekonomiku u baġitarju.

6.   It-tbassir makroekonomiku u baġitarju għall-ippjanar fiskali għandu jkun soġġett għal evalwazzjoni regolari, imparzjali u komprensiva bbażata fuq kriterji oġġettivi, inkluża evalwazzjoni ex post. Ir-riżultat ta’ dik l-evalwazzjoni għandu jiġi ppubblikat u jitqies kif adatt fit-tbassir makroekonomiku u baġitarju futur. Jekk l-evalwazzjoni tidentifika preġudizzju sinifikanti li jaffettwa t-tbassir makroekonomiku fuq perjodu ta’ mill-inqas erba’ snin konsekuttivi, l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-azzjoni meħtieġa u jippubblikaha.

7.   Il-livelli ta’ kull tliet xhur tad-dejn u tad-defiċit tal-Istati Membri għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni (Eurostat) kull tliet xhur.

KAPITOLU IV

REGOLI FISKALI NUMERIĊI

Artikolu 5

Kull Stat Membru għandu jkollu stabbiliti regoli fiskali numeriċi li jkunu speċifiċi għalih u li jippromwovu b’mod effettiv il-konformità mal-obbligi tiegħu derivanti mit-TFUE fil-qasam tal-politika baġitarja fuq orizzont multiannwali għall-amministrazzjoni pubblika ġenerali fl-intier tagħha. Regoli bħal dawn għandhom jippromwovu b’mod partikolari:

(a)

il-konformità mal-valuri referenzjali dwar id-defiċit u d-dejn stabbiliti f’konformità mat-TFUE;

(b)

l-adozzjoni ta’ perjodu ta’ ppjanar fiskali multiannwali, li jinkludi konformità mal-objettivi baġitarji għal perjodu medju tal-Istati Membri.

Artikolu 6

1.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tat-TFUE dwar il-qafas ta’ sorveljanza baġitarja tal-Unjoni, ir-regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż għandhom jinkludu speċifikazzjonijiet dwar l-elementi li ġejjin:

(a)

id-definizzjoni tal-miri u l-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli;

(b)

il-kontroll effettiv u f’waqtu rigward il-konformità mar-regoli bbażat fuq analiżi affidabbli u indipendenti mwettqa minn korpi indipendenti jew korpi li għandhom awtonomija funzjonali vis-à-vis l-awtoritajiet fiskali tal-Istati Membri;

(c)

il-konsegwenzi fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità.

2.   Jekk ir-regoli fiskali numeriċi jkollhom fihom klawsoli ta’ non-applikabbiltà, dawn il-klawsoli għandhom jistabbilixxu numru limitat ta’ ċirkostanzi speċifiċi konsistenti mal-obbligi tal-Istati Membri li jirriżultaw mit-TFUE fil-qasam tal-politika baġitarja u proċeduri stretti għal meta huwa permess nuqqas ta’ konformità temporanju mar-regola.

Artikolu 7

Il-leġislazzjoni tal-budget annwali tal-Istati Membri għandha tirrifletti r-regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż li fih ikunu fis-seħħ.

Artikolu 8

L-Artikoli 5 sa 7 ma għandhomx japplikaw għar-Renju Unit.

KAPITOLU V

OQFSA BAĠITARJI GĦAL PERJODU MEDJU

Artikolu 9

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu qafas baġitarju kredibbli, effettiv għal perjodu medju li jipprevedi l-adozzjoni ta’ perjodu ta’ ppjanar fiskali ta’ mill-inqas tliet snin biex ikun żgurat li l-ippjanar fiskali nazzjonali jsegwi perspettiva ta’ ppjanar fiskali multiannwali.

2.   L-oqfsa baġitarji għal perjodu medju għandhom jinkludu proċeduri għall-istabbiliment tal-punti li ġejjin:

(a)

objettivi baġitarji multiannwali komprensivi u trasparenti fir-rigward tad-defiċit, id-dejn u ta’ kwalunkwe indikatur fiskali sommarju ieħor bħall-infiq tal-amministrazzjoni pubblika biex jiġi żgurat li dawn ikunu konsistenti ma’ kwalunkwe regola fiskali numerika kif previst fil-Kapitolu IV fis-seħħ;

(b)

projezzjonijiet għal kull suġġett ta’ nfiq u dħul maġġuri tal-amministrazzjoni pubblika b’aktar speċifikazzjonijiet dwar il-gvern ċentrali u l-livell tas-sigurtà soċjali, għas-sena tal-budget u lil hinn minnha, ibbażati fuq linji ta’ politika mingħajr tibdil;

(c)

deskrizzjoni ta’ linji ta’ politika mbassra għall-perjodu medju b’impatt fuq il-finanzi tal-amministrazzjoni pubblika mqassma skont is-suġġett ta’ dħul u nfiq maġġuri li turi kif jinkiseb l-aġġustament lejn l-objettivi baġitarji għal perjodu medju meta mqabbel mal-projezzjonijiet taħt il-linji ta’ politika mingħajr tibdil;

(d)

evalwazzjoni ta’ kif, fid-dawl tal-impatt dirett tagħhom fuq perjodu twil fuq il-finanzi tal-amministrazzjoni pubblika, il-linji ta’ politika mbassra x’aktarx li jaffettwaw is-sostenibbiltà fuq perjodu twil tal-finanzi pubbliċi.

3.   Il-projezzjonijiet adottati fi ħdan l-oqfsa baġitarji għal perjodu medju għandhom ikunu bbażati fuq tbassir makroekonomiku u baġitarju realistiku f’konformità mal-Kapitolu III.

Artikolu 10

Il-leġislazzjoni tal-budget annwali għandha tkun konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-qafas baġitarju għal perjodu medju. B’mod speċifiku, il-projezzjonijiet u l-prijoritajiet ta’ dħul u ħruġ li jirriżultaw mill-qafas baġitarju għal perjodu ta’ żmien medju kif stabbilit fl-Artikolu 9(2) għandhom jikkostitwixxu l-bażi għat-tħejjija tal-budget annwali. Kwalunkwe devjazzjoni minn dawn id-dispożizzjonijiet għandha tkun debitament spjegata.

Artikolu 11

Ebda dispożizzjoni f’din id-Direttiva ma tipprojbixxi gvern ġdid ta’ Stat Membru milli jaġġorna l-qafas baġitarju tiegħu għal perjodu medju biex jirrifletti l-prijoritajiet politiċi ġodda tiegħu. F’dan il-każ, il-gvern il-ġdid għandu jindika d-differenzi mill-qafas baġitarju preċedenti għal perjodu medju.

KAPITOLU VI

TRASPARENZA TAL-FINANZI TAL-AMMINISTRAZZJONI PUBBLIKA U L-AMBITU KOMPRENSIV TAL-OQFSA BAĠITARJI

Artikolu 12

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe miżura mwettqa għal konformità mal-Kapitoli II, III u IV, tkun konsistenti fis-sottosetturi kollha, u komprensiva fil-kopertura tas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika. B’mod partikolari dan għandu jeħtieġ il-konsistenza tar-regoli u l-proċeduri tal-kontabbiltà u l-integrità tas-sistemi tal-ġbir u l-ipproċessar tad-data sottostanti tagħhom.

Artikolu 13

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi xierqa ta’ koordinazzjoni fis-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika biex jipprevedu kopertura komprensiva u konsistenti tas-sottosetturi kollha tal-amministrazzjoni pubblika fl-ippjanar fiskali, fir-regoli fiskali numeriċi speċifiċi għall-pajjiż u fit-tħejjija tat-tbassir baġitarju u l-istabbiliment ta’ ppjanar multiannwali kif stabbilit, b’mod partikolari, fil-qafas baġitarju multiannwali.

2.   Sabiex tiġi promossal-kontabbiltà fiskali, għandhom jiġu stabbiliti b’mod ċar ir-responsabbiltajiet baġitarji tal-awtoritajiet pubbliċi fis-sottosetturi varji tal-amministrazzjoni pubblika.

Artikolu 14

1.   Fil-qafas tal-proċessi baġitarji annwali, l-Istati Membri għandhom jidentifikaw u jippreżentaw il-korpi tal-amministrazzjoni pubblika u fondi li ma jiffurmawx parti mill-budgets regolari fil-livell tas-sottosettur, flimkien ma’ informazzjoni rilevanti oħra. L-impatt ikkombinat fir-rigward ta’ bilanċi u dejn ta’ dawk il-korpi tal-amministrazzjoni pubblika u fondi għandhom jiġu ppreżentati fil-qafas tal-proċessi baġitarji annwali u l-pjanijiet baġitarji għal perjodu medju.

2.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw informazzjoni dettaljata rigward l-impatt li l-infiq fuq it-taxxa jkollu fuq id-dħul.

3.   Għas-sottosetturi kollha ta’ amministrazzjoni pubblika, l-Istati Membri għandhom jippubblikaw informazzjoni rilevanti dwar id-debiti kontinġenti b’impatti potenzjalment kbar fuq il-budgets pubbliċi, inklużi l-garanziji governattivi, is-self inadempjenti u d-debiti li jirriżultaw mill-operat ta’ korporazzjonijiet pubbliċi, inkluż id-daqs tagħhom. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ukoll informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika fil-kapital ta’ korporazzjonijiet pubbliċi u privati fir-rigward ta’ ammonti ekonomikament sinifikanti.

KAPITOLU VII

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 15

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet meħtieġa għall-konformità ma’ din id-Direttiva sal-31 ta’ Diċembru 2013. Dawn għandhom jibagħtu minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni. Il-Kunsill jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex għalihom u fl-interessi tal-Unjoni, ifasslu t-tabelli ta’ korrelazzjoni proprji li, kemm jista’ jkun, ser juru l-korrelazzjoni bejn id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni u jkunu disponibbli għall-pubbliku.

2.   Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew tali referenza għandha takkumpanjahom meta jiġu pubblikati uffiċjalment. Il-metodi kif issir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

3.   Il-Kummissjoni għandha tipprepara rapport interim ta’ progress dwar l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin ta’ din id-Direttiva abbażi tal-informazzjoni rilevanti mill-Istati Membri, li għandu jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-28 ta’ Diċembru 2012.

4.   L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 16

1.   Sat-28 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni għandha tippubblika reviżjoni tal-adegwatezza tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva.

2.   Ir-reviżjon għandha tevalwa, inter alia, l-adegwatezza ta’:

(a)

ir-rekwiżiti tal-istatistika għas-sottosetturi kollha tal-gvern;

(b)

it-tfassil u l-effikaċja tar-regoli fiskali numeriċi fl-Istati Membri;

(c)

il-livell ġenerali ta’ trasparenza tal-finanzi pubbliċi fl-Istati Membri.

3.   Sal-31 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni għandha tirrivedi l-adegwatezza tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà fis-Settur Pubbliku għall-Istati Membri.

Artikolu 17

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 18

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ Settembru 2011 (għada mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 150, 20.5.2011, p. 1.

(3)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

(4)  ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1.

(5)  ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1.

(6)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(7)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6.

(8)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.