14.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/1


DIRETTIVA 2011/76/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta’ Settembru 2011

li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta’ merkanzija tqila għall-użu ta’ ċerti infrastrutturi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-promozzjoni ta’ trasport sostenibbli hija element essenzjali tal-politika komuni tat-trasport. Għal dan il-għan, il-kontribut tas-settur tat-trasport għat-tibdil fil-klima u l-impatti negattivi tiegħu għandhom jitnaqqsu, b’mod partikolari l-konġestjoni, li timpedixxi l-mobbiltà u t-tniġġis tal-arja u t-tniġġis mill-istorbju, li joħolqu ħsara għas-saħħa u għall-ambjent. Barra minn hekk għandhom jiġu integrati rekwiżiti għall-protezzjoni tal-ambjent fid-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ linji ta’ politika oħrajn tal-Unjoni, inkluża l-politika komuni tat-trasport.

(2)

L-objettiv tat-tnaqqis tal-impatti negattivi tat-trasport għandu jinkiseb b’tali mod li jiġu evitati ostakoli sproporzjonati għal-libertà ta’ moviment fl-interess ta’ tkabbir ekonomiku sod, funzjonament adatt tas-suq intern u koeżjoni territorjali.

(3)

Sabiex isir l-aħjar użu mis-sistema tat-trasport kif meħtieġ, il-politika komuni tat-trasport għandha tuża varjetà ta’ strumenti biex l-infrastuttura tat-trasport u l-użu ta’ teknoloġiji jitjiebu u sabiex tippermetti ġestjoni aktar effiċjenti tad-domanda għat-trasport, permezz, b’mod partikolari, il-promozzjoni tat-tiġdid tal-flotta, użu aktar effiċjenti tal-infrastrutturi u l-komodalità. Dan jitlob aktar rikors għall-prinċipju ta’ “l-utent iħallas” u l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ “min iniġġes iħallas” fis-settur tat-trasport fil-mezzi kollha ta’ trasport.

(4)

Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4) appellat lill-Kummissjoni biex tippreżenta mudell għall-valutazzjoni tal-ispejjeż esterni kollha li jirriżultaw mill-użu tal-infrastruttura tat-trasport biex iservi bħala l-bażi għall-kalkoli futuri tat-tariffi għall-infrastruttura. Dak il-mudell kellu jkun akkumpanjat minn analiżi tal-impatt tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni għall-mezzi kollha tat-trasport u strateġija għall-implimentazzjoni pass pass tal-mudell u, jekk adatt, bi proposti għal aktar reviżjoni ta’ dik id-Direttiva.

(5)

Sabiex isir progress lejn politika tat-trasport sostenibbli, il-prezzijiet tat-trasport għandhom jirriflettu aħjar l-ispejjeż relatati mat-tniġġis tal-arja u mill-istorbju minħabba t-traffiku, it-tibdil fil-klima, u l-konġestjoni kkawżati mill-użu proprju tal-mezzi kollha ta’ trasport, bħala mezz għall-kisba tal-aħjar użu tal-infrastruttura, it-tnaqqis tat-tniġġis lokali, il-maniġġar tal-konġestjoni u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima bl-inqas spiża għall-ekonomija. Dan jitlob approċċ pass pass fil-mezzi kollha tat-trasport, b’kont meħud tal-karatteristiċi partikolari tagħhom.

(6)

Il-mezzi ta’ trasport diġà bdew jinternalizzaw l-ispejjeż esterni u l-leġiżlazzjoni relevanti tal-Unjoni tintroduċi din l-internalizzazzjoni gradwalment jew għall-inqas ma twaqqafhiex. Madankollu, dan il-proċess għandu bżonn jiġi mmonitorjat u mħeġġeġ aktar għall-mezzi kollha ta’ trasport li japplikaw għall-prinċipji komuni filwaqt li titqies l-ispeċifiċità ta’ kull mezz.

(7)

Fis-settur tat-trasport bit-triq, il-ħlasijiet għall-użu tat-triq ikkalkulati bħala tariffi għall-użu tal-infrastruttura bbażati fuq id-distanza jikkostitwixxu strument ekonomiku ġust u effiċjenti biex tintlaħaq politika tat-trasport sostenibbli, peress li għandhom relazzjoni diretta mal-użu tal-infrastruttura, il-prestazzjoni ambjentali tal-vetturi u l-lok u l-ħin tal-użu tal-vetturi u għalhekk jistgħu jiġu stabbiliti f’livell li jirrifletti l-ispiża tat-tniġġis u l-konġestjoni kkawżati mill-użu proprju tal-vetturi. Barra minn hekk, il-ħlasijiet għall-użu tat-triq ma joħolqu l-ebda distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern peress li jitħallsu mill-operaturi kollha irrispettivament mill-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom jew fejn huma stabbiliti u huma proporzjonati mal-intensità tal-użu tan-netwerk tat-toroq.

(8)

L-analiżi tal-impatt turi li l-applikazzjoni ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq ikkalkulati abbażi tal-ispiża tat-tniġġis, u, fuq toroq bi traffiku staġnat, abbażi tal-varjazzjoni ogħla tar-rati tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq matul il-perijodi l-aktar traffikużi jista’ jkollha effett pożittiv fuq is-sistema tat-trasport u tikkontribwixxi għall-istrateġija tal-Unjoni dwar it-tibdil fil-klima. Hija tista’ tnaqqas il-konġestjoni u t-tniġġis lokali billi tinkoraġġixxi l-użu ta’ teknoloġiji aktar nodfa għall-vetturi, tikseb imġiba loġistika ottimali u tnaqqas il-vjaġġi lura bla tagħbija. Indirettament, hija jista’ jkollha rwol importanti fit-tnaqqis tal-konsum tal-fjuwil u tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

(9)

Din id-Direttiva ma tipprevjenix lill-Istati Membri milli japplikaw regoli nazzjonali biex jimponu tariffi fuq utenti oħra tat-toroq li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(10)

L-ispejjeż tat-tniġġis tal-arja u tat-tniġġis mill-istorbju, bħalma huma l-ispejjeż tas-saħħa, inkluża l-kura medika, it-telf tal-uċuħ tar-raba’ u telf ieħor ta’ produzzjoni, u l-ispejjeż soċjali, jitħallsu fit-territorju tal-Istat Membru fejn iseħħ it-trasport. Il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas ser ikun implimentat permezz tal-impożizzjoni tal-ispiża esterna li ser tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-ispejjeż esterni.

(11)

Għall-fini ta’ din id-Direttiva, il-mudell li fasslet il-Kummissjoni biex tikkalkula l-ispejjeż esterni tat-tniġġis tal-arja u l-istorbju minħabba t-traffiku jipprovdi metodi affidabbli u firxa ta’ valuri unitarji li diġà jistgħu jservu bħala bażi għall-kalkolu tat-tariffi għall-ispejjeż esterni.

(12)

Għad hemm inċertezzi rigward l-ispejjeż u l-benefiċċji tas-sistemi meħtieġa biex jiġu infurzati tariffi differenzjati f’toroq bi ftit traffiku. Sakemm jiġu ttrattati dawn l-inċertezzi, jidher li approċċ flessibbli fil-livell tal-Unjoni huwa l-aktar wieħed adatt. Dan l-approċċ flessibbli għandu jħalli l-għażla f’idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu jekk u fuq liema toroq jintroduċu tariffi għall-ispejjeż esterni abbażi tal-karatteristiċi lokali u nazzjonali tan-netwerk.

(13)

Ħlasijiet fuq l-utent ibbażati fuq il-ħin jikkostitwixxu sistema utli biex jibda jiġi applikat il-prinċipju li “l-utent iħallas”, meta sistema ta’ ħlas ibbażata fuq id-distanza magħmula, li tirrefletti aħjar l-użu reali tal-infrastruttura, għadha mhijiex implimentata. Ħlasijiet fuq l-utent ibbażati fuq il-ħin li jiġu imposti kull ġurnata, kull ġimgħa, kull xahar jew kull sena ma għandhomx jiddiskriminaw kontra l-utenti okkażjonali, peress li parti kbira minn dawn l-utenti x’aktarx ikunu trasportaturi tal-merkanzija li mhumiex nazzjonali. Għalhekk għandu jiġi stabbilit proporzjon aktar dettaljat bejn ir-rati ta’ kull ġurnata, ta’ kull ġimgħa, ta’ kull xahar u ta’ kull sena għal vetturi tqal tal-merkanzija.

(14)

Sabiex jiġi żgurat li t-trasportaturi Ewropej tal-merkanzija jirċievu indikazzjonijiet ta’ prezz ċari li jservu ta’ inċentiv biex jottimizzaw l-imġiba tagħhom, għandhom isiru sforzi fuq terminu ta’ żmien medju biex tinkiseb konverġenza fil-metodi li jużaw l-Istati Membri biex jikkalkulaw l-ispejjeż esterni.

(15)

Implimentazzjoni ċara u trasparenti tal-iskemi tat-tariffi tista’ twassal għal funzjonament aħjar tas-suq intern. Għalhekk, skemi ta’ tariffi inkonsistenti għandhom jiġu evitati sabiex ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni fit-trasport internazzjonali tal-merkanzija fuq in-netwerk trans-Ewropew tat-toroq jew fuq ċerti sezzjonijiet ta’ dak in-netwerk, u fuq kwalunkwe sezzjoni addizzjonali ta’ dawk in-netwerks jew dawk l-awtostradi interkonnessi li mhumiex parti min-netwerk trans-Ewropew tat-toroq. L-istess prinċipji ta’ tariffi għandhom, b’mod partikolari, jiġu applikati għal kwalunkwe sezzjoni tan-netwerk tal-awtostradi ta’ Stat Membru.

(16)

L-Istati Membri għandu jkollhom l-opzjoni li jimponu tariffa li hi l-ogħla livell tal-ispejjeż tal-infrastruttura u l-ispejjeż esterni li tippermetti din id-Direttiva permezz tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq, iżda għandhom ikunu jistgħu jagħżlu li jimponu waħda jew iż-żewġ spejjeż f’livell aktar baxx jew li ma jimponu l-ebda spiża.

(17)

Meta jiddeterminaw in-netwerk li fuqu japplikaw tariffa għall-ispejjeż esterni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħżlu li ma jimponux tariffi għall-ispejjeż esterni fuq ċerti toroq biex itejbu l-aċċess għal, u l-kompetittività tar-reġjuni periferiċi, dawk bla kosta u gżejjer.

(18)

Għandu jkun possibbli li ma’ tariffa għall-infrastruttura jiżdied element tal-ispiża esterna abbażi tal-ispiża tat-tniġġis tal-arja u mill-istorbju tat-traffiku. L-element tal-ispiża esterna inkluż fil-ħlasijiet għall-użu tat-triq għandu jkun jista’ jiżdied mal-ispiża tal-użu tal-infrastruttura, dment li jiġu rispettati ċerti kondizzjonijiet fil-kalkolu tal-ispejjeż sabiex ikunu evitati tariffi mhux dovuti.

(19)

It-tariffa għall-ispejjeż esterni għandha tvarja skont it-tipi ta’ toroq, it-tipi ta’ vetturi u, għall-istorbju, il-perijodi tal-ħin involuti, biex tirrifletti aħjar l-ispiża tat-tniġġis tal-arja u l-istorbju minħabba t-traffiku.

(20)

Il-konġestjoni għandha impatt negattiv, fis-sens li għall-utenti tat-toroq b’mod ġenerali, dan ifisser telf ta’ ħin u ta’ fjuwil. Id-differenzi fit-tariffi għall-infrastruttura joffru għodda għall-immaniġġar tal-konġestjoni, dment li l-ħlasijiet għall-użu tat-triq differenzjati jagħtu sinjal ċar u li jinftiehem lill-utenti tat-toroq permezz tal-prezz sabiex dawn jibdlu mġibithom u jevitaw partijiet tat-toroq fejn hemm konġestjoni waqt il-perijodi bl-aktar traffiku.

(21)

Meta tiġi applikata varjazzjoni biex tonqos il-konġestjoni f’sezzjoni partikolari tat-triq, il-varjazzjoni għandha tiġi ppjanata u applikata b’mod newtrali fil-konfront tad-dħul finanzjarju, li jagħti vantaġġi finanzjarji sinifikanti lit-trasportaturi tal-merkanzija li jużaw is-sezzjoni tat-triq ikkonċernata tul perjodi ta’ traffiku mhux intensiv fuq dawk li jużawha waqt ħinijiet ta’ traffiku intensiv.

(22)

Id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwarda l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (5) diġà tipprovdi bażi għall-iżvilupp u l-ikkompletar tas-sett ta’ miżuri tal-Unjoni li jikkonċernaw l-istorbju mill-vetturi u l-infrastruttura tat-toroq billi tirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jfasslu mapep strateġiċi tal-istorbju għal toroq prinċipali u jfasslu pjani ta’ azzjoni biex inaqqsu l-istorbju fejn il-livelli ta’ espożizzjoni jistgħu jkunu ta’ ħsara għas-saħħa tal-bniedem.

(23)

Il-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern jeħtieġ qafas tal-Unjoni sabiex ikun żgurat li t-tariffi għall-użu tat-toroq stabbiliti abbażi tal-ispiża lokali tat-tniġġis tal-arja u mill-istorbju minħabba t-traffiku u abbażi tal-konġestjoni jkunu trasparenti, proporzjonati u mhux diskriminatorji. Dak il-qafas għandu jinkludi prinċipji komuni għat-tariffi, metodi ta’ kalkolu, livelli massimi u valuri għal kull unità tal-ispejjeż esterni bbażati fuq metodi xjentifiċi rikonoxxuti, kif ukoll proċeduri biex il-Kummissjoni tkun notifikata u tingħata rapporti dwar l-iskemi tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq.

(24)

Jekk awtorità tinħatar minn Stat Membru biex tistabbilixxi t-tariffa għall-ispejjeż esterni, din ma għandu jkollha l-ebda interess proprju li tistabbilixxi l-ammont f’livell mhux adatt u għalhekk għandha tkun indipendenti mill-korp li jiġbor u jamministra d-dħul mill-ħlasijiet għall-użu tat-triq.

(25)

Il-kuritur li fih mark-up hija permessa jista’ jinkludi sezzjonijiet ta’ toroq muntanjużi paralleli u li jikkompetu b’mod dirett ma’ xulxin f’distanza raġonevoli li t-traffiku jista’ jiġi ddevjat fihom bħala riżultat tal-introduzzjoni tal-mark-up. Fi proġetti transkonfinali, l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għandha tiġi miftiehma bejn l-Istati Membri kkonċernati u l-Kummissjoni.

(26)

Biex tingħata preċedenza lill-kostruzzjoni tal-proġetti prijoritarji ta’ interess Ewropew, identifikati fl-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 fuq linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew (6), l-Istati Membri li għandhom il-possibilità li japplikaw mark-up għandhom jużaw dik l-opzjoni qabel jimponu tariffa għall-ispejjeż esterni. Biex jiġu evitati tariffi żejda għall-utenti, it-tariffa għall-ispejjeż esterni ma għandhiex tiġi miżjuda b’mark-up dment li l-ispejjeż esterni ma jaqbżux l-ammont tal-mark-up diġà impost. F’każ bħal dan, huwa għalhekk adatt li l-ammont tal-mark-up jitnaqqas mit-tariffa għall-ispejjeż esterni.

(27)

Skontijiet jew tnaqqis tat-tariffa għall-ispejjeż esterni ma għandhomx ikun permessi peress li jkun hemm riskju sinifikanti li dawn jiddiskriminaw iżżejjed kontra ċerti kategoriji ta’ utenti.

(28)

Soġġett għad-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-Għajnuna mill-Istat, miżuri ta’ inċentiv għandhom ikunu permessi għal vjaġġi li jinvolvu trasferimenti modali għaljin, bħal triq-baħar-triq, fl-interess tal-koeżjoni territorjali u l-aċċessibbiltà u l-kompetittività tar-reġjuni periferiċi, dawk bla kosta u għall-gżejjer.

(29)

Għandu jkun possibbli li jiġu permessi skontijiet jew tnaqqis tat-tariffa għall-infrastruttura taħt ċerti ċirkostanzi għal kwalunkwe kategorija ta’ utent, bħal utenti frekwenti jew utenti ta’ sistemi elettroniċi ta’ ħlas għall-użu tat-triq.

(30)

It-tariffi għall-ispejjeż esterni permezz ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq jkunu aktar effettivi biex jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tal-utenti jekk huma jkunu konxji ta’ tali spejjeż. Għalhekk, dawk l-ispejjeż għandhom jiġu identifikati seperatament fuq dikjarazzjoni, fuq kont jew fuq dokument ekwivalenti pprovdut mill-operatur tal-ħlas għall-użu tat-triq. Barra minn hekk, tali dokument jagħmilha aktar faċli biex it-trasportaturi tal-merkanzija jgħaddu l-ispiża tat-tariffa għall-ispejjeż esterni lill-ispeditur jew lil kwalunkwe klijent ieħor.

(31)

L-użu ta’ sistemi ta’ ħlas għall-użu tat-triq elettroniċi huwa mixtieq biex jiġi evitat it-tfixkil għaċ-ċirkolazzjoni libera tat-traffiku u biex ma jinħolqux effetti negattivi fuq l-ambjent lokali kkawżati minn kjuwijiet quddiem il-gradi tal-kabini għall-ġbir tal-ħlas għall-użu tat-triq. Huwa għalhekk mixtieq li tiġi imposta tariffa għall-ispiża esterna permezz ta’ tali sistemi, f’konformità mad-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-interoperabilità ta’ sistemi elettroniċi dwar taxxi tat-toroq fil-Komunità (7). Bil-għan li jitħaffef it-tħaddim kif jixraq tas-suq intern, il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-progress miksub fil-qafas tad-Direttiva 2004/52/KE biex jiġi implimentat sad-dati miftiehma Servizz Elettroniku Ewropew tat-Taxxi tat-Toroq ġenwin, li jillimita l-għadd ta’ strumenti għat-taxxi elettroniċi f’vettura partikolari għal unita’ waħda li tkun kompletament kompatibbli mas-sistemi elettroniċi għall-ġbir tal-flus tal-Istati Membri kollha.

(32)

Filwaqt li d-deċiżjonijiet dwar l-ispiża pubblika nazzjonali, inkluż l-użu ta’ dħul iġġenerat skont din id-Direttiva, huma, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, kwistjoni għall-Istati Membri, id-dħul addizzjonali ġġenerat mit-tariffi għall-ispejjeż esterni, jew l-ekwivalenti f’valur finanzjarju ta’ dan id-dħul, f’konformità mal-objettivi tal-politika dwar it-trasport ta’ din id-Direttiva, għandu jintuża għall-benefiċċju tas-settur tat-trasport u għall-promozzjoni tal-mobbiltà sostenibbli inġenerali. Proġetti bħal dawn għandhom għalhekk, fost l-oħrajn, ikunu relatati mal-iffaċilitar ta’ prezzijiet effiċjenti, it-tnaqqis ta’ tniġġis tat-trasport fis-sors, il-mitigazzjoni tal-effetti tiegħu, it-titjib fil-prestazzjoni tal-vetturi fir-rigward tas-CO2 u l-enerġija, l-iżvilupp ta’ infrastruttura alternattiva għall-utenti tat-trasport, li jsir l-aħjar użu mill-loġistika jew it-titjib tas-sikurezza fit-toroq.

(33)

Sabiex tiġi promossal-interoperabilità tal-arranġamenti tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq, u soġġett għall-konformità ma’ ċerti kondizzjonijiet, żewġ Stati Membri jew aktar għandhom ikunu jistgħu jikkooperaw biex jintroduċu sistemi komuni ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq.

(34)

Il-Kummissjoni għandha fi żmien debitu tibgħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill valutazzjoni komprensiva tal-esperjenza miksuba f’dawk l-Istati Membri li japplikaw tariffa għall-ispejjeż esterni u/jew tariffa għall-infrastruttura f’konformità ma’ din id-Direttiva.

(35)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni (8) jistipula li d-dħul iġġenerat minn tariffi li jiġġarrbu direttament mill-utenti għandu jiġu kkunsidrat fid-determinazzjoni tan-nuqqas ta’ finanzjament f’każ ta’ proġett li jiġġenera d-dħul. Madankollu, id-dħul iġġenerat minn tariffi għall-ispejjeż esterni ma għandux jitqies fil-kalkolu tan-nuqqas ta’ finanzjament, minħabba li dan id-dħul għandu jintnefaq fuq proġetti bl-għan li jnaqqsu t-tniġġis tat-trasport fit-toroq fis-sors, itaffu l-effetti tiegħu, itejbu l-prestazzjoni tal-vetturi rigward CO2 u enerġija, u jiżviluppaw infrastruttura alternattiva għall-utenti tat-trasport.

(36)

Meta jimplimentaw metodi xjentifiċi alternattivi għall-kalkolu tat-tariffi għall-ispejjeż esterni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jieħdu kont tal-metodi biex jiġu kkalkulati l-valuri tal-ispejjeż monetarji tal-esternalitajiet li huma previsti mill-istudju “Handbook on estimation of external cost in the transport sector” (9), li jagħti ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni l-aktar riċenti fit-teorija u l-prattika tal-kalkolu tal-ispejjeż esterni.

(37)

Fiż-żoni muntanjużi kif deskritt fil-istudju “Mountain Areas in Europe: Analysis of mountain areas in EU Member States, acceding and other European countries” ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea fl-2004, għandhom jiġu permessi tariffi ogħla għall-ispiża esterna, sal-punt li data xjentifika oġġettiva tipprova li t-tniġġis tal-arja u t-tniġġis mill-istorbju joħolqu dannu akbar f’dawk iż-żoni muntanjużi minħabba ċirkostanzi ġeografiċi u fenomeni fiżiċi bħall-gradjent tat-toroq, l-inverżjonijiet tat-temperatura u l-effett ta’ amfiteatru tal-widien.

(38)

Sabiex jiġu żgurati kondizjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħat tal-implimentazzjoni. Dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (10).

(39)

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti ddelegati konformement mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ ċerti adattamenti tal-Annessi. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet adatti matul il-ħidma tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell ta’ esperti.

(40)

F’konformità mal-punt 34 tal-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet (11), l-Istati Membri huma mħeġġa biex ifasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli proprji tagħhom li juru, sa fejn hu possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta’ traspożizzjoni, u jagħmluhom pubbliċi.

(41)

Billi l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li jiġu inkoraġġuti tariffi differenzjati bbażati fuq l-ispejjeż esterni bħala mezz li jwassal għal trasport sostenibbli, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom, u għalhekk jista’, minħabba l-importanza tad-dimensjoni transkonfinali tat-trasport, jinkiseb aħjar f’livell ta’ Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif iddefinit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-objettiv,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 1999/62/KE hija b’dan emendata kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ad)

‘awtostrada’ tfisser triq iddisinjata u mibnija apposta għat-traffiku ta’ vetturi bil-mutur, li ma twassalx għal proprjetajiet li jmissu magħha, u li:

(i)

hija pprovduta, għajr f’punti speċjali jew b’mod temporanju, b’karreġġati separati għaż-żewġ direzzjonijiet tat-traffiku, separati minn xulxin jew bi strippa diviżorja mhux intenzjonata għat-traffiku jew, b’mod eċċezzjonali, b’mezzi oħra;

(ii)

ma taqsam fl-istess livell ma’ ebda triq, linja tal-ferrovija jew tat-tramm, passaġġ għar-roti jew passaġġ għall-mixi; u

(iii)

hija denominata speċifikament bħala awtostrada;”;

(b)

Il-punti (b) u (ba) jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“(b)

‘ħlas għall-użu tat-triq’ tfisser ammont speċifiku pagabbli għal vettura bbażat fuq id-distanza ta’ vjaġġ fuq infrastruttura partikolari u fuq it-tip ta’ vettura, li jinkludi tariffa għall-infrastruttura u/jew tariffa għall-ispejjeż esterni;

(ba)

‘tariffa għall-infrastruttura’ tfisser tariffa imposta bl-iskop li jiġu rkuprati l-ispejjeż tal-kostruzzjoni, il-manutenzjoni, l-operat u l-iżvilupp relatati mal-infrastruttura mġarrba fi Stat Membru;”;

(c)

Jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(bb)

‘tariffa għall-ispejjeż esterni’ tfisser tariffa imposta bl-iskop li jiġu rkuprati l-ispejjeż imġarrba fi Stat Membru li huma relatati mat-tniġġis tal-arja u/jew l-istorbju minħabba t-traffiku;

(bc)

‘spiża tat-tniġġis tal-arja minħabba t-traffiku’ tfisser l-ispiża tal-ħsara kkawżata mir-rilaxx ta’ materjal partikulat u ta’ prekursuri tal-ożonu, bħall-ossidu tan-nitroġenu u l-komposti organiċi volatili, matul l-operat ta’ vettura;

(bd)

‘spiża tat-tniġġis ta’ storbju minħabba t-traffiku’ tfisser l-ispiża tal-ħsara kkawżata mill-istorbju ġġenerat mill-vetturi jew mill-interazzjoni tagħhom mal-wiċċ tat-triq;

(be)

‘tariffa medja ppeżata għall-infrastruttura’ tfisser id-dħul totali ta’ tariffa għall-infrastruttura fuq perijodu ta’ żmien speċifiku diviż bin-numru ta’ kilometri li l-vetturi vvjaġġaw fuq il-partijiet tat-toroq soġġetti għat-tariffa matul dak il-perijodu;

(bf)

‘tariffa medja ppeżata għall-ispejjeż esterni’ tfisser id-dħul totali ta’ tariffa għall-ispejjeż esterni fuq perijodu ta’ żmien speċifiku diviż bin-numru ta’ kilometri li l-vetturi vvjaġġaw fuq il-partijiet tat-toroq soġġetti għat-tariffa matul dak il-perijodu.”;

(d)

il-punt (d) jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“(d)

‘vettura’ tfisser vettura bil-mutur jew kombinazzjoni ta’ vetturi artikolata maħsuba jew użata għall-ġarr ta’ merkanzija fuq it-triq u li għandha piż massimu permissibbli meta tkun mgħobbija ’l fuq minn 3,5 tunnellati;”.

(2)

L-Artikoli 7, 7a u 7b jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 7

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 9 (1a), l-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq in-netwerk trans-Ewropew tat-toroq jew fuq ċerti partijiet ta’ dak in-netwerk, u fuq kwalunkwe parti oħra addizzjonali tan-netwerk tal-awtostradi tagħhom li mhux parti min-netwerk trans-Ewropew tat-toroq taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2, 3, 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikoli 7a sa 7k. Dan għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri, f’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li japplikaw ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq toroq oħra, dment li l-impożizzjoni ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent fuq toroq oħra bħal dawn ma jiddiskriminax kontra t-traffiku internazzjonali u ma jirriżultax f’distorsjoni tal-kompetizzjoni bejn l-operaturi.

2.   L-Istati Membri m’għandhomx jimponu kemm ħlasijiet għall-użu tat-triq kif ukoll ħlasijiet fuq l-utent fuq kwalunkwe kategorija ta’ vetturi għall-użu ta’ parti unika ta’ triq. Madankollu, Stat Membru li jimponi tariffa għall-utent fuq in-netwerk tiegħu jista’ jimponi wkoll ħlasijiet għall-użu tat-triq għall-użu ta’ pontijiet, mini u passaġġi fuq muntanji.

3.   Il-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet fuq l-utent ma għandhomx jiddiskriminaw, direttament jew indirettament, fuq il-bażi tan-nazzjonalità tat-trasportatur tal-merkanzija, tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz fejn it-trasportatur tal-merkanzija huwa stabbilit jew fejn il-vettura hi rreġistrata, jew tal-oriġini jew id-destinazzjoni tal-attività tat-trasport.

4.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu rati mnaqqsa ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq jew ħlasijiet fuq l-utent, jew eżenzjonijiet mill-obbligu li jitħallsu ħlasijiet għall-użu tat-triq jew ħlasijiet fuq l-utent għall-vetturi eżentati mir-rekwiżit li jistallaw u jużaw tagħmir ta’ reġistrazzjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 tal-20 ta’ Diċembru 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (*), u fil-każijiet koperti minn u soġġetti għall-kondizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 6(2)(a) u (b) ta’ din id-Direttiva.

5.   Stat Membru jista’ jagħżel li japplika ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent għall-vetturi biss li għandhom piż massimu permissibbli mgħobbija ta’ mhux inqas minn 12-il tunnellata jekk iqis li estensjoni għall-vetturi ta’ inqas minn 12-il tunnellata tkun ser, fost oħrajn:

(a)

toħloq effetti negattivi sinifikanti fuq iċ-ċirkolazzjoni libera tat-traffiku, l-ambjent, il-livelli ta’ storbju, il-konġestjoni, is-saħħa, jew is-sikurezza fit-toroq minħabba d-devjazzjoni tat-traffiku;

(b)

tinvolvi spejjeż amministrattivi ta’ aktar minn 30 % tad-dħul addizzjonali li seta’ jiġi ġġenerat b’dik l-estensjoni.

L-Istati Membri li jagħżlu li japplikaw taxxi u/jew tariffi għall-użu tat-triq biss għal vetturi li għandhom piż massimu permissibbli meta mgħobbija ta’ mhux inqas minn 12-il tunnellata għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom u r-raġunijiet għaliha.

Artikolu 7a

1.   Il-ħlasijiet fuq l-utent għandhom ikunu proporzjonali għat-tul ta’ żmien li tintuża l-infrastruttura, mingħajr ma jinqabżu l-valuri stipulati fl-Anness II, u għandhom ikunu validi għal ġurnata, ġimgħa, xahar jew sena. Ir-rata għal xahar ma għandhiex tkun aktar minn 10 % tar-rata annwali, ir-rata għal ġimgħa ma għandhiex tkun aktar minn 5 % tar-rata annwali u r-rata għal ġurnata ma għandhiex tkun aktar minn 2 % tar-rata annwali.

Stat Membru jista’ jiddeċiedi li japplika biss rati annwali għall-vetturi rreġistrati f’dak l-Istat Membru.

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-ħlasijiet fuq l-utent, inklużi l-ispejjeż amministrattivi, għall-kategoriji kollha, f’livell mhux ogħla mir-rati massimi stipulati fl-Anness II.

Artikolu 7b

1.   It-tariffa għall-infrastruttura għandha tkun ibbażata fuq il-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż tal-infrastruttura. It-tariffa medja ppeżata għall-infrastruttura għandha tkun relatata mal-ispejjeż tal-kostruzzjoni u l-ispejjeż tal-operat, manutenzjoni u żvilupp tan-netwerk tal-infrastruttura kkonċernata. It-tariffa medja ppeżata għall-infrastruttura tista’ tinkludi wkoll dħul fuq il-kapital u/jew marġni ta’ profitt ibbażat fuq il-kondizzjonijiet tas-suq.

2.   L-ispejjeż li jittieħdu fil-kont għandhom ikunu relatati man-netwerk jew il-parti tan-netwerk li fuqu huma imposti t-tariffi għall-infrastruttura u mal-vetturi li huma soġġetti għalihom. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jirkupraw biss perċentwali minn dawk l-ispejjeż.

Artikolu 7c

1.   It-tariffa għall-ispejjeż esterni tista’ tkun relatata mal-ispiża għat-tniġġis tal-arja minħabba t-traffiku. F’taqsimiet tat-toroq li jgħaddu minn żoni b’popolazzjoni esposta għall-istorbju minħabba t-traffiku, it-tariffa għall-ispejjeż esterni tista’ tinkludi l-ispejjeż għall-istorbju minħabba t-traffiku.

It-tariffa għall-ispejjeż esterni għandha tvarja u tiġi stabbilita f’konformità mar-rekwiżiti minimi u l-metodi kif speċifikati fl-Anness IIIa u għandha tirrispetta l-valuri massimi stipulati fl-Anness IIIb.

2.   L-ispejjeż li jiġu kkunsidrati għandhom ikunu relatati man-netwerk jew il-parti tan-netwerk li fuqu huma imposti t-tariffi għall-ispejjeż esterni u mal-vetturi li huma soġġetti għalihom. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jirkupraw biss perċentwali minn dawk l-ispejjeż.

3.   It-tariffa għall-ispejjeż esterni relatata mat-tniġġis tal-arja minħabba t-traffiku ma għandhiex tapplika għal vetturi li jikkonformaw mal-aktar standards tal-emissjonijiet stretti tal-EURO sa erba’ snin wara d-dati ta’ applikazzjoni stipulati fir-regoli li introduċew dawk l-istandards.

4.   L-ammont tat-tariffa għall-ispejjeż esterni għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat. Jekk Stat Membru jaħtar awtorità għal dan l-iskop l-awtorità għandha tkun legalment u finanzjarjament indipendenti mill-organizzazzjoni responsabbli għall-ġestjoni u l-ġbir tat-tariffa jew ta’ parti minnha.

Artikolu 7d

Sa żmien sena wara l-adozzjoni ta’ standards tal-emissjonijiet tal-EURO futuri u aktar stretti, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom, f’konformità mal-proċedura leġislattiva ordinarja, jiddeterminaw il-valuri massimi korrispondenti fl-Anness IIIb.

Artikolu 7e

1.   L-Istati Membri għandhom jikkalkulaw il-livell massimu ta’ tariffa għall-infrastruttura billi jużaw metodoloġija bbażata fuq il-prinċipji ewlenin tal-kalkolu stipulati fl-Anness III.

2.   Għall-ħlasijiet għall-użu tat-triq ta’ konċessjoni, il-livell massimu tat-tariffa għall-infrastruttura għandu jkun ekwivalenti jew inqas mil-livell li kien jirriżulta mill-użu ta’ metodoloġija bbażata fuq il-prinċipji ewlenin tal-kalkolu stipulati fl-Anness III. Il-valutazzjoni ta’ ekwivalenza ta’ dan it-tip għandha ssir fuq il-bażi ta’ perijodu ta’ referenza raġonevolment twil adatt għan-natura tal-kuntratt ta’ konċessjoni.

3.   L-arranġamenti ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq li kienu diġà fis-seħħ fl-10 ta’ Ġunju 2008 jew li għalihom ġew riċevuti offerti jew tweġibiet għal stediniet ta’ negozjar taħt proċedura nnegozjata, b’segwitu għal proċess ta’ akkwist pubbliku qabel l-10 ta’ Ġunju 2008, ma għandhomx ikunu soġġetti għall-obbligi stipulati fil-paragrafi 1 u 2 sakemm dawk l-arranġamenti jibqgħu fis-seħħ u dment li ma jiġux emendati b’mod sostanzjali.

Artikolu 7f

1.   F’każijiet eċċezzjonali li jikkonċernaw infrastruttura f’reġjuni muntanjużi, u wara li tiġi mgħarrfa l-Kummissjoni, tista’ tiżdied mark-up mat-tariffa għall-infrastruttura imposta fuq partijiet speċifiċi ta’ toroq li huma soġġetti għall-konġestjoni qawwija, jew li l-użu tagħhom minn vetturi huwa l-kawża ta’ ħsara ambjentali sinifikanti, b’kondizzjoni li:

(a)

id-dħul iġġenerat mill-mark-up jiġi investit biex jiffinanzja l-kostruzzjoni ta’ proġetti prijoritarji ta’ interess Ewropew, identifikati fl-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 fuq linji gwida tal-Unjoni għall-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew (**), li jikkontribwixxu direttament biex tittaffa l-konġestjoni jew il-ħsara ambjentali u li jinsabu fl-istess passaġġ bħall-parti tat-triq li fuqha hija applikata l-mark-up;

(b)

il-mark-up ma taqbiżx il-15 % tat-tariffa medja ppeżata għall-infrastruttura kkalkulata f’konformità mal-Artikolu 7b(1) u l-Artikolu 7e ħlief fejn id-dħul iġġenerat jiġi investit f’partijiet transkonfinali ta’ proġetti prijoritarji ta’ interess Ewropew li jinvolvu infrastruttura f’reġjuni muntanjużi, f’liema każ il-mark-up ma għandhiex taqbeż il-25 %;

(c)

l-applikazzjoni tal-mark-up ma tkunx kawża ta’ trattament inġust tat-traffiku kummerċjali meta mqabbel ma’ utenti oħra tat-triq;

(d)

deskrizzjoni tal-lok eżatt ta’ fejn se tiġi imposta l-mark-up u prova ta’ deċiżjoni li tiffinanzja l-kostruzzjoni ta’ proġetti ta’ prijorita’ msemmija fil-punt (a) jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni qabel l-applikazzjoni tal-mark-up; u

(e)

il-perijodu li għalih għandha tapplika l-mark-up ikun definit u limitat minn qabel u jkun konsistenti, fir-rigward tad-dħul li mistenni jidħol, mal-pjani finanzjarji u mal-analiżi tal-kost-benefiċċju għall-proġetti kofinanzjati bid-dħul mill-mark-up.

L-ewwel subparagrafu għandu japplika għall-proġetti ġodda transkonfinali soġġett għall-qbil tal-Istati Membri kollha involuti f’dak il-proġett.

2.   Mark-up tista’ tiġi applikata fuq tariffa għall-infrastruttura li tkun ġiet varjata konformement mal-Artikolu 7 g.

3.   Wara li tirċievi l-informazzjoni meħtieġa minn Stat Membru li jkollu l-ħsieb li japplika mark-up, il-Kummissjoni għandha tagħmel din l-informazzjoni disponibbli lill-membri tal-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9c. Jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-mark-up ippjanata ma tissodisfax il-kondizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, jew jekk tikkunsidra li l-mark-up ippjanata ser ikollha effetti avversi sinifikanti fuq l-iżvilupp ekonomiku ta’ reġjuni periferiċi, hija tista’ tiċħad jew titlob emenda tal-pjani għat-tariffi ppreżentati mill-Istat Membru kkonċernat. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati konformement mal-proċedura ta’ parir imsemmija fl-Artikolu 9c(2).

4.   Fuq taqsimiet ta’ toroq fejn jiġu ssodisfati l-kriterji għall-applikazzjoni ta’ mark-up skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri ma jistgħux jimponu tariffa għall-ispiża esterna sakemm ma tiġix applikata mark-up.

5.   L-ammont tal-mark-up għandu jitnaqqas mill-ammont tat-tariffa għall-ispejjeż esterni kkalkulat f’konformità mal-Artikolu 7c, ħlief għal vetturi tal-klassijiet tal-emissjonijiet EURO 0, I u II mill-15 ta' Ottubru 2011 u III mill-2015 ’il quddiem. Dan id-dħul kollu ġġenerat mill-applikazzjoni simultanja tal-mark-up u t-tariffi għall-ispejjeż esterni għandhom jiġu investiti fl-iffinanzjar tal-kostruzzjoni ta’ proġetti prijoritarji ta’ interess Ewropew identifikati fl-Anness III tad-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE.

Artikolu 7 g

1.   L-Istati Membri għandhom ivarjaw it-tariffa għall-infrastruttura skont il-klassi tal-emissjonijiet EURO tal-vettura b’tali mod li ebda tariffa għall-infrastruttura ma tkun aktar minn 100 % ‘l fuq mill-istess tariffa għal vetturi ekwivalenti li jissodisfaw l-aktar standards stretti tal-emissjonijiet. Il-kuntratti ta’ konċessjoni eżistenti huma eżentati min dan ir-rekwiżit sakemm il-kuntratt jiġġedded.

Madankollu Stat Membru jista’ jidderoga mir-rekwiżit li jvarja t-tariffa għall-infrastruttura jekk:

(i)

dan jimmina b’mod serju l-koerenza tas-sistemi tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq fit-territorju tiegħu;

(ii)

ma jkunx teknikament prattikabbli li jiġi introdott dan id-differenzjar fis-sistema ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq ikkonċernata;

(iii)

dan iwassal għad-devjazzjoni tal-vetturi li jniġġsu l-aktar b’impatti negattivi fuq is-sikurezza fit-toroq u s-saħħa pubblika; jew

(iv)

il-ħlas għall-użu tat-triq jinkludi tariffa għall-ispejjeż esterni.

Kwalunkwe deroga jew eżenzjoni bħal din għandha tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni.

2.   Fejn, f’każ ta’ kontoll, is-sewwieq jew, jekk ikun adatt, it-trasportatur ta’ merkanzija, ma jkunx jista’ jippreżenta d-dokumenti tal-vettura meħtieġa biex jikkonferma l-klassi tal-emissjonijiet EURO tal-vettura, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ħlasijiet għall-użu tat-triq sal-ogħla livell li jista’ jiġi impost.

3.   It-tariffa għall-infrastruttura tista’ wkoll tiġi varjata bl-iskop li tonqos il-konġestjoni, tonqos kemm jista’ jkun il-ħsara għall-infrastruttura u jitjieb bl-aħjar mod possibbli l-użu tal-infrastruttura kkonċernata jew tingħata promozzjoni għas-sikurezza fit-toroq, bil-kondizzjoni li:

(a)

il-varjazzjoni tkun trasparenti, magħmula pubblika u disponibbli b’mod miftuħ għall-utenti kollha fuq termini ugwali;

(b)

il-varjazzjoni tiġi applikata skont il-ħin tal-ġurnata, it-tip ta’ ġurnata jew l-istaġun;

(c)

ebda tariffa għall-infrastruttura ma tkun aktar minn 175 % ’l fuq mil-livell massimu tat-tariffa medja ppeżata għall-infrastruttura kif imsemmija fl-Artikolu 7b;

(d)

il-perijodi bl-aktar traffiku li matulhom jiġu imposti tariffi ogħla għall-infrastruttura bl-iskop li tonqos il-konġestjoni ma jkunux itwal minn ħames sigħat kuljum;

(e)

il-varjazzjoni tkun ippjanata u applikata b’mod trasparenti u newtrali f’sens ta’ dħul fuq sezzjoni tat-triq effettwata mill-konġestjoni b’mod li toffri rati tal-ħlasijiet għat-trasportaturi li jagħżlu li jivvjaġġjaw waqt perjodu bla traffiku u tapplika rati ta’ ħlasijiet ogħla għat-trasportaturi li jagħżlu li jivvjaġġjaw waqt is-sigħat ta’ traffiku intensiv fl-istess sezzjoni tat-triq; u

(f)

Stat Membru li jixtieq jintroduċi tali varjazzjoni jew ibiddel waħda eżistenti għandu jinforma lill-Kummissjoni dwar dan u jipprovdilha l-informazzjoni neċessarja biex jiżgura li l-kondizjonijiet jiġu sodisfatti. Ibbażat fuq l-informazzjoni pprovduta, il-Kummissjoni għandha tagħmel lista, li fiha l-perjodi u r-rati korrispondenti li matulhom tapplika l-varjazzjoni, pubblika u taġġornaha regolarment.

4.   Il-varjazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 mhumiex maħsuba biex jiġġeneraw dħul addizzjonali mill-ħlasijiet għall-użu tat-triq. Kwalunkwe żieda mhux intenzjonata fid-dħul għandha tiġi bbilanċjata minn bidliet għall-istruttura tal-varjazzjoni li għandhom jiġu implimentati fi żmien sentejn mit-tmiem tas-sena ta’ kontabbiltà li fiha jiġi ġġenerat id-dħul addizzjonali.

Artikolu 7h

1.   Tal-inqas sitt xhur qabel l-implimentazzjoni ta’ arranġament ġdid ta’ ħlas għall-użu tat-triq b’tariffa għall-infrastruttura, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:

(a)

fir-rigward ta’ arranġamenti ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq differenti minn dawk li jinvolvu ħlasijiet għall-użu tat-triq ta’ konċessjoni:

il-valuri tal-unità u parametri oħrajn użati fil-kalkolu tad-diversi elementi ta’ spejjeż għall-infrastruttura, u

informazzjoni ċara dwar il-vetturi koperti mill-arranġamenti ta’ ħlas għall-użu tat-triq, il-firxa ġeografika tan-netwerk, jew ta’ parti min-netwerk, użata għal kull kalkolu tal-ispiża, u l-persentaġġ tal-ispejjeż li huma maħsuba li jiġu rkuprati;

(b)

fir-rigward tal-arranġamenti ta’ ħlas għall-użu tat-triq li jinvolvu ħlasijiet għall-użu tat-triq ta’ konċessjoni:

il-kuntratti ta’ konċessjoni jew bidliet sinifikanti għal dawn il-kuntratti,

il-każ ta’ bażi li fuqu min ikun ta l-konċessjoni jkun bbaża n-notifika ta’ konċessjoni, kif imsemmi fl-Anness VII B għad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (***); dan il-każ ta’ bażi għandu jinkludi l-istima tal-ispejjeż kif definit fl-Artikolu 7b(1) prevista skont il-konċessjoni, it-traffiku previst, diviża skont it-tip ta’ vettura, il-livelli ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq previsti u l-firxa ġeografika tan-netwerk kopert mill-kuntratt ta’ konċessjoni.

2.   Fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni meħtieġa f’konformità mal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tagħti opinjoni dwar jekk ikunx hemm konformità mal-obbligi tal-Artikolu 7e. L-opinjonijiet tal-Kummissjoni għandhom ikunu disponibbli għall-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9c.

3.   Qabel l-implimentazzjoni ta’ arranġament ġdid ta’ ħlas għall-użu tat-triq b’tariffa għall-ispiża esterna, l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni:

(a)

informazzjoni preċiża li tillokalizza s-sezzjonijiet tat-toroq fejn ser tiġi imposta it-tariffa għall-ispiża esterna u tiddeskrivi l-klassi tal-vetturi, it-tip ta’ toroq u l-perijodi ta’ żmien eżatti skont liema ser tkun qed tvarja t-tariffa għall-ispiża esterna;

(b)

it-tariffa medja ppeżata tal-ispiża esterna prevista u d-dħul totali previst;

(c)

jekk ikun adatt, l-isem tal-awtorità maħtura f’konformità mal-Artikolu 7c(4) biex tistabbilixxi l-ammont tat-tariffa, u dak tar-rappreżentant tagħha;

(d)

il-parametri, id-data u l-informazzjoni meħtieġa biex jintwera kif ser jiġi applikat il-metodu ta’ kalkolu stabbilit fl-Anness IIIa.

4.   Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk ikunx hemm konformità mal-obbligi tal-Artikoli 7b, 7c, 7j jew 9(2) sa:

(a)

sitt xhur wara l-preżentazzjoni tal-fajl imsemmi fil-paragrafu 3; or

(b)

fejn applikabbli, tliet xhur addizjonali wara li tiġi riċevuta informazzjoni addizzjonali mitluba mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 3.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jadotta t-tariffa proposta għall-ispiża esterna sabiex jikkonforma mad-deċiżjoni. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni għandha tkun disponibbli għall-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9c, u għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill.

Artikolu 7i

1.   L-Istati Membri ma għandhomx jipprevedu roħs jew tnaqqis għall-kwalunkwe utent relatati mal-element tat-tariffa għall-ispiża esterna ta’ ħlas għall-użu tat-triq.

2.   L-Istati Membri jistgħu jipprevedu roħs jew tnaqqis fuq it-tariffa għall-infrastruttura bil-kondizzjoni li:

(a)

l-istruttura li timponi t-tariffi u li tirriżulta, tkun proporzjonata, magħmula pubblika b’mod miftuħ u disponibbli għall-utenti b’termini ugwali u ma twassalx għal spejjeż addizzjonali li jiġu mgħoddija lil utenti oħrajn fl-għamla ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq ogħla;

(b)

dan ir-roħs jew it-tnaqqis iwassal għal iffrankar effettiv fl-ispejjeż amministrattivi; u

(c)

ma jeċċedux it-13 % tat-tariffa għall-infrastruttura mħallsa minn vetturi ekwivalenti li mhumiex eliġibbli għar-roħs jew it-tnaqqis.

3.   Soġġetti għall-kondizzjonijiet previsti fl-Artikolu 7 g(3)(b) u fl-Artikolu 7 g(4), ir-rati tal-ħlasijiet għall-użu tat-triq jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jiġifieri għal proġetti speċifiċi ta’ interess għoli Ewropew identifikati fl-Anness III għad-Deċiżjoni Nru 661/2010/UE, ikunu soġġetti għal forom oħrajn ta’ varjazzjoni sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà kummerċjali ta’ dawn il-proġetti, meta dawn ikunu esposti għal kompetizzjoni diretta ma’ modi oħrajn ta’ trasport b’vetturi. L-istruttura li timponi t-tariffi u li tirriżulta għandha tkun lineari, proporzjonata, magħmula pubblika, u disponibbli għall-utenti kollha b’termini ugwali u ma għandhiex twassal għal spejjeż addizzjonali li jiġu mgħoddija lil utenti oħrajn fl-għamla ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq ogħla. Il-Kummissjoni għandha tivverifika l-konformità ma’ dawk il-kondizzjonijiet qabel l-implimentazzjoni tal-istruttura inkwistjoni li timponi t-tariffi.

Artikolu 7j

1.   Il-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet fuq l-utent għandhom jiġu applikati u miġbura u l-ħlas tagħhom mmonitorjat b’tali mod li jikkawża l-inqas xkiel possibbli għaċ-ċirkolazzjoni libera tat-traffiku u biex jiġi evitat kwalunkwe kontroll jew verifika mandatorji fil-fruntieri interni tal-Unjoni. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jikkooperaw fl-istabbiliment ta’ metodi li jippermettu lit-trasportaturi tal-merkanzija li jħallsu l-ħlasijiet għall-użu tat-triq u l-ħlasijiet fuq l-utent 24 siegħa kuljum, tal-inqas f’punti tal-bejgħ ewlenin, bl-użu ta’ mezzi ta’ ħlas komuni, ġewwa u barra l-Istati Membri fejn ikunu applikati. L-Istati Membri għandhom jipprovdu faċilitajiet adegwati fil-punti ta’ ħlas għal ħlasijiet għall-użu tat-triq u ħlasijiet fuq l-utent sabiex iżommu standards normali ta’ sikurezza fit-toroq.

2.   L-arranġamenti għall-ġbir ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq u ħlasijiet fuq l-utent ma għandhomx, b’mod finanzjarju jew b’xi mod ieħor, iqiegħdu lil dawk li ma jużawx in-netwerk tat-toroq regolarment fi żvantaġġ mhux ġustifikat. B’mod partikolari, fejn Stat Membru jiġbor il-ħlasijiet għall-użu tat-triq jew il-ħlasijiet fuq l-utent esklussivament permezz ta’ sistema li teħtieġ l-użu ta’ unità abbord il-vettura, dan għandu jiżgura li l-utenti kollha jkunu jistgħu jiksbu unitajiet adatti li jintużaw abbord u li jkunu konformi mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar l-interoperabilità ta’ sistemi elettroniċi dwar taxxi tat-toroq (****) skont arranġamenti amministrattivi u ekonomiċi raġonevoli.

3.   Jekk Stat Membru jimponi ħlas għall-użu tat-triq fuq vettura, l-ammont totali tal-ħlas għall-użu tat-triq, l-ammont tat-tariffa għall-infrastruttura u/jew l-ammont tat-tariffi għall-ispejjeż esterni għandhom jiġu indikati f’irċevuta pprovduta lit-trasportatur tal-merkanzija, permezz ta’ mezzi elettroniċi, safejn ikun possibbli.

4.   Fejn ikun ekonomikament fattibbli, l-Istati Membri għandhom jimponu u jiġbru t-tariffi għall-ispejjeż esterni permezz ta’ sistema elettronika li tkun konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/52/KE. Il-Kummissjoni għandha tippromwovi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri li tista’ tkun meħtieġa sabiex tiġi gurata l-interoperabilità tas-sistemi ta’ kollezzjoni elettronika tat-tariffi f’livell Ewropew.

Artikolu 7k

Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, din id-Direttiva ma taffetwax il-libertà tal-Istati Membri li jintroduċu sistema ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq u/jew ħlasijiet fuq l-utent għall-infrastruttura li jipprovdu kumpens adegwat għal dawk il-ħlasijiet imposti.

(*)  ĠU L 370, 31.12.1985, p. 8."

(**)  ĠU L 204, 5.8.2010, p. 1."

(***)  ĠU L 134, 30.4.2004, p. 114."

(****)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 124.’"

(3)

Wara l-Artikolu 8a, jiżdied l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 8b

1.   Żewġ Stati Membri jew aktar jistgħu jikkooperaw fl-introduzzjoni ta’ sistema komuni għal ħlasijiet għall-użu tat-triq applikabbli fit-territorji magħquda tagħhom fl-intier. F’każ bħal dan, dawk l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-Kummissjoni tiġi infurmata b’din il-kooperazzjoni u t-tħaddim sussegwenti tas-sistema kif ukoll dwar xi emenda possibbli.

2.   Is-sistema komuni ta’ ħlasijiet għall-użu tat-triq għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 7k. Stati Membri oħrajn jistgħu jingħaqdu mas-sistema komuni.”.

(4)

Fl-Artikolu 9, il-paragrafi 1a u 2 jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“1a.   Din id-Direttiva ma għandhiex tipprevjeni l-applikazzjoni mhux diskriminatorja mill-Istati Membri ta’ tariffi regolatorji mfasslin speċifikament biex inaqqsu l-konġestjoni tat-traffiku jew jiġġieldu l-impatti ambjentali, inkluża l-kwalità ħażina tal-arja, fi kwalunkwe triq li tinsab f’żona urbana, inklużi t-toroq tan-netwerk trans-Ewropew li jaqsmu żoni urbani.

2.   L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw l-użu ta’ dħul iġġenerat minn din id-Direttiva. Biex is-sistema tat-trasport kollha tkun tista’ tiġi żviluppata, id-dħul mit-tariffi tal-infrastruttura, jew l-ekwivalenti tiegħu f’valur finanzjarju ta’ dan id-dħul irid jintuża għall-benefiċċju tas-settur tat-trasport u biex ikun jista’ jsir l-aħjar użu mis-sistema kollha tat-trasport. B’mod partikolari, id-dħul iġġenerat mit-tariffi tal-ispejjeż esterni, jew l-ekwivalenti f’valur finanzjarju ta’ dak id-dħul, irid jintuża ħalli jagħmel it-trasport aktar sostenibbli, inkluż wieħed jew aktar minn dan li ġej:

(a)

jiġi ffaċilitat l-ipprezzar effiċjenti;

(b)

jitnaqqas fis-sors it-tniġġis tat-trasport bit-triq;

(c)

jiġu mitigati fis-sors l-effetti tat-tniġġis tat-trasport bit-triq;

(d)

jittejjeb ir-rendiment tas-CO2 u l-enerġija tal-vetturi;

(e)

tiġi żviluppata infrastruttura alternattiva għall-utenti tat-trasport u/jew il-kapaċità attwali li qiegħda tespandi;

(f)

jingħata appoġġ lin-netwerk trans-Ewropew tat-trasport;

(g)

jsir l-aħjar użu mil-loġistika;

(h)

tittejjeb is-sikurezza fit-toroq; u

(i)

jiġu provduti postijiet tal-parkeġġ sikuri.

Dan il-paragrafu għandu jitqies li jkun ġie applikat mill-Istati Membri, jekk ikollhom fis-seħħ u jimplimentaw politika fiskali u finanzjarja ta’ appoġġ, liema politika tinfluwenza l-appoġġ finanzjarju għan-netwerk trans-Ewropew u jkollha valur ekwivalenti ta’ mill-anqas 15 % tad-dħul iġġenerat mit-tariffi infrastrutturali u ta’ spiża esterna f’kull Stat Membru.”.

(5)

L-Artikoli 9b u 9c għandhom jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 9b

Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita d-djalogu u l-iskambju ta’ kapaċitajiet tekniċi bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva u b’mod partikolari l-Annessi.

Artikolu 9c

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-mekkaniżmi ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (*****).

2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 9d

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea rigward:

l-adattament tal-Anness 0 għall-acquis tal-Unjoni;

l-adattament tal-formuli tat-Taqsimiet 4.1 u 4.2 tal-Anness IIIa għall-progress xjentifiku u tekniku.

Il-proċeduri mniżżlin fl-Artikoli 9e, 9f u 9 g għandhom japplikaw għall-atti ddelegati msemmija f’dan l-Artikolu.

Artikolu 9e

1.   Is-setgħa ta’ -adozzjoni ta’ atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 9d għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat.

2.   Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika dan fl-istess ħin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

3.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati qegħdin jiġu kkonferiti lill-Kummissjoni bil-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 9f u 9 g.

Artikolu 9f

1.   Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 9d tista’ tiġi revokata mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

2.   L-istituzzjoni li tkun bdiet proċedura interna sabiex jiġi deċiż jekk għandhiex tiġi rrevokata d-delega ta’ setgħa għandha tagħmel ħilitha biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni, f’perijodu ta’ żmien raġonevoli qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali, filwaqt li tindika s-setgħa delegata li tista’ tkun soġġetta għal revoka kif ukoll ir-raġunijiet possibbli għal revoka.

3.   Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni u għandu jkollha effett immedjatament jew f’data aktar tard speċifikata hemmhekk. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti ddelegati diġà fis-seħħ. Hija għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 9 g

1.   Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att iddelegat fi żmien perijodu ta’ xahrejn mid-data tan-notifika.

Fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill, dan il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn.

2.   Jekk, mal-iskadenza ta’ dak il-perijodu, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att iddelegat, huwa għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data msemmija hemmhekk.

L-att iddelegat jista’ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel ma jiskadi dak il-perijodu jekk il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jqajmux oġġezzjonijiet.

3.   Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal att iddelegat, dan ma għandux jidħol fis-seħħ. L-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għall-oġġezzjoni għall-att iddelegat.

(*****)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.”."

(6)

Fl-Artikolu 10(1), il-kliem “Komunitajiet Ewropej” għandhom jiġu sostitwiti mill-kliem “Unjoni Ewropea”.

(7)

Wara l-Artikolu 10, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 10a

1.   L-ammonti f’euro kif stabbiliti fl-Anness II u l-ammonti f’ċenteżmi kif stabbiliti fit-Tabelli 1 u 2 fl-Anness IIIb għandhom jiġu riveduti kull sentejn b’bidu mill-1 ta’ Jannar tal-2013, sabiex jittieħed kont tal-bidliet fl-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet tal-Konsum madwar l-UE bl-esklużjoni tal-enerġija u ta’ ikel mhux ipproċessat (kif ippubblikat mill-Kummissjoni (Eurostat)).

L-ammonti għandhom jiġu adattati awtomatikament, billi jiżdied l-ammont bażi f’euro jew f’ċenteżmi bil-persentaġġ tal-bidla f’dak l-indiċi. L-ammonti li jirriżultaw għandhom jiżdiedu sal-eqreb euro fir-rigward tal-Anness II, jiżdiedu sal-eqreb wieħed minn għaxra ta’ ċenteżmu fir-rigward tat-Tabella 1 fl-Anness IIIb u jiżdiedu sal-eqreb wieħed minn mija ta’ ċenteżmu fir-rigward tat-Tabella 2 fl-Anness IIIb.

2.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-ammonti adattati msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-ammonti adattati għandhom jidħlu fis-seħħ fl-ewwel jum tax-xahar wara l-pubblikazzjoni.”.

(8)

L-Artikolu 11 jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 11

1.   Sas-16 ta' Ottubru 2014, u kull erba’ snin wara dan, l-Istati Membri li jimponu tariffa għall-ispiża esterna u/jew t-tariffa għall-infrastruttura għandhom ifasslu rapport dwar il-ħlasijiet għall-użu tat-triq, inklużi l-ħlasijiet għall-użu tat-triq ta’ konċessjoni, li jkunu ġew imposti fit-territorju tagħhom u għandhom jibagħtuh lill-Kummissjoni li għandha tqiegħdu għad-disponibbiltà tal-Istati Membri l-oħrajn. Dak ir-rapport jista’ jeskludi l-arranġamenti ta’ ħlas għall-użu tat-triq li kienu diġà fis-seħħ fl-10 ta’ Ġunju 2008 u li ma jinkludux t-tariffa għall-ispiża esterna, dment li dawk l-arranġamenti jibqgħu fis-seħħ u dment li ma jiġux emendati sostanzjalment. Dak ir-rapport għandu jinkludi informazzjoni dwar:

(a)

it-tariffa medja ppeżata għall-ispiża esterna u l-ammonti speċifiċi imposti għal kull kombinazzjoni ta’ klassi ta’ vetturi, tip ta’ triq u perijodu ta’ żmien;

(b)

il-varjazzjoni tat-tariffi għall-infrastruttura skont it-tip tal-vetturi u ż-żmien;

(c)

it-tariffa medja ppeżata għall-infrastuttura u d-dħul totali li jkun inġabar permezz tat-tariffa għall-infrastruttura;

(d)

id-dħul totali ġġenerat mit-tariffi ta’ spiża esterna; u

(e)

l-azzjonijiet meħudin skont it-termini tal-Artikolu 9(2).

2.   Sas-16 ta' Ottubru 2015, il-Kummissjoni, assistita mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 9c, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-effetti ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari fir-rigward tal-effikaċja tad-dispożizzjonijiet dwar l-irkupru tal-ispejjeż relatati mat-tniġġis minħabba t-traffiku, u dwar l-inklużjoni ta’ vetturi ta’ aktar minn 3,5 tunnellati u anqas minn 12-il tunnellata. Ir-rapport għandu wkoll janalizza, abbażi ta’ monitoraġġ kontinwu u jivvaluta, fost l-oħrajn:

(a)

l-effikaċja tal-miżuri previsti f’din id-Direttiva sabiex jiġu ttrattati l-impatti negattivi kkawżati mit-trasport bit-triq b’kont meħud ukoll, b’mod partikolari, tal-impatt fuq Stati Membri ġeografikament iżolati u periferiċi;

(b)

l-effett tal-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva li twassal lill-utenti għas-soluzzjonijiet ta’ trasport l-aktar effiċjenti u dawk li jagħmlu l-inqas ħsara lill-ambjent u għandu jinkludi informazzjoni dwar l-introduzzjoni ta’ tariffi bbażati fuq id-distanza;

(c)

l-implimentazzjoni u l-effett tal-varjazzjoni ta’ tariffi għall-infrastruttura kif imsemmija fl-Artikolu 7 g dwar it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u l-konġestjoni lokali. Ir-rapport għandu wkoll jivvaluta jekk il-varjazzjoni massima u l-perijodu ta’ quċċata kif hemm riferiment għalihom fl-Artikolu 7 g humiex biżżejjed ħalli jippermettu l-funzjonament xieraq tal-mekkaniżmu ta’ varjazzjoni;

(d)

il-progress xjentifiku fl-istima tal-ispejjeż esterni tat-trasport għall-iskop tal-internalizzazzjoni tagħhom; u

(e)

il-progress lejn l-applikazzjoni tat-tariffi għall-utenti stradali u mezzi ta’ kif ikunu gradwalment armonizzati s-sistemi ta’ tariffii li huma applikati għall-vetturi kummerċjali.

Ir-rapport għandu jevalwa wkoll l-użu ta’ sistemi elettroniċi li jimponu u jiġbru tariffi għall-infrastruttura u għall-ispiża esterna u l-grad tagħhom ta’ interoperabilità skont ma jingħad fid-Direttiva 2004/52/KE.

3.   Ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, jekk ikun xieraq, bi proposti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal reviżjoni ulterjuri ta’ din id-Direttiva.

4.   Sas-16 ta' Ottubru 2012, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport li jagħti sommarju tal-miżuri l-oħrajn, bħal linji ta’ politika regolatorji, li jittieħdu biex jiġu internalizzati jew imnaqqsal-ispejjeż esterni relatati mal-ambjent, l-istorbju u s-saħħa mill-modi kollha tat-trasport, inklużi l-bażi legali u l-valuri massimi użati.

Bl-iskop li jiżgura kompetizzjoni intermodali ġusta filwaqt li gradwalment jagħmel tariffi fuq l-ispejjeż esterni tal-modi kollha ta’ trasport, għandha tinkludi skeda tal-miżuri li fadlilhom jittieħdu ħalli jkunu indirizzati modi jew vetturi oħrajn u/jew l-elementi ta’ spejjeż esterni li għadhom ma tqisux, billi jitqies il-progress li sar fir-reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirristruttura l-qafas Komunitarju għat-tassazzjoni tal-prodotti tal-enerġija u l-elettriċità (******).

(******)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.”."

(9)

L-Anness III huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Dan l-Anness jistipula l-prinċipji ewlenin għall-kalkolu tat-tariffa medja ppeżata għall-infrastruttura biex jirrifletti l-Artikolu 7b(1). L-obbligu li t-tariffi għall-infrastruttura jkunu relatati mal-ispejjeż għandu jkun mingħajr preġudizzju għal-libertà tal-Istati Membri li jagħżlu, f’konformità mal-Artikolu 7b(2), li ma jirkuprawx l-ispejjeż għal kollox permezz tad-dħul mit-tariffi għall-infrastruttura, jew għal-libertà, f’konformtià mal-Artikolu 7f, li jvarjaw l-ammonti ta’ tariffi speċifiċi għall-infrastruttura mill-medja.”;

(b)

fit-tieni paragrafu, il-kelma “Komunità” hija sostitwita bil-kelma “Unjoni”;

(c)

fit-tieni inċiż tal-punt (1), il-kliem “Artikolu 7a(1)” huma sostitwiti bil-kliem “Artikolu 7b(2)”.

(10)

Wara l-Anness III, jiddaħħal it-test li jinsab fl-Anness għal din id-Direttiva.

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas-16 ta' Ottubru 2013. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir din ir-referenza.

L-obbligi għat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva m’għandhomx japplikaw għall-Istati Membri dment li dawn la jimplimentaw il-ħlasijiet għall-użu tat-triq u lanqas it-tariffa għall-utent fit-territorju tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Strasburgu, is-27 ta’ Settembru 2011.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU C 255, 22.9.2010, p. 92.

(2)  ĠU C 120, 28.5.2009, p. 47.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta’ Marzu 2009 (ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 345) u l-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tal-14 ta’ Frar 2011 (ĠU C 77 E, 11.3.2011, p. 1). Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta’ Ġunju 2011 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2011.

(4)  ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42.

(5)  ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12.

(6)  ĠU L 204, 5.8.2010, p. 1.

(7)  ĠU L 166, 30.4.2004, p. 124.

(8)  ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25.

(9)  http://ec.europa.eu/transport/costs/handbook/index_en.htm.

(10)  ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.

(11)  ĠU C 321, 31.12.2003, p. 1.


ANNESS

ANNESS IIIa

REKWIŻITI MINIMI GĦALL-IMPOŻIZZJONI TA’ TARIFFA GĦALL-ISPIŻA ESTERNA

Dan l-Anness jistabbilixxi r-rekwiżiti minimi għall-impożizzjoni ta’ tariffa għall-ispiża esterna u biex tiġi kkalkolata t-tariffa medja differenzjata massima għall-ispiża esterna.

1.   Il-partijiet tan-netwerk tat-toroq ikkonċernat

L-Istat Membru għandu jispeċifika b’mod preċiż il-parti jew il-partijiet tan-netwerk tat-toroq tiegħu li għandhom ikunu soġġetti għal tariffa għall-ispiża esterna.

Fejn Stat Membru jagħżel li jimponi tariffa għall-ispiża esterna fuq parti waħda jew fuq xi partijiet biss tan-netwerk tat-toroq li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-parti jew il-partijiet għandhom jintgħażlu wara valutazzjoni li tistabbilixxi li:

l-użu tat-toroq minn vetturi fejn tiġi applikata t-tariffa għall-ispiża esterna jiġġenera aktar ħsara ambjentali minn dik iġġenerata fil-medja f’partijiet oħra tan-netwerk tat-toroq li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva li mhumiex soġġetti għal tariffa għall-ispiża esterna, jew

l-impożizzjoni ta’ tariffa għall-ispiża esterna fuq partijiet oħrajn tan-netwerk tat-toroq li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jista’ jkollha effetti negattivi fuq l-ambjent jew is-sikurezza fit-toroq, jew l-imposta u l-ġbir ta’ tariffa għall-ispiża esterna fuqhom tkun tinvolvi spiża sproporzjonata.

2.   Il-vetturi, it-toroq u l-perijodu ta’ żmien kopert

L-Istat Membru għandu jinnotifika lill-Kummisjoni dwar il-klassifika tal-vetturi skont liema klassifika għandu jvarja l-ħlas għall-użu tat-triq. Huwa għandu jinnotifika wkoll lill-Kummissjoni dwar il-lok ta’ toroq soġġetti għal tariffi ogħla għall-ispiża esterna (minn issa ’l quddiem imsejħa “toroq suburbani (inklużi l-awtostradi)”), u ta’ toroq soġġetti għal tariffi aktar baxxi għall-ispiża esterna (minn issa ’l quddiem imsejħa “toroq interurbani (inklużi l-awtostradi)”).

Fejn applikabbli, huwa għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar il-perijodi ta’ żmien eżatti li jikkorrispondu għall-perijodu ta’ billejl li matulu tista’ tiġi imposta tariffa esterna ogħla għall-ispiża tal-istorbju biex tirrifletti storbju u fastidju akbar.

Il-klassifika tat-toroq bħala toroq suburbani (inklużi l-awtostraddi) u toroq interurbani (inklużi l-awtostradi), u d-definizzjoni tal-perijodi ta’ żmien għandhom ikunu bbażati fuq kriterji oġġettivi relatati mal-livell ta’ esponiment tat-toroq u l-viċinanzi tagħhom għat-tniġġis bħad-densità tal-popolazzjoni, u l-għadd ta’ livelli massimi ta’ tniġġis imkejla fis-sena f’konformità ma’ din id-Direttiva. Il-kriterji użati għandhom jiġu inklużi fin-notifika.

3.   Ammont tat-tariffa

Għal kull klassi ta’ vettura, tip ta’ triq u perijodu ta’ żmien, l-Istat Membru jew, jekk adatt, awtorità indipendenti għandha tiddetermina ammont wieħed speċifiku. L-istruttura li timponi t-tariffi li tirriżulta, inkluż il-ħin tal-bidu u l-ħin tat-tmiem ta’ kull perijodu ta’ billejl fejn t-tariffa għall-ispiża esterna tkun tinkludi l-ispiża għat-tniġġis mill-istorbju, għandha tkun trasparenti, magħmula pubblika u disponibbli għall-utenti kollha b’termini ugwali. Il-pubblikazzjoni għandha ssir f’waqtha u qabel l-implimentazzjoni. Għandhom jiġu ppubblikati l-parametri kollha, id-data u informazzjoni oħra meħtieġa biex jinftiehem kif jiġu kkalkolati l-elementi varji tal-ispiża esterna.

Fl-istabbiliment tat-tariffi, l-Istat Membru jew, jekk adatt, awtorità indipendenti għandha tkun iggwidata mill-prinċipju tal-ipprezzar effiċjenti jiġifieri prezz li huwa qrib l-ispiża marġinali soċjali tal-użu tal-vettura li fuqha tiġi imposta t-tariffa.

It-tariffa għandha tkun stabbilita wkoll wara li jkun ġie kkunsidrat ir-riskju ta’ devjazzjoni tat-traffiku flimkien ma’ kwalunkwe effett negattiv fuq is-sikurezza fit-toroq, l-ambjent u l-konġestjoni, u kwalunkwe soluzzjoni biex jittaffew dawn ir-riskji.

L-Istat Membru jew, jekk adatt, awtorità indipendenti, għandha timmonitorja l-effikaċja tal-iskema li timponi t-tariffi fit-tnaqqis tal-ħsara ambjentali li tirriżulta mit-trasport bit-triq. Jekk adatt, kull sentejn hi għandha taġġusta l-istruttura li timponi t-tariffi u l-ammont speċifiku tat-tariffa stabbilita għal klassi partikolari ta’ vetturi, tip ta’ triq u perijodu ta’ żmien skont il-bidliet fil-forniment u fid-domanda tat-trasport.

4.   Elementi tal-ispiża esterna

4.1.   Spiża għat-tniġġis tal-arja minħabba t-traffiku

Meta Stat Membru jagħżel li jinkludi l-ispiża kollha tat-tniġġis tal-arja minħabba t-traffiku jew parti minnha fit-tariffa għall-ispiża esterna, l-Istat Membru jew, jekk adatt, awtorità indipendenti għandha tikkalkola l-ispiża li għandha tiġi imposta għat-tniġġis tal-arja minħabba t-traffiku billi tapplika l-formula li ġejja jew billi tuża l-valuri tal-unità fit-Tabella 1 tal-Anness IIIb jekk dawn tal-aħħar ikunu aktar baxxi:

Formula

fejn

=

PCVij

=

l-ispiża tat-tniġġis tal-arja ta’ vettura tal-klassi i fuq tip ta’ triq j (euro/vettura.kilometru)

=

Efik

=

il-fattur ta’ emissjoni tas-sustanza li tniġġes k u l-klassi ta’ vettura i (gramma/vettura.kilometru)

=

PCjk

=

l-ispiża monetarja tas-sustanza li tniġġes k għal tip ta’ triq j (euro/gramma)

Il-fatturi ta’ emissjoni għandhom ikunu l-istess bħal dawk użati mill-Istat Membru biex jabbozza l-inventarji nazzjonali dwar l-emissjonijiet previsti bid-Direttiva 2001/81/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2001 dwar il-livelli nazzjonali massimi tal-emissjonijiet ta’ ċerti inkwinanti atmosferiċi (1) (li teħtieġ l-użu tal-EMEP/CORINAIR Emission Inventory Guidebook (2)). L-ispiża monetarja tas-sustanzi li jniġġsu għandha tiġi stmata mill-Istat Membru jew, jekk adatt, awtorità indipendenti, filwaqt li jiġi rrispettat l-istħarriġ l-aktar reċenti.

L-Istat Membru jew, jekk adatt, awtorità indipendenti tista’ tapplika metodi alternattivi pprovati xjentifikament biex jiġi kkalkolat il-valur tal-ispejjeż għat-tniġġis tal-arja bl-użu ta’ data mill-kejl tas-sustanzi li jniġġsu l-arja u l-valur lokali tal-ispiża monetarja tas-sustanzi li jniġġsu l-arja, dment li r-riżultati ma jeċċedux il-valuri tal-unità msemmija fit-Tabella 1 tal-Anness IIIb għal kwalunkwe klassi ta’ vetturi.

4.2.   Spiża għat-tniġġis mill-istorbju minħabba t-traffiku

Meta Stat Membru jagħżel li jinkludi l-ispiża kollha għat-tniġġis mill-istorbju minħabba t-traffiku jew parti minnha fit-tariffa għall-ispiża esterna, l-Istat Membru jew, jekk adatt, awtorità indipendenti għandha tikkalkola l-ispiża li għandha titħallas għat-tniġġis mill-istorbju minħabba t-traffiku billi tapplika l-formuli li ġejjin jew billi tuża l-valuri tal-unità fit-Tabella 2 tal-Anness IIIb jekk dawn tal-aħħar ikunu aktar baxxi:

Formula

Formula

Formula

fejn

NCVj =

l-ispiża għall-istorbju ta’ vetturi tqal tal-merkanzija fuq tip ta’ triq j (euro/vettura.kilometru)

NCjk =

l-ispiża għall-istorbju għal kull persuna esposta fuq tip ta’ triq j sa livell ta’ storbju k (euro/persuna)

POPk =

il-popolazzjoni esposta għal livell ta’ storbju k kuljum għal kull kilometru (persuna/kilometru)

WADT =

il-medja ppeżata tat-traffiku ta’ kuljum (ekwivalenti għal karozzi tal-passiġġieri)

a u b

huma fatturi ppeżati ddeteminati mill-Istat Membru b’tali mod li t-tariffa medja ppeżata li tirriżulta għall-istorbju għal kilometru ta’ vettura ma teċċedix NCVj (kuljum).

It-tniġġis mill-istorbju minħabba t-traffiku hu relatat mal-impatt fuq il-livelli ta’ storbju mkejla qrib il-punt ta’ esponiment u wara l-ostakoli kontra l-istorbju, skont il-każ.

Il-popolazzjoni esposta għal livell ta’ storbju u għandha tittieħed mill-mapep strateġiċi dwar l-istorbju abbozzati skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (3).

L-ispiża għal kull persuna esposta għal livel ta’ storbju k għandha tiġi stmata mill-Istat Membru jew, jekk adatt, awtorità indipendenti, filwaqt li jiġi rrispettat l-istħarriġ l-aktar reċenti.

Il-medja ppeżata tat-traffiku ta’ kuljum għandha tassumi fattur ekwivalenti “e” ta’ mhux aktar minn 4 bejn vetturi tqal tal-merkanzija u karozzi tal-passiġġieri.

L-Istat Membru, jew, jekk adatt, awtorità indipendenti tista’ tapplika metodi alternattivi pprovati xjentifikament biex tikkalkola l-valur tal-ispejjeż għall-istorbju dment li r-riżultati ma jeċċedux il-valuri tal-unità msemmija fit-Tabella 2 tal-Anness IIIb.

L-Istat Membru jew, jekk adatt, awtorità indipendenti, tista’ tistabbilixxi tariffi differenzjati għall-istorbju biex tippremja l-użu ta’ vetturi li jagħmlu inqas storbju dment li dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni kontra vetturi barranin. Jekk jiġu introdotti tariffi differenzjati għall-istorbju, it-tariffi għall-kategorija ta’ vetturi li jagħmlu l-iżjed storbju ma jistgħux jeċċedu l-valuri tal-unità msemmija fit-Tabella 2 tal-Anness IIIb u erba’ darbiet it-tariffa għall-istorbju għall-vettura li tagħmel l-anqas storbju.

ANNESS IIIb

TARIFFA MEDJA PPEŻATA MASSIMA GĦALL-ISPIŻA ESTERNA

Dan l-Anness jistabbilixxi l-parametri li għandhom jintużaw biex tiġi kkalkolata t-tariffa medja ppeżata massima għall-ispiża esterna.

1.   Spiża massima għat-tniġġis tal-arja minħabba t-traffiku:

Tabella 1:   Spiża massima li għandha titħallas għat-tniġġis tal-arja

Ċenteżmi/vettura.kilometru

Toroq suburbani

(inklużi l-awtostradi)

Toroq interurbani

(inklużi l-awtostradi)

EURO 0

16

12

EURO I

11

8

EURO II

9

7

EURO II

7

6

EURO IV

4

3

EURO V

0

0

wara l-31 ta’ Diċembru 2013

3

2

EURO VI

0

0

wara l-31 ta’ Diċembru 2017

2

1

Li jniġġsu inqas mill-EURO VI

0

0

Il-valuri tat-Tabella 1 jistgħu jiġu mmultiplikati b’fattur ta’ mhux aktar minn 2 f’żoni muntanjużi dment li dan ikun iġġustifikat mill-gradjent tat-toroq, l-altitudni u/jew l-inverżjonijiet tat-temperatura.

2.   Spiża massima għat-tniġġis mill-istorbju minħabba t-traffiku

Tabella 2:   Spiża massima li għandha titħallas għall-istorbju

Ċenteżmi/vettura.kilometru

Binhar

Billejl

Toroq suburbani

(inklużi l-awtostradi)

1,1

2

Toroq interurbani

(inklużi l-awtostradi)

0,2

0,3

Il-valuri fit-Tabella 2 jistgħu jiġu mmultiplikati b’fattur mhux akbar minn 2 fiż-żoni muntanjużi dment li dan ikun iġġustifikat mill-gradjent tat-toroq, l-inverżjonijiet tat-temperatura u/jew l-effett ta’ anfiteatru tal-widien.

”.

(1)  ĠU L 309, 27.11.2001, p. 22.

(2)  Metodoloġija tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent http://reports.eea.europa.eu/EMEPCORINAIR5/.

(3)  ĠU L 189,18.7.2002, p. 12.


DIKJARAZZJONI MILL-KUMMISSJONI DWAR IT-TABELLI TA' KORRELAZZJONI

"Il-Kummissjoni tfakkar fl-impenn tagħha li tiżgura li l-Istati Membri jistabbilixxu tabelli ta' korrelazzjoni li jorbtu l-miżuri tat-traspożizzjoni li jadottaw mad-Direttiva tal-UE u jikkomunikawhom lill-Kummissjoni fil-qafas tat-traspożizzjoni tal-leġislazzjoni tal-UE, fl-interess taċ-ċittadini, ta' tfassil aħjar tal-liġijiet u ż-żieda fit-trasparenza legali, u biex jassistu fl-eżami tal-konformità tar-regoli nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tal-UE.

Il-Kummissjoni jiddispjaċiha għan-nuqqas ta' appoġġ għad-dispożizzjoni inkluża fil-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (Eurovignette), li kellha l-mira li tagħmel l-istabbilment tat-tabelli ta' korrelazzjoni obbligatorju.

Il-Kummissjoni, fi spirtu ta' kompromess u sabiex tiżgura l-adozzjoni immedjata ta' dik il-proposta, tista' taċċetta s-sostituzzjoni tad-dispożizzjoni obbligatorja dwar it-tabelli ta' korrelazzjoni inkluża fit-test bi premessa rilevanti li tħeġġeġ lill-Istati Membri jsegwu din il-prassi. Fi żmien tnax-il xahar wara l-adozzjoni ta' dan il-ftehim fil-plenarja hija ser tinforma u tagħmel rapport fi tmiem il-perijodu tat-traspożizzjoni dwar il-prassi tal-Istati Membri li jfasslu, għalihom infushom u fl-interess tal-Unjoni, it-tabelli proprji tagħhom li juru, sa fejn hu possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u biex jagħmluhom pubbliċi.

Madankollu, il-pożizzjoni li segwiet il-Kummissjoni f'dan il-fajl ma għandhiex titqies bħala preċedent. Il-Kummissjoni ser tkompli bl-isforzi tagħha bl-għan li flimkien mal-Parlament Ewropew u l-Kunsill issib soluzzjoni adatta għal din il-kwistjoni istituzzjonali orizzontali."


DIKJARAZZJONI MILL-PRESIDENZA UNGERIŻA, POLLAKKA, DANIŻA U ĊIPRIJOTTA TAL-KUNSILL

"Huwa b'dan iddikjarat li l-ftehim milħuq bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew fit-trilogu tat-23 ta' Mejju 2011 dwar id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (Eurovignette) ma jippreġudikax ir-riżultat tan-negozjati interistituzzjonali dwar it-tabelli ta' korrelazzjoni."


DIKJARAZZJONI MILL-PARLAMENT EWROPEW

“Il-Parlament Ewropew jiddispjaċih li l-Kunsill ma kienx lest jaċċetta l-pubblikazzjoni obbligatorja tat-tabelli ta' korrelazzjoni fil-kuntest tal-proposta li temenda d-Direttiva 1999/62/KE. Huwa b'dan iddikjarat li l-ftehim milħuq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fit-trilogu tat-23 ta' Mejju 2011 dwar id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 1999/62/KE dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (Eurovignette) ma jippreġudikax ir-riżultat tan-negozjati interistituzzjonali dwar it-tabelli ta' korrelazzjoni.

Il-Parlament Ewropew jitlob lill-Kummissjoni Ewropea biex tinfurmah fi żmien tnax-il xahar wara l-adozzjoni ta' dan il-ftehim fil-plenarja u biex tagħmel rapport fi tmiem il-perijodu tat-traspożizzjoni dwar il-prassi tal-Istati Membri li jfasslu t-tabelli proprji tagħhom li juru, sa fejn hu possibbli, il-korrelazzjoni bejn din id-Direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni, u biex jagħmluhom pubbliċi.”