21.7.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 215/4


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta’ Lulju 2011

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tal-Italja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabilità aġġornat tal-Italja, 2011-2014

2011/C 215/02

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u partikolarment l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u partikolarment l-Artikolu 5(3) tiegħu,

Wara li kkonsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fis-26 ta’ Marzu 2010, il-Kunsill Ewropew qabel mal-proposta tal-Kummissjoni li tvara strateġija ġdida għall-impjiegi u t-tkabbir, Ewropa 2020, imsejsa fuq koordinazzjoni msaħħa tal-politiki ekonomiċi, li tiffoka fuq l-oqsma ewlenin fejn jeħtieġ azzjoni biex tingħata spinta lill-potenzjal tal-Ewropa għat-tkabbir sostenibbli u l-kompetittività.

(2)

Fit-13 ta’ Lulju 2010, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni dwar il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Unjoni (mill-2010 sal-2014) u fil-21 ta’ Ottubru 2010, adotta deċiżjoni dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (2), li flimkien jagħmlu l-“linji gwida integrati”. L-Istati Membri ġew mistiedna jqisu l-linji gwida integrati fil-politiki ekonomiċi u okkupazzjonali nazzjonali.

(3)

Fit-12 ta’ Jannar 2011, il-Kummissjoni adottat l-ewwel Stħarriġ Annwali tat-Tkabbir, li kien il-bidu ta’ ċiklu ġdid ta’ governanza ekonomika fl-UE u l-ewwel semestru Ewropew ta’ koordinazzjoni integrata u ex-ante ta’ politika, imsejjes fuq l-istrateġija Ewropa 2020.

(4)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew endorsja l-prijoritajiet għall-konsolidazzjoni fiskali u r-riforma strutturali (bi qbil mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar u s-7 ta’ Marzu 2011 u b'żieda mal-Istħarriġ Annwali tat-Tkabbir mill-Kummissjoni). Hu saħaq il-ħtieġa li tingħata prijorità lir-restawr ta’ baġits tajbin u s-sostenibilità fiskali, lit-tnaqqis tal-qgħad permezz ta’ riformi fis-suq tax-xogħol u li jsiru sforzi ġodda biex jittejjeb it-tkabbir. Talab lill-Istati Membri biex isarrfu dawn il-prijoritajiet f'miżuri konkreti li jiġu inklużi fil-Programm ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma.

(5)

Fil-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill Ewropew stieden lill-Istati Membri parteċipi fil-Patt Euro Plus biex jippreżentaw l-impenji tagħhom fil-ħin biex jiġu inklużi fil-Programmi ta’ Stabilità jew ta’ Konverġenza tagħhom u fil-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma tagħhom.

(6)

Fis-6 ta’ Mejju 2011, l-Italja ressqet il-Programm ta’ Stabilità 2011 tagħha aġġornat li jkopri l-perjodu 2011-2014 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma 2011 tagħha. Sabiex jitqiesu l-konnotazzjonijiet bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess waqt.

(7)

L-ekonomija Taljana kienet affettwata bi dgħufijiet strutturali ħafna qabel il-kriżi ekonomika u finanzjarja globali attwali. Bejn l-2001 u l-2007, it-tkabbir reali medju tal-PDG kien madwar 1 %, jiġifieri biss nofs il-mejda taż-żona tal-euro, primarjament minħabba t-tkabbir kważi staġnat fil-produttività. Billi dawn l-iżviluppi affettwaw il-pajjiż kollu, l-ispariġġi reġjonali ekonomiċi kbar ma ttaffewx. Għalkemm l-ekonomija ma kellhiex żbilanċi interni kbar fis-settur privat, ġiet milquta ħażin ħafna mill-kriżi globali. Il-kollass tal-esportazzjonijiet, u mbagħad tal-investiment, ipproduċa tnaqqis kbir ta' madwar 7 % fil-PDG reali bejn it-tieni trimestru tal-2008 u t-tieni trimestru tal-2009. Wara li naqas progressivament tul l-aħħar deċenju, id-dejn gross tal-gvern żdied għal 119 % sa tmiem l-2010, li rrispekkja ruħu fit-tnaqqis qawwi fil-PDG. L-impjiegi naqsu ħafna inqas billi kienu appoġġati minn skema sponsorjata mill-gvern biex jitnaqqsu s-sigħat maħduma, u għalhekk ir-rata tal-qgħad żdiedet biss moderatament bejn l-2008-2009. Immexxija mill-esportazzjonijiet, l-ekonomija bdiet tirkupra fit-tieni nofs tal-2009, għalkemm b'rata baxxa. Is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol baqgħet fraġli fl-2010, u r-rata tal-qgħad stabilizzat għal madwar 8,5 % sa tmiem is-sena. Minħabba l-proporzjon għoli ħafna tad-dejn pubbliku, l-Italja żammet pożizzjoni fiskali prudenti kif xieraq, mingħajr ma tidħol għal stimolu fiskali kbir, u għalhekk, id-defiċit pubbliku baqa' taħt il-medja taż-żona tal-euro fl-2009-2010.

(8)

Abbażi tal-valutazzjoni tal-programm ta’ stabilità aġġornat skont ir-Regolament (KE) Nru 1466/97, il-Kunsill jaħseb li x-xenarju makroekonomiku sottostanti għall-programm huwa plawsibbli. Il-programm jippjana li jġib id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika taħt il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG sal-2012, abbażi ta' iktar trażżin tan-nefqa u dħul addizzjonali miż-żieda fil-konformità tat-tassazzjoni. Wara l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv, il-programm jippjana li jilħaq l-objettiv ta’ terminu medju (OTM) ta' pożizzjoni baġitarja bbilanċjata f'termini strutturali sa tmiem il-perjodu tal-programm (l-2014), u dan bl-appoġġ ta' impenn għal iktar trażżin tal-nefqa primarja. Il-programm jipproġetta li l-proporzjon tad-dejn pubbliku se jilħaq quċċata fl-2011 u mbagħad jonqos b'rata dejjem iktar mgħaġġla hekk kif is-surplus primarju jikber. L-isforz fiskali annwali medju ppjanat fil-perjodu 2010-2012 huwa ogħla miż-0,5 % tal-PDG irrakkomandat mill-Kunsill skont il-PDE u l-pass previst tal-aġġustament wara l-2012 huwa ogħla sew mid-dispożizzjonijiet fil-Patt ta' Stabilità u Tkabbir. L-ilħiq tal-eżiti ta’ defiċit u dejn imsemmija hawn fuq jeħtieġu implimentazzjoni baġitarja stretta, filwaqt li jeħtieġ aktar informazzjoni dwar il-miżuri ta’ konsolidazzjoni pjanati għall-2013 u l-2014 biex tiżdied il-kredibilità tal-programm.

(9)

Minħabba d-dejn għoli ħafna tal-gvern, li qiegħed madwar 120 % tal-PDG fl-2011, l-insegwiment ta’ konsolidazzjoni sostenibbli u kredibbli u l-adozzjoni ta’ miżuri strutturali biex jittejjeb it-tkabbir huma prijorità ewlenin għall-Italja. Skont l-aħħar valutazzjoni tal-Kummissjoni, ir-riskji fir-rigward tas-sostenibilità fit-tul tal-finanzji pubbliċi jidhru medji. Għall-perjodu sal-2012, il-ksib tal-miri għad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika stabiliti fil-programm ta' stabilità, u għalhekk, il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2012, iserraħ fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri adottati diġà. Ser tkun meħtieġa aktar azzjoni jekk pereżempju, id-dħul mill-konformità tat-tassazzjoni mtejba jkun inqas milli bbaġitjat jew jekk ikun hemm diffikultajiet fit-trażżin ippjanat fin-nefqa kapitali. Għall-2013-2014, il-qafas baġitarju ta' tliet snin ġdid jippreskrivi li l-miżuri konkreti sottostanti għall-isforz ta’ konsolidazzjoni jiġu adottati sa Ottubru 2011. Għalkemm dan il-qafas baġitarju issaħħaħ konsiderevolment fis-snin riċenti, l-introduzzjoni tal-limiti massimi inforzabbli tan-nefqa u titjibiet oħra fil-monitoraġġ baġitarju fis-sottosetturi kollha tal-gvern maħsuba biex ikattru d-dixxiplina fiskali u jsaħħu l-kredibilità tal-istrateġija baġitarja ta’ terminu medju.

(10)

Minkejja l-ħolqien tal-impjiegi b'saħħtu fis-snin ta' qabel il-kriżi, is-suq tax-xogħol tal-Italja jidher li fih xi dgħufijiet strutturali. Il-ħaddiema fuq kuntratti permanenti jgawdu minn iktar ħarsien milli l-ħaddiema b’kuntratti atipiċi. Għal dawk tal-ewwel is-sensji huma soġġetti għal regoli stretti u proċeduri ingombranti. Għal dawn tal-aħħar, għandha tingħata attenzjoni għad-dinamiċi tas-self-employment li jistgħu jaħbu relazzjonijiet ta’ xogħol subordinati. Minkejja miżuri ad hoc ġodda meħuda waqt il-kriżi sabiex jiġi estiċ is-sostenn lid-dħul u protezzjoni kontra l-qgħad, is-sistema kurrenti ta’ benefiċċji tal-qgħad għadha frammentata. Il-livell ta’ qgħad fost ħaddiema taħt il-25 sena laħaq 27,8 % fl-2010, u hemm distribuzzjoni mhux uniformi fil-pajjiż, u l-qgħad fost iż-żgħażagħ fir-reġjuni tan-Nofsinhar huwa d-doppju ta' dak fir-reġjuni tat-Tramuntana. Ir-rwol tal-apprendistati u tat-taħriġ vokazzjonali għandu jiġi msaħħaħ aktar. Għalkemm utli ħafna u neċessarja, għad ma hemmx sistema unika ta' ċertifikazzjoni tal-ħiliet u rikonoxximent tal-istandards vokazzjonali u tat-taħriġ li hija rikonoxxuta fil-pajjiż kollu, iżda multiplikazzjoni tar-reġimi reġjonali, li b’hekk ma jiffaċilitax il-mobbiltà tal-ħaddiema u l-opportunitajiet tax-xogħol madwar l-Italja. Hemm lok għat-tisħiħ tal-effikaċja tas-servizzi tal-impjiegi, speċjalment fir-reġjuni b'livelli għolja tal-qgħad. Fl-aħħar nett ix-xogħol mhux dikjarat jibqa' fenomenu serju fl-Italja.

(11)

L-allinjament tal-iżviluppi fil-pagi mat-tkabbir fil-produttività huwa importanti meta wieħed iqis it-telf kostanti tal-Italja fil-kompetittività mill-aħħar tad-disgħinijiet (1990) 'l hawn; dwar dan, in-negozjar fil-livell tal-kumpaniji jista' jkollu rwol sinifikanti, li jista' jgħin ukoll biex jindirizza l-ispariġġ reġjonali fis-suq tax-xogħol. Ir-riforma tal-2009 tal-qafas tan-negozjar introduċiet, fost oħrajn, il-possibilità ta' klawżoli tal-ftuħ (jiġifieri derogi mill-pagi settorjali maqbula fil-livell nazzjonali), iżda dawn ma tantx għadhom jintużaw, sa issa.

(12)

Ir-rata tal-impjiegi tan-nisa għadha inqas minn dik tal-irġiel b'iktar minn 20 punt perċentwali fit-territorju kollu, medjament, f’differenzi sinifikanti bejn ir-reġjuni. Fl-2009 bil-kemm kien impjegat terz tan-nisa bejn l-20 u l-64 sena fir-reġuni tan-Nofsinhar, minħabba r-rati ta' attività relattivament iktar baxxi imma wkoll minħabba livelli ogħla tal-qgħad. It-tassazzjoni relattivament għolja tax-xogħol fl-Italja tnaqqas l-inċentivi għall-provvista ta' ħaddiema, speċjalment għal dawk li jaqalgħu il-paga sekondarja fid-dar, u taffettwa negattivament id-domanda għall-ħaddiema mill-kumpaniji. Biex tingħata spinta lin-nisa fl-impjiegi, il-Programm Nazzjonali ta' Riforma jirreferi għall-pjan adottat fl-2010 li jikkoordina l-isforzi fost is-saffi differenti tal-gvern biex jippromwovi r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja tax-xogħol u tal-familja. Dan l-aħħar il-gvern introduċa inċentiv ta’ taxxa għall-kumpaniji biex iħaddmu ħaddiema żvantaġġati, inkluż dawk li jaħdmu f'settur jew impjieg fejn l-iżbilanċ bejn is-sessi huwa partikolarment jispikka, f'reġuni b'livelli għolja ta' qgħad. Il-Programm ħabbar ukoll riforma tas-sistema ta’ tassazzjoni bil-ħsieb li l-piż tat-taxxi gradwalment jiġi ttrasferit mix-xogħol għall-konsum, u dan jista' jgħin biex iżid l-impjiegi.

(13)

Meta mqabbbel mal-istandards tal-UE, il-kost tan-negozju fl-Italja huwa għoli, partikolarment fir-reġjuni tan-Nofsinhar, minkejja l-miżuri reċenti biex jitjieb l-ambjent tan-negojzu u titjieb l-orjentazzjoni lejn il-prestazzjoni u r-responsabilità tal-amministrazzjoni pubblika. Għad hemm lok kbir fejn jitneħħew l-ostakoli regolatorji u amministrattivi fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi, partikolarment fis-servizzi professjonali. Fl-2009 ġiet introdotta Liġi Annwali dwar il-Kompetizzjoni bħala għodda leġiżlattiva biex ittejjeb l-ambjent kompetittiv u l-ħarsien tal-konsumaturi, iżda għadha ma ġietx adottata. Il-proċeduri twal tal-infurzar tal-kuntratti huma dgħufija oħra fl-ambjent tan-negozju tal-Italja. Il-mezzi għall-finanzjament mhux bankarji tat-tkabbir ta’ ditti għadhom relattivament skarsi fl-Italja, speċjalment għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Partikolarment, il-finanzjament ta’ ekwità l-kapital ta’ riskju għad għandhom rwol limitat minkejja l-potenzjal tagħhom għall-promozzjoni tat-tkabbir tad-daqs tal-kumpaniji, estensjoni għal swieq globali ġodda u governanza korporattiva mtejba.

(14)

In-nefa fuq ir-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) żdiedet biss b'rata modesta f'dawn l-aħħar għaxar snin. Konsegwentement, l-intensità tar-R&Ż għadha baxxa, madwar 1,27 % tal-PDG, u taħt sew il-medja tal-UE (1,90 %). Din id-diskrepanza hija prinċipalment dovuta għal livell baxx ta’ riċerka industrijali, minħabba li l-intensità tar-R&Ż kummerċjali hija 0,64 % tal-PDG meta mqabbla mal-medja tal-UE-27 ta’ 1,23 %. L-intensità tal-kapital ta’ riskju għadha baxxa ħafna wkoll. Għadd ta' miżuri, inkluż vantaġġi ta’ taxxa għall-kumpaniji li jinvestu fi proġetti ta’ riċerka mwettqa mill-universitajiet jew minn entitajiet tas-settur pubbliku, tħabbru fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma. Il-mira ta’ 1,53 % tal-PDG stipulata għall-intensità tar-R&Ż toħroġ minn projezzjoni tar-rata ta’ tkabbir medja annwali fil-perijodu 2006-2008 u tieħu kont tal-vinkoli tal-istabiltà finanzjarja tal-pajjiż. Hija ser tkun soġġetta għal reviżjoni fl-2014.

(15)

L-Italja hija t-tielet l-akbar benefiċjarju tal-fondi tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, u se tirċievi madwar 8 % tal-baġit totali tal-politika tal-koeżjoni tal-UE fil-perjodu 2007-2013. Issa li qegħdin f'nofs il-perjodu ta' programmazzjoni, is-sehem ta' fondi tal-UE li ġie realment mobilizzat huwa ta' 16,8 % u dan huwa ħafna anqas fir-reġjuni ta’ Konverġenza tan-Nofsinhar.

(16)

L-Italja ħadet għadd ta’ impenji taħt il-Patt Euro Plus. Il-Programm Nazzjonali ta' Riforma jsemmi xi miżuri adottati dan l-aħħar u jiddeskrivi fil-qosor xi pjanijiet futuri għar-riformi li jindirizzaw is-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi u l-istabilità finanzjarja, ikattru l-kompetittività u jżidu l-impjiegi, f'konformità mal-prinċipji tal-Patt Euro Plus. Impenn ewlieni ġdid meħud speċifikament b'rispons għall-Patt hija l-intenzjoni tal-gvern li jemenda l-Kostituzzjoni sabiex isaħħaħ id-dixxiplina baġitarja. Dawn l-elementi ġew evalwati u tqiesu fir-rakkomandazzjonijiet.

(17)

Il-Kummissjoni vvalutat il-Programm ta' Stabilità u l-Programm Nazzjonali ta' Riforma, inkluż l-impenji tal-Patt Euro Plus tal-Italja. Mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika sostenibbli fiskali u soċjoekonomika fl-Italja imma wkoll lejn il-konformità tagħhom mar-regoli u l-gwida tal-UE, fid-dawl tal-ħtieġa tat-tisħiħ tal-governanza ekonomika kumplessiva tal-UE billi jiġi pprovdut kontribut fil-livell tal-UE għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri. Minħabba dan, il-Kummissjoni tqis li l-pjan ta' konsolidazzjoni tal-Italja għall-2011-2014 huwa kredibbli sal-2012 filwaqt li għandu jkun appoġġat b'miżuri konkreti għall-2013-2014, sabiex id-dejn għoli ħafna tal-gvern jibda jitnaqqas gradwalment. Il-Pjan Nazzjonali ta' Riforma jiddeskrivi ġabra komprensiva ta' inizjattivi fid-dimensjonijiet kollha tal-istrateġija Ewropa 2020, iżda huwa meqjus li jeħtieġ iktar miżuri biex jiġu indirizzati d-dgħufijiet strutturali li ilhom hemm u li ġew iggravati mill-kriżi. Biex il-potenzjal għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi tal-Italja jitkabbar, u jiġi promoss l-irkupru tar-reġjuni tan-Nofsinhar, għandhom jittieħdu passi oħra fl-2011-2012 biex il-funzjonament tas-suq tax-xogħol jittejjeb, is-swieq tas-servizzi u l-prodotti jinfetħu għal iktar kompetizzjoni, l-ambjent tan-negozju jittejjeb, il-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni tissaħħaħ u jiġi promoss l-użu iktar rapidu u aħjar tal-fond ta' koeżjoni tal-UE.

(18)

Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, meta titqies ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea tat-2 ta’ Diċembru 2009, il-Kunsill eżamina l-aġġornament tal-2011 tal-Programm ta’ stabilità tal-Italja u l-opinjoni tiegħu (3) qed tiġi riflessa partikolarment fir-rakkomandazzjoni 1 hawn taħt. B'kunsiderazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja,

JIRRAKKOMANDA li l-Italja tieħu azzjoni fil-perjodu 2011-2012 sabiex:

1.

Timplimenta l-konsolidazzjoni fiskali ppjanata fl-2011 u l-2012 biex tiżgura l-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill taħt il-PDE, u b’hekk iġġib il-proporzjon għoli ta’ dejn pubbliku fi triq l-isfel. Tibni fuq il-leġiżlazzjoni approvata reċentement, tesplojta bis-sħiħ kull żviluppi ekonomiċi jew baġitarji aħjar milli mistennija għal tnaqqis iktar mgħaġġel tad-defiċit u d-dejn u tkun lesta li żżomm strettament mal-implimentazzjoni baġitarja. Tappoġġa l-miri għall-2013-2014 u l-kisba mistennija tal-objettiv ta’ terminu medju sal-2014 b'miżuri konkreti sa Ottubru 2011 kif dispost fil-qafas baġitarju multiannwali l-ġdid. Issaħħaħ aktar il-qafas billi tintroduċi limiti massimi inforzabbli għan-nefqa u ttejjeb il-monitoraġġ li jkopri s-sottosetturi kollha tal-gvern.

2.

Tirrinforza l-miżuri biex tiġġieled is-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol, ukoll billi tirrieżamina aspetti magħżula tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni okkupazzjonali inkluż ir-regoli u l-proċeduri tal-issensjar u tirrevedis-sistema frammentata attwali tal-benefiċċji okkupazzjonali waqt li tieħu kont tal-vinkoli baġitarji. Iżżid l-isfrozi fil-ġlieda kontra x-xogħol mhux dikjarat. Barra minn hekk, tieħu passi biex tippromwovi parteċipazzjoni ikbar tan-nisa fis-suq tax-xogħol, billi żżid id-disponibilità ta’ servizzi tal-indukrar fil-pajjiż kollu u tipprovdi inċentivi finanzjarji għat-tieni salarju tal-unità domestika, b'ebda implikazzjoni baġitarja.

3.

Tieħu aktar passi, abbażi tal-ftehim tal-2009 biex tirriforma l-qafas tan-negozjati u b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali skont il-prattiki nazzjonali, biex tiżgura li t-tkabbir fil-pagi jirrispekkja aħjar l-iżviluppi fil-produttività kif ukoll il-kundizzjonijiet lokali u tad-ditti, inklużi klawsoli li jkunu jistgħu jippermettu li n-negozjar fil-livell tad-ditti jipproċedi f’din id-direzzjoni.

4.

Testendi l-proċess ta’ ftuħ tas-settur tas-servizzi għal iktar kompetizzjoni, inkluż fil-qasam tas-servizzi professjonali. Fl-2011 tadotta l-Liġi Annwali dwar il-Kompetizzjoni, filwaqt li tqis ir-rakkomandazzjonijiet ippreżentati mill-Awtorità tal-Anti-trust. Tnaqqas it-tul tal-proċeduri tal-infurzar tal-liġi tal-kuntratti. Tirrinforza aktar l-azzjonjiet sabiex biex tippromwovi l-aċċess tal-SMEs għas-swieq kapitali billi jitneħħew l-ostakli regolatojru u jitnaqqsu l-kostijiet.

5.

Jittejjeb il-qafas għall-investiment mis-settur privat fir-riċerka u l-innovazzjoni billi jiġu estiżi l-inċentivi fiskali kurrenti, jittejbu l-kundizzjonijiet għall-kapital ta' riskju u jiġu sostnuti skemi tal-akkwist innovattivi.

6.

Tieħu passi biex taċċellera b’mod kost-effettiv, in-nefqa li ttejjeb t-tkabbir ikkofinanzjat mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni sabiex jitnaqqsu l-ispariġġi persistenti bejn ir-reġjuni, billi tittejjeb il-kapaċità amministrattiva u l-governanza politika. Tirrispetta l-impenji meħuda fil-Qafas Strateġiku ta' Referenza nazzjonali f'termini tal-ammont ta' riżorsi u l-kwalità tan-nefqa.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Lulju 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

J. VINCENT-ROSTOWSKI


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Miżmuma għall-2011, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/308/UE tad-19 ta’ Mejju 2011 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 138, 26.5.2011, p. 56).

(3)  Prevista fl-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.