23.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 343/91


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-19 ta’ Diċembru 2011

li tistabbilixxi valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza għal produzzjoni separata ta’ elettriku u sħana bl-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/74/KE

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 9523)

(2011/877/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/8/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Frar 2004 dwar il-promozzjoni ta’ koġenerazzjoni bbażata fuq id-domanda għal sħana utli fis-suq intern tal-enerġija, u li temenda d-Direttiva 92/42/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) tagħha,

Billi:

(1)

Skont id-Direttiva 2004/8/KE, il-Kummissjoni, permezz tad-Deċiżjoni 2007/74/KE (2), stabbilixxiet valuri armonizzati ta’ referenza għall-effiċjenza [valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza] għal produzzjoni separata ta’ elettriku u sħana, li jikkonsistu f’matriċi ta’ valuri ddiferenzjati b’fatturi rilevanti, inkluż is-sena tal-kostruzzjoni u t-tipi ta’ fjuwil.

(2)

Il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza għal produzzjoni separata ta’ elettriku u sħana għall-ewwel darba fil-21 ta’ Frar 2011, u kull erba’ snin minn dakinhar, biex tqis l-iżviluppi teknoloġiċi u l-bidliet fid-distribuzzjoni tal-għejun tal-enerġija.

(3)

Il-Kummissjoni rrevediet il-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza għal produzzjoni separata ta’ elettriku u sħana, billi qieset id-dejta mill-użu operattiv taħt kundizzjonijiet realistiċi, mogħtija mill-Istati Membri. Żviluppi fl-aħjar teknoloġija disponibbli u ekonomikament ġustifikabbli li seħħew matul il-perjodu 2006-2011 li kien kopert mir-reviżjoni, jindikaw li għall-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza għal produzzjoni separata ta’ elettriku, id-distinzjoni magħmula fid-Deċiżjoni 2007/74/KE li tirrigwarda s-sena ta’ kostruzzjoni ta’ unità ta’ koġenerazzjoni ma għandhiex tinżamm għal impjanti li nbnew mill-1 ta’ Jannar 2006 ‘l quddiem. Madankollu għal unitajiet ta’ koġenerazzjoni mibnija fl-2005 jew qabel, il-valuri ta’ referenza għandhom jibqgħu jiġu applikati skont is-sena ta’ kostruzzjoni, sabiex jitqiesu l-iżviluppi osservati fl-aħjar teknoloġija disponibbli u ekonomikament ġustifikabbli. Għaldaqstant, abbażi ta’ esperjenza u analiżi riċenti, ir-reviżjoni kkonfermat, li l-fatturi ta’ korrezzjoni relatati mas-sitwazzjoni klimatika, għandhom jibqgħu jiġu applikati. Barra minn hekk, il-fatturi ta’ korrezzjoni għat-telf evitat tal-grilja għandhom ukoll jibqgħu jiġu applikati billi t-telf tal-grilja ma nbidilx matul l-aħħar snin. Minbarra dan, il-fatturi ta’ korrezzjoni għat-telf evitat tal-grilja għandhom japplikaw ukoll għal impjanti li jużaw fjuwils tal-injam jew tal-bijogass.

(4)

Ir-reviżjoni ma tatx evidenza li tindika li l-effiċjenza fl-enerġija tal-bojlers inbidlet matul il-perjodu kkunsidrat, u għalhekk il-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza għal produzzjoni separata ta’ sħana ma għandhomx ikunu relatati mas-sena tal-kostruzzjoni. Ma kien hemm bżonn tal-ebda fattur ta’ korrezzjoni relatat mas-sitwazzjoni klimatika, billi t-termodinamiki tal-ġenerazzjoni tas-sħana minn fjuwil ma jiddependux b’mod sinifikanti fuq it-temperatura ambjentali. Barra minn hekk ma hemmx bżonn ta’ fatturi ta’ korrezzjoni għal telf tas-sħana tal-grilja, billi s-sħana tintuża dejjem ħdejn is-sit tal-produzzjoni.

(5)

Jeħtieġ kundizzjonijiet stabbli għall-investiment fil-koġenerazzjoni u għall-fiduċja kontinwa tal-investitur. Minn din il-perspettiva, huwa xieraq ukoll li l-valuri ta’ referenza armonizzati attwali għall-elettriku u s-sħana jiġu estiżi għall-perjodu 2012-2015.

(6)

Id-dejta mill-użu operattiv taħt kundizzjonijiet realistiċi ma jurux titjib statistikament sinifikanti tal-prestazzjoni reali tal-impjanti l-iktar żviluppati matul il-perjodu rivedut. Għalhekk, il-valuri ta’ referenza stabbiliti għall-perjodu 2006–2011 fid-Deċiżjoni 2007/74/KE għandhom jinżammu għall-perjodu 2012–2015.

(7)

Ir-reviżjoni kkonfermat il-validità tal-fatturi ta’ korrezzjoni eżistenti li jirrigwardaw is-sitwazzjoni klimatika u t-telf evitat tal-grilja.

(8)

L-użu ta’ sett uniku ta’ valuri ta’ referenza għall-perjodu kollu u t-tneħħija ta’ fatturi ta’ korrezzjoni għal differenzi klimatiċi u telf tal-grilja kienu kkonfermati wkoll għal ġenerazzjoni tas-sħana.

(9)

Meta jitqies li l-għan ewlieni tad-Direttiva 2004/8/KE huwa li tippromwovi l-koġenerazzjoni sabiex tiffranka l-enerġija, għandu jingħata inċentiv biex jiġu mmodernizzati unitajiet ta’ koġenerazzjoni iktar qodma għat-titjib fl-effiċjenza tal-enerġija tagħhom. Għal dawn ir-raġunijiet il-valuri ta’ referenza tal-effiċjenza għall-elettriku applikabbli għal unità tal-koġenerazzjoni għandhom jiżdiedu mill-ħdax-il sena wara s-sena tal-kostruzzjoni tagħha.

(10)

Dan l-approċċ huwa konsistenti mar-rekwiżit għall-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza li għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji msemmija fl-Anness III, il-punt (f) tad-Direttiva 2004/8/KE.

(11)

Għandhom jiġu stabbiliti l-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza riveduti għal produzzjoni separata tal-elettriku u s-sħana. Id-Deċiżjoni 2007/74/KE għandha għalhekk tiġi rrevokata.

(12)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Koġenerazzjoni.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Stabbiliment ta’ valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza

Il-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza għal produzzjoni separata tal-elettriku u s-sħana ser jiġu stabbiliti fl-Anness I u l-Anness II rispettivament.

Artikolu 2

Applikazzjoni tal-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza

1.   L-Istati Membri għandhom japplikaw il-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza stabbiliti fl-Anness I fir-rigward tas-sena tal-kostruzzjoni ta’ unità ta’ koġenerazzjoni. Dawn il-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza għandhom japplikaw għal 10 snin mis-sena tal-kostruzzjoni ta’ unità ta’ koġenerazzjoni.

2.   Mill-ħdax-il sena ta’ wara s-sena ta’ kostruzzjoni ta’ unità ta’ koġenerazzjoni, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza li bis-saħħa tal-paragrafu 1 japplikaw għal unità ta’ koġenerazzjoni li ilha 10 snin mibnija. Dawn il-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza għandhom japplikaw għal sena waħda.

3.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, is-sena ta’ kostruzzjoni ta’ unità ta’ koġenerazzjoni għandha tfisser is-sena kalendarja tal-ewwel produzzjoni tal-elettriku.

Artikolu 3

Fatturi ta’ korrezzjoni għall-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza għal produzzjoni separata tal-elettriku

1.   L-Istati Membri għandhom japplikaw il-fatturi ta’ korrezzjoni stabbiliti fl-Anness III, il-punt (a) sabiex jadattaw il-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza stabbiliti fl-Anness I għas-sitwazzjoni klimatika medja f’kull Stat Membru.

Jekk fit-territorju tal-Istat Membru id-dejta meterjoloġika uffiċjali turi differenzi fit-temperatura ambjentali annwali ta’ 5 °C jew aktar, dak l-Istat Membru jista’, soġġett għal notifika lill-Kummissjoni, juża diversi żoni klimatiċi għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu billi juża l-metodu stipulat fl-Anness III, il-punt (b).

2.   L-Istati Membri għandhom japplikaw il-fatturi ta’ korrezzjoni stabbiliti fl-Anness IV, sabiex jadattaw il-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza stabbiliti fl-Anness I għal telf evitat tal-grilja.

3.   Meta l-Istati Membri japplikaw kemm il-fatturi ta’ korrezzjoni stipulati fl-Anness III, il-punt (a) u kif ukoll dawk stipulati fl-Anness IV, għandhom japplikaw l-Anness III, il-punt (a) qabel ma japplikaw l-Anness IV.

Artikolu 4

L-immodernizzar ta’ unità ta’ koġenerazzjoni

Jekk unità eżistenti ta’ koġenerazzjoni tiġi modernizzata u l-ispiża tal-investiment għall-immodernizzar taqbeż 50 % tal-ispiża tal-investiment ta’ unità ġdida komparabbli ta’ koġenerazzjoni, is-sena kalendarja tal-ewwel produzzjoni tal-elettriku tal-unità modernizzata tal-koġenerazzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala s-sena tal-kostruzzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 2.

Artikolu 5

Taħlita ta’ Fjuwils

Jekk l-unità tal-koġenerazzjoni topera b’aktar minn fjuwil wieħed, il-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza għal produzzjoni separata għandha tiġi applikata proporzjonalment għal medja ppiżata tal-użu tal-enerġija tal-fjuwils diversi.

Artikolu 6

Ir-revoka

Id-Deċiżjoni 2007/74/KE għandha titħassar.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Günther OETTINGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 52, 21.2.2004, p. 50.

(2)  ĠU L 32, 6.2.2007, p. 183.


ANNESS I

Valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza għal produzzjoni separata tal-elettriku (imsemmija fl-Artikolu 1)

Fit-tabella hawn taħt il-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza għal produzzjoni separata tal-elettriku huma bbażati fuq valur kalorifiku nett u l-kundizzjonijiet standard tal-ISO (15 °C temperatura ambjentali, 1,013 bar, 60 % umdità relattiva).

 

Is-sena ta’ kostruzzjoni:

Tip ta’ fjuwil:

2001 u qabel

2002

2003

2004

2005

2006–2011

2012–2015

Solidi

Antraċit/kokk

42,7

43,1

43,5

43,8

44,0

44,2

44,2

Linjite/blokki tal-linjite

40,3

40,7

41,1

41,4

41,6

41,8

41,8

Pit/blokki tal-pit

38,1

38,4

38,6

38,8

38,9

39,0

39,0

Fjuwils magħmulin mill-injam

30,4

31,1

31,7

32,2

32,6

33,0

33,0

Bijomassa agrikola

23,1

23,5

24,0

24,4

24,7

25,0

25,0

Skart bijodegradabbli (muniċipali)

23,1

23,5

24,0

24,4

24,7

25,0

25,0

Skart mhux rinnovabbli (muniċipali u industrijali)

23,1

23,5

24,0

24,4

24,7

25,0

25,0

Shale bituminuż

38,9

38,9

38,9

38,9

38,9

39,0

39,0

Likwidi

Żejt (żejt tal-gass + żejt tal-fjuwil residwu), LPG

42,7

43,1

43,5

43,8

44,0

44,2

44,2

Bijofjuwils

42,7

43,1

43,5

43,8

44,0

44,2

44,2

Skart bijodegradabbli

23,1

23,5

24,0

24,4

24,7

25,0

25,0

Skart mhux rinnovabbli

23,1

23,5

24,0

24,4

24,7

25,0

25,0

Tal-gass

Gass naturali

51,7

51,9

52,1

52,3

52,4

52,5

52,5

Gass tar-raffinerija/idroġenu

42,7

43,1

43,5

43,8

44,0

44,2

44,2

Bijogass

40,1

40,6

41,0

41,4

41,7

42,0

42,0

Gass tal-forn tal-kokk, gass tal-kalkara tal-funderija, gassijiet ta’ skart oħrajn, sħana minn skart irkuprat

35

35

35

35

35

35

35


ANNESS II

Valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza għal produzzjoni separata tas-sħana (imsemmija fl-Artikolu 1)

Fit-tabella hawn taħt il-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza għal produzzjoni separata tas-sħana huma bbażati fuq il-valur kalorifiku nett u l-kundizzjonijiet standard tal-ISO (15 °C temperatura ambjentali, 1,013 bar, 60 % umdità relattiva).

 

Tip ta’ fjuwil

Stim/misħun

Użu dirett ta’ gassijiet tal-egżost (*)

Solidi

Antraċit/kokk

88

80

Linjite/blokki tal-linjite

86

78

Pit/blokki tal-pit

86

78

Fjuwils magħmulin mill-injam

86

78

Bijomassa agrikola

80

72

Skart bijodegradabbli (muniċipali)

80

72

Skart mhux rinnovabbli (muniċipali u industrijali)

80

72

Shale bituminuż

86

78

Likwidi

Żejt (żejt tal-gass + żejt tal-fjuwil residwu), LPG

89

81

Bijofjuwils

89

81

Skart bijodegradabbli

80

72

Skart mhux rinnovabbli

80

72

Tal-gass

Gass naturali

90

82

Gass tar-raffinerija/idroġenu

89

81

Bijogass

70

62

Gass tal-forn tal-kokk, gass tal-kalkara tal-funderija, gassijiet oħrajn minn skart, sħana minn skart irkuprat

80

72


(*)  Għandhom jintużaw il-valuri għal sħana diretta jekk it-temperatura tkun 250 °C jew aktar.


ANNESS III

Il-fatturi ta’ korrezzjoni relatati mas-sitwazzjoni klimatika medja u l-metodu biex jiġu stabbiliti żoni klimatiċi għall-applikazzjoni ta’ valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza għal produzzjoni separata tal-elettriku (imsemmija fl-Artikolu 3(1))

(a)   Fatturi ta’ korrezzjoni relatati mas-sitwazzjoni klimatika medja

Il-korrezzjoni tat-temperatura ambjentali hija bbażata fuq id-differenza bejn it-temperatura medja annwali fi Stat Membru u l-kundizzjonijiet standard tal-ISO (15 °C).

Il-korrezzjoni għandha tkun kif ġej:

(i)

0,1 % ta’ punt ta’ telf ta’ effiċjenza għal kull grad ‘il fuq minn 15 °C

(ii)

0,1 % ta’ punt ta’ żieda fl-effiċjenza għal kull grad ‘l isfel minn 15 °C

Eżempju:

Meta t-temperatura medja annwali fi Stat Membru hija 10 C, il-valur ta’ referenza ta’ unità ta’ koġenerazzjoni f’dak l-Istat Membru għandha tiżdied b’0,5 % punti.

(b)   Metodu biex jiġu stabbiliti ż-żoni klimatiċi

Il-konfini ta’ kull żona klimatika se jkunu kkostitwiti minn isotermi (fi gradi sħaħ Celsius) tat-temperatura ambjentali medja annwali li jvarjaw b’tal-anqas 4 °C. Id-differenza fit-temperatura bejn it-temperaturi ambjentali medji annwali applikati f’żoni klimatiċi li jmissu ma’ xulxin għandha tkun talanqas 4 °C.

Eżempju:

Fi Stat Membru t-temperatura ambjentali medja annwali fil-post A hija 12 °C u fil-post B hija 6 °C. Id-differenza hija iktar minn 5 °C. L-Istat Membru issa għandu l-għażla li jintroduċi żewġ zoni klimatiċi separati bl-isoterma ta’ 9 °C, b’hekk jikkostitwixxu żona klimatika waħda bejn l-isotermi ta’ 9 °C u 13 °C b’temperatura ambjentali medja annwali ta’ 11 °C, u żona klimatika oħra bejn l-isotermi ta’ 5 °C u 9 °C b’temperatura ambjentali medja annwali ta’ 7 °C.


ANNESS IV

Fatturi ta’ korrezzjoni għal telf evitat tal-grija għall-applikazzjoni tal-valuri ta’ referenza armonizzati tal-effiċjenza għal produzzjoni separata tal-elettriku (imsemmija fl-Artikolu 3(2))

Vultaġġ

Għall-elettriku esportat għall-grilja

Għall-elettriku kkonsmat fuq is-sit

> 200 kV

1

0,985

100–200 kV

0,985

0,965

50–100 kV

0,965

0,945

0,4–50 kV

0,945

0,925

< 0,4 kV

0,925

0,860

Eżempju:

Unità ta’ koġenerazzjoni ta’ 100 kWel b’magna reċiproka li titħaddem bil-gass naturali tiġġenera elettriku ta’ 380 V. Minn dan l-elettriku 85 % jintuża għall-konsum tal-unità proprja u 15 % jiddaħħal fil-grilja. L-impjant kien mibni fl-1999. It-temperatura ambjentali annwali hija 15 °C (għalhekk ma hemm bżonn tal-ebda korrezzjoni klimatika).

Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni għal unitajiet ta’ koġenerazzjoni li ilhom mibnija aktar minn 10 snin, għandhom japplikaw il-valuri ta’ referenza ta’ unitajiet li ilhom mibnija 10 snin. Skont l-Anness I għal din id-Deċiżjoni għal unità ta’ koġenerazzjoni mħaddma bil-gass naturali u mibnija fl-1999, li ma ġietx modernizzata, il-valur ta’ referenza armonizzat tal-effiċjenza applikabbli fl-2011 huwa l-valur ta’ referenza għall-2001, 51,7 %. Wara l-korrezzjoni għat-telf tal-grilja, jirriżulta li l-valur ta’ referenza tal-effiċjenza għall-produzzjoni separata tal-elettriku f’din l-unità ta’ koġenerazzjoni għandu jkun (abbażi tal-medja ppiżata tal-fatturi f’dan l-Anness):

Ref Εη = 51,7 % * (0,860 * 85 % + 0,925 * 15 %) = 45,0 %