22.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/63


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-20 ta’ Diċembru 2011

li temenda d-Deċiżjoni 2002/364/KE dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni għal apparat mediku dijanjostiku in vitro

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 9398)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/869/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 98/79/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ottubru 1998 dwar apparat mediku dijanjostiku in vitro  (1), u b’mod partikolari t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(3) tagħha,

Billi:

(1)

L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni għall-apparat mediku dijanjostiku in vitro huma stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2002/364/KE (2).

(2)

Fl-interess tas-saħħa pubblika jixraq li, kull meta jkun possibbli, jitfasslu speċifikazzjonijiet tekniċi komuni għat-tagħmir fil-Lista A tal-Anness II tad-Direttiva 98/79/KE.

(3)

It-testijiet għall-iskrining tad-demm, id-dijanjożi u l-konferma għall-Varjant tal-marda Creutzfeldt-Jakob (vCJD) żdiedu mal-Lista A tal-Anness II tad-Direttiva 98/79/KE bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/100/UE (3).

(4)

Abbażi tal-aktar avvanzi riċenti u l-għarfien xjentifiku attwali dwar il-varjant tal-marda Creutzfeldt-Jakob, jistgħu jitfasslu speċifikazzjonijiet tekniċi komuni għat-testijiet tal-iskrining tad-demm tal-marda.

(5)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-kumitat imwaqqaf mill-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/385/KEE (4) u msemmi fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 98/79/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Anness tad-Deċiżjoni 2002/364/KE huwa emendat skont l-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Lulju 2012.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-manifatturi li japplikaw ir-rekwiżiti stipulati fl-Anness qabel id-data stipulata fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 331, 7.12.1998, p. 1.

(2)  ĠU L 131, 16.5.2002, p. 17.

(3)  Ara paġna 50 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(4)  ĠU L 189, 20.7.1990, p. 17


ANNESS

1.

It-taqsima li ġejja għandha tiżdied fit-tarf tat-Taqsima 3 tal-Anness tad-Deċizjoni 2002/364/KE:

“3.7.   STK għat-testijiet tal-iskrining tad-demm għall-Varjant tal-marda Creutzfeldt-Jakob (vCJD)

Fit-Tabella 11 hemm l-STK għat-Testijiet tal-iskrining tad-demm għall-Varjant tal-marda Creutzfeldt-Jakob (vCJD)”

2.

It-tabella li ġejja għandha tiżdied fit-tarf tal-Anness tad-Deċizjoni 2002/364/KE:

Tabella 11

Testijet tal-iskrining tad-demm għall-Varjant tal-marda Creutzfeldt-Jakob (vCJD)

 

Il-materjal

Għadd ta’ kampjuni

Kriterji tal-Aċċettazzjoni

Sensittività analitika

Manifestazzjonijiet ta’ vCJD fil-moħħ fil-plażma tal-bniedem (numru tar-referenza tal-WHO NHBY0/003)

24 replikati ta’ kull wieħed minn tliet dilwizzjonijiet tal-materjal bin-numru tal-WHO NHBY0/003

(1×104, 1×105, 1×106)

23 mill-24 replikati individwati fi

1×104

Manifestazzjonijiet ta’ vCJD fil-milsa fil-plażma tal-bniedem (10 % tal-omoġenat tal-misa – numru tar-referenza tal-NIBSC NHSY0/0009)

24 replikati ta’ kull wieħed minn tliet dilwizzjonijiet tal-materjal bin-numru tal-NIBSC NHSY0/0009

(1×10, 1×102, 1×103)

23 mill-24 replikati individwati fi

1×10

Sensittività dijanjostika

A)

Kampjun minn mudelli tal-annimali xierqa

Tant kampjuni daqs kemm ikun raġonevolment possibbli u disponibbli, u mill-inqas 10 kampjuni

90  %

B)

Kampjun mill-bnedmin b’manifestazzjoni klinika tal-vCJD

Tant kampjuni daqs kemm ikun raġonevolment possibbli u disponibbli, u mill-inqas 10 kampjuni

90  %

Biss fil-każ fejn ma jkunux disponibbli 10 kampjuni:

l-għadd ta’ kampjuni ttestjati għandu jkun bejn 6 u 9

il-kampjuni kollha disponibbli għandhom jiġu ttestjati

mhux itkar minn riżultat negattiv falz wieħed

Speċifiċità analitika

Kampjuni tad-demm b’possibbiltà li jirreaġixxu ma’ xulxin

100

 

Speċifiċità dijanjostika

Kampjuni ta’ plażma tal-bniedem normali minn żona ta’ esponiment baxx għall-BSE

5 000

Mill-inqas 99,5 %”