12.8.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 236/10


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-11 ta’ Awwissu 2011

li tistabbilixxi l-kompożizzjoni u d-dispożizzjonijiet operattivi tal-Grupp ta' Koordinazzjoni dwar il-Gass u li tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/791/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

2011/C 236/09

Il-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri li jissalvagwardaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2004/67/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 994/2010 stabbilixxa Grupp ta' Koordinazzjoni dwar il-Gass sabiex jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-miżuri li jikkonċernaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass. Dan il-Grupp għandu jkun magħmul mill-Istati Membri, b’mod partikolari mill-Awtoritajiet Kompetenti tagħhom, kif ukoll l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija, in-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni tal-Gass u l-entitajiet rappreżentattivi tal-industrija kkonċernata u dawk tal-klijenti rilevanti.

(2)

Is-sigurtà tal-provvista tal-gass hija responsabbiltà maqsuma bejn l-impriżi tal-gass naturali, l-Istati Membri, u l-Kummissjoni fi ħdan l-oqsma rispettivi tagħhom ta’ attivitajiet u kompetenza. Barra minn hekk, il-klijenti li jużaw il-gass għall-ġenerazzjoni tal-elettriku jew għal skopijiet industrijali għandhom rwol importanti fis-sigurtà tal-provvista tal-gass permezz tal-abbiltà tagħhom li jirrispondu għal kriżi b'miżuri min-naħa tad-domanda. Għalhekk, sabiex tkun żgurata l-aqwa koordinazzjoni tal-miżuri li għandhom jittieħdu skont ir-Regolament (UE) Nru 994/2010, l-entitajiet rappreżentattivi tal-industrija kkonċernata u dawk tal-klijenti rilevanti għandhom jipparteċipaw b'mod attiv fil-ħidma tal-Grupp ta' Koordinazzjoni dwar il-Gass.

(3)

Il-Kummissjoni, b'konsultazzjoni mal-Istati Membri, għandha tiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni tal-Grupp, billi tiżgura li jkun kompletament rappreżentattiv u li jiġi rispettat approċċ fuq tliet livelli li jinvolvi l-ewwel l-impriżi u l-industrija rilevanti tal-gass naturali, imbagħad l-Istati Membri fil-livell nazzjonali jew reġjonali, u mbagħad l-Unjoni.

(4)

L-entitajiet tal-industrija kkonċernati li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati li huma rappreżentattivi:

l-assoċjazzjoni Ewropea rappreżentattiva tal-operaturi tas-sistema tal-ħżin fis-sens tal-Artikolu 2(10) tad-Direttiva 2009/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali u li tħassar id-Direttiva 2003/55/KE (2) u l-operaturi tas-sistema LNG fis-sens tal-Artikolu 2(12) tad-Direttiva 2009/73/KE,

l-assoċjazzjoni Ewropea tal-industrija tal-provvista tal-gass,

l-assoċjazzjoni internazzjonali li tirrappreżenta l-produtturi tal-gass fl-Ewropa,

l-assoċjazzjoni Ewropea tal-kummerċjanti tal-gass.

(5)

Għall-konsumaturi rilevanti, għandhom jiġu distinti erba' setturi ewlenin li jikkunsmaw il-gass naturali:

is-settur industrijali,

is-settur tal-enerġija li juża l-gass bħala fjuwil,

is-settur tad-djar,

is-settur tat-tisħin tad-distretti.

(6)

Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass għandu jaġixxi bħala konsulent għall-Kummissjoni biex tiġi ffaċilitata l-koordinazzjoni tas-sigurtà tal-miżuri tal-provvista f'każ ta' emerġenza fl-Unjoni jew emerġenza reġjonali. Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass huwa wkoll l-entità ewlenija li trid tiġi kkonsultata mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-istabbiliment tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Preventiva u l-Pjanijiet ta’ Emerġenza. Il-Grupp ta’ Koordinazzjoni dwar il-Gass għandu jimmonitorja s-suffiċjenza u l-adegwatezza tal-miżuri li għandhom jittieħdu skont ir-Regolament (UE) Nru 994/2010 u jiskambja l-informazzjoni kollha rilevanti għas-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-livelli nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni.

(7)

Għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar l-iżvelar tal-informazzjoni mill-membri tal-Grupp.

(8)

Id-dejta personali għandha tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-entitajiet tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-dejta (3).

(9)

Id-Deċiżjoni 2006/791/KE għandha tiġi rrevokata.

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Kompożizzjoni tal-Grupp ta' Koordinazzjoni dwar il-Gass (“il-Grupp”)

1.   Il-Grupp għandu jkun magħmul mill-membri li ġejjin:

(a)

L-Istati Membri, speċjalment l-Awtoritajiet Kompetenti tagħhom fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010;

(b)

L-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (“l-Aġenzija”);

(c)

In-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Gass (“l-ENTSO għall-Gass”);

(d)

Is-Segretarjat tal-Komunità tal-Enerġija;

(e)

L-Infrastruttura tal-Gass Ewropa (GIE) bħala l-entità rappreżentattiva tal-Operaturi tas-Sistema tal-Ħżin u l-Operaturi tas-Sistema LNG;

(f)

Il-Eurogas;

(g)

L-Assoċjazzjoni Internazzjonali tal-Produtturi taż-Żejt u l-Gass (OGP);

(h)

Il-Federazzjoni Ewropea tal-Kummerċjanti tal-Enerġija (EFET);

(i)

Il-Federazzjoni Internazzjonali tal-Konsumaturi Industrijali tal-Enerġija (IFIEC Ewropa);

(j)

Il-Eurelectric;

(k)

L-Organizzazzjoni Ewropea tal-Konsumaturi (BEUC);

(l)

Il-Euroheat & Power.

2.   Kull membru għandu jinnomina mhux iktar minn żewġ rappreżentanti permanenti u żewġ sostituti biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-Grupp. Tal-inqas wieħed mir-rappreżentanti permanenti nnominati mill-Istati Membri għandu jkun mill-Awtorità Kompetenti. Wieħed mir-rappreżentanti permanenti nnominati mill-Aġenzija għandu jkun id-direttur. Wieħed mir-rappreżentanti permanenti nnominati mill-ENTSO għall-Gass għandu jkun is-segretarju ġenerali. Wieħed mir-rappreżentanti permanenti nnominati mill-entitajiet rappreżentattivi tal-industrija u l-klijenti għandu jkun il-maniġer ġenerali jew is-segretarju/a ġenerali.

3.   Jekk l-Awtorità Kompetenti mhijiex awtorità regolatorja nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li hemm biżżejjed skambju tal-informazzjoni bejn l-Awtorità Kompetenti u l-awtorità regolatorja nazzjonali rigward l-attivitajiet tal-Grupp.

4.   Waqt sitwazzjoni ta' emerġenza fil-livell tal-Unjoni, ta' Stat Membru jew reġjonali, jew f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali oħra, fuq talba ta’ mill-inqas tliet Stati Membri, il-Kummissjoni tista’ tillimita l-parteċipazzjoni fil-Grupp, għal laqgħa sħiħa jew parti minnha, lir-rappreżentanti tal-Awtoritajiet Kompetenti u tal-Istati Membri.

5.   Waqt sitwazzjoni ta' emerġenza fil-livell tal-Unjoni, ta' Stat Membru jew reġjonali, jew f'sitwazzjonijiet eċċezzjonali oħra, il-membri tal-Grupp jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni taħtar iktar minn żewġ rappreżentanti mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom jew entitajiet oħra biex jipparteċipaw fil-ħidma tal-Grupp.

6.   L-ismijiet tal-membri, kif ukoll l-ismijiet tar-rappreżentanti permanenti tal-membri u tas-sostituti tal-membri tal-Grupp għandhom jiġu ppubblikati fir-Reġistru tal-gruppi esperti tal-Kummissjoni u entitajiet simili oħra (“ir-Reġistru”) (4).

7.   Id-dejta personali għandha tinġabar u tiġi pproċessata u ppubblikata skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 2

Kompiti tal-Grupp

1.   Il-Grupp jiġi stabbilit biex jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-miżuri li jikkonċernaw is-sigurtà tal-provvista tal-gass. Il-Grupp għandu jiġi kkonsultat u għandu jassisti lill-Kummissjoni b'mod partikolari fi kwistjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 12(2) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010:

(a)

is-sigurtà tal-provvista tal-gass, fi kwalunkwe ħin u iktar speċifikatament f’każ ta’ emerġenza;

(b)

l-informazzjoni rilevanti kollha għas-sigurtà tal-provvista tal-gass fil-livelli nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni;

(c)

l-aqwa prattika u linji gwida possibbli lill-partijiet ikkonċernati kollha;

(d)

il-livell tas-sigurtà tal-provvista, il-livelli ta’ referenza u l-metodoloġiji ta’ valutazzjoni;

(e)

ix-xenarji nazzjonali, reġjonali u tal-Unjoni u l-ittestjar tal-livelli ta’ tħejjija;

(f)

il-valutazzjoni tal-Pjanijiet ta’ Azzjoni Preventiva u tal-Pjanijiet ta’ Emerġenza u l-implimentazzjoni tal-miżuri previsti fihom;

(g)

il-koordinazzjoni tal-miżuri biex tiġi indirizzata emerġenza fil-livell tal-Unjoni ma’ pajjiżi terzi li jkunu Partijiet Kontraenti għat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità tal-Enerġija u ma’ pajjiżi terzi oħrajn;

(h)

l-assistenza meħtieġa mill-Istati Membri l-iktar milquta.

2.   Kif stabbilit fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010, il-Kummissjoni għandha tlaqqa' l-Grupp ta' Koordinazzjoni dwar il-Gass hekk kif tiġi ddikjarata emerġenza tal-Unjoni jew reġjonali.

Artikolu 3

Tħaddim

1.   Il-Grupp għandu jiġi ppresedut minn rappreżentant tal-Kummissjoni (“il-president”).

2.   Kif stabbilit fl-Artikolu 12(3) tar-Regolament (UE) Nru 994/2010, il-Kummissjoni għandha tlaqqa' l-Grupp fuq bażi regolari u għandha taqsam l-informazzjoni riċevuta mill-Awtoritajiet Kompetenti filwaqt li tippreżerva l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni li tkun sensittiva għall-kummerċ.

3.   Bi qbil mas-servizzi tal-Kummissjoni, il-Grupp jista' jistabbilixxi sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi abbażi ta' termini ta' referenza definiti mill-Grupp. Kif jintemm il-mandat tagħhom, it-tali sottogruppi għandhom jiġu xolti.

4.   Il-president jista’, fuq bażi ad hoc, jistieden esperti minn barra l-Grupp li jkollhom kompetenza speċifika f’suġġett li jkun fuq l-aġenda biex jieħdu sehem fil-ħidma tal-Grupp jew tas-sottogrupp. Barra minn hekk, il-president jagħti l-istatus ta' osservatur ad hoc jew permanenti lil individwi jew organizzazzjonijiet oħrajn jekk dawn ikunu jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-attivitajiet tal-Grupp.

5.   L-informazzjoni miksuba mill-parteċipazzjoni fid-deliberazzjonijiet tal-Grupp jew tas-sottogrupp ma għandhiex tinkixef, jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni jew ta' kwalunkwe membru ieħor tal-Grupp, dik l-informazzjoni ikollha x’taqsam ma’ kwistjonijiet kunfidenzjali. Il-membri tal-gruppi esperti u r-rappreżentanti tagħhom, kif ukoll l-esperti u l-osservaturi mistiedna għandhom jikkonformaw mal-obbligi tas-segretezza professjonali stabbiliti fit-Trattati u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tagħhom, kif ukoll mar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-siġurtà li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tal-informazzjoni kklassifikata tal-UE, li huma mniżżlin fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (5). Jekk jonqsu milli jħarsu dawn l-obbligi, il-Kummissjoni tista’ tieħu l-miżuri xierqa kollha.

6.   Il-laqgħat tal-Grupp u tas-sottogruppi tiegħu għandhom isiru fil-bini tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi appoġġ segretarjali. Servizzi oħra tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jistgħu jiġu mistiedna għal-laqgħat tal-Grupp u s-sottogruppi tiegħu meta dawn ikunu kkonċernati direttament mal-kwistjonijiet li jkunu se jiġu diskussi.

7.   Il-Grupp għandu jadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċedura mfassla mill-Kummissjoni.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tagħmel id-dokumenti ta' ħidma rilevanti kollha disponibbli għall-membri tal-Grupp permezz ta' sit kollaborattiv mal-imsieħba tal-Unjoni Ewropea (il-websajt CIRCA) u tippubblika informazzjoni rilevanti dwar l-attivitajiet li jsiru mill-Grupp jew billi tinkludihom fir-Reġistru jew permezz ta' ħolqa mir-Reġistru għal websajt speċifiku.

Artikolu 4

Spejjeż tal-laqgħat

1.   Dawk li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Grupp ma għandhomx jitħallsu għas-servizzi li joffru.

2.   L-ispejjeż tal-ivvjaġġar li jsiru minn rappreżentant wieħed ta' kull Stat Membru jew Awtorità Kompetenti tiegħu għandhom jiġu rrimburżati mill-Kummissjoni. Dawk l-ispejjeż għandhom jiġu rrimburżati fil-limiti tal-approprjazzjonijiet disponibbli allokati skont il-proċedura annwali għall-allokazzjoni tar-riżorsi.

Artikolu 7

Revoka

Id-Deċiżjoni 2006/791/KE (6) ġiet rrevokata.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta’ Awwissu 2011.

Għall-Kummissjoni

Günther OETTINGER

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 295, 12.11.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 36.

(3)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

(4)  Il-membri li ma jixtiqux ikollhom isimhom żvelat jistgħu japplikaw għal deroga minn din ir-regola. Ir-rikjesta li ma jiġix żvelat l-isem ta’ membru ta’ grupp ta' esperti għandha tiġi kkunsidrata bħala ġġustifikata kull meta l-pubblikazzjoni tkun tista’ tfixkel is-sigurtà jew l-integrità tiegħu jew tagħha jew tippreġudika b’mod mhux ġust il-privatezza tiegħu jew tagħha.

(5)  SEC(2007) 639 tal-25.6.2007.

(6)  ĠU L 319, 18.11.2006, p. 49.