3.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/45


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-30 ta’ Novembru 2011

dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza fil-ġlieda kontra l-influwenza avjarja fi Spanja fl-2009

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 8721)

(It-test bl-Ispanjol biss huwa awtentiku)

(2011/798/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju (1), u b’ mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju u l-Artikolu 90(1) tar-Regoli ta’ Implimentazzjoni, l-impenn ta’ nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandu jkollu qablu deċiżjoni ta’ finanzjament li tistabbilixxi l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa u li tiġi adottata mill-istituzzjoni jew mill-awtoritajiet b'setgħat li ġew delegati lilhom mill-istituzzjoni.

(2)

Id-Deċiżjoni 2009/470/KE tistabbilixxi l-proċeduri li jirregolaw il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri veterinarji speċifiċi, inklużi miżuri ta’ emerġenza. Sabiex tinqered l-influwenza avjarja malajr kemm jista' jkun, l-Unjoni għandha tikkontribwixxi finanzjarjament għal nefqa eliġibbli mġarrba mill-Istati Membri. L-ewwel u t-tieni inċiżi tal-Artikolu 4(3) ta’ dik id-Deċiżjoni jidentifikaw il-perċentwal tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji tal-Unjoni li jistgħu jitħallsu biex jagħmlu tajjeb għall-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri.

(3)

L-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 349/2005 tat-28 ta’ Frar 2005 li jistabbilixxi r-regoli rigward il-finanzjament Komunitarju għall-interventi urġenti u l-ġlieda kontra ċertu mard tal-annimali kif imsemmi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 90/424/KEE (2), jistabbilixxi regoli dwar in-nefqa eliġibbli għall-appoġġ finanzjarju tal-Unjoni.

(4)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/148/UE tal-5 ta’ Marzu 2010 dwar kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza għall-ġlieda kontra l-influwenza tat-tjur fir-Repubblika Ċeka, fil-Ġermanja, fi Spanja, fi Franza, u fl-Italja fl-2009 (3), ipprevediet kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal miżuri ta’ emerġenza biex tiġi miġġielda l-influwenza avjarja, fost oħrajn, fi Spanja fl-2009.

(5)

Fit-3 ta’ Mejju 2010, Spanja ressqet talba uffiċjali għal ħlas lura kif stipulat fl-Artikoli 7(1) u 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(6)

L-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005 jagħmel lil dik il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni soġġetta għall-kundizzjoni li l-attivitajiet ippjanati kienu fil-fatt implimentati u li l-awtoritajiet ipprovdew it-tagħrif kollu meħtieġ fiż-żmien stipulat.

(7)

Awditjar li twettaq skont l-Artikolu 10 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005 li sar mis-servizzi tal-Kummissjoni żvela biss kwistjonijiet finananzjarji minuri.

(8)

Spanja b'hekk ikkonformat sa dan il-punt mal-obbligi tekniċi u amministrattivi tagħha kif stipulati fl-Artikolu 3(4) tad-Deċiżjoni 2009/470/KE u l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 349/2005.

(9)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, l-ewwel somma tal-appoġġ finanzjarju mill-Unjoni għan-nefqa eliġibbli mġarrba marbuta mal-qerda tal-influwenza avjarja fi Spanja fl-2009 għandha issa tiġi stabbilita.

(10)

Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-ewwel somma ta’ EUR 500 000, għandha titħallas lil Spanja bħala parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni li tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament skont it-tifsira tal-Artikolu 75 tar-Regolament Finanzjarju, hi indirizzata lir-Renju ta’ Spanja.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 155 18.6.2009, p. 30.

(2)  ĠU L 55, 1.3.2005, p. 12.

(3)  ĠU L 60, 10.3.2010, p. 22.