15.11.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 296/58


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tad-9 ta’ Novembru 2011

li temenda r-Regolament intern tagħha

(2011/737/UE, Euratom)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 249 tiegħu,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea dwar l-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni 2010/138/UE, KEEA tal-24 ta’ Frar 2010 li temenda r-Regolament intern tagħha (1),

Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-President tal-Kummissjoni C(2011)8000 tas-27 ta' Ottubru 2011,

IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

Artikolu 1

Għandu jiżdied il-paragrafu (5) ġdid mal-Artikolu 12 tar-Regolament Intern tal-Kummissjoni, kif ġej:

"5.   Kull membru tal-Kummissjoni li jkun jixtieq jissospendi proċedura bil-miktub fil-qasam tal-kordinazzjoni u s-sorveljanza tal-politiki ekonomiċi u tal-baġit tal-Istati Membri, b'mod partikolari fiż-żona tal-Euro, għandu jindirizza talba motivata f'dan is-sens lill-President, liema talba għandha tindika espliċitament l-elementi tal-abbozz ta' deċiżjoni li tkun tirrigwarda, fuq il-bażi ta' evalwazzjoni imparzjali u oġġettiva tal-mument, tal-istruttura, tar-raġunament jew tar-riżultat tad-deċiżjoni proposta.

Jekk il-President iqis li din il-motivazzjoni ma tkunx fondata u jekk it-talba għal sospensjoni tinżamm, huwa jista' jiċħad is-sospensjoni u jiddeċiedi li l-proċedura bil-miktub titkompla; f'dan il-każ, is-Segretarju Ġenerali għandu jistaqsi lill-membri l-oħra tal-Kummissjoni għall-pożizzjoni tagħhom biex jiżgura li l-kworum stabbilit fl-Artikolu 250 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea huwa rrispettat. Il-President jista' wkoll jinkludi l-punt, għall-finijiet tal-adozzjoni tiegħu, fl-aġenda tal-laqgħa li jkun imiss tal-Kummissjoni."

Artikolu 2

Għandu jiżdied il-paragrafu 5a ġdid mal-Artikolu 23 tar-Regolament Intern tal-Kummissjoni, kif ġej:

"5a.   Hija obbligatorja l-konsultazzjoni mad-Direttorat Ġenerali għall-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji fil-każ tal-inizjattivi kollha li jirrigwardaw jew li jkollhom impatt potenzjali fuq it-tkabbir, il-kompetittività jew l-istabbiltà ekonomika fl-Unjoni Ewropea jew fiż-żona tal-Euro."

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 55, 5.3.2010, p. 60.