20.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 275/29


DEĊIŻJONI TAL-PRESIDENT TAL-KUMMISSJONI EWROPEA

tat-13 ta’ Ottubru 2011

dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2011/695/UE)

IL-PRESIDENT TAL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kummissjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 22 tagħhom,

Billi:

(1)

Taħt is-sistema għall-infurzar tal-liġi dwar il-kompetizzjoni stabbilita skont it- Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejħa “it-Trattat”), il-Kummissjoni tinvestiga u tiddeċiedi fuq il-każijiet permezz ta’ deċiżjoni amministrattiva, soġġetta għal reviżjoni ġudizzjarja mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (minn hawn ’il quddiem “il-Qorti tal-Ġustizzja”).

(2)

Il-Kummissjoni trid twettaq il-proċedimenti tagħha dwar il-kompetizzjoni b’mod ġust, imparzjali u oġġettiv u għandha tiżgura r-rispett għad-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati kif stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (2), fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (3), fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 773/2004 tas-7 ta’ April 2004 dwar it-tmexxija ta’ proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 81 sa 82 tat-Trattat tal-KE (4), u fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 tas-7 ta’ April 2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (5), kif ukoll fil-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’mod partikolari, id-dritt tal-partijiet ikkonċernati li jinstemgħu qabel l-adozzjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni individwali li taffettwahom b’mod negattiv huwa dritt fundamentali tal-liġi tal-Unjoni rikonoxxut mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u b’mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu (6).

(3)

Sabiex jiġi żgurat il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati, partijiet involuti oħrajn skont it-tifsira tal-Artikolu 11(b) tar-Regolament (KE) Nru 802/2004 (“partijiet involuti oħrajn”), il-kwerelanti skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (“kwerelanti”) u persuni barra dawk imsemmija fl-Artikoli 5 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 u terzi persuni skont it-tifsira tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 802/2004 (“terzi persuni”) involuti fil-proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, ir-responsabbiltà għas-salvagwardja tal-osservanza ta’ tali drittijiet għandha tiġi fdata lil persuna indipendenti b’esperjenza fi kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni li jkollha l-integrità neċessarja sabiex tikkontribwixxi għall-oġġettività, it-trasparenza u l-effiċjenza ta’ dawk il-proċeduri.

(4)

Il-Kummissjoni ħolqot il-funzjoni tal-uffiċjal tas-seduta għal dawn l-għanijiet fl-1982, u rrevedietha fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/810/KESE, KE tat-12 ta’ Diċembru 1994 dwar it-termini ta’ referenza tal-uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni (7) u fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/462/KE, KESE tat-23 ta’ Mejju 2001 dwar it-termini ta’ referenza tal-uffiċjali tas-seduta f’ċerti proċeduri dwar il-kompetizzjoni (8). Issa huwa meħtieġ li jiġi ċċarat u jkompli jissaħħaħ ir-rwol tal-uffiċjal tas-seduta u li t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta jiġu adattati fid-dawl tal-iżviluppi fil-liġi dwar il-kompetizzjoni tal-Unjoni.

(5)

Il-funzjoni tal-uffiċjal tas-seduta kienet ġeneralment meqjusa bħala kontribut importanti għall-proċedimenti dwar il-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni minħabba l-indipendenza u l-kompetenza li l-uffiċjali tas-seduta ġabu f’dawn il-proċedimenti. Sabiex tiġi żgurata l-indipendenza kontinwa tal-uffiċjal tas-seduta mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni, huwa għandu jiġi assoċjat, għal skopijiet amministrattivi, mal-membru tal-Kummissjoni b’responsabbiltà speċjali għall-kompetizzjoni.

(6)

L-uffiċjal tas-seduta għandu jinħatar skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet tax-Xogħol ta’ Impjegati Oħrajn tal-Unjoni Ewropea. Skont dawk ir-regoli, jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll dawk il-kandidati li mhumiex uffiċjali tal-Kummissjoni. Għandha tiġi żgurata t-trasparenza fir-rigward tal-ħatra, it-tmiem tal-ħatra u t-trasferiment tal-uffiċjali tas-seduta.

(7)

Il-Kummissjoni tista’ taħtar uffiċjal wieħed jew aktar tas-seduta u għandha tipprovdi għall-persunal ta’ appoġġ tagħhom. Fejn l-uffiċjal tas-seduta jipperċepixxi konflitt ta’ interessi fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, l-uffiċjal tas-seduta għandu jieqaf milli jaġixxi fuq każ. Jekk l-uffiċjal tas-seduta ma jkunx jista’ jaġixxi, ir-rwol tiegħu għandu jitwettaq minn uffiċjal tas-seduta ieħor.

(8)

L-uffiċjal tas-seduta għandu jopera bħala arbitru indipendenti li jfittex li jsolvi kwistjonijiet li jaffettwaw l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati, il-partijiet oħra involuti, il-kwerelanti jew il-partijiet terzi interessati fejn tali kwistjonijiet ma jkunux jistgħu jiġu riżolti permezz ta’ kuntatti preċedenti mas-servizzi tal-Kummissjoni responsabbli għat-tmexxija tal-proċedimenti tal-kompetizzjoni, li għandhom jirrispettaw dawn id-drittijiet proċedurali.

(9)

It-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta fil-proċedimenti tal-kompetizzjoni għandhom jitfasslu b’tali mod li jissalvagwardjaw il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali matul il-proċeduri quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 139/2004, b’mod partikolari d-dritt tas-smigħ.

(10)

Sabiex isaħħaħ dan ir-rwol, l-uffiċjal tas-seduta għandu jiġi attribwit bil-funzjoni li jissalvagwardja l-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi fil-kuntest tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, kif ukoll skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 li jipprovdu setgħat lill-Kummissjoni li timponi multi fuq l-impriżi u l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi. L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun attribwit ukoll b’funzjonijiet speċifiċi matul din il-fażi investigattiva fir-rigward tat-talbiet għal privileġġ professjonali legali, il-privileġġ kontra l-awto-inkriminazzjoni, id-dati tal-għeluq għar-risposti għad-deċiżjonijiet li jitolbu informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, kif ukoll fir-rigward tad-dritt tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi soġġetti għal miżura investigattiva mill-Kummissjoni skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 li jkunu informati dwar l-istatus proċedurali tagħhom, jiġifieri jekk humiex soġġetti għal investigazzjoni u, jekk iva, is-suġġett u l-għan ta’ dik l-investigazzjoni. Fl-evalwazzjoni tat-talbiet li jsiru fir-rigward tal-privileġġ kontra l-awto-inkriminazzjoni, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jikkunsidra jekk l-impriżi għamlux talbiet manifestament infondati għall-protezzjoni sempliċiment bħala tattika ta’ dewmien.

(11)

L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun jista’ jiffaċilita r-riżoluzzjoni tal-pretensjonijiet li dokument huwa kopert minn privileġġ professjonali legali. Għal dan il-għan, jekk l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tagħmel it-talba taqbel, l-uffiċjal tas-seduta jitħalla jeżamina d-dokument ikkonċernat u jagħmel rakkomandazzjoni xierqa, li tkun tirreferi għall-każistika applikabbli tal-Qorti tal-Ġustizzja.

(12)

L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun responsabbli biex jiddeċiedi jekk persuna terza turix interess suffiċjenti li tinstema’. L-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi li japplikaw għal smigħ għandhom ġeneralment jitqiesu bħala li għandhom interess suffiċjenti, fejn il-proċedimenti jkunu jikkonċernaw prodotti jew servizzi użati mill-konsumaturi finali jew prodotti jew servizzi li jikkostitwixxu input dirett fi prodotti jew servizzi bħal dawn.

(13)

L-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi jekk iħallix lill-kwerelanti u l-partijiet terzi interessati jattendu għas-seduta ta’ smigħ orali, wara li jieħu f’kunsiderazzjoni l-kontribut li jistgħu jagħmlu għall-kjarifika tal-fatti rilevanti tal-każ.

(14)

Id-dritt tal-partijiet ikkonċernati li jinstemgħu qabel tittieħed deċiżjoni finali li taffettwa l-interessi tagħhom b’mod negattiv huwa garantit permezz tad-dritt tagħhom li jwieġbu bil-miktub għall-pożizzjoni preliminari tal-Kummissjoni, kif stabbilit fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-dritt tagħhom li jiżviluppaw l-argumenti tagħhom, jekk huma jitolbu dan, waqt is-seduta tas-smigħ orali. Sabiex jeżerċitaw dawn id-drittijiet b’mod effettiv, il-partijiet li lilhom kienet indirizzata dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandhom id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni.

(15)

Sabiex jiġi salvagwardjat il-ħarsien effettiv tad-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet li lilhom kienet indirizzata dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, l-uffiċjal tas-seduta għandu jkun responsabbli sabiex jiżgura li jiġu riżolti t-tilwimiet dwar l-aċċess għall-fajl jew dwar il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u ta’ informazzjoni kunfidenzjali oħra bejn dawk il-partijiet u d-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Kompetizzjoni. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jissospendi l-operat tal-perjodu ta’ żmien li fih id-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet għandu jwieġeb għal dik id-dikjarazzjoni sakemm tiġi riżolta tilwima dwar l-aċċess għall-fajl, jekk id-destinatarju ma jkunx f’pożizzjoni li jwieġeb sad-data tal-għeluq mogħtija u estensjoni ma tkunx soluzzjoni adegwata f’dak il-mument.

(16)

Sabiex jiġi salvagwardjat il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali filwaqt li jiġu rrispettati l-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità, l-uffiċjal tas-seduta għandu, fejn ikun xieraq, ikun jista’ jordna li jittieħdu miżuri speċifiċi għal aċċess għall-fajl tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, l-uffiċjal tas-seduta għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi li partijiet tal-fajl isiru aċċessibbli għall-parti li titlob l-aċċess b’mod ristrett, pereżempju billi jillimita n-numru jew il-kategorija ta’ persuni li jkollhom aċċess, u l-użu tal-informazzjoni li jkun hemm aċċess għaliha.

(17)

L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun responsabbli biex jiddeċiedi fuq it-talbiet għall-estensjoni tal-limiti ta’ żmien stabbiliti għar-risposta għal dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, dikjarazzjoni supplimentari tal-oġġezzjonijiet jew ittra tal-fatti jew il-limiti ta’ żmien li fihom persuni involuti oħrajn, kwerelanti jew persuni terzi interessati jistgħu jagħmlu kummenti, fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn kwalunkwe tali persuna u d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni.

(18)

L-uffiċjal tas-seduta għandu jippromwovi l-effikaċja tas-seduta ta’ smigħ orali, inter alia billi jieħu l-miżuri xierqa kollha ta’ tħejjija, inkluża ċ-ċirkolazzjoni, fi żmien xieraq qabel is-seduta ta’ smigħ, ta’ lista provviżorja ta’ parteċipanti u aġenda provviżorja.

(19)

Is-seduta orali tippermetti lill-partijiet li lilhom il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u partijiet oħrajn involuti sabiex jeżerċitaw ulterjorment id-dritt tagħhom li jinstemgħu billi jiżviluppaw l-argumenti tagħhom bil-fomm quddiem il-Kummissjoni, li għandha tkun irrappreżentata mid-Direttorat Ġenerali tagħha għall-Kompetizzjoni, kif ukoll servizzi oħrajn li jikkontribwixxu għat-tħejjija ulterjuri ta’ deċiżjoni li trid tittieħed mill-Kummissjoni. Hija għandha tipprovdi opportunità addizzjonali sabiex ikun żgurat li l-fatti rilevanti kollha – kemm jekk favorevoli kif ukoll jekk mhux favorevoli għall-partijiet ikkonċernati, inklużi l-elementi fattwali relatati mal-gravità u t-tul tal-allegat ksur – ikunu ċċarati kemm jista’ jkun. Is-seduta ta’ smigħ orali għandha tippermetti wkoll lill-partijiet li jippreżentaw l-argumenti tagħhom dwar il-kwistjonijiet li jistgħu jkunu ta’ importanza għall-impożizzjoni possibbli ta’ multi.

(20)

Sabiex jiżgura l-effikaċja tas-seduti orali, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jippermetti lill-partijiet li lilhom kienet indirizzata dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, il-partijiet oħrajn involuti, il-kwerelanti, persuni oħrajn mistiedna għas-seduta, is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Istati Membri biex jistaqsu mistoqsijiet matul is-seduta. Is-seduta ta’ smigħ orali ma għandhiex tkun pubblika sabiex ikun garantit li l-parteċipanti kollha jkunu jistgħu jesprimu ruħhom liberament. Għalhekk, l-informazzjoni żvelata matul is-seduta ta’ smigħ orali ma għandhiex tintuża għal xi skop ieħor għajr matul il-proċedimenti ġudizzjarji u/jew amministrattivi għall-applikazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat. Fejn ikun ġustifikat sabiex jiġu protetti s-sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra, l-uffiċjal tas-seduta għandu jkun jista’ jisma’ lill-persuni fil-magħluq.

(21)

Il-partijiet għall-proċedimenti li joffru impenji skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, kif ukoll il-partijiet li huma involuti fi proċeduri ta’ riżolviment f’każijiet ta’ kartelli skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 773/2004, għandhom ikunu jistgħu jirrikorru għall-uffiċjal tas-seduta fir-rigward tal-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali tagħhom.

(22)

L-uffiċjal tas-seduta għandu jirrapporta fuq ir-rispett għall-eżerċitar effettiv tad-drittijiet proċedimenti matul il-proċeduri tal-kompetizzjoni. Barra minn hekk, u separatament mill-funzjoni ta’ rappurtar tiegħu, l-uffiċjal tas-seduta għandu jkun jista’ wkoll jagħmel osservazzjonijiet dwar il-progress ulterjuri u l-oġġettività tal-proċedimenti u b’hekk jikkontribwixxi sabiex jiżgura li l-proċedimenti tal-kompetizzjoni jiġu konklużi fuq il-bażi ta’ valutazzjoni tajba tal-fatti rilevanti kollha.

(23)

Meta jiżvela informazzjoni dwar persuni fiżiċi, l-uffiċjal tas-seduta għandu jikkunsidra, b’mod partikolari lir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (9).

(24)

Id-Deċiżjoni 2001/462/KE, KESE għandha tiġi rrevokata,

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

KAPITOLU 1

IR-RWOL, IL-ĦATRA U D-DOVERI TAL-UFFIĊJAL TAS-SEDUTA

Artikolu 1

L-Uffiċjal tas-Seduta

1.   Għandu jkun hemm uffiċjal tas-seduta wieħed jew aktar għall-proċedimenti tal-kompetizzjoni, li s-setgħat u l-funzjonijiet tagħhom huma stipulati fid-deċiżjoni preżenti.

2.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jissalvagwardja l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali matul il-proċedimenti tal-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat, u skont ir-Regolament (KE) Nru 139/2004 (minn hawn ’il quddiem “il-proċedimenti tal-kompetizzjoni”).

Artikolu 2

Il-Ħatra, it-Tmiem tal-Ħatra u s-Sostituzzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha taħtar l-uffiċjal tas-seduta. Il-ħatra għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Kwalunkwe interruzzjoni, tmiem jew trasferiment tal-uffiċjal tas-seduta għandhom ikunu s-suġġett ta’ deċiżjoni motivata tal-Kummissjoni. Dik id-deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun assoċjat, għal skopijiet amministrattivi, mal-membru tal-Kummissjoni b’responsabbiltà speċjali għall-kompetizzjoni (minn hawn ’il quddiem “il-membru kompetenti tal-Kummissjoni”).

3.   Meta l-uffiċjal tas-seduta ma jkunx jista’ jaġixxi, l-irwol tiegħu għandu jitwettaq minn uffiċjal tas-seduta ieħor. Jekk ma jkun hemm ebda uffiċjal tas-seduta li jista’ jaġixxi, il-membru kompetenti tal-Kummissjoni, fejn ikun xieraq wara konsultazzjoni mal-uffiċjal tas-seduta, għandu jaħtar uffiċjal kompetenti ieħor tal-Kummissjoni, li ma jkunx involut fil-każ inkwistjoni, sabiex iwettaq id-doveri tal-uffiċjal tas-seduta.

4.   Fil-każ ta’ konflitt attwali jew potenzjali tal-interessi, l-uffiċjal tas-seduta għandu jibqa’ lura milli jaġixxi fuq każ. Il-paragrafu 3 għandu japplika kif xieraq.

Artikolu 3

Metodu tal-Operat

1.   Fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, l-uffiċjal tas-seduta għandu jaġixxi b’mod indipendenti.

2.   Fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, l-uffiċjal tas-seduta għandu jieħu kont tal-ħtieġa għall-applikazzjoni effettiva tar-regoli tal-kompetizzjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ u l-prinċipji stipulati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

3.   Fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, l-uffiċjal tas-seduta għandu jkollu aċċess għal kwalunkwe fajl relatat mal-proċedimenti tal-kompetizzjoni quddiem il-Kummissjoni skont l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 139/2004.

4.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jinżamm informat mid-direttur responsabbli għall-investigazzjoni tal-każ fid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni (minn hawn ’il quddiem “id-direttur responsabbli”) dwar l-iżvilupp tal-proċedura.

5.   L-uffiċjal tas-seduta jista’ jippreżenta osservazzjonijiet dwar kull kwistjoni li tirriżulta minn kwalunkwe proċediment ta’ kompetizzjoni tal-Kummissjoni lill-membru kompetenti tal-Kummissjoni.

6.   Jekk l-uffiċjal tas-seduta jagħmel rakkomandazzjonijiet raġunati lill-membru kompetenti tal-Kummissjoni jew jieħu deċiżjonijiet kif previst f’din id-deċiżjoni, l-uffiċjal tas-seduta għandu jipprovdi kopja ta’ dawn id-dokumenti lid-direttur responsabbli u lis-Servizz Legali tal-Kummissjoni.

7.   Kwalunkwe kwistjoni li tirrigwarda l-eżerċitar effettiv tad-drittijiet proċedurali tal-partijiet ikkonċernati, ta’ partijiet involuti oħrajn skont it-tifsira tal-Artikolu 11(b) tar-Regolament (KE) Nru 802/2004 (minn hawn ’il quddiem il-“partijiet involuti l-oħra”), tal-kwerelanti skont it-tifsira tal-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (minn hawn ’il quddiem “il-kwerelant”) u tat-terzi persuni interessati skont l-Artikolu 5 ta' din id-Deċiżjoni involuti fi proċedimenti bħal dawn għandha l-ewwel titqajjem minn dawk il-persuni mad-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni. Jekk il-kwistjoni ma tiġix riżolta, hija tista’ tiġi riferita lill-uffiċjal tas-seduta għal reviżjoni indipendenti. It-talbiet relatati ma’ miżura li għaliha japplika limitu ta’ żmien għandhom isiru fi żmien adegwat, sal-limitu ta’ żmien oriġinali.

KAPITOLU 2

L-INVESTIGAZZJONI

Artikolu 4

Id-drittijiet proċedurali fil-fażi tal-investigazzjoni

1.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jissalvagwardja l-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali li jirriżultaw fil-kuntest tat-twettiq tas-setgħat ta’ investigazzjoni tal-Kummissjoni skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 u fil-proċedimenti li jistgħu jirriżultaw fl-impożizzjoni ta’ multi skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.

2.   B’mod partikolari, l-uffiċjal tas-seduta għandu jkollu l-funzjonijiet li ġejjin, soġġett għall-Artikolu 3(7):

(a)

L-uffiċjal tas-seduta jista’ jintalab mill-impriżi jew mill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi biex jeżamina t-talbiet li dokument meħtieġ mill-Kummissjoni fit-twettiq tas-setħat mogħtija lilha mill-Artikoli 18, 20 jew 21 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, fi spezzjonijiet skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 jew fil-kuntest ta’ miżuri investigattivi fi proċedimenti li jistgħu jirriżultaw fl-impożizzjoni ta’ multi skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 u li kien inżamm mill-Kummissjoni huwa kopert minn privileġġ professjonali legali, skont it-tifsira tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-uffiċjal tas-seduta jista’ jirrevedi l-kwistjoni biss jekk l-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tagħmel it-talba tagħti kunsens lill-uffiċjal tas-seduta biex jara l-informazzjoni li dwarha jkun hemm pretensjoni li għandha tkun koperta minn privileġġ professjonali legali, kif ukoll dokumenti relatati li l-uffiċjal tas-seduta jqis li huma meħtieġa għar-reviżjoni tiegħu. Mingħajr ma jiżvela l-kontenut potenzjalment privileġġat tal-informazzjoni, l-uffiċjal tas-seduta għandu jikkomunika l-veduta preliminari tiegħu lid-direttur responsabbli u lill-impriża jew l-assoċjazzjoni ta’ impriżi kkonċernati, u jista’ jieħu passi xierqa sabiex jippromwovi riżoluzzjoni aċċettabbli b’mod reċiproku. Meta ma tintlaħaq ebda riżoluzzjoni, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jifformula rakkomandazzjoni motivata lill-membru kompetenti tal-Kummissjoni, mingħajr ma jiżvela l-kontenut potenzjalment privileġġat tad-dokument. Il-parti li tagħmel it-talba għandha tirċievi kopja ta’ din ir-rakkomandazzjoni.

(b)

Meta d-destinatarju ta’ talba għall-informazzjoni skont l-Artikolu 18(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jirrifjuta li jwieġeb għal mistoqsija f’talba bħal din li tinvoka l-privileġġ kontra l-awto-inkriminazzjoni, kif stabbilit mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni, fi żmien adegwat wara li jirċievi t-talba, lill-uffiċjal tas-seduta. F’każijiet xierqa, u wara li jikkunsidra l-ħtieġa li jiġi evitat dewmien bla bżonn fil-proċedimenti, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jagħmel rakkomandazzjoni motivata dwar jekk il-privileġġ kontra l-awto-inkriminazzjoni japplikax u jinforma lid-direttur responsabbli dwar il-konklużjonijiet milħuqa, li jridu jittieħdu f’kunsiderazzjoni f’każ ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħuda sussegwentement skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003. Id-destinatarju tat-talba għandu jirċievi kopja tar-rakkomandazzjoni motivata.

(c)

Meta d-destinatarju ta’ deċiżjoni li titlob informazzjoni skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jqis li l-limitu ta’ żmien impost għar-risposta tiegħu huwa qasir wisq, huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta, fi żmien adegwat qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien oriġinali ffissat. L-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi jekk għandhiex tingħata estensjoni tal-limitu ta’ żmien, wara li jikkunsidra t-tul u l-kumplessità tat-talba għall-informazzjoni u r-rekwiżiti tal-investigazzjoni.

(d)

L-impriżi jew l-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi soġġetti għal miżura investigattiva mill-Kummissjoni skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 għandu jkollhom id-dritt li jkunu informati dwar l-istatus proċedurali tagħhom, jiġifieri jekk humiex soġġetti għal investigazzjoni u, jekk iva, dwar is-suġġett u l-għan ta’ dik l-investigazzjoni. Jekk tali impriża jew assoċjazzjoni ta’ impriżi tqis li hija ma kinitx informata kif xieraq mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni dwar l-istatus proċedurali tagħha, hija tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta għal riżoluzzjoni. L-uffiċjal tas-seduta għandu jieħu deċiżjoni li d-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni għandu jinforma lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi li għamlu t-talba għall-istatus proċedurali tagħhom. Din id-deċiżjoni għandha tiġi kkomunikata lill-impriża jew lill-assoċjazzjoni ta’ impriżi li tkun għamlet it-talba.

KAPITOLU 3

APPLIKAZZJONIJIET GĦAS-SMIGĦ

Artikolu 5

Persuni terzi interessati

1.   L-applikazzjonijiet għas-smigħ minn persuni barra dawk imsemmija fl-Artikoli 5 u 11 tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 u terzi persuni skont it-tifsira tal-Artikolu 11 tar-Regolament (KE) Nru 802/2004 (“persuni terzi “) għandhom isiru skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 u l-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 802/2004. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu ppreżentati bil-miktub u għandhom jispjegaw l-interess tal-applikant fl-eżitu tal-proċedura.

2.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi jekk il-persuni terzi għandhomx jinstemgħu wara konsultazzjoni mad-direttur responsabbli. Meta jevalwa jekk persuna terza turix interess suffiċjenti, l-uffiċjal tas-seduta għandu jikkunsidra jekk u sa liema punt l-applikant huwiex affettwat b’mod suffiċjenti mill-komportament li huwa s-suġġett tal-proċedimenti tal-kompetizzjoni jew jekk l-applikant jissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 18(4) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004.

3.   Meta l-uffiċjal tas-seduta jqis li applikant ma weriex interess suffiċjenti li jinstema’, huwa għandu jinforma lill-applikant bil-miktub bir-raġunijiet għal dan. Għandu jiġi ffissat limitu ta’ żmien li matulu l-applikant jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu bil-miktub. Jekk l-applikant jesprimi l-fehmiet tiegħu bil-miktub sal-limitu ta’ żmien iffissat mill-uffiċjali tas-seduta u s-sottomissjoni bil-miktub ma twassalx għal valutazzjoni differenti, dik is-sejba trid tiġi ddikjarata f’deċiżjoni motivata li għandha tiġi nnotifikata lill-applikant.

4.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jinforma lill-partijiet għall-proċeduri tal-kompetizzjoni mill-ftuħ tal-proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jew skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 dwar l-identitajiet tal-persuni terzi interessati li jridu jinstemgħu, sakemm dan l-iżvelar ma jkunx ta’ detriment sinjifikanti għal persuna jew impriża.

Artikolu 6

Id-dritt għal smigħ orali; il-parteċipazzjoni tal-kwerelanti u ta’ partijiet terzi fis-smigħ orali

1.   Fuq it-talba tal-partijiet li lilhom il-Kummissjoni indirizzat dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew partijiet involuti oħrajn, l-uffiċjal tas-seduta għandu jmexxi seduta orali sabiex tali partijiet ikunu jistgħu jkomplu jiżviluppaw is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom.

2.   L-uffiċjal tas-seduta jista’, fejn ikun xieraq u wara konsultazzjoni mad-direttur responsabbli, jiddeċiedi li jagħti lill-kwerelanti u lill-partijiet terzi skont it-tifsira tal-Artikolu 5 interessati l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom waqt is-seduta ta’ smigħ orali tal-partijiet li lilhom tkun inħarġet dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, diment li huma jitolbu dan fil-kummenti bil-miktub tagħhom. L-uffiċjal tas-seduta jistgħu wkoll jistiednu rappreżentanti mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni minn pajjiżi terzi sabiex jattendu għas-seduta ta’ smigħ orali bħala osservaturi skont il-ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.

KAPITOLU 4

L-AĊĊESS GĦAL FAJL, IL-KUNFIDENZJALITÀ U S-SIGRIETI KUMMERĊJALI

Artikolu 7

L-Aċċess għal Fajl u l-Aċċess għal Dokumenti u Informazzjoni

1.   Meta parti li eżerċitat id-dritt tagħha ta’ aċċess għall-fajl ikollha raġuni biex temmen li l-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha dokumenti li ma ġewx żvelati lilha u li dawk id-dokumenti huma meħtieġa għall-eżerċizzju xieraq tad-dritt għas-smigħ, hija tista’ tagħmel talba motivata għal aċċess għal dawn id-dokumenti lill-uffiċjal tas-seduta, soġġetta għall-Artikolu 3(7).

2.   Soġġetti għall-Artikolu 3(7), partijiet involuti oħrajn, il-kwerelanti, u persuni terzi interessati fit-tifsira tal-Artikolu 5 jistgħu jagħmlu talba motivata lill-uffiċjal tas-seduta fiċ-ċirkostanzi msemmija hawn taħt:

(a)

Partijiet involuti oħrajn li jkollhom raġuni biex jemmnu li huma ma ġewx informati bl-oġġezzjonijiet indirizzati lill-partijiet li jinnotifikaw skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament (KE) Nru 802/2004.

(b)

Kwerelant li jkun ġie informat mill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li tirrifjuta ilment skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 u li jkollu raġuni biex jemmen li l-Kummissjoni għandha fil-pussess tagħha dokumenti li ma ġewx żvelati lilu u li dawk id-dokumenti huma meħtieġa għall-eżerċizzju xieraq tad-drittijiet tiegħu skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004.

(c)

Kwerelant li jqis li huwa ma rċeviex kopja tal-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 jew li l-verżjoni mhux kunfidenzjali tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ma kinitx ġiet stabbilita b’mod li jagħtih iċ-ċans jeżerċita d-drittijiet tiegħu b’mod effettiv, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-każijiet fejn tapplika l-proċedura tar-riżolviment.

(d)

Persuna terza interessata skont it-tifsira tal-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni li jkollha raġuni biex taħseb li hija ma kinitx informata dwar in-natura u s-suġġett ta’ proċedura skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 u l-Artikolu 16(1) tar-Regolament (KE) Nru 802/2004. L-istess japplika għal kwerelant, f’każ li għalih tapplika l-proċedura tar-riżolviment, li jkollu raġuni biex jaħseb li huwa ma kienx informat dwar in-natura u s-suġġett tal-proċedura skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 773/2004.

3.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jieħu deċiżjoni motivata fuq talba indirizzata lilu skont il-paragrafu 1 jew 2 u jikkomunika tali deċiżjoni lill-persuna li tkun għamlet it-talba u lil kwalunkwe persuna oħra kkonċernata permezz tal-proċedura.

Artikolu 8

Sigrieti kummerċjali u informazzjoni kunfidenzjali oħra

1.   Meta l-Kummissjoni jkollha l-ħsieb li tiżvela informazzjoni li tista’ tikkostitwixxi sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra ta’ kwalunkwe impriża jew persuna, din tal-aħħar għandha tiġi informata bil-miktub dwar din l-intenzjoni u r-raġunijiet tagħha mid-Direttorat Ġenerali għall-Kompetizzjoni. Għandu jiġi ffissat limitu ta’ żmien li matulu l-impriża jew il-persuna kkonċernata tkun tista’ tippreżenta kummenti bil-miktub.

2.   Meta l-impriża jew il-persuna kkonċernata toġġezzjona għall-iżvelar tal-informazzjoni, hija tista’ tirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta. Jekk l-uffiċjal tas-seduta jsib li l-informazzjoni tista’ tiġi żvelata minħabba li ma tikkostitwixxi ebda sigriet kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra jew minħabba li jkun hemm interess akbar fl-iżvelar tagħha, dik is-sejba għandha tiġi ddikjarata f’deċiżjoni motivata li għandha tintbagħat lill-impriża jew lill-persuna kkonċernata. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika d-data li warajha tista’ tiġi żvelata l-informazzjoni. Din id-data ma għandhiex tkun inqas minn ġimgħa mid-data tan-notifika.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-iżvelar tal-informazzjoni permezz ta’ pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea.

4.   Fejn ikun xieraq, sabiex l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet ta’ difiża ta’ parti jiġi bbilanċjat mal-interessi leġittimi tal-kunfidenzjalità, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jiddeċiedi li l-partijiet tal-fajl li huma indispensabbli għall-eżerċizzju tad-drittijiet ta’ difiża ta’ parti jsiru aċċessibbli għall-parti li titlob l-aċċess b’mod ristrett, li d-dettalji tagħhom għandhom ikunu stabbiliti mill-uffiċjal tas-seduta.

KAPITOLU 5

ESTENSJONI TAL-LIMITI TA’ ŻMIEN

Artikolu 9

Talbiet għal estensjoni tal-limiti ta’ żmien

1.   Jekk destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet iqis li l-limitu ta’ żmien impost għat-tweġiba tiegħu għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet huwa qasir wisq, huwa jista’ jitlob għal estensjoni ta’ dak il-limitu ta’ żmien permezz ta’ talba motivata indirizzata lid-direttur responsabbli. Talba bħal din għandha ssir fil-ħin qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien oriġinali fil-proċediment skont l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u mill-inqas ħamest ijiem tax-xogħol qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien oriġinali fil-proċeduri skont ir-Regolament (KE) Nru 139/2004. Jekk tali talba ma tintlaqax jew id-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jagħmel it-talba ma jaqbilx mat-tul tal-estensjoni mogħtija, huwa jista’ jirreferi l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta għal reviżjoni qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien oriġinali. Wara li jisma’ lid-direttur responsabbli, l-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi dwar jekk hemmx bżonn ta’ estensjoni tal-limitu ta’ żmien sabiex id-destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu li jinstema’ b’mod effettiv, filwaqt li jingħata kont tal-ħtieġa li jiġi evitat dewmien bla bżonn fil-proċedimenti. Fi proċedimenti skont l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat, l-uffiċjal tas-seduta għandu jikkunsidra, fost oħrajn, l-elementi li ġejjin:

(a)

id-daqs u l-kumplessità tal-fajl;

(b)

jekk id-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jagħmel it-talba kellux aċċess minn qabel għall-informazzjoni;

(c)

kwalunkwe xkiel oġġettiv ieħor li jista’ jiltaqa’ miegħu d-destinatarju tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjoni li jagħmel it-talba meta jipprovdi l-osservazzjonijiet tiegħu.

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, jista’ jiġi kkunsidrat in-numru ta’ ksur, l-allegat tul tal-ksur, id-daqs u n-numru ta’ dokumenti u/jew id-daqs u l-kumplessità tal-istudji esperti.

2.   Jekk partijiet involuti, kwerelant jew persuna terza interessata skont it-tifsira tal-Artikolu 5 ta’ din id-Deċiżjoni jqisu li l-limitu ta’ żmien sabiex jesprimu l-fehmiet tagħhom huwa qasir wisq, huma jistgħu jitolbu għal estensjoni ta’ dak il-limitu ta’ żmien permezz ta’ talba motivata indirizzata lid-direttur responsabbli fi żmien dovut qabel l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien oriġinali. Jekk tali talba ma tingħatax jew il-parti involuta l-oħra, il-kwerelant jew il-persuna terza interessata ma jaqblux ma’ din id-deċiżjoni, huma jistgħu jirreferu l-kwistjoni lill-uffiċjal tas-seduta għal reviżjoni. Wara li jisma’ lid-direttur responsabbli, l-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi dwar jekk għandhiex tingħata estensjoni tal-limitu ta’ żmien.

KAPITOLU 6

IS-SEDUTA TA’ SMIGĦ ORALI

Artikolu 10

L-organizzazzjoni u l-funzjoni

1.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jorganizza u jmexxi s-seduti ta’ smigħ previsti fid-dispożizzjonijiet li jimplimentaw l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat u r-Regolament (KE) Nru 139/2004.

2.   Is-seduta ta’ smigħ orali għandha titmexxa mill-uffiċjal tas-seduta b’mod indipendenti għal kollox.

3.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jiżgura li s-seduta ta’ smigħ titmexxa kif suppost u għandu jikkontribwixxi għall-oġġettività tas-smigħ innifsu u ta’ kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed sussegwentement.

4.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jiżgura li s-seduta orali tipprovdi lid-destinatarji tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, lil partijiet involuti oħrajn, kif ukoll lill-kwerelanti u persuni terzi interessati skont it-tifsira tal-Artikolu 5 li jkunu tħallew jattendu għas-seduta orali, b’opportunità suffiċjenti li jiżviluppaw il-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet preliminari tal-Kummissjoni.

Artikolu 11

It-tħejjija tas-seduta ta’ smigħ orali

1.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jkun responsabbli għat-tħejjija tas-seduta ta’ smigħ orali u għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa f’dak ir-rigward. Sabiex jiżgura t-tħejjija xierqa tas-seduta ta’ smigħ orali, l-uffiċjal tas-seduta jista’, wara li jikkonsulta lid-direttur responsabbli, jipprovdi bil-quddiem lill-persuni mistiedna għas-seduta ta’ smigħ lista ta’ mistoqsijiet li dwarhom ikunu mistiedna biex jesprimu l-fehmiet tagħhom. L-uffiċjal tas-seduta jista’ wkoll jindika lill-persuni mistiedna għas-seduta ta’ smigħ l-oqsma fokali għad-dibattitu, wara li jikkunsidra, b’mod partikolari, il-fatti u l-kwistjonijiet li jkunu jridu jqajmu d-destinatarji ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li jkunu talbu seduta ta’ smigħ orali.

2.   Għal dan il-għan, wara li jikkonsulta lid-direttur responsabbli, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jagħmel laqgħa mal-persuni mistiedna għas-seduta ta’ smigħ u, fejn ikun xieraq, mas-sevizzi tal-Kummissjoni, sabiex iħejji għas-seduta ta’ smigħ innifisha.

3.   L-uffiċjal tas-seduta jista’ wkoll jitlob għal notifika bil-miktub minn qabel tal-kontenut essenzjali tad-dikjarazzjonijiet maħsuba tal-persuni mistiedna għas-seduta ta’ smigħ.

4.   L-uffiċjal tas-seduta jista’ jiffissa limitu ta’ żmien għall-persuni kollha mistiedna għas-seduta ta’ smigħ orali biex jipprovdu lista tal-parteċipanti li sejrin jattendu f’isimhom. L-uffiċjal tas-seduta għandu jagħmel din il-lista disponibbli għall-persuni kollha mistiedna għas-seduta ta’ smigħ orali fil-ħin qabel id-data tas-seduta.

Artikolu 12

L-għażla taż-żmien u t-tmexxija

1.   Wara li jikkonsulta lid-direttur responsabbli, l-uffiċjal tas-seduta għandu jistabbilixxi d-data, it-tul u l-post tas-seduta ta’ smigħ. Meta jintalab posponiment, l-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi jekk jippermettihx jew le.

2.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jiddeċiedi jekk dokumenti ġodda għandhomx ikunu permessi waqt is-seduta ta’ smigħ u liema persuni għandhom jinstemgħu f’isem parti.

3.   L-uffiċjal tas-seduta jista’ jippermetti lill-partijiet li lilhom kienet indirizzata dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, lill-partijiet involuti oħrajn, lill-kwerelanti, lil persuni oħrajn mistiedna għas-seduta, lis-servizzi tal-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-Istat Membru li jistaqsu mistoqsijiet waqt is-seduta. Sal-punt li, eċċezzjonalment, mistoqsija ma tistax tiġi mwieġba kompletament jew parzjalment waqt is-seduta ta’ smigħ orali, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jagħti ċ-ċans li t-tweġiba tingħata bil-miktub fi ħdan limitu ta’ żmien iffissat. Tali tweġiba bil-miktub għandha titqassam lill-parteċipanti kollha fis-seduta ta’ smigħ orali, sakemm l-uffiċjal tas-seduta ma jiddeċidix mod ieħor sabiex jipproteġi d-drittijiet tad-difiża ta’ destinatarju ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew is-sigrieti kummerċjali jew informazzjoni kunfidenzjali oħra ta’ xi persuna.

4.   Fejn ikun meħtieġ minħabba l-bżonn li jkun żgurat id-dritt li wieħed ikun mismugħ, l-uffiċjal tas-seduta jista’, wara li jikkonsulta lid-Direttur responsabbli, jagħti lill-partijiet ikkonċernati, lill-partijiet involuti oħrajn, lill-kwerelanti jew lill-persuni terzi skont it-tifsira tal-Artikolu 5 interessati l-opportunità li jippreżentaw aktar kummenti bil-miktub wara s-seduta orali. L-uffiċjal tas-seduta għandu jiffissa data sa meta jistgħu jsiru preżentazzjonijiet bħal dawn. Il-Kummissjoni ma għandhiex tkun obbligata li tikkunsidra kummenti bil-miktub li jaslu wara dik id-data.

Artikolu 13

Il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali u l-kunfidenzjalità fis-seduta ta’ smigħ orali

Kull persuna għandha normalment tinstema’ fil-preżenza tal-persuni l-oħrajn kollha mistiedna biex jattendu għas-seduta ta’ smigħ orali. L-uffiċjal tas-seduta jista’ jiddeċiedi wkoll li jisma’ persuni separatament fil-magħluq, wara li jikkunsidra l-interess leġittimu tagħhom fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom u informazzjoni kunfidenzjali oħra.

KAPITOLU 7

RAPPORT INTERIM U D-DRITT LI JSIRU OSSERVAZZJONIJIET

Artikolu 14

Rapport interim u osservazzjonijiet

1.   L-uffiċjal tas-seduta għandu jippreżenta rapport interim lill-membru kompetenti tal-Kummissjoni dwar is-smigħ u l-konklużjonijiet li jkun wasal għalihom fir-rigward tar-rispett għall-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali. L-osservazzjonijiet f’dan ir-rapport għandhom jikkonċernaw kwistjonijiet proċedurali, inklużi dawn li ġejjin:

(a)

l-iżvelar tad-dokumenti u l-aċċess għall-fajl;

(b)

il-limiti ta’ żmien sabiex tingħata risposta għad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet;

(c)

l-osservanza tad-dritt li persuna tinstema’;

(d)

it-tmexxija xierqa tas-seduta ta’ smigħ orali.

Kopja tar-rapport għandha tingħata lid-Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni, lid-direttur responsabbli u lis-servizzi kompetenti l-oħrajn tal-Kummissjoni.

2.   Minbarra, u separatament mir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jagħmel osservazzjonijiet dwar il-progress ulterjuri u l-imparzjalità tal-proċedimenti. Meta jagħmel dan, l-uffiċjal tas-seduta għandu jfittex li jiżgura b’mod partikolari li, fit-tħejjija tal-abbozz tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, jittieħed kont xieraq tal-fatti rilevanti kollha, kemm jekk huma favorevoli għall-partijiet ikkonċernati kif ukoll jekk mhumiex, inklużi l-elementi fattwali li huma rilevanti għall-gravità u t-tul ta’ kwalunkwe ksur. Dawn l-osservazzjonijiet jistgħu jkunu relatati ma’, inter alia, il-ħtieġa għal aktar informazzjoni, l-irtirar ta’ ċerti oġġezzjonijiet, il-formulazzjoni ta’ aktar oġġezzjonijiet jew suġġerimenti għal miżuri investigattivi ulterjuri skont il-Kapitolu V tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

Id-Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni, id-direttur responsabbli u s-Servizz Legali għandhom jiġu informati dwar dawn l-osservazzjonijiet.

KAPITOLU 8

IMPENJI U FTEHIMIET

Artikolu 15

Impenji u ftehimiet

1.   Il-partijiet għall-proċedimenti li joffru impenji sabiex jissodisfaw it-tħassib espress lilhom mill-Kummissjoni fil-valutazzjoni preliminari tagħha skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jistgħu jirrikorru għall-uffiċjal tas-seduta fi kwalunkwe stadju tal-proċedura skont l-Artikolu 9, sabiex ikun żgurat il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali.

2.   Il-partijiet għall-proċedimenti f’każijiet ta’ kartell li jidħlu f’diskussjonijiet dwar ftehim skont l-Artikolu 10a tar-Regolament (KE) Nru 773/2004 jistgħu jirrikorru għall-uffiċjal tas-seduta fi kwalunkwe ħin matul il-proċedura ta’ ftehim sabiex ikun żgurat il-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali tagħhom.

KAPITOLU 9

RAPPORT FINALI

Artikolu 16

Il-kontenut u t-trażmissjoni qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni

1.   L-uffiċjal tas-seduta għandu, fuq il-bażi tal-abbozz ta’ deċiżjoni li għandha tiġi ppreżentata lill-Kumitat Konsultattiv fil-każ inkwistjoni, iħejji rapport finali bil-miktub dwar ir-rispett għall-ħarsien effettiv tad-drittijiet proċedurali, kif imsemmi fl-Artikolu 14(1), fi kwalunkwe stadju tal-proċedimenti. Dak ir-rapport sejjer jikkunsidra wkoll jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ikunu ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom.

2.   Ir-rapport finali għandu jintbagħat lill-membru kompetenti tal-Kummissjoni, lid-Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni, lid-direttur responsabbli u lis-servizzi kompetenti l-oħrajn tal-Kummissjoni. Huwa għandu jiġi kkomunikat lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u, skont id-dispożizzjonijiet dwar il-kooperazzjoni stipulati fil-Protokoll 23 u fil-Protokoll 24 tal-Ftehim taż-ŻEE, lill-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA.

Artikolu 17

Il-preżentazzjoni lill-Kummissjoni u l-pubblikazzjoni

1.   Ir-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni flimkien mal-abbozz tad-deċiżjoni ppreżentata lilha, sabiex ikun żgurat li, meta tasal għal deċiżjoni dwar xi każ individwali, il-Kummissjoni tkun mgħarrfa sew bl-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-kors tal-proċedura u li l-eżekuzzjoni effettiva tad-drittijiet proċedurali jkun ġie rrispettat matul il-proċedimenti.

2.   Ir-rapport finali jista’ jkun modifikat mill-uffiċjal tas-seduta fid-dawl ta’ kull emenda għall-abbozz ta’ deċiżjoni qabel l-adozzjoni tagħha mill-Kummissjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika r-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta, lid-destinatarji tad-deċiżjoni. Hija għandha tippubblika r-rapport finali tal-uffiċjal tas-seduta f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, flimkien mad-deċiżjoni, wara li tikkunsidra l-interess leġittimu tal-impriżi fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom.

KAPITOLU 10

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 18

Revoka u dispożizzjoni tranżitorja

1.   Id-Deċiżjoni 2001/462/KE, KESE hija revokata.

2.   Il-passi proċedurali li ttieħdu diġà skont id-Deċiżjoni 2001/462/KE, KESE għandhom ikomplu jkollhom effett. Fir-rigward ta’ miżuri investigatorji li kienu ttieħdu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, l-uffiċjal tas-seduta jista’ jirrifjuta li jeżerċità s-setgħat tiegħu skont l-Artikolu 4.

F’każijiet fejn il-ftuħ ta’ proċedimenti skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 jew il-bidu ta’ proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 sar qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni, ir-rapport interim skont l-Artikolu 14 u r-rapport finali skont l-Artikolu 16 ma għandhomx ikopru l-fażi investigattiva, sakemm l-uffiċjal tas-seduta ma jiddeċidix mod ieħor.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 308, 8.12.2000, p. 26.

(2)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.

(3)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(4)  ĠU L 123, 27.4.2004, p. 18.

(5)  ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1.

(6)  ĠU C 303, 14.12.2007, p. 1.

(7)  ĠU L 330, 21.12.1994, p. 67.

(8)  ĠU L 162, 19.6.2001, p. 21.

(9)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.