14.10.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 269/32


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tal-11 ta’ Ottubru 2011

li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE dwar l-għoti ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Portugall

(2011/683/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta’ stabbilizzazzjoni finanzjarja (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 3(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Fuq talba tal-Portugall, il-Kunsill ta assistenza finanzjarja lillha (id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE (2)) b’appoġġ għal programm b’saħħtu ta’ riforma ekonomika u finanzjarja bil-għan li tinkiseb il-fiduċja mill-ġdid biex b’hekk l-ekonomija tkun tista’ terġa’ lura għal sitwazzjoni ta’ tkabbir sostenibbli, u bil-għan li titħares l-istabbiltà finanzjarja fil-Portugall, fiż-żona tal-euro u fl-Unjoni.

(2)

Estensjoni tal-maturitajiet u tnaqqis fil-marġni tar-rati tal-imgħax se jkunu ta’ benefiċċju sabiex jinkisbu l-objettivi tal-programm, skont il-konklużjonijiet tal-Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern tal-pajjiżi taż-żona tal-euro u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni tal-21 ta’ Lulju 2011 rigward is-self tal-Faċilità Ewropea ta’ Stabbilità Finanzjarja.

(3)

Sabiex jissaħħu l-objettivi tal-likwidità u tas-sostenibbiltà, l-estensjoni tal-maturitajiet u t-tnaqqis fil-marġini tar-rata tal-imgħax għandha tapplika wkoll għall-ħlasijiet individwali li diġà ġew zbursati.

(4)

Fil-kuntest ta’ dawn l-iżviluppi, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE għandha tiġi emendata,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2011/344/UE għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

Il-paragrafu 1 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“1.   L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Portugall self ta’ ammont massimu ta’ EUR 26 biljun, b’maturità medja massima ta’ 12,5 snin. Kull wieħed mill-ħlasijiet individwali tas-self jista’ jkollu maturità ta’ mhux aktar minn 30 sena.”;

(2)

Il-paragrafu 5 għandu jinbidel b’dan li ġej:

“5.   Għal kull ħlas individwali, il-Portugall għandu jħallas l-ispiża tal-finanzjament tal-Unjoni.”.

Artikolu 2

L-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 1(5) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2011/344/UE kif emendata b’din id-deċiżjoni għandhom japplikaw ukoll għall-ħlasijiet individwali tas-self li ġew żbursati qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fil-Lussemburgu, il-11 ta’ Ottubru 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

M. DOWGIELEWICZ


(1)  ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 159, 17.6.2011, p. 88.