17.3.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 70/39


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tal-14 ta’ Marzu 2011

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam fir-rigward tal-emendi fl-Anness III għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat Minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidji perikolużi fil-kummerċ internazzjonali

(2011/162/UE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 192 u 207, flimkien mal-Artikolu 218(9), tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea approvat il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat Minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidji perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (il-‘Konvenzjoni ta’ Rotterdam’) permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/730/KE (1).

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 689/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 dwar l-esportazzjoni u l-importazzjoni ta’ sustanzi kimiċi perikolużi (2) jimplimenta l-Konvenzjoni ta’ Rotterdam fl-Unjoni.

(3)

Sabiex ikun żgurat li pajjiżi importaturi jibbenefikaw mill-protezzjoni offruta mill-Konvenzjoni ta’ Rotterdam, huwa meħtieġ u kunsiljabbli li r-rakkomandazzjoni mill-Kumitat għar-Reviżjoni tal-Kimika tiġi appoġġata fir-rigward tal-inklużjoni fl-Anness III għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam tal-asbestos krisotilu, l-endosulfan, l-alaklor u l-aldikarb. Dawn l-erba’ sustanzi huma diġà pprojbiti jew ristretti ħafna fl-Unjoni u għalhekk huma suġġetti għal rekwiżiti ta’ esportazzjoni li jeċċedu dak li hu meħtieġ taħt il-Konvenzjoni ta’ Rotterdam.

(4)

Il-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam hija mistennija tieħu deċiżjonijiet dwar l-emendi proposti għall-Anness III. L-Unjoni għandha tappoġġa l-adozzjoni ta’ dawn l-emendi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni fil-ħames laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam hija li l-Kummissjoni għandha, f’isem l-Unjoni, fir-rigward ta’ materji li jaqgħu fl-ambitu tal-kompetenza tal-Unjoni, tappoġġa l-adozzjoni tal-emendi, fl-Anness III għall-Konvenzjoni ta’ Rotterdam dwar il-Proċedura ta’ Kunsens Infurmat Minn Qabel għal ċerti kimiċi u pestiċidji perikolużi fil-kummerċ internazzjonali (3), fir-rigward tal-inklużjoni tal-asbestos krisotilu, l-endosulfan, l-alaklor u l-aldikarb.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Marzu 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

FELLEGI T.


(1)  ĠU L 299, 28.10.2006, p. 23. Edizzjoni Speċjali bil-Malti ĠU L 335M, 13.12.2008, p. 514.

(2)  ĠU L 204, 31.7.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 63, 6.3.2003, p. 29.