25.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 51/21


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-24 ta' Frar 2011

li temenda d-Deċiżjoni 2007/863/KE li tagħti deroga mitluba mir-Renju Unit rigward l-Irlanda ta' Fuq skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 1033)

(It-test Ingliż biss huwa awtentiku)

(2011/128/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE tat-12 ta' Diċembru 1991 dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1), u b'mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III tagħha,

Billi:

(1)

Jekk l-ammont ta' demel li Stat Membru bi ħsiebu japplika għal kull ettaru fis-sena huwa differenti minn dak speċifikat fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III għad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) ta' dak is-subparagrafu, dak l-ammont għandu jiġi ffissat sabiex ma jippreġudikax l-ilħuq tal-għanijiet speċifikati fl-Artikolu 1 ta' dik id-Direttiva u għandu jkun iġġustifikat abbażi ta' kriterji oġġettivi, bħal staġuni twal ta' kultivazzjoni u uċuħ b'rata għolja ta' assorbiment tan-nitroġenu.

(2)

Fl-14 ta' Diċembru 2007, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/863/KE li tagħti deroga mitluba mir-Renju Unit rigward l-Irlanda ta' Fuq skont id-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (2), li tippermetti lill-Irlanda ta' Fuq tapplika 250 kg ta' nitroġenu għal kull ettaru fis-sena minn demel tal-bhejjem fl-azjendi agrikoli b'mill-inqas 80 % mergħat.

(3)

Id-deroga mogħtija bid-Deċiżjoni 2007/863/KE, fl-2009 kkonċernat madwar 150 azjenda agrikola fl-Irlanda ta' Fuq li jikkorrispondu għal madwar 0,6 % tal-għadd totali ta' intrapriżi u 1 % tat-total nett taż-żona agrikola. Id-Deċiżjoni 2007/863/KE tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2010.

(4)

Fit-23 ta' Settembru 2010, għar-reġjun tal-Irlanda ta' Fuq, ir-Renju Unit ressaq lill-Kummissjoni talba għal estensjoni tad-deroga. It-talba kienet tinkludi ġustifikazzjoni abbażi tal-kriterji oġġettivi speċifikati fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III għad-Direttiva 91/676/KEE.

(5)

Għar-reġjun tal-Irlanda ta' Fuq, ir-Renju Unit adotta programm ta' azzjoni ġdid għall-perjodu bejn Jannar 2011 u Diċembru 2014, li prinċipalment iżomm il-miżuri tal-programm ta' azzjoni għall-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2010 u japplika fit-territorju kollu tal-Irlanda ta' Fuq.

(6)

Il-konċentrazzjonijiet tan-nitrati fl-ilma ħelu tal-wiċċ tal-Irlanda ta' Fuq baqgħu relattivament baxxi, b'konċentrazzjonijiet ta' nitrati medji taħt il-25 mg NO3/l fl-2008 għal 99,7 % tal-istazzjonijiet tal-monitoraġġ. Bejn l-2005 u l-2008, is-siti tal-monitoraġġ tal-ilma ħelu tal-wiċċ inġenerali wrew konċentrazzjonijiet ta' nitrati medji stabbli jew imnaqqsa, inkluż f'postijiet bl-ogħla proporzjon ta' azjendi agrikoli tad-deroga. Għall-ilma ta' taħt l-art, il-konċentrazzjonijiet ta' nitrati medji huma taħt il-25 mg NO3/l fl-2008 għal 91,9 % tal-istazzjonijiet ta' monitoraġġ u juru xejriet simili stabbli jew ta' tnaqqis bħal tal-ilmijiet tal-wiċċ.

(7)

Fl-Irlanda ta' Fuq, l-għadd ta' bhejjem naqas matul il-perjodu mill-2006 sal-2010 b'madwar 12,5 % għan-nagħaġ, 11,5 % għat-tjur u 4,7 % għall-ifrat u żdied b'9,8 % għall-ħnieżer. Il-biedja tal-Irlanda ta' Fuq tkompli tkun sistema li fil-biċċa l-kbira tagħha hija msejsa fuq il-ħaxix.

(8)

L-ammont ta' demel N prodott fl-azjendi agrikoli fl-Irlanda ta' Fuq matul il-perjodu mill-2006 sal-2010 naqas b'6,4 % filwaqt li r-rata ta' applikazzjoni tad-demel tal-bhejjem għal kull ettaru ta' art naqset b'4,7 %. Iż-żona agrikola disponibbli għall-applikazzjoni tad-demel naqset b'1,7 %. L-ifrat jiddominaw is-sors ewlieni tad-demel N fl-Irlanda ta' Fuq, segwiti min-nagħaġ, it-tjur u l-ħnieżer. It-tnaqqis tad-demel N globali huwa l-iktar minħabba t-tnaqqis fis-settur tal-ifrat u fi ħdan dak is-settur, l-ikbar motivazzjoni għall-bidla hija l-għadd imnaqqas ta' baqar taċ-ċanga u l-frieħ tagħhom.

(9)

Fid-dawl tat-tagħrif xjentifiku msemmi fit-talba għall-estensjoni tad-deroga u l-miżuri li għalihom ir-Renju Unit għar-reġjun tal-Irlanda ta' Fuq ikkometta ruħu fil-programm ta' azzjoni għall-perjodu bejn Jannar 2011 u Diċembru 2014, jista' jiġi konkluż li l-kundizzjonijiet għall-kisba tad-deroga kif speċifikati fid-Direttiva 91/676/KEE, bħal staġuni twal ta' kultivazzjoni u wċuħ b'rata għolja ta' assorbiment tan-nitroġenu, għadhom qed jiġu ssodisfati, u li d-deroga ma tippreġudikax l-ilħuq tal-għanijiet ta' dik id-Direttiva.

(10)

Sabiex jiġi żgurat li l-azjendi agrikoli fil-mergħat ikkonċernati jistgħu jibqgħu jibbenefikaw minn deroga, huwa xieraq li l-perjodu tal-applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2007/863/KE jiġi estiż sal-31 ta' Diċembru 2014.

(11)

Madankollu, l-iskadenzi għar-rappurtar lill-Kummissjoni stabbiliti fid-Deċiżjoni 2007/863/KE, għandhom jiġu adattati sabiex ikun issimplifikat il-piż amministrattiv billi jingħata permess lir-Renju Unit għar-reġjun tal-Irlanda ta' Fuq sabiex jistabbilixxi skadenza waħda għall-obbligi kollha ta' rappurtar.

(12)

Il-miżuri pprovduti f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar in-Nitrati stabbilit skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 91/676/KEE,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2007/863/KE hija emendata kif ġej:

1.

L-Artikolu 1 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 1

Id-deroga mitluba mir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta' Fuq permezz tal-ittra tal-10 ta' Awwissu 2007, u l-estensjoni mitluba permezz tal-ittra tat-23 ta' Settembru 2010, bil-għan li jiġi permess ammont ogħla ta' demel tal-bhejjem minn dak ipprovdut fl-ewwel sentenza tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Anness III għad-Direttiva 91/676/KEE u fil-punt (a) ta' dak is-subparagrafu, tingħata soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'din id-Deċiżjoni.”

2.

L-aħħar sentenza tal-Artikolu 8(1) tinbidel b'dan li ġej:

“Dawk il-mapep għandhom jitressqu lill-Kummisjoni sa mhux iktar tard minn Ġunju ta' kull sena.”

3.

L-Artikolu 11 jiġi sostitwit b'dan li ġej:

“Artikolu 11

Applikazzjoni

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika fil-kuntess tar-Regolament għall-Programm ta' Azzjoni għan-Nitrati (l-Irlanda ta' Fuq) 2010.

Tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2014”

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u lill-Irlanda ta' Fuq.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Frar 2011.

Għall-Kummissjoni

Janez POTOČNIK

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 375, 31.12.1991, p. 1.

(2)  ĠU L 337, 21.12.2007, p. 122.