15.2.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 41/9


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/100/PESK

tal-14 ta’ Frar 2011

li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2003/495/PESK dwar l-Iraq

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fis-7 ta’ Lulju 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/495/PESK dwar l-Iraq (1), b’implimentazzjoni tar-Riżoluzzjoni 1483(2003) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (KSNU).

(2)

Fil-15 ta' Diċembru 2010, il-KSNU adotta r-Riżoluzzjoni 1956 (2010) li biha ddeċieda, fost l-oħrajn, li jestendi sat-30 ta' Ġunju 2011 l-arranġamenti għall-iddepożitar fil-Fond għall-Iżvilupp għall-Iraq ta' dħul mill-bejgħ għall-esportazzjoni ta' żejt mhux raffinat, prodotti ta' żejt mhux raffinat u gass naturali u l-arranġamenti dwar l-immunità minn proċeduri legali ta' ċerti assi Iraqqini, kif imsemmija fir-Riżoluzzjonijiet 1483 (2003) u 1546 (2004) tal-KSNU.

(3)

Il-Pożizzjoni Komuni 2003/495/PESK għandha għalhekk tiġi emendata.

(4)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implementati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Fl-Artikolu 7 tal-Pożizzjoni Komuni 2003/495/PESK, it-tieni paragrafu għandu jiġi sostitwit b’dan li ġej:

“L-Artikoli 4 u 5 għandhom japplikaw sat-30 ta' Ġunju 2011.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Frar 2011.

Għall-Kunsill

Il-President

HOFFMANN R.


(1)  ĠU L 169, 8.7.2003, p. 72.