29.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 343/5


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 1257/2010

tal-20 ta’ Diċembru 2010

li jestendi l-miżuri derogatorji temporanji għar-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea u tar-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika introdotti mir-Regolament (KE) Nru 920/2005

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 342 tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005 tat-13 ta’ Ġunju 2005 li jemenda r-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Regolament Nru 1 tal-15 ta’ April 1958 li jistabbilixxi r-reġim lingwistiku tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u li jintroduċi miżuri derogatorji temporanji għal dawk ir-Regolamenti (1) ta lill-Irlandiż l-istatus ta’ lingwa uffiċjali u ta’ lingwa ta’ ħidma tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 920/2005 jipprevedi li, għal raġunijiet prattiċi u fuq bażi transitorja, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni m’għandhomx ikunu marbuta bl-obbligu li jfasslu u jittraduċu bil-lingwa Irlandiża l-atti kollha, inklużi s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, bl-eċċezzjoni tar-Regolamenti adottati b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Huwa l-Kunsill li jiddeċiedi, f'mhux aktar minn erba’ snin mid-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 920/2005 u f’intervalli ta’ ħames snin wara dan, jekk għandhiex titneħħa din id-deroga.

(3)

L-istituzzjonijiet tal-Unjoni ser ikomplu jieħdu inizjattivi bl-għan li jtejbu l-aċċess taċ-ċittadini għal informazzjoni fil-lingwa Irlandiża dwar l-attivitajiet tal-Unjoni. Madankollu, għad hemm diffikultajiet fir-reklutaġġ ta’ nurmu suffiċjenti ta’ tradutturi, ġuristi-lingwisti, interpreti u assistenti tal-lingwa Irlandiża. Konsegwentement, għandha tiġi estiża, għal perijodu ta’ ħames snin, mill-1 ta’ Jannar 2012, id-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 920/2005,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Id-deroga prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005 hija b'dan estiża għal perijodu ta’ ħames snin mill-1 ta’ Jannar 2012.

Dan l-Artikolu m' għandux japplika għar-Regolamenti adottati b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jkun applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kunsill

Il-President

J. SCHAUVLIEGE


(1)  ĠU L 156, 18.6.2005, p. 3; verżjoni bil-Malti, ĠU L 164M, 16.6.2006, p. 184.