18.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 335/43


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1218/2010

tal-14 ta’ Diċembru 2010

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 1971 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal-kategoriji ta’ ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma (1),

Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 2821/71 jagħti l-poter lill-Kummissjoni sabiex tapplika l-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (*1) permezz ta’ regolament għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat li għandhom bħala l-għan tagħhom l-ispeċjalizzazzjoni, inklużi l-akkordji meħtieġa biex jilħqu dan l-għan.

(2)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2658/2000 tad-29 ta’ Novembru 2000 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal kategoriji ta’ ftehim ta’ speċjalizzazzjoni (2) jiddefinixxi kategoriji ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni li l-Kummissjoni qieset li normalment jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Fid-dawl tal-esperjenza globalment pożittiva fl-applikazzjoni ta’ dak ir-Regolament, li jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2010 u b'kunsiderazzjoni għall-esperjenza ulterjuri miksuba mindu ġie adottat, huwa xieraq li jiġi adottat regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija ġdid.

(3)

Dan ir-Regolament għandu jissodisfa ż-żewġ rekwiżiti li tiġi assigurata protezzjoni effettiva tal-kompetizzjoni u li tiġi pprovduta ċertezza legali adegwata għall-impriżi. Sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li jiġu ssimplifikati kemm jista’ jkun is-superviżjoni amministrattiva u l-qafas leġiżlattiv. Taħt ċertu livell ta’ saħħa fis-suq jista’ jkun preżunt b'mod ġenerali, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat, li l-effetti pożittivi ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni jkunu ta’ valur akbar minn kull effett negattiv fuq il-kompetizzjoni.

(4)

Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat permezz ta’ regolament, mhuwiex neċessarju li jiġu ddefiniti dawk l-akkordji li jistgħu jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Fl-evalwazzjoni individwali ta’ akkordji taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi, u b'mod partikolari l-istruttura tas-suq fis-suq rilevanti.

(5)

Il-benefiċċju tal-eżenzjoni stabbilita b’dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dawk l-akkordji li għalihom jista’ jiġi preżunt b'ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

(6)

Akkordji dwar speċjalizzazzjoni fil-produzzjoni aktarx li jikkontribwixxu għal titjib fil-produzzjoni jew distribuzzjoni tal-merkanzija jekk il-partijiet ikollhom ħiliet komplementari, assi jew attivitajiet, minħabba li huma jistgħu jikkonċentraw fuq il-manifattura ta’ ċerti prodotti u b'hekk joperaw b'mod aktar effiċjenti u jfornu l-prodotti bi prezz orħos. L-istess jista’ ġeneralment jingħad għal akkordji dwar speċjalizzazzjoni fil-preparazzjoni ta’ servizzi. Fil-kuntest ta’ kompetizzjoni effettiva, x'aktarx li l-konsumaturi jirċievu sehem ġust tal-benefiċċji li jirriżultaw.

(7)

Tali vantaġġi jistgħu jinkisbu minn akkordji li permezz tagħhom parti waħda tieqaf għal kollox jew b'mod parzjali mill-manifattura ta’ ċerti prodotti jew mill-preparazzjoni ta’ ċerti servizzi favur parti oħra ("speċjalizzazzjoni unilaterali"), minn akkordji li permezz tagħhom kull parti tieqaf mill-manifattura ta’ ċerti prodotti jew mill-preparazzjoni ta’ ċerti servizzi favur parti oħra ("speċjalizzazzjoni reċiproka") u minn akkordji li permezz tagħhom il-partijiet jintrabtu li jimmanifatturaw b'mod konġunt ċerti prodotti jew jippreparaw ċerti servizzi ("produzzjoni konġunta"). Fil-kuntest ta’ dan ir-Regolament, il-kunċetti ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali u reċiproka ma jobbligawx lil xi parti li tnaqqas il-kapaċità, billi jkun biżżejjed li hija tnaqqas il-volumi ta’ produzzjoni tagħha. Il-kunċett ta’ produzzjoni konġunta, madankollu, ma tobbligax lill-partijiet li jnaqqsu l-attivitajiet individwali ta’ produzzjoni tagħhom barra mill-ambitu tal-arranġament ta’ produzzjoni konġunta li jkun qed jaħsbu li jilħqu.

(8)

In-natura ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali u reċiproka jippresupponu li l-partijiet ikunu attivi fl-istess suq ta’ prodotti. Mhuwiex meħtieġ li l-partijiet ikunu attivi fl-istess suq ġeografiku. Għaldaqstant, l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-akkordji ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali u reċiproka għandu jkun limitat għal kuntesti fejn il-partijiet ikunu attivi fl-istess suq ta’ prodotti. Akkordji ta’ produzzjoni konġunta jistgħu jiġu konklużi bejn partijiet li diġà jkunu attivi fl-istess suq ta’ prodotti iżda wkoll minn partijiet li jkunu jixtiequ jidħlu f'suq ta’ prodotti permezz tal-akkordju. Għalhekk, akkordji ta’ produzzjoni konġunta għandhom jaqgħu fl-ambitu ta’ dan ir-regolament irrispettivament minn jekk il-partijiet ikunu diġà attivi fl-istess suq ta’ prodotti.

(9)

Sabiex ikun żgurat li l-benefiċċji tal-ispeċjalizzazzjoni jimmaterjalizzaw mingħajr ma xi parti tabbanduna għal kollox is-suq downstream tal-produzzjoni, akkordji ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali u reċiproka għandhom ikunu koperti biss minn dan ir-Regolament meta jipprovdu għall-obbligi ta’ provvista u xiri jew għal distribuzzjoni konġunta. L-obbligi ta’ provvista u xiri jistgħu, iżda m'għandhomx għalfejn ikunu, ta’ natura esklużiva.

(10)

Jista’ jiġi preżunt li, meta s-sehem tal-partijiet fis-suq rilevanti għall-prodotti li huma s-suġġett ta’ akkordju ta’ speċjalizzazzjoni ma jaqbiżx ċertu livell, l-akkordji, bħala regola, joħolqu benefiċċji ekonomiċi fil-forma ta’ ekonomiji ta’ skala jew ambitu jew teknoloġiji ta’ produzzjoni aħjar, filwaqt li jippermettu lill-konsumaturi li jkollhom sehem ġust mill-benefiċċji li jirriżultaw. Madankollu, meta l-prodotti manifatturati skont akkordju ta’ speċjalizzazzjoni jkunu prodotti intermedjarji li parti waħda jew aktar tuża bis-sħiħ jew parzjalment għall-produzzjoni tagħha stess ta’ ċerti prodotti downstream li mbagħad tbiegħhom fis-suq, l-eżenzjoni mogħtija b'dan ir-Regolament għandha wkoll tkun suġġetta għall-kundizzjoni li s-sehem tal-partijiet fis-suq rilevanti għal dawn il-prodotti downstream ma jaqbiżx ċertu livell. F'każ bħal dan, li wieħed sempliċement iħares lejn is-sehem fis-suq tal-partijiet fil-livell tal-prodott intermedjarju jkun ifisser li jiġi injorat ir-riskju potenzjali ta’ esklużjoni mis-suq jew li jiżdied il-prezz tal-elementi tal-produzzjoni għal kompetituri fil-livell tal-prodotti downstream. Madankollu, ma hemm l-ebda preżunzjoni li l-akkordji ta’ speċjalizzazzjoni jew jinqabdu mill-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew inkella ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat ladarba jinqabeż il-limitu tas-sehem fis-suq stabbilit b’dan ir-Regolament jew ma jiġux sodisfatti kundizzjonijiet oħra ta’ dan ir-Regolament. F'tali każijiet, tkun trid issir evalwazzjoni individwali tal-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni skont l-Artikolu 101 tat-Trattat.

(11)

Dan ir-Regolament m'għandux jeżenta akkordji li jkollhom restrizzjonijiet li mhumiex indispensabbli għall-kisba tal-effetti pożittivi ġġenerati minn akkordju ta’ speċjalizzazzjoni. Fil-prinċipju, akkordji li jkun fihom ċerti tipi ta’ restrizzjonijiet severi tal-kompetizzjoni li jirrigwardaw l-iffissar tal-prezzijiet li partijiet terzi jiġu mitluba jħallsu, il-limitazzjonijiet ta’ produzzjoni jew bejgħ, u allokazzjoni ta’ swieq jew klijenti għandhom ikunu esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni stabbilita b’dan ir-Regolament irrispettivament mis-sehem fis-suq tal-partijiet.

(12)

Il-limitazzjoni tas-sehem mis-suq, in-nuqqas ta’ eżenzjoni ta’ ċerti akkordji u l-kundizzjonijiet previsti f'dan ir-Regolament normalment jiżguraw li l-akkordji li għalihom tapplika l-eżenzjoni ġenerali ma jippermettux lill-partijiet jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanzjali tal-prodotti jew servizzi inkwistjoni.

(13)

Il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (3), meta ssib li f'każ partikolari akkordju li għalih tapplika l-eżenzjoni prevista f’dan ir-Regolament ikollu madankollu effetti li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

(14)

L-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fir-rigward tat-territorju ta’ dak l-Istat Membru, jew parti minnu meta, f'każ partikolari, akkordju li għalih tapplika l-eżenzjoni prevista f'dan ir-Regolament ikollu madankollu effetti li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, jew f'parti minnu, u meta tali territorju jkollu l-karatterisitiċi kollha ta’ suq ġeografiku distint.

(15)

Il-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament jista’ jiġi rtirat skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 fejn, pereżempju, is-suq rilevanti jkun ikkonċentrat ħafna u l-kompetizzjoni tkun diġà dgħajfa, b'mod partikolari minħabba l-pożizzjonijiet individwali fis-suq ta’ parteċipanti oħra fis-suq jew rabtiet bejn parteċipanti oħra fis-suq maħluqa minn akkordji ta’ speċjalizzazzjoni paralleli.

(16)

Sabiex tkun iffaċilitata l-konklużjoni ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni, li jistgħu jkollhom effett fuq l-istruttura tal-partijiet, il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament għandu jkun iffissat għal 12-il sena,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

"akkordju ta’ speċjalizzazzjoni" tfisser akkordju ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali, akkordju ta’ speċjalizzazzjoni reċiproka jew akkordju ta’ produzzjoni konġunta;

(b)

"akkordju ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali" tfisser akkordju bejn żewġ partijiet li jkunu attivi fl-istess suq ta’ prodotti li bis-saħħa tiegħu parti waħda taqbel li twaqqaf għal kollox jew parzjalment il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti jew li żżomm lura milli tipproduċi dawk il-prodotti u li tixtrihom mill-parti l-oħra, li min-naħa tagħha taqbel li tipproduċi u tforni dawk il-prodotti;

(c)

"akkordju ta’ speċjalizzazzjoni reċiproka" tfisser akkordju bejn żewġ partijiet jew aktar li jkunu attivi fl-istess suq ta’ prodotti, li bis-saħħa tiegħu żewġ partijiet jew aktar, fuq bażi reċiproka, jaqblu li jieqfu għal kollox jew parzjalment jew li jżommu lura milli jipproduċu ċerti prodotti li iżda jkunu differenti, u li jixtru dawk il-prodotti mill-partijiet l-oħra, li min-naħa tagħhom jaqblu li jipproduċuhom u li jfornuhom;

(d)

"akkordju ta’ produzzjoni konġunta" tfisser akkordju li bis-saħħa tiegħu żewġ partijiet jew aktar jaqblu li jipproduċu ċerti prodotti b'mod konġunt;

(e)

"akkordju" tfisser akkordju, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma;

(f)

"prodott" tfisser merkanzija u/jew servizz, inklużi kemm merkanzija jew servizzi intermedjarji kif ukoll merkanzija jew servizzi finali, bl-eċċezzjoni ta’ servizzi ta’ distribuzzjoni u kiri;

(g)

"produzzjoni" tfisser il-manifattura ta’ merkanzija jew il-preparazzjoni ta’ servizzi u tinkludi produzzjoni permezz ta’ subappaltar;

(h)

"preparazzjoni ta’ servizzi" tfisser l-attivitajiet upstream mill-forniment ta’ servizzi lill-klijenti;

(i)

"suq rilevanti" tfisser il-prodott rilevanti u s-suq ġeografiku li għalihom jappartjenu l-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni, u, minbarra dan, meta l-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni jkunu prodotti intermedjarji li waħda jew aktar mill-partijiet jużaw, totalment jew parzjalment, b’mod intern għall-produzzjoni ta’ prodotti downstream, il-prodott rilevanti u s-suq ġeografiku li għalihom jappartjenu l-prodotti downstream;

(j)

"prodott ta’ speċjalizzazzjoni" tfisser prodott li huwa prodott taħt akkordju ta’ speċjalizzazzjoni;

(k)

"prodott downstream" tfisser prodott li għalih prodott ta’ speċjalizzazzjoni jintuża minn parti waħda jew aktar bħala element tal-produzzjoni u li jinbiegħ minn dawk il-partijiet fis-suq;

(l)

“impriża konkorrenti” tfisser kompetitur attwali jew potenzjali;

(m)

“kompetitur attwali” tfisser impriża attiva fl-istess suq rilevanti;

(n)

"kompetitur potenzjali" tfisser impriża li, fin-nuqqas tal-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni, għal raġunijiet realistiċi u mhux sempliċement bħala possibbiltà teoretika, f'każ ta’ żieda żgħira iżda permanenti fil-prezzijiet relattivi, x’aktarx tagħmel l-investimenti addizzjonali neċessarji jew spejjeż oħra neċessarji ta’ tibdil, fi żmien mhux aktar minn tliet snin, biex tkun tista’ tidħol fis-suq rilevanti;

(o)

"obbligu ta’ forniment esklużiv" tfisser obbligu li ma tfornix lil impriża konkorrenti ħlief lil xi parti fl-akkordju bil-prodott ta’ speċjalizzazzjoni;

(p)

"obbligu ta’ xiri esklużiv" tfisser obbligu li l-prodott ta’ speċjalizzazzjoni jinxtara biss mingħand parti fl-akkordju;

(q)

"konġunt", fil-kuntest tad-distribuzzjoni, tfisser li l-partijiet:

(i)

jiddistribwixxu l-prodotti permezz ta’ tim konġunt, organizzazzjoni konġunta jew impriża konġunta, jew

(ii)

jaħtru distributur li jkun parti terza fuq bażi esklużiva jew mhux esklużiva, sakemm il-parti terza ma tkunx impriża konkorrenti;

(r)

"distribuzzjoni" tfisser distribuzzjoni, inkluż il-bejgħ ta’ merkanzija u l-forniment ta’ servizzi.

2.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini “impriża” u “parti” għandhom jinkludu l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom.

«Impriżi konnessi» tfisser:

(a)

impriżi li fihom parti fl-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni, direttament jew indirettament:

(i)

ikollha s-setgħa li teżerċita aktar minn nofs id-drittijiet tal-vot,

(ii)

ikollha s-setgħa li taħtar aktar minn nofs il-membri tal-bord ta’ superviżjoni, tal-bord ta’ tmexxija jew ta’ korpi li jirrappreżentaw lill-impriża legalment, jew

(iii)

ikollha d-dritt li tiġġestixxi l-affarijiet tal-impriża;

(b)

impriżi li direttament jew indirettament ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) fuq parti fl-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni;

(c)

impriżi li fihom impriża msemmija fil-punt (b) ikollha, direttament jew indirettament, id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(d)

impriżi li fihom parti fl-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni flimkien ma’ waħda jew aktar mill-impriżi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c), jew li fihom tnejn jew aktar mill-impriżi tal-aħħar, konġuntament ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(e)

impriżi li fihom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) ikunu miżmuma konġuntament minn:

(i)

partijiet fl-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni jew l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom imsemmija fil-punti (a) sa (d), jew

(ii)

parti waħda jew aktar fl-akkordju ta’ speċjalizzazzjoni jew impriża konnessa waħda jew aktar tagħhom imsemmija fil-punti (a) sa (d) u parti terza waħda jew aktar.

Artikolu 2

Eżenzjoni

1.   Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat u suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, huwa b'dan iddikjarat li l-Artikolu 101(1) tat-Trattat m'għandux japplika għal akkordji ta’ speċjalizzazzjoni.

Din l-eżenzjoni għandha tapplika sa fejn tali akkordji jkun fihom restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni li jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat.

2.   L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika għal akkordji ta’ speċjalizzazzjoni li jkun fihom dispożizzjonijiet li għandhom x'jaqsmu maċ-ċessjoni jew mal-liċenzjar ta’ drittijiet tal-proprjetà intellettwali lil waħda jew aktar mill-partijiet, sakemm dawk id-dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxux l-għan ewlieni ta’ tali akkordji, iżda jkollhom x'jaqsmu direttament mal-implimentazzjoni tagħhom u jkunu meħtieġa għaliha.

3.   L-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 1 għandha tapplika għal akkordji ta’ speċjalizzazzjoni li permezz tagħhom:

(a)

il-partijiet jaċċettaw obbligu ta’ xiri esklużiv jew ta’ forniment esklużiv; jew

(b)

il-partijiet ma jbigħux il-prodotti ta’ speċjalizzazzjoni b'mod indipendenti iżda jiddistribwixxu dawk il-prodotti b’mod konġunt.

Artikolu 3

Limitu tas-sehem fis-suq

L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tapplika bil-kundizzjoni li s-sehem fis-suq ikkombinat tal-partijiet ma jaqbiżx l-20 % fi kwalunkwe suq rilevanti.

Artikolu 4

Restrizzjonijiet fundamentali

L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 m'għandhiex tapplika għall-akkordji ta’ speċjalizzazzjoni li, direttament jew indirettament, waħedhom jew f'kombinazzjoni ma' fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala l-għan tagħhom xi wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

l-iffissar tal-prezzijiet meta jinbiegħu il-prodotti lil partijiet terzi bl-eċċezzjoni tal-iffissar tal-prezzijiet li jintalbu lill-klijenti immedjati fil-kuntest ta’ distribuzzjoni konġunta;

(b)

Il-limitazzjoni tal-output jew tal-bejgħ bl-eċċezzjoni ta’:

(i)

dispożizzjonijiet dwar l-ammont miftiehem ta’ prodotti fil-kuntest ta’ akkordji ta’ speċjalizzazzjoni unilaterali jew reċiproka jew l-iffissar tal-kapaċità u tal-volum ta’ produzzjoni fil-kuntest ta’ akkordju ta’ produzzjoni konġunta, u

(ii)

l-iffissar ta’ miri ta’ bejgħ fil-kuntest ta’ distribuzzjoni konġunta;

(c)

l-allokazzjoni ta’ swieq jew klijenti.

Artikolu 5

Applikazzjoni tal-limitu tas-sehem fis-suq

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu tas-sehem fis-suq previst fl-Artikolu 3, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

is-sehem fis-suq għandu jkun ikkalkulat abbażi tal-valur tal-bejgħ fis-suq; jekk dejta dwar il-valur tal-bejgħ fis-suq ma tkunx disponibbli, jistgħu jintużaw stimi bbażati fuq informazzjoni oħra tas-suq, li tkun ta’ min jafdaha, li tkun tinkludi volumi ta’ bejgħ fis-suq, sabiex jiġi stabbilit is-sehem fis-suq tal-partijiet;

(b)

is-sehem fis-suq għandu jiġi kkalkulat abbażi ta’ dejta relattiva għas-sena kalendarja preċedenti;

(c)

is-sehem fis-suq miżmum mill-impriżi msemmija fil-punt (e) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) għandu jitqassam b’mod indaqs lil kull impriża li jkollha d-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) ta’ dak is-subparagrafu;

(d)

jekk is-sehem fis-suq imsemmi fl-Artikolu 3 inizjalment ma jkunx aktar minn 20 % iżda sussegwentement jitla' 'l fuq minn dak il-livell mingħajr ma jaqbeż il-25 %, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta’ sentejn kalendarji konsekuttivi wara s-sena li fiha jkun inqabeż għall-ewwel darba l-limitu ta’ 20 %;

(e)

jekk is-sehem fis-suq imsemmi fl-Artikolu 3 inizjalment ma jkunx aktar minn 20 % iżda sussegwentement jitla' 'l fuq minn 25 %, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta’ sena kalendarja wara s-sena li fiha jkun inqabeż għall-ewwel darba l-livell ta’ 25 %;

(f)

il-benefiċċju tal-punti (d) u (e) ma jistax jiġi magħqud sabiex jaqbeż perjodu ta’ sentejn kalendarji.

Artikolu 6

Perjodu tranżitorju

Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat m'għandhiex tapplika fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2012 fir-rigward ta’ akkordji li diġà jkunu fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 2010 li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti f'dan ir-Regolament iżda li jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 2658/2000.

Artikolu 7

Perjodu ta’ validità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2011.

Għandu jiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Diċembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 285, 29.12.1971, p. 46.

(*1)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 81 tat-Trattat KE sar l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”). Iż-żewġ Artikoli huma essenzjalment identiċi. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, referenzi għall-Artikolu 101 tat-TFUE għandhom, fejn xieraq, jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikolu 81 tat-Trattat KE. It-TFUE introduċa wkoll ċerti tibdiliet fit-terminoloġija, bħas-sostituzzjoni ta’ “Komunità” b’“Unjoni” u “suq komuni” b’“suq intern”. It-terminoloġija tat-TFUE se tintuża tul dan ir-Regolament.

(2)  ĠU L 304, 5.12.2000, p. 3.

(3)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.