11.12.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 327/13 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1169/2010
tal-10 ta' Diċembru 2010
dwar metodu komuni ta' sikurezza għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni tas-sikurezza ferrovjarja
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2004/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 fuq is-sigurtà tal-linji tal-ferrovija tal-Komunità u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 95/18/KE fuq l-għoti tal-liċenzi tal-impriżi tal-linji tal-ferrovija u d-Direttiva 2001/14/KE fuq l-allokazzjoni tal-kapaċità tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u l-intaxxar tal-piżijiet għall-użu tal-infrastruttura tal-linji tal-ferrovija u ċ-ċertifikazzjoni tas-sigurtà (Id-Direttiva tas-Sigurtà tal-Linji tal-Ferrovija) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1)tagħha,
Wara li kkunsidrat ir-Rakkomandazzjoni ERA/REC/SAF/09-2009 mill-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea, li kienet ikkonsenjata lill-Kummissjoni fit-18 ta' Settembru 2009, dwar metodu komuni ta' sikurezza (CSM) għall-valutazzjoni tal-konformità,
Billi:
(1) |
L-iskop ta' dan il-metodu komuni ta' sikurezza (CSM) li għandu jiġi stabbilit huwa li jipprovdi qafas għall-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza (awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza) sabiex jarmonizzaw il-kriterji tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħhom mal-Unjoni kollha, skont l-Artikolu 17(4) tad-Direttiva 2004/49/KE. Dan jagħti l-possibbiltà lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza biex jivvalutaw il-konformità mar-rekwiżiti kollha b' mod uniformi. |
(2) |
Is-CSM għandu jinkludi r-rekwiżiti u l-metodi ta' valutazzjoni armonizzati kollha sabiex l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jkunu jistgħu joħorġu lill-amministratur tal-infrastruttura awtorizzazzjoni tas-sikurezza li tkopri l-adegwatezza tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza b’mod ġenerali u kwalunkwe awtorizzazzjoni speċifika għan-netwerk. Barra minn hekk, huwa probabbli li l-amministratur tal-infrastruttura se japplika għall-parti speċifika għan-netwerk tal-awtorizzazzjoni fl-istess ħin hekk kif japplika għal awtorizzazzjoni ġenerali bbażata fuq is-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza tiegħu. |
(3) |
L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jivvalutaw il-ħila ta' amministratur tal-infrastruttura sabiex ikun konformi mar-rekwiżiti kollha mitluba ħalli jopera b’mod ġenerali u fuq in-netwerk speċifiku li għalih qed ifittex awtorizzazzjoni billi jivvalutaw is-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza tiegħu fuq il-livell ta' sistema ta' ġestjoni fuq livell globali. |
(4) |
Kull awtorità tas-sikurezza nazzjonali jeħtieġ li tistabbilixxi arranġamenti sabiex teżamina jekk ir-riżultati deskritti fil-qosor fl-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sikurezza hux qed jirriżultaw tassew waqt it-tħaddim, wara li tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni, u jekk hemmx konformità fuq bażi kontinwa mar-rekwiżiti kollha meħtieġa, kif inhu mitlub mill-Artikolu 16(2)(f) u mill-Artikolu 17(2) tad-Direttiva2004/49/KE. Dan għalhekk jirrikjedi l-iżvilupp ta' sistema ta' superviżjoni għal wara l-għoti bbażata fuq prinċipji fundamentali ewlenin sabiex ikun żgurat approċċ armonizzat mill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza f’kull Stat Membru individwali. |
(5) |
Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat li ġie stabbilit skont l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/49/KE, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi metodu komuni ta' sikurezza (CSM) għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti sabiex tinkiseb awtorizzazzjoni tas-sikurezza kif imsemmi fl-Artikolu 6(3)(b) tad-Direttiva 2004/49/KE.
Is-CSM jinkludi:
(a) |
proċedura u kriterji għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza mill-amministraturi tal-infrastruttura, kif imsemmi fl-Artikolu 11(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2004/49/KE, kif inhu stabbilit fl-Annessi I u II għal dan ir-Regolament, |
(b) |
prinċipji għas-superviżjoni tal-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2004/49/KE wara li l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tkun tat l-awtorizzazzjoni, kif inhu stabbilit fl-Anness III għal dan ir-Regolament. |
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizzjoni li ġejja għandha tapplika:
“superviżjoni” tfisser l-arranġamenti stabbiliti mill-awtorità nazzjonali tas-sikurezza sabiex tissorvelja l-prestazzjoni tas-sikurezza wara li tkun tat awtorizzazzjoni tas-sikurezza.
Artikolu 3
Proċeduri għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet
1. Meta jeżaminaw applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza mressqa wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom japplikaw il-proċedura stabbilita fl-Anness I għal dan ir-Regolament għall-valutazzjoni tal-konformità tagħhom mar-rekwiżiti fid-Direttiva 2004/49/KE. L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jużaw ukoll il-kriterji ta' valutazzjoni stabbiliti fl-Anness II għal dan ir-Regolament.
2. Waqt il-valutazzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jistgħu jaċċettaw impenji mill-applikanti li se jiġġestixxu r-riskji permezz tal-użu ta' kuntratti ma' partijiet terzi. Il-kuntratti għandhom jispeċifikaw ukoll l-iskambju ta' informazzjoni meħtieġa sabiex ikun żgurat it-tħaddim sikur tal-vetturi, speċjalment f’oqsma relatati mal-ġestjoni tal-manutenzjoni.
3. Għandu jkun preżunt li l-prodotti jew is-servizzi pprovduti mill-kuntratturi jew mill-fornituri lill-amministraturi tal-infrastruttura jkunu konformi mar-rekwiżiti tas-sikurezza jekk il-kuntratturi, il-fornituri jew il-prodotti jkunu ċċertifikati skont l-iskemi ta' ċertifikazzjoni rilevanti, stabbiliti skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, għall-provvista ta' prodotti u ta' servizzi ta' din ix-xorta.
Artikolu 4
Superviżjoni
Wara li jagħtu awtorizzazzjoni tas-sikurezza, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jissuperviżjonaw l-applikazzjoni kontinwata min-naħa tal-amministraturi tal-infrastruttura tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza tagħhom u għandhom japplikaw il-prinċipji għas-superviżjoni stabbiliti fl-Anness III għal dan ir-Regolament.
Artikolu 5
Dħul fis-Seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Diċembru 2010.
Għall-Kummissjoni
Il-President
José Manuel BARROSO
(1) ĠU L 164, 30.4.2004, p. 44.
ANNESS I
Proċedura għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti sabiex jinkisbu awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza li għandhom jinħarġu skont l-Artikolu 11(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2004/49/KE
1. Il-proċeduri li awtorità nazzjonali tas-sikurezza (awtorità nazzjonali tas-sikurezza) tistabbilixxi sabiex tirċievi u tivvaluta l-applikazzjonijiet u sabiex tagħti awtorizzazzjoni tas-sikurezza għandhom ikunu msejsa fuq il-prinċipji ta' qafas li ġejjin.
(a) L-istabbiliment u l-eżami tal-proċess ta' valutazzjoni
L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jiżviluppaw proċessi strutturati u verifikabbli li għandhom jitwettqu minn persuni li jkunu kompetenti b’mod xieraq. Huma għandhom jiskrutinaw l-applikazzjonijiet skont il-kriterji ta' valutazzjoni għas-sistemi ta' ġestjoni tas-sikurezza stabbiliti fl-Anness II. Huma għandhom jirreġistraw u jagħtu raġunijiet għad-deċiżjonijiet kollha. Il-proċess globali ta' valutazzjoni tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandu jiġi perjodikament eżaminat internament u għandu jittejjeb kontinwament sabiex ikunu żgurati l-effikaċja u l-effiċjenza kontinwati tiegħu.
(b) Il-kwalità tal-proċess ta' valutazzjoni
L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jimmonitorjaw il-kwalità tal-prestazzjoni tagħhom fi stadji ewlenin fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza.
(c) L-ambitu tal-valutazzjoni
Il-valutazzjoni għandha tkun fuq il-livell ta' sistema ta' ġestjoni u għandha tkun xprunata mill-proċessi. Fejn l-iskrutinju jiżvela nuqqasijiet, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tista’ teżerċita diskrezzjoni u, jiddependi min-natura u mis-serjetà tan-nuqqas ta' konformità, għandha tiddeskrivi fil-qosor il-punti li jeħtieġ li jittejbu. Fl-aħħar nett, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha teżerċita s-setgħa tagħha biex tiċħad applikazzjoni.
Il-valutazzjoni għandha tkun:
— |
adattata għar-riskji, għan-natura u għall-firxa ta' operazzjonijiet tal-applikant; |
— |
ibbażata fuq ġudizzji tal-ħila globali tal-amministratur tal-infrastruttura li jopera b’mod sikur kif inhu deskritt fis-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza tiegħu. |
(d) Iż-żmien meta ssir il-valutazzjoni
L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom ilestu l-valutazzjoni fiż-żmien mitlub mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/49/KE filwaqt li jiżguraw irwieħhom li l-evidenza pprovduta mill-applikant tiġi eżaminata b’mod suffiċjenti. L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tinforma lill-amministraturi tal-infrastruttura bil-kwistjonijiet li l-iktar li jqajmu tħassib kemm jista’ jkun kmieni mil-lat prattiku waqt il-fażi tal-valutazzjoni.
(e) It-teħid tad-deċiżjonijiet waqt il-valutazzjoni
Deċiżjoni biex applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tas-sikurezza tiġi aċċettata jew miċħuda għandha tkun ibbażata fuq l-evidenza pprovduta mill-applikant u fuq jekk intwerietx jew le konformità mar-rekwiżiti rilevanti.
2. L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tivvaluta jekk is-sommarju mehmuż tal-manwal tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza jippermettix ġudizzju inizjali dwar il-kwalità ta' u dwar kemm hija xierqa s-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza u għandha tiddeċieda f’liema oqsma hija meħtieġa iktar informazzjoni. L-awtorità nazzjonali tas-sikurezza tista’, bħala parti minn din it-talba għal iktar informazzjoni, tfittex kemm jista’ jkun informazzjoni dettaljata daqskemm tqis li huwa raġonevolment meħtieġ sabiex tgħin il-valutazzjoni tal-applikazzjoni tagħha.
3. Meta tingħata awtorizzazzjoni tas-sikurezza, il-konformità tas-sistema ta' ġestjoni tas-sikurezza tal-applikant mal-kriterji tal-valutazzjoni għandha tkun iddokumentata b’relazzjoni għal kull kriterju ta' valutazzjoni.
4. Meta jiġi identifikat punt dubjuż jew nuqqas ta' konformità possibbli, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tkun speċifika u għandha tgħin lill-applikant jifhem il-livell ta' dettall mistenni fir-risposta. Biex tagħmel dan, hija għandha:
a. |
tirreferi akkuratament għall-kriterji rilevanti u għandha tiżgura ruħha li l-applikant fehem b’mod ċar l-oqsma tan-nuqqas ta' konformità identifikati; |
b. |
tidentifika l-parti rilevanti tar-regolamenti, tar-regoli u tal-istandards relatati; |
c. |
tiddikjara għaliex il-kriterju ta' valutazzjoni ma ġiex sodisfatt; |
d. |
tiftiehem dwar iktar impenji, informazzjoni u kwalunkwe evidenza ta' sostenn li għandhom ikunu pprovduti, kif inhu mitlub mil-livell ta' dettall tal-kriterju, u għandha tispeċifika kemm l-azzjoni mitluba mill-applikant sabiex jiġi rrettifikat in-nuqqas kif ukoll il-perjodu ta' żmien għall-konformità; |
e. |
tispeċifika l-oqsma li jistgħu jkunu suġġetti għal iktar skrutinju permezz ta' superviżjoni wara l-għoti tal-awtorizzazzjoni. |
ANNESS II
Kriterji għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti sabiex jinkisbu awtorizzazzjonijiet tas-sikurezza li għandhom jinħarġu skont l-Artikolu 11(1)(a) u (b) tad-Direttiva 2004/49/KE
A. MIŻURI TA’ KONTROLL TAR-RISKJI GĦAR-RISKJI KOLLHA ASSOĊJATI MAL-ATTIVITÀ TAL-AMMINISTRATUR TAL-INFRASTRUTTURA (1)
A.1 |
Hemm proċeduri stabbiliti sabiex ikunu identifikati r-riskji assoċjati mal-operazzjonijiet ferrovjarji, inklużi dawk li jirriżultaw direttament minn attivitajiet ta’ xogħol, mid-disinn tal-impjieg jew mill-ammont ta’ xogħol u mill-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet/persuni oħrajn. |
A.2 |
Hemm proċeduri stabbiliti sabiex ikunu żviluppati u stabbiliti miżuri ta’ kontroll tar-riskji. |
A.3 |
Hemm proċeduri stabbiliti sabiex tkun immonitorjata l-effikaċja tal-arranġamenti għall-kontroll tar-riskji u sabiex ikunu implimentati bidliet, meta dan ikun mitlub. |
A.4 |
Hemm proċeduri stabbiliti sabiex tkun rikonoxxuta l-ħtieġa li jkun hemm ħidma flimkien ma’ entitajiet oħrajn (bħall-impriżi ferrovjarji, il-manifattur, il-fornitur tal-manutenzjoni, l-entità responsabbli għall-manutenzjoni, il-gwardjan tal-vetturi ferrovjarji, il-fornitur tas-servizzi, u l-entità tal-akkwist), fejn ikun xieraq, rigward kwistjonijiet fejn għandhom interfaċi kondiviżi li huwa probabbli li jaffetwaw l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ kontroll tar-riskji adegwati skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2004/49/KE. |
A.5 |
Hemm proċeduri għal dokumentazzjoni u għal komunikazzjoni miftiehma mal-entitajiet rilevanti, inklużi l-identifikazzjoni tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet ta’ kull organizzazzjoni parteċipanti u l-ispeċifikazzjonijiet għall-iskambji ta’ informazzjoni. |
A.6 |
Hemm proċeduri sabiex tkun immonitorjata l-effikaċja ta’ dawn l-arranġamenti u sabiex ikunu implimentati bidliet meta dan ikun mitlub. |
B. KONTROLL TAR-RISKJI RELATAT MAL-PROVVISTA TAL-MANUTENZJONI U TAL-MATERJAL (2)
B.1 |
Hemm proċeduri sabiex mid-dejta dwar is-sikurezza jkunu derivati rekwiżiti/standards/proċessi ta’ manutenzjoni. |
B.2 |
Hemm proċeduri sabiex l-intervalli ta’ manutenzjoni jkunu adattati skont it-tip u l-firxa ta’ servizz imwettaq. |
B.3 |
Hemm proċeduri sabiex ikun żgurat li r-responsabbiltà għall-manutenzjoni tkun iddefinita b’mod ċar ħalli jkunu identifikati l-kompetenzi mitluba għall-karigi tal-manutenzjoni u sabiex ikunu allokati l-livelli xierqa ta’ responsabbiltà. |
B.4 |
Hemm proċeduri sabiex tinġabar informazzjoni dwar il-ħsarat u d-difetti li jirriżultaw mit-tħaddim ta’ kuljum u sabiex dawn ikunu rrapportati lil dawk responsabbli għall-manutenzjoni. |
B.5 |
Hemm proċeduri sabiex ikunu identifikati u rrapportati r-riskji li jirriżultaw minn difetti u minn nuqqasijiet ta’ konformità jew minn ħsarat fil-kostruzzjoni matul iċ-ċiklu ta’ ħajja kollu lill-partijiet interessati. |
B.6 |
Hemm proċeduri sabiex ikunu vverifikati u kkontrollati l-prestazzjoni u r-riżultati tal-manutenzjoni ħalli jkun żgurat li dawn ikunu konformi mal-istandards korporattivi. |
C. KONTROLL TAR-RISKJI RELATAT MAL-UŻU TAL-KUNTRATTURI U MAL-KONTROLL TAL-FORNITURI (3)
C.1 |
Hemm proċeduri sabiex tkun ivverifikata l-kompetenza tal-kuntratturi (inklużi s-subkuntratturi) u tal-fornituri. |
C.2 |
Hemm proċeduri sabiex ikunu vverifikati u kkontrollati l-prestazzjoni tas-sikurezza u r-riżultati tas-servizzi u tal-prodotti kkuntrattati kollha pprovduti jew mill-kuntrattur jew mill-fornitur sabiex ikun żgurat li dawn ikunu konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fil-kuntratt. |
C.3 |
Ir-responsabbiltajiet u l-kompiti relatati ma’ kwistjonijiet dwar is-sikurezza ferrovjarja huma ddefiniti, magħrufa u allokati b’mod ċar bejn is-sħab kontraenti u fost il-partijiet interessati l-oħra kollha. |
C.4 |
Hemm proċeduri sabiex tkun żgurata t-traċċabbiltà tad-dokumenti u tal-kuntratti relatati mas-sikurezza. |
C.5 |
Hemm proċeduri sabiex ikun żgurat li l-kompiti tas-sikurezza, inkluż l-iskambju tal-informazzjoni relatata mas-sikurezza, jitwettqu mill-kuntratturi jew mill-fornitur skont ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti fil-kuntratt. |
D. RISKJI LI JIRRIŻULTAW MILL-ATTIVITAJIET TA’ PARTIJIET OĦRAJN ESTERNI GĦAS-SISTEMA FERROVJARJA (4)
D.1 |
Hemm proċeduri sabiex jiġu identifikati r-riskji potenzjali minn partijiet esterni għas-sistema ferrovjarja fejn dan ikun xieraq u raġonevoli. |
D.2 |
Hemm proċeduri sabiex ikunu stabbiliti miżuri ta’ kontroll ħalli jitaffew ir-riskji identifikati taħt D1 sa fejn għandhom x’jaqsmu r-responsabbiltajiet tal-applikant. |
D.3 |
Hemm proċeduri sabiex tkun immonitorjata l-effikaċja tal-miżuri identifikati taħt D2 u sabiex jiġu implementati bidliet fejn ikun xieraq. |
E. DOKUMENTAZZJONI TAS-SISTEMA TA’ ĠESTJONI TAS-SIKUREZZA
E.1 |
Hemm deskrizzjoni tal-attività li tiċċara t-tip, il-firxa u r-riskju tal-operazzjoni. |
E.2 |
Hemm deskrizzjoni tal-istruttura tas-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza, inkluża l-allokazzjoni tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet. |
E.3 |
Hemm deskrizzjoni tal-proċeduri tas-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza, mitluba mill-Artikolu 9 u mill-Anness III tad-Direttiva 2004/49/KE, konsistenti mat-tip u mal-firxa ta’ servizzi operati. |
E.4 |
Il-proċessi u l-kompiti kritiċi għas-sikurezza li jkunu rilevanti għat-tip ta’ attività/servizz huma elenkati u deskritti fil-qosor. |
F. DISTRIBUZZJONI TAR-RESPONSABBILTAJIET (5)
F.1 |
Hemm deskrizzjoni ta’ kif tkun żgurata l-koordinazzjoni tal-attivitajiet tas-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza fl-organizzazzjoni kollha, fuq il-bażi ta’ għarfien ipprovat u tar-responsabbiltà ewlenija fuq il-livell maniġerjali. |
F.2 |
Hemm proċeduri sabiex ikun żgurat li l-persunal b’responsabbiltajiet iddelegati fi ħdan l-organizzazzjoni jkollu l-awtorità, il-kompetenza u r-riżorsi xierqa sabiex jaqdi dmiru. |
F.3 |
L-oqsma ta’ responsabbiltà relatati mas-sikurezza u d-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet lil funzjonijiet speċifiċi assoċjati magħhom, flimkien mal-interfaċi tagħhom, huma ddefiniti b’mod ċar. |
F.4 |
Hemm proċedura sabiex ikun żgurat li l-kompiti tas-sikurezza huma ddefiniti b’mod ċar u huma ddelegati lil persunal b’kompetenza xierqa. |
G. IKUN ŻGURAT IL-KONTROLL MILL-MANIĠMENT FUQ LIVELLI DIFFERENTI (6)
G.1 |
Hemm deskrizzjoni ta’ kif jiġu allokati r-responsabbiltajiet għal kull proċess relatat mas-sikurezza fl-organizzazzjoni kollha. |
G.2 |
Hemm proċedura għal monitoraġġ regolari tal-prestazzjoni tal-kompiti żgurata mill-katina tal-linja maniġerjali li trid tidħol fis-seħħ jekk il-kompiti mhux qed jitwettqu b’mod xieraq. |
G.3 |
Hemm proċeduri sabiex ikun identifikat u ġestit l-impatt ta’ attivitajiet oħrajn ta’ ġestjoni fuq is-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza. |
G.4 |
Hemm proċeduri sabiex dawk li għandhom rwol fil-ġestjoni tas-sikurezza jinżammu responsabbli għall-prestazzjoni tagħhom. |
G.5 |
Hemm proċeduri sabiex ikunu allokati riżorsi ħalli jiġu assenjati l-kompiti skont is-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza. |
H. L-INVOLMENT TAL-PERSUNAL U TAR-RAPPREŻENTANTI TAGĦHOM FUQ IL-LIVELLI KOLLHA (7)
H.1 |
Hemm proċeduri stabbiliti sabiex ikun żgurat li l-persunal u r-rappreżentanti tal-persunal ikunu rrappreżentati u kkonsultatati b’mod adegwat fid-definizzjoni, fil-proposta, fl-eżami u fl-iżvilupp tal-aspetti tas-sikurezza tal-proċeduri operattivi li jistgħu jinvolvu lill-persunal. |
H.2 |
L-involviment tal-persunal u l-arranġamenti għall-konsultazzjonijiet mal-persunal huma ddokumentati. |
I. IKUN ŻGURAT TITJIB KONTINWU (8)
Hemm proċeduri stabbiliti sabiex ikun żgurat, fejn dan ikun raġonevolment prattikabbli, it-titjib kontinwu tas-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza; dawn għandhom jinkludu:
(a) |
proċeduri għal reviżjonijiet perjodiċi tas-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza, kif jinstab li jkun meħtieġ |
(b) |
proċeduri għad-deskrizzjoni ta’ arranġamenti sabiex tkun immonitorjata u analizzata d-dejta dwar is-sikurezza rilevanti |
(c) |
proċeduri għad-deskrizzjoni ta’ kif in-nuqqasijiet identifikati jiġu rrettifikati |
(d) |
proċeduri għad-deskrizzjoni tal-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda dwar il-ġestjoni tas-sikurezza bbażati fuq l-iżvilupp u fuq it-tagħlim miksub. |
(e) |
proċeduri għad-deskrizzjoni ta’ kif is-sejbiet tal-verifiki interni jintużaw sabiex jagħtu lok għal titjib fis-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza. |
J. POLITIKA TAS-SIKUREZZA APPROVATA MILL-KAP EŻEKUTTIV TAL-ORGANIZZAZZJONI U KKOMUNIKATA LILL-PERSUNAL KOLLU (9)
Jeżisti dokument li jiddeskrivi l-politika tas-sikurezza tal-organizzazzjoni u huwa:
(a) |
ikkomunikat u mqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persunal kollu, eż. permezz tal-intranet tal-organizzazzjoni; |
(b) |
adattat għat-tip u għall-firxa ta’ servizz; |
(c) |
approvat mill-kap eżekuttiv tal-organizzazzjoni. |
K. MIRI KWALITATTIVI U KWANTITTATIVI tal-organizzazzjoni SABIEX TINŻAMM U TITTEJJEB IS-SIKUREZZA, U L-PJANIJIET U L-PROĊEDURI SABIEX JINTLAĦQU DAWN IL-MIRI (10)
K.1 |
Hemm proċeduri sabiex ikunu ddeterminati l-miri tas-sikurezza rilevanti f’konformità mal-qafas legali, u hemm dokument li jiddikjara x’inhuma dawn il-miri. |
K.2 |
Hemm proċeduri sabiex ikunu ddeterminati l-miri tas-sikurezza rilevanti li huma konsistenti mat-tip u mal-firxa tal-operazzjonijiet ferrovjarji koperti u mar-riskji rilevanti. |
K.3 |
Hemm proċeduri sabiex il-prestazzjoni globali tas-sikurezza, b’relazzjoni għall-miri korporattivi tas-sikurezza tagħha u għal dawk stabbiliti fuq il-livell tal-Istat Membru, tkun ivvalutata b’mod regolari. |
K.4 |
Hemm proċeduri stabbiliti sabiex l-arranġamenti operattivi jiġu mmonitorjati u rriveduti b’mod regolari billi:
|
K.5 |
Hemm proċeduri stabbiliti mill-amministratur tal-infrastruttura sabiex jiġu żviluppati pjanijiet u proċeduri ħalli jintlaħqu l-miri tiegħu. |
L. PROĊEDURI SABIEX JINTLAĦQU L-ISTANDARDS TEKNIĊI U OPERATTIVI EŻISTENTI, ĠODDA U MIBDULA JEW KUNDIZZJONIJIET PRESKRITTIVI OĦRAJN (11)
L.1. |
Għar-rekwiżiti relatati mas-sikurezza li jkunu rilevanti għat-tip u għall-firxa tal-operazzjonijiet, hemm proċeduri sabiex:
|
L.2 |
Hemm proċeduri stabbiliti sabiex ikun żgurat li l-persunal, il-proċeduri, id-dokumenti speċifiċi, it-tagħmir u l-vetturi ferrovjarji t-tajbin jintużaw għall-iskop maħsub. |
L.3 |
Is-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza għandha proċeduri stabbiliti sabiex ikun żgurat li l-manutenzjoni titwettaq skont ir-rekwiżiti rilevanti. |
M. PROĊEDURI U METODI BIEX TITWETTAQ EVALWAZZJONI TAR-RISKJI U BIEX JIĠU IMPLIMENTATI MIŻURI TA’ KONTROLL TAR-RISKJI KULL DARBA LI BIDLA FIL-KUNDIZZJONIJIET OPERATTIVI JEW MATERJAL ĠDID TIMPONI RISKJI ĠODDA FUQ L-INRASTRUTTUTURA JEW FUQ IT-TĦADDIM (12)
M.1 |
Hemm proċeduri ta’ ġestjoni għal bidliet fit-tagħmir, fil-proċeduri, fl-organizzazzjoni, fil-persunal jew fl-interfaċi. |
M.2 |
Hemm proċeduri ta’ valutazzjoni tar-riskji sabiex ikunu ġestiti l-bidliet u sabiex ikun applikat is-CSM dwar l-evalwazzjoni u l-valutazzjoni tar-riskji kif isemmi fl-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 352/2009 (13) meta mitlub. |
M.3 |
Hemm proċeduri stabbiliti sabiex ir-riżultati tal-valutazzjoni tar-riskji jiġu alimentati fi proċessi oħrajn fi ħdan l-organizzazzjoni u sabiex ikunu viżibbli għall-persunal rilevanti. |
N. PROVVISTA TA’ PROGRAMMI U TA’ SISTEMI TA’ TAĦRIĠ GĦALL-PERSUNAL SABIEX IKUN ŻGURAT LI L-KOMPETENZA TAL-PERSUNAL TINŻAMM AĠĠORNATA U L-KOMPITI JITWETTQU SKONT DAN (14)
N.1 |
Hemm sistema ta’ ġestjoni tal-kompetenzi li tinkludi, mill-inqas:
|
N.2 |
Hemm proċeduri fi ħdan is-sistema ta’ ġestjoni tal-kompetenzi li jipprovdu għal:
|
O. ARRANĠAMENTI GĦALL-PROVVISTA TA’ INFORMAZZJONI SUFFIĊJENTI FI ĦDAN L-ORGANIZZAZZJONI U, FEJN IKUN XIERAQ, BEJN L-ORGANIZZAZZJONIJIET LI JOPERAW FUQ L-ISTESS INFRASTRUTTURA (15)
O.1 |
Hemm proċeduri sabiex ikun żgurat li:
|
O.2 |
Hemm proċeduri sabiex ikun żgurat li:
|
O.3 |
Hemm arranġamenti stabbiliti għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni bejn l-amministratur tal-infrastruttura u impriżi ferrovjarji oħrajn. |
P. PROĊEDURI U FORMATI BIEX TKUN IDDOKUMENTATA L-INFORMAZZJONI DWAR IS-SIKUREZZA U L-ISPEĊIFIKAZZJONI TA’ PROĊEDURA GĦALL-KONTROLL TAL-KONFIGURAZZJONI TA’ INFORMAZZJONI VITALI DWAR IS-SIKUREZZA (16)
P.1 |
Hemm proċeduri sabiex ikun żgurat li l-informazzjoni kollha rilevanti dwar is-sikurezza tkun korretta, kompluta, konsistenti, tinftiehem faċilment, tiġi aġġornata b’mod xieraq u ddokumentata kif suppost. |
P.2 |
Hemm proċeduri sabiex:
|
P.3 |
Hemm proċedura għall-kontroll tal-konfigurazzjoni ta’ informazzjoni vitali dwar is-sikurezza. |
Q. PROĊEDURI SABIEX IKUN ŻGURAT LI L-AĊĊIDENTI, L-INĊIDENTI, IL-KWAŻI INĊIDENTI U OKKORRENZI PERIKOLUŻI OĦRAJN JIĠU RRAPPORTATI, INVESTIGATI U ANALIZZATI U LI JITTIEĦDU L-MIŻURI PREVENTIVI MEĦTIEĠA (17)
Q.1 |
Hemm proċeduri sabiex ikun żgurat li l-aċċidenti, l-inċidenti, il-kważi inċidenti u okkorrenzi perikolużi oħrajn:
|
Q.2 |
Hemm proċeduri sabiex ikun żgurat li:
|
Q.3 |
Hemm proċeduri sabiex l-informazzjoni rilevanti relatata mal-investigazzjoni u mal-kawżi tal-aċċidenti, tal-inċidenti, tal-kważi inċidenti u ta’ okkorrenzi perikolużi oħrajn tintuża ħalli tinkiseb tagħlima u, fejn ikun mitlub, ħalli jkunu adottati miżuri preventivi. |
R. PROVVISTA TA’ PJANIJIET GĦAL AZZJONI U TWISSIJIET U INFORMAZZJONI F’KAŻ TA’ EMERĠENZA, MIFTIEHMA MAL-AWTORITAJIET PUBBLIĊI XIERQA (18)
R.1 |
Dokument jidentifika t-tipi kollha ta’ emerġenza, inklużi l-operazzjonijiet iddegradati, u hemm proċeduri stabbiliti sabiex ikunu identifikati dawk ġodda. |
R.2 |
Hemm proċeduri stabbiliti sabiex ikun żgurat li, għal kull tip ta’ emerġenza identifikata:
|
R.3 |
Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-partijiet kollha huma identifikati u stabbiliti f’dokument. |
R.4 |
Jeżistu pjanijiet għal azzjoni, twissijiet u informazzjoni u jinkludu:
|
R.5 |
Hemm dokument li jiddeskrivi kif ġew allokati r-riżorsi u l-mezzi u kif ġew identifikati r-rekwiżiti tat-taħriġ. |
R.6 |
Hemm proċeduri stabbiliti sabiex il-kundizzjonijiet operattivi normali jerġgħu jiġu stabbiliti mill-iktar fis possibbli. |
R.7 |
Hemm proċeduri għall-ittestjar tal-pjanijiet ta’ emerġenza f’kooperazzjoni ma’ partijiet oħrajn sabiex il-persunal jiġi mħarreġ, jiġu ttestjati l-proċeduri, jiġu identifikati l-punti dgħajfa u jiġi vverifikat kif jiġu ġestititi sitwazzjonijiet ta’ emerġenza potenzjali. |
R.8 |
Hemm proċeduri stabbiliti sabiex il-pjanijiet ta’ emerġenza jkunu kkoordinati mal-impriżi ferrovjarji li joperaw fuq l-infrastruttura tal-organizzazzjoni u kwalunkwe infrastruttura oħra li magħha jkun hemm interfaċa. |
R.9 |
Hemm arranġamenti stabbiliti sabiex l-operazzjonijiet u t-traffiku ferrovjarju jitwaqqfu fil-pront, jekk ikun meħtieġ, u sabiex il-partijiet interessati kollha jkunu informati bl-azzjoni meħuda. |
S. DISPOŻIZZJONIJIET GĦAL VERIFIKI INTERNI RIKORRENTI TAS-SISTEMA TA’ ĠESTJONI TAS-SIKUREZZA (19)
S.1 |
Hemm sistema ta’ verifiki interni li hija indipendenti u imparzjali u li taġixxi b’mod trasparenti. |
S.2 |
Hemm skeda ta’ verifiki interni ppjanati li tista’ tiġi rriveduta jiddependi mir-riżultati tal-verifiki preċedenti u mill-monitoraġġ tal-prestazzjoni. |
S.3 |
Hemm proċeduri stabbiliti sabiex ikunu identifikati u magħżula awdituri li jkunu kompetenti b’mod xieraq. |
S.4 |
Hemm proċeduri stabbiliti sabiex:
|
S.5 |
Hemm proċeduri sabiex ikun żgurat li l-livelli ta’ grad għoli tal-katina maniġerjali jkunu jafu bir-riżultati tal-verifiki u jieħdu r-responsabbiltà globali għall-implimentazzjoni tal-bidliet fis-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza. |
S.6 |
Hemm dokument li juri kif il-verifiki huma ppjanati b’relazzjoni għall-arranġamenti ta’ monitoraġġ ta’ rutina sabiex tkun żgurata konformità mal-proċeduri u mal-istandards interni. |
T. DISINN SIKUR TAL-INFRASTRUTTURA FERROVJARJA (20)
T.1 |
Hemm proċeduri sabiex ikun żgurat id-disinn sikur tal-infrastruttura matul iċ-ċiklu ta’ ħajja kollu tal-infrastruttura, li jkopri d-disinn u l-installazzjoni. |
T.2 |
Hemm proċeduri li jikkunsidraw il-bidla teknika tal-infrastruttura u l-ġestjoni ta’ dik il-bidla. |
T.3 |
Hemm proċeduri li juru li r-regoli rilevanti li jkopru d-disinn tal-infrastruttura u kwalunkwe metodu ta’ sikurezza nazzjonali ġew identifikati u li l-applikant jista’ jkun konformi magħhom. |
U. TĦADDIM SIKUR TAL-INFRASTRUTTURA (21)
U.1 |
Hemm proċeduri sabiex ikun żgurat li l-infrastruttura tiġi ġestita u operata b’mod sikur, billi jiġu kkunsidrati l-għadd, it-tip u l-firxa ta’ operaturi li jiġġestixxu servizzi fuq in-netwerk, inklużi l-interazzjonijiet kollha meħtieġa, jiddependi mill-kumplessità tal-operazzjoni. |
U.2 |
Hemm proċeduri li juru kif tiġi ġestita s-sikurezza fuq il-fruntieri fiżiċi u/jew operattivi tal-infrastruttura. |
U.3 |
Hemm proċeduri li juru kif jiġu ġestiti kooperazzjoni u koordinazzjoni effettivi, kemm f’sitwazzjonijiet normali kif ukoll f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza. |
U.4 |
Hemm proċeduri li juru li r-regoli li jkopru t-tħaddim sikur u l-ġestjoni tal-interfaċi tal-infrastruttura/vetturi ġew identifikati u li l-applikant jista’ jkun konformi magħhom. |
V. PROVVISTA TA’ MANUTENZJONI U TA’ MATERJAL (22)
V.1 |
Hemm proċeduri sabiex ikun żgurat li l-manutenzjoni tal-infrastruttura titwettaq b’mod sikur, inklużi kontroll ċar tal-ġestjoni u verifika u spezzjoni ddokumentati. |
V.2 |
Hemm proċeduri li jiżguraw li l-manutenzjoni tal-infrastruttura tissodisfa l-ħtiġijiet speċifiċi tan-netwerk. |
V.3 |
Hemm proċeduri li juru li r-regoli li jkopru l-provvista tal-manutenzjoni u tal-materjal ġew identifikati u li l-applikant jista’ jkun konformi magħhom. |
W. MANUTENZJONI U TĦADDIM TAS-SISTEMA TA’ KONTROLL U TA’ SINJALAZZJONI TAT-TRAFFIKU (23)
W.1 |
Hemm proċeduri sabiex ikun żgurat li s-sistema ta’ kontroll u ta’ sinjalazzjoni tat-traffiku tiġi operata u tinżamm f’kundizzjoni tajba sabiex ikun żgurat it-tħaddim sikur tal-ferrovija. |
W.2 |
Hemm proċeduri sabiex ikun hemm konformità ma’ standards tekniċi u operattivi eżistenti, ġodda u mibdula. |
W.3 |
Hemm proċeduri li jistabbilixxu kif tiġi ġestita s-sikurezza fuq il-fruntieri fiżiċi u/jew operattivi tas-sistema ta’ kontroll u ta’ sinjalazzjoni tat-traffiku, inkluż kif tiġi ġestita l-kooperazzjoni, jekk dan ikun meħtieġ. |
W.4 |
Hemm proċeduri li juru li r-regoli li jkopru t-tħaddim sikur u l-manutenzjoni tas-sistema ta’ kontroll u ta’ sinjalazzjoni tat-traffiku ġew identifikati u li l-applikant jista’ jkun konformi magħhom. |
(1) Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2004/49/KE.
(2) Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2004/49/KE.
(3) Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2004/49/KE.
(4) Artikolu 9(2) tad-Direttiva 2004/49/KE.
(5) Punt 1 tal-Anness III għad-Direttiva 2004/49/KE.
(6) Punt 1 tal-Anness III għad-Direttiva 2004/49/KE.
(7) Punt 1 tal-Anness III għad-Direttiva 2004/49/KE.
(8) Punt 1 tal-Anness III għad-Direttiva 2004/49/KE.
(9) Punt 2(a) tal-Anness III għad-Direttiva 2004/49/KE.
(10) Punt 2(b) tal-Anness III għad-Direttiva 2004/49/KE.
(11) Punt 2(c) tal-Anness III għad-Direttiva 2004/49/KE.
(12) Punt 2(d) tal-Anness III għad-Direttiva 2004/49/KE.
(13) ĠU L 108, 29.4.2009, p. 4.
(14) Punt 2(e) tal-Anness III għad-Direttiva 2004/49/KE.
(15) Punt 2(f) tal-Anness III għad-Direttiva 2004/49/KE.
(16) Punt 2(g) tal-Anness III għad-Direttiva 2004/49/KE.
(17) Punt 2(h) tal-Anness III għad-Direttiva 2004/49/KE.
(18) Punt 2(i) tal-Anness III għad-Direttiva 2004/49/KE.
(19) Punt 2(j) tal-Anness III għad-Direttiva 2004/49/KE.
(20) Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2004/49/KE.
(21) Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2004/49/KE.
(22) Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2004/49/KE.
(23) Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2004/49/KE.
ANNESS III
Prinċipji ta’ qafas għal superviżjoni wara l-għoti ta’ awtorizzazzjoni
1. |
L-approċċ tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għal superviżjoni tal-konformità skont l-Artikoli 4(1) u 16(2)(e) tad-Direttiva 2004/49/KE għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji li ġejjin. Dawn il-prinċipji japplikaw għall-qafas tal-attivitajiet ta’ superviżjoni kollu u għall-każijiet individwali fi ħdan dak il-qafas. |
2. |
L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom japplikaw il-prinċipju tal-proporzjonalità bejn l-infurzar u r-riskju. L-azzjoni meħuda minn awtorità nazzjonali tas-sikurezza sabiex tinkiseb konformità jew sabiex jintalab rendikont mingħand l-amministraturi tal-infrastruttura talli ma ssodisfawx l-obbligi legali tagħhom għandha tkun proporzjonata għal kwalunkwe riskju għas-sikurezza jew għas-serjetà potenzjali ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ konformità, inkluża kwalunkwe ħsara effettiva jew potenzjali. |
3. |
L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom japplikaw il-prinċipju tal-konsistenza tal-approċċ sabiex jiżguraw irwieħhom li awtorità nazzjonali tas-sikurezza jkollha approċċ simili f’ċirkustanzi simili sabiex tilħaq għanijiet simili. |
4. |
L-attività ta’ superviżjoni tal-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandha tkun immirata primarjament lejn dawk l-attivitajiet li awtorità nazzjonali tas-sikurezza temmen li jagħtu lok għall-iktar riskji serji jew fejn il-perikli huma l-inqas ikkontrollati sew. Biex tagħmel dan, l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza għandu jkollha l-metodi u s-setgħa sabiex tivvaluta l-prestazzjoni tas-sikurezza ta’ kuljum tal-amministratur tal-infrastruttura. |
5. |
L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jiddeċiedu dwar il-prijoritajiet sabiex jużaw ir-riżorsi tagħhom b’mod effettiv imma d-deċiżjoni dwar kif l-aħjar li għandu jsir dan għandha tkun ta’ kull awtorità nazzjonali tas-sikurezza individwali. L-azzjoni għandha tkun iffokata fuq dawk li huma responsabbli għar-riskju u li qegħdin fl-aħjar pożizzjoni sabiex jikkontrollawh. |
6. |
L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom japplikaw il-prinċipju tat-trasparenza sabiex jgħinu lill-amministraturi tal-infrastruttura jifhmu dak li huwa mistenni minnhom (inkluż dak li għandhom jew m’għandhomx jagħmlu) u dak li għandhom jistennew mingħand l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza. |
7. |
L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom ikunu responsabbli għad-deċiżjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 17(3) tad-Direttiva 2004/49/KE. Għalhekk, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandu jkollhom politiki u prinċipji li jistgħu jiġu vvalutati fuq il-bażi tagħhom. Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandu jkollhom mekkaniżmu effettiv u faċilment aċċessibbli sabiex jittrattaw il-kummenti u jieħdu ħsieb l-ilmenti – proċedura tal-ilmenti. |
8. |
L-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jiżviluppaw arranġamenti ta’ kooperazzjoni bejniethom sabiex jikkondividu l-informazzjoni ma’ xulxin u sabiex jikkoordinaw ir-reazzjoni tagħhom għal ksur ta’ sikurezza. Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza għandhom jiżviluppaw arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn sabiex jikkondividu l-informazzjoni u jiżviluppaw approċċi unifikati għal kwistjonijiet li jinfluwenzaw is-sikurezza ferrovjarja. |