15.12.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 331/1


REGOLAMENT (UE) Nru 1092/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-24 ta’ Novembru 2010

dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

L-istabbiltà finanzjarja hi prekundizzjoni sabiex l-ekonomija reali tipprovdi impjiegi, kreditu u tkabbir. Il-kriżi finanzjarja kixfet nuqqasijiet importanti fis-superviżjoni finanzjarja, li ma rnexxilhiex tantiċipa l-iżviluppi makroprudenzjali avversi u tipprevjeni l-akkumulazzjoni ta’ riskji eċċessivi fis-sistema finanzjarja.

(2)

Il-Parlament Ewropew appella b’mod ripetut għat-tisħiħ ta’ kondizzjonijiet tabilħaqq ugwali għall-operaturi kollha fil-livell tal-Unjoni waqt li wera nuqqasijiet sinifikanti fis-superviżjoni min-naħa tal-Unjoni tas-swieq finanzjarji li kulma jmur saru aktar integrati (fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-13 ta’ April 2000 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-implimentazzjoni tal-qafas għas-swieq finanzjarji: Pjan ta’ Azzjoni (4), tal-21 ta’ Novembru 2002 dwar regoli ta’ superviżjoni prudenzjali fl-Unjoni Ewropea (5), tal-11 ta’ Lulju 2007 dwar politika dwar is-servizzi finanzjarji (2005-2010) – White Paper (6), tat-23 ta’ Settembru 2008 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-hedge funds u l-ekwità privata (7) u tad-9 ta’ Ottubru 2008 b’rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar is-segwitu tal-proċess Lamfalussy: l-istruttura futura ta’ sorveljanza (8), u fil-pożizzjonijiet tiegħu tat-22 ta’ April 2009 dwar il-proposta emendata għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni (Solvenza II) (9) u tat-23 ta’ April 2009 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu (10)).

(3)

F’Novembru 2008, il-Kummissjoni inkarigat lil Grupp ta’ Livell Għoli ppresjedut mis-Sur Jacques de Larosière biex jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif jistgħu jissaħħu l-arranġamenti superviżorji Ewropej bil-għan li jitħarsu aħjar iċ-ċittadini u terġa’ tinbena l-fiduċja fis-sistema finanzjarja.

(4)

Fir-rapport finali tiegħu ppreżentat fil-25 ta’ Frar 2009 (ir-“rapport de Larosière”), il-Grupp ta’ Livell Għoli rrakkomanda, fost oħrajn, l-istabbiliment ta’ entità fil-livell tal-Unjoni li tkun responsabbli mis-sorveljanza tar-riskju fis-sistema finanzjarja kollha kemm hi.

(5)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-4 ta’ Marzu 2009 intitolata “Nixprunaw l-Irkupru Ewropew”, il-Kummissjoni laqgħet u appoġġat b’mod ġenerali r-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport de Larosière. Fil-laqgħa tiegħu tad-19 u l-20 ta’ Marzu 2009, il-Kunsill Ewropew qabel fuq il-ħtieġa li jitjiebu r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fi ħdan l-Unjoni u li r-rapport de Larosière jintuża bħala l-bażi għall-azzjoni.

(6)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tas-27 ta’ Mejju 2009 intitolata “Superviżjoni Finanzjarja Ewropea”, il-Kummissjoni pproponiet sensiela ta’ riformi għall-arranġamenti attwali biex titħares l-istabbiltà finanzjarja fil-livell tal-Unjoni, li jinkludu b’mod partikolari l-ħolqien ta’ Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) li jkun responsabbli għas-sorveljanza makroprudenzjali. Il-Kunsill fid-9 ta’ Ġunju 2009 u l-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009 appoġġjaw il-proposti tal-Kummissjoni u laqgħu l-ħsieb tal-Kummissjoni li tressaq proposti leġislattivi sabiex il-qafas il-ġdid jidħol fis-seħħ matul l-2010. F’konformità mal-fehmiet tal-Kummissjoni, il-Kunsill ikkonkluda, fost oħrajn, li l-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) “għandu jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku lill-BERS, filwaqt li jagħmel użu wkoll mill-parir tekniku tal-banek ċentrali u s-superviżuri nazzjonali”. L-appoġġ ipprovdut lill-BERS mill-BĊE, kif ukoll il-kompiti mogħtija lill-BERS, għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-indipendenza tal-BĊE fil-qadi ta’ dmirijietu skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(TFUE).

(7)

Minħabba l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji internazzjonali u r-riskju ta’ tixrid ta’ kriżijiet finanzjarji, jinħtieġ impenn qawwi mill-Unjoni fil-livell globali. Il-BERS għandu jikseb il-kompetenza tal-kumitat xjentifiku ta’ livell għoli u jieħu f’idejh ir-responsabbiltajiet globali kollha meħtieġa sabiex jiżgura li tinstemal-vuċi tal-Unjoni fuq kwistjonijiet marbuta mal-istabbiltà finanzjarja, b’mod speċjali billi jikkoopera mill-qrib mal-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) u l-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja (BIF), li huma mistennija li jipprovdu twissijiet bikrin ta’ riskji makro-prudenzjali fil-livell globali u l-imsieħba tal-Grupp ta’ Għoxrin (G-20).

(8)

Il-BERS għandu jikkontribwixxi, fost oħrajn, għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-FMI, l-BIF u l-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali (BĦI) lill-G-20.

(9)

Ir-rapport tal-FMI, l-BĦI u l-BIF tat-28 ta’ Ottubru 2009, ppreżentat lill-Ministri tal-Finanzi tal-G-20 u lill-Gvernaturi tal-Bank Ċentrali intitolat “Gwida għall-Valutazzjoni tal-Importanza Sistematika tal-Istituzzjonijiet, is-Swieq u l-Istrumenti Finanzjarji: Kunsiderazzjonijiet tal-Bidu” jiddikjara wkoll li l-valutazzjoni tar-riskju sistemiku x’aktarx li tvarja skont l-ambjent ekonomiku. Ser tiġi kkondizzjonata wkoll mill-infrastruttura finanzjarja u l-arranġamenti dwar il-ġestjoni tal-kriżi, u l-kapaċità li tittratta l-fallimenti meta jseħħu. L-istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jkunu sistemikament importanti għas-sistemi u l-ekonomiji finanzjarji lokali, nazzjonali jew internazzjonali. Il-kriterji ewlenin li jgħinu fl-identifikazzjoni tal-importanza sistemika tas-swieq u tal-istituzzjonijiet huma d-daqs (il-volum ta’ servizzi finanzjarji pprovduti mill-komponent individwali tas-sistema finanzjarja), is-sostenibbiltà (sa fejn il-komponenti l-oħra tas-sistema jistgħu jipprovdu l-istess servizzi f’każ ta’ falliment) u l-interkonnessjonijiet (rabtiet ma’ komponenti oħrajn tas-sistema). Valutazzjoni bbażata fuq dawk it-tliet kriterji għandha tkun issupplimentata b’referenza għall-vulnerabbiltajiet finanzjarji u l-kapaċità tal-qafas istituzzjonali li jittratta l-fallimenti finanzjarji u għandha tikkunsidra firxa wiesgħa ta’ fatturi addizzjonali bħal, fost oħrajn, il-kumplessità ta’ strutturi u mudelli kummerċjali speċifiċi, il-livell ta’ awtonomija finanzjarja, l-intensità u l-ambitu tas-superviżjoni, it-trasparenza tal-arranġamenti finanzjarji u r-rabtiet li jistgħu jaffettwaw ir-riskju ġenerali tal-istituzzjonijiet.

(10)

Il-kompitu tal-BERS għandu jkun li jikkontrolla u jivvaluta r-riskju sistemiku fi żminijiet normali bil-għan li jtaffi l-espożizzjoni tas-sistema għar-riskju ta’ falliment ta’ komponenti sistemiċi u jsaħħaħ ir-reżistenza tas-sistema finanzjarja għax-xokkijiet. F’dak ir-rigward, il-BERS għandu jikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-istabbiltà finanzjarja u biex jittaffew l-impatti negattivi fuq is-suq intern u l-ekonomija reali. Biex jikseb l-għanijiet tiegħu, il-BERS għandu janalizza l-informazzjoni kollha rilevanti.

(11)

L-arranġamenti attwali tal-Unjoni ftit jagħtu importanza lis-sorveljanza makroprudenzjali u lill-interkonnessjonijiet bejn l-iżviluppi fl-ambjent makroekonomiku aktar ġenerali u s-sistema finanzjarja. Ir-responsabbiltà għall-analiżi makroprudenzjali tibqa’ frammentata, u ssir minn diversi awtoritajiet f’livelli differenti mingħajr ebda mekkaniżmu li jiżgura li r-riskji makroprudenzjali jiġu identifikati adegwatament u li t-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet jinħarġu b’mod ċar, jiġu segwiti u tradotti f’azzjoni. Il-funzjonament korrett tal-Unjoni u tas-sistemi finanzjarji globali u l-mitigazzjoni tat-theddid għalihom għalhekk jeħtieġu konsistenza msaħħa bejn is-sorveljanza makroprudenzjali u dik mikroprudenzjali.

(12)

Sistema ta’ sorveljanza makroprudenzjali mfassla mill-ġdid teħtieġ tmexxija kredibbli u ta’ profil għoli. Għalhekk, minħabba fir-rwol ewlieni tagħha u l-kredibbiltà internazzjonali u interna tagħha, u fl-ispirtu tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport de Larosière, il-President tal-BĊE għandu jkun il-President tal-BERS għall-ewwel perjodu ta’ ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Barra minn hekk, ir-rekwiżiti ta’ responsabbiltà għandhom jiżdiedu u l-korpi tal-BERS għandhom ikunu jistgħu jutilizzaw firxa wiesgħa ta’ esperjenza, sfondi u fehmiet.

(13)

Ir-Rapport de Larosière jgħid wkoll li s-sorveljanza makroprudenzjali ma tagħmilx sens sakemm ma titħalliex b’xi mod ikollha impatt fuq is-superviżjoni fil-livell mikro filwaqt li s-superviżjoni mikroprudenzjali ma tistax tħares b’mod effettiv l-istabbiltà finanzjarja mingħajr kunsiderazzjoni xierqa tal-iżviluppi fil-livell makro.

(14)

Għandha tinħoloq Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF), li tiġbor flimkien f'netwerk, l-operaturi tas-superviżjoni finanzjarja kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-Unjoni. Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera konformement mal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-parteċipanti għas-SESF għandhom jikkooperaw b’fiduċja u rispett reċiproku sħiħ, b’mod partikolari billi jiżguraw il-mogħdija ta’ informazzjoni adegwata u affidabbli bejniethom. Fil-livell tal-Unjoni, in-netwerk għandu jkun magħmul mill-BERS u t-tliet awtoritajiet ta’ mikrosuperviżjoni: l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13), (minn hawn ‘il quddiem flimkien imsejħin “ASE”).

(15)

L-Unjoni teħtieġ korp speċifiku responsabbli għas-sorveljanza makroprudenzjali fis-sistema finanzjarja kollha tagħha, li tidentifika r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u, fejn ikun meħtieġ, toħroġ twissijiet dwar ir-riskji u rakkomandazzjonijiet għal azzjoni sabiex jiġu indirizzati dawk ir-riskji. Konsegwentement, għandu jiġi stabbilit BERS bħala korp indipendenti ġdid, li jkopri s-setturi finanzjarji kollha kif ukoll l-iskemi ta’ garanzija. Il-BERS għandu jkun responsabbli sabiex iwettaq sorveljanza makroprudenzjali fil-livell tal-Unjoni u m’għandux ikollu personalità ġuridika.

(16)

Il-BERS għandu jkollu Bord Ġenerali, Kumitat ta’ Tmexxija, Segretarjat, Kumitat Xjentifiku Konsultattiv u Kumitat Tekniku Konsultattiv. L-għamla tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv għandha tqis ir-regoli xierqa ta’ kunflitt ta’ interess adottati mill-Bord Ġenerali. L-istabbiliment tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv għandu jqis l-istrutturi eżistenti bil-ħsieb li tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni.

(17)

Il-BERS għandu joħroġ twissijiet u, fejn iqis meħtieġ, rakkomandazzjonijiet ta’ natura ġenerali jew ta’ natura speċifika, li għandhom jiġu indirizzati b’mod partikolari lill-Unjoni kollha jew lil Stat Membru wieħed jew aktar, jew lil waħda jew aktar mill-ASE, jew lil waħda jew aktar mill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali b’perijodu ta’ żmien speċifikat għar-rispons politiku rilevanti.

(18)

Il-BERS għandu jfassal kodiċi tal-kulur sabiex jippermetti lill-partijiet interessati jivvalutaw aħjar in-natura tar-riskju.

(19)

Sabiex tiżdied l-influwenza u l-leġittimità tagħhom, tali twissijiet u rakkomandazzjonijiet għandhom ukoll jiġu trasmessi, suġġett għal regoli stretti ta’ kunfidenzjalità, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u, meta indirizzati lil awtorità superviżorja nazzjonali waħda jew aktar, lill-ASE. Id-deliberazzjonijiet tal-Kunsill għandhom jitħejjew mill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF) skont ir-rwol tiegħu kif iddefinit fit-TFUE. Sabiex jitħejjew id-diskussjonijiet tal-Kunsill u tingħata lill-Kunsill konsulenza politika f’waqtha, il-BERS għandu jgħarraf lill-KEF regolarment u għandu jibgħat it-testi ta’ kwalunkwe twissijiet u rakkomandazzjonijiet malli jiġu adottati.

(20)

Il-BERS għandu jimmonitorja wkoll l-osservanza tat-twissijiet u tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu, abbażi ta’ rapporti mid-destinatarji, biex jiżgura li t-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-fatt ikunu qegħdin jiġu segwiti. Id-destinatarji tar-rakkomandazzjonijiet għandhom jieħdu azzjoni dwarhom u jipprovdu ġustifikazzjoni adegwata f’każ li ma jkunux ħadu azzjoni (mekkaniżmu “aġixxi inkella spjega”). Jekk il-BERS iqis li r-reazzjoni mhix adegwata, huwa għandu jinforma, suġġett għar-regoli ta’ kunfidenzjalità, lid-destinatarji, lill-Kunsill u, fejn ikun xieraq, lill-Awtorità Superviżorja Ewropea kkonċernata.

(21)

Il-BERS għandu jiddeċiedi, abbażi ta’ każ b’każ u wara li jkun informa lill-Kunsill biżżejjed minn qabel sabiex hu jkun jista’ jirreaġixxi, jekk rakkomandazzjoni għandhiex tinżamm kunfidenzjali jew għandhiex issir pubblika, billi jżomm f’moħħu li l-iżvelar pubbliku jista’ jgħin biex jippromwovi l-osservanza tar-rakkomandazzjonijiet f’ċerti ċirkustanzi.

(22)

Jekk il-BERS jiskopri riskju li jista’ jimmina serjament il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha tal-Unjoni jew ta’ parti minnha, huwa għandu jgħarraf lill-Kunsill minnufih bis-sitwazzjoni. Jekk il-BERS iqis li tista’ tirriżulta sitwazzjoni ta’ emerġenza, dan għandu jikkuntattja lill-Kunsill u jipprovdi stima tas-sitwazzjoni. Il-Kunsill imbagħad għandu jevalwa n-neċessità li tiġi adottata deċiżjoni indirizzata lill-ASE li tiddetermina l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza. Matul dak il-proċess, il-protezzjoni xierqa tal-kunfidenzjalità hija tal-ikbar importanza.

(23)

Il-BERS għandu jirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill mill-inqas darba kull sena, u aktar ta’ spiss f’każ ta’ taqlib finanzjarju mifrux. Fejn ikun xieraq, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom ikunu jistgħu jistiednu lill-BERS biex jeżamina kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-istabbiltà finanzjarja.

(24)

Il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali għandu jkollhom rwol ewlieni fis-sorveljanza makroprudenzjali minħabba fl-għarfien espert u r-responsabbiltajiet eżistenti tagħhom fil-qasam tal-istabbiltà finanzjarja. Is-superviżuri nazzjonali għandhom ikunu involuti fl-għoti tal-għarfien espert speċifiku tagħhom. Il-parteċipazzjoni tas-superviżuri mikroprudenzjali fil-ħidma tal-BERS hija essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-valutazzjoni tar-riskju makroprudenzjali tkun ibbażata fuq informazzjoni sħiħa u preċiża dwar l-iżviluppi fis-sistema finanzjarja. Għaldaqstant, il-presidenti tal-ASE għandhom ikunu membri bi drittijiet tal-vot. Rappreżentant wieħed tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti ta’ kull Stat Membru għandu jattendi għal-laqgħat tal-Bord Ġenerali mingħajr id-dritt li jivvota. Fi spirtu ta’ trasparenza, 15-il persuna indipendenti għandhom jipprovdu lill-BERS b’għarfien espert estern permezz tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv.

(25)

Il-parteċipazzjoni ta’ Membru tal-Kummissjoni fil-BERS tgħin sabiex tiġi stabbilita rabta mas-superviżjoni makroekonomika u finanzjarja tal-Unjoni, filwaqt li l-preżenza tal-President tal-KEF tirrifletti r-rwol tal-ministeri responsabbli mill-finanzi tal-Istati Membri u tal-Kunsill fis-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja u t-twettiq ta’ sorveljanza ekonomika u finanzjarja.

(26)

Huwa essenzjali li l-membri tal-BERS iwettqu d-dmirijiet tagħhom b’mod imparzjali u jqisu biss l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni fl-intier tagħha. Meta ma jkunx jista’ jintlaħaq kunsens, il-votazzjoni fuq it-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet fi ħdan il-BERS m’għandhiex tkun ippeżata u d-deċiżjonijiet għandhom, bħala regola, jittieħdu b’maġġoranza sempliċi.

(27)

L-interkonnettività tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji timplika li l-monitoraġġ u l-valutazzjoni tar-riskji sistemiċi potenzjali għandhom ikunu bbażati fuq sett wiesa’ ta’ data u indikaturi makroekonomiċi u mikrofinanzjarji rilevanti. Dawk ir-riskji sistemiċi jinkludu riskji ta’ tħarbit fis-servizzi finanzjarji kaġun ta’ tagħwiġ sinifikanti tas-sistema finanzjarja kollha tal-Unjoni jew ta’ partijiet minnha u għandhom il-potenzjal li jkollhom konsegwenzi negattivi gravi għas-suq intern u għall-ekonomija reali. Kull tip ta’ istituzzjoni finanzjarja u intermedjarju finanzjarju, suq, infrastruttura u strument għandu l-potenzjal li jkun sistemikament sinifikanti. Għalhekk, il-BERS għandu jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex iwettaq id-dmirijiet tiegħu filwaqt li tinżamm il-kunfidenzjalità ta’ dik l-informazzjoni kif meħtieġ.

(28)

Il-miżuri għall-ġbir tal-informazzjoni stabbiliti f’dan ir-Regolament huma meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tal-BERS u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-qafas legali tas-Sistema Statistika Ewropea fil-qasam tal-istatistika. Dan ir-Regolament għandu għalhekk ikun mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea (14) u għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2533/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-ġbir ta’ tagħrif statistiku mill-Bank Ċentrali Ewropew (15).

(29)

Il-parteċipanti tas-suq jistgħu jipprovdu kontribut siewi għall-fehim tal-evoluzzjonijiet li jaffettwaw is-sistema finanzjarja. Għaldaqstant, fejn ikun meħtieġ, il-BERS għandu jikkonsulta ma’ partijiet interessati mis-settur privat, inklużi rappreżentanti tas-settur finanzjarju, assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, gruppi ta’ utenti fil-qasam tas-servizzi finanzjarji stabbiliti mill-Kummissjoni jew mil-leġislazzjoni tal-Unjoni, u jagħtihom opportunità ġusta sabiex jagħmlu l-osservazzjonijiet tagħhom.

(30)

L-istabbiliment tal-BERS għandu jikkontribwixxi direttament sabiex jinkisbu l-għanijiet tas-suq intern. Is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni tas-sistema finanzjarja hija parti integrali tal-arranġamenti superviżorji ġodda fl-Unjoni billi l-aspett makroprudenzjali huwa marbut mill-qrib mal-kompiti ta’ sorveljanza mikroprudenzjali attribwiti lill-ASE. Huwa biss b’arranġamenti fis-seħħ li jirrikonoxxu sewwa l-interdipendenza tar-riskji mikro u makroprudenzjali li l-partijiet interessati kollha jista’ jkollhom fiduċja suffiċjenti biex jinvolvu ruħhom f’attivitajiet finanzjarji transkonfinali. Il-BERS għandu jimmonitorja u jivvaluta r-riskji għall-istabbiltà finanzjarja li jirriżultaw minn żviluppi li jista’ jkollhom impatt fuq livell settorjali jew fil-livell tas-sistema finanzjarja b’mod ġenerali. Billi jindirizza tali riskji, il-BERS għandu jikkontribwixxi direttament lejn struttura superviżorja integrata tal-Unjoni li hija meħtieġa sabiex tippromwovi risposti dwar il-politika f’waqthom u konsistenti fost l-Istati Membri, li b’hekk tevita approċċi diverġenti u ttejjeb l-operat tas-suq intern.

(31)

Il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat-2 ta’ Mejju 2006 fil-Kawża C-217/04 (Renju Unit/Parlament Ewropew u Kunsill) sostniet li “xejn fil-kliem tal-Artikolu 95 KE [issal-Artikolu 114 TFUE] ma jippermetti li jiġi konkluż li l-miżuri adottati mil-leġiżlatur Komunitarju fuq il-bażi ta’ din id-dispożizzjoni jista’ jkun neċessarju li jiġi pprovdut, skont evalwazzjoni magħmula mill-imsemmi leġiżlatur, it-twaqqif ta’ korp Komunitarju li huwa responsabbli li jikkontribwixxi għar-realizzazzjoni ta’ proċess ta’ armonizzazzjoni f’ċirkustanzi fejn, sabiex tiġi ffaċilitata l-implementazzjoni u l-applikazzjoni uniformi tal-atti bbażati fuq l-imsemmija dispożizzjoni, tidher xierqa l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ akkumpanjament u ta’ qafas li ma jorbtux” (16). Il-BERS għandu jikkontribwixxi għall-istabbiltà finanzjarja meħtieġa għal aktar integrazzjoni finanzjarja fis-suq intern permezz tal-monitoraġġ tar-riskji sistemiċi u tal-ħruġ ta’ twissijiet u rakkomandazzjonijiet fejn ikun meħtieġ. Dawk il-kompiti huma marbuta mill-qrib mal-għanijiet tal-leġislazzjoni tal-Unjoni rigward is-suq intern għas-servizzi finanzjarji. Għalhekk, il-BERS għandu jiġi stabbilit abbażi tal-Artikolu 114 TFUE.

(32)

Kif issuġġerit fir-Rapport de Larosière, jinħtieġ approċċ gradat u l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom iwettqu reviżjoni sħiħa tas-SESF, il-BERS u l-ASE sas-17 ta’ Diċembru 2013.

(33)

Billi l-għan ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari sorveljanza makroprudenzjali effikaċi tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri minħabba fl-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni, u għalhekk jista’ jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, kif stipulat fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stipulat f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dak l-għan,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:oż

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Stabbiliment

1.   Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) huwa stabbilit. Għandu jkollu s-sede tiegħu fi Frankfurt am Main.

2.   Il-BERS għandu jkun parti mis-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF), li l-għan tagħha għandu jkun li tiżgura s-superviżjoni tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

3.   Is-SESF għandha tinkludi:

(a)

il-BERS;

(b)

l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1093/2010;

(c)

l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1094/2010;

(d)

l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) stabbilita mir-Regolament (UE) Nru 1095/2010;

(e)

il-Kumitat Konġunt tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (Kumitat Konġunt) previst fl-Artikolu 54 tar-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010;

(f)

l-awtoritajiet kompetenti jew superviżorji fl-Istati Membri kif speċifikati fl-atti tal-Unjoni kif imsemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera konformement mal-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-parteċipanti għas-SESF għandhom jikkooperaw b’fiduċja u rispett reċiproku sħiħ, b’mod partikolari biex jiżguraw il-mogħdija ta’ informazzjoni adegwata u affidabbli bejniethom.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“istituzzjoni finanzjarja” tfisser kwalunkwe impriża li taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġislazzjonimsemmija fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, kif ukoll kwalunkwe impriża jew entità oħra fl-Unjoni li n-negozju prinċipali tagħha huwa ta’ natura simili;

(b)

“sistema finanzjarja” tfisser l-istituzzjonijiet, is-swieq u l-prodotti finanzjarji u l-infrastrutturi tas-suq kollha.

(c)

“riskju sistemiku” tfisser riskju ta’ disturbi fis-sistema finanzjarja bil-potenzjal li jkun hemm konsegwenzi negattivi serji għas-suq intern u għall-ekonomija reali. It-tipi kollha ta’ intermedjarji, swieq u infrastrutturi finanzjarji jistgħu jkunu potenzjalment xi ftit jew wisq sistemikament importanti.

Artikolu 3

Missjoni, għanijiet u kompiti

1.   Il-BERS għandu jkun responsabbli għas-sorveljanza makroprudenzjali tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni sabiex jikkontribwixxi għall-prevenzjoni jew il-mitigazzjoni tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni li jirriżultaw minn żviluppi fis-sistema finanzjarja u b’kont meħud tal-iżviluppi makroekonomiċi, bil-għan li jevita perijodi ta’ diffikultà finanzjarja mifruxa. Dan għandu jikkontribwixxi għall-funzjonament mingħajr xkiel tas-suq intern u b’hekk jiżgura kontribut sostenibbli tas-settur finanzjarju għat-tkabbir ekonomiku.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-BERS għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)

jiddetermina u/jew jiġbor u janalizza l-informazzjoni kollha rilevanti u meħtieġa, għall-finijiet li jintlaħqu l-għanijiet deskritti fil-paragrafu 1;

(b)

jidentifika u jipprijoritizza r-riskji sistemiċi;

(c)

joħroġ twissijiet meta riskji sistemiċi bħal dawn ikunu kkunsidrati li huma sinifikanti u, fejn ikun xieraq, jagħmlu dawk it-twissijiet pubbliċi;

(d)

joħroġ rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ta’ rimedju b’rispons għar-riskji identifikati u, fejn ikun xieraq, jagħmlu dawk ir-rakkomandazzjonijiet pubbliċi;

(e)

meta l-BERS jiddetermina li tista’ tqum sitwazzjoni ta’ emerġenza skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 billi joħroġ twissija kunfidenzjali indirizzata lill-Kunsill u jipprovdi lill-Kunsill valutazzjoni tas-sitwazzjoni, biex jippermetti lill-Kunsill jivvaluta l-ħtieġa tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni indirizzata lill-ASE li tiddetermina l-eżistenza ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza;

(f)

iwettaq monitoraġġ tas-segwitu għat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet;

(g)

jikkoopera mill-qrib mal-partijiet kollha l-oħra tas-SESF; fejn ikun xieraq, jipprovdi lill-ASE bl-informazzjoni dwar ir-riskji sistemiċi li jkollhom bżonn sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom; u, b’mod partikolari, f’kollaborazzjoni mal-ASE, jiżviluppa sett komuni ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi (“risk dashboard”) biex jiġi identifikat u jitkejjel ir-riskju sistemiku;

(h)

jipparteċipa, fejn ikun xieraq, fil-Kumitat Konġunt;

(i)

jikkoordina l-azzjonijiet tiegħu ma dawk ta’ organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali, b’mod partikolari mal-FMI u mal-BIF kif ukoll il-korpi rilevanti f’pajjiżi terzi dwar kwistjonijiet relatati mas-sorveljanza makroprudenzjali;

(j)

iwettaq kompiti oħrajn relatati kif speċifikat fil-leġislazzjoni tal-Unjoni.

KAPITOLU II

ORGANIZZAZZJONI

Artikolu 4

Struttura

1.   Il-BERS għandu jkollu Bord Ġenerali, Kumitat ta’ Tmexxija, Segretarjat, Kumitat Xjentifiku Konsultattiv u Kumitat Tekniku Konsultattiv.

2.   Il-Bord Ġenerali għandu jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa sabiex jiżgura t-twettiq tal-kompiti fdati lill-BERS, skont l-Artikolu 3(2).

3.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jassisti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-BERS billi jħejji l-laqgħat tal-Bord Ġenerali, jirrevedi d-dokumenti li għandhom jiġu diskussi u jimmonitorja l-progress tax-xogħol kontinwu tal-BERS.

4.   Is-Segretarjat għandu jkun responsabbli mill-ħidma ta’ kuljum tal-BERS. Għandu jipprovdi appoġġ analitiku, statistiku, amministrattiv u loġistiku ta’ kwalità għolja lill-BERS taħt id-direzzjoni tal-President u tal-Kumitat ta’ Tmexxija skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1096/2010 (17). Għandu wkoll jagħmel użu mill-pariri tekniċi mill-ASE, mill-banek ċentrali nazzjonali u l-awtoritajiet superviżuri nazzjonali.

5.   Il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv u l-Kumitat Tekniku Konsultattiv imsemmija fl-Artikoli 12 u 13 għandhom jipprovdu pariri u assistenza fuq kwistjonijiet relatati mal-ħidma tal-BERS.

Artikolu 5

Presidenza u Viċi Presidenzi tal-BERS

1.   Il-BERS għandu jkun presedut mill-President tal-BĊE għal terminu ta’ ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Għat-termini susegwenti, il-President tal-BERS għandu jinħatar skont il-modalitajiet determinati abbażi tar-reviżjoni prevista fl-Artikolu 20.

2.   L-ewwel Viċi-President għandu jkun elett minn fost u mill-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE għal perijodu ta’ ħames snin, fir-rigward tal-ħtieġa ta’ rappreżentanza ewkilibrata tal-Istati Membri in ġenerali u fost dawk li l-munita tagħhom hija l-euro u dawk li l-munita tagħhom mhix l-euro. L-ewwel Viċi-President jista’ jiġi rielett darba biss.

3.   It-tieni Viċi-President għandu jkun il-President tal-Kumitat Konġunt kif maħtur skont l-Artikolu 55(3) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   Il-President u l-Viċi-Presidenti għandhom jippreżentaw lill-Parlament Ewropew, waqt seduta ta’ smigħ pubblika, kif bi ħsiebhom iwettqu dmirijiethom taħt dan ir-Regolament.

5.   Il-President għandu jippresjedi l-laqgħat tal-Bord Ġenerali u tal-Kumitat ta’ Tmexxija.

6.   Il-Viċi-Presidenti, fl-ordni ta’ preċedenza, għandhom jippresjedu l-Bord Ġenerali u/jew il-Kumitat tat-Tmexxija meta l-President ma jkunx jista’ jipparteċipa f’laqgħa.

7.   Jekk il-mandat ta’ membru tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE eletti bħala l-ewwel Viċi-President jintemm qabel ma jispiċċa l-mandat ta’ ħames snin jew jekk għal xi raġuni l-ewwel Viċi-President ma jkunx jista’ jwettaq d-dmirijiet tiegħu, għandu jiġi elett l-ewwel Viċi-President ġdid skont il-paragrafu 2.

8.   Il-President għandu jirrappreżenta lill-BERS esternament.

Artikoli 6

Bord Ġenerali

1.   Il-Membri tal-Bord Ġenerali bid-dritt tal-vot għandhom jinkludu:

(a)

il-President u l-Viċi President tal-BĊE;

(b)

il-Gvernaturi tal-banek ċentrali nazzjonali;

(c)

Membru tal-Kummissjoni;

(d)

il-President tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea);

(e)

il-President tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol);

(f)

il-President tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq);

(g)

Il-President u ż-żewġ Viċi-Presidenti tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv;

(h)

il-President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv.

2.   Il-Membri tal-Bord Ġenerali mingħajr dritt tal-vot għandhom jinkludu:

(a)

rappreżentant wieħed ta’ livell għoli għal kull Stat Membru tal-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali kompetenti, skont il-paragrafu 3;

(b)

il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF).

3.   Fir-rigward tar-rappreżentanza tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali taħt il-punt (a) tal-paragrafu 2, ir-rappreżentanti ta’ livell għoli rispettivi għandhom jalternaw b’rotazzjoni skont is-suġġett diskuss, sakemm l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali ta’ xi Stat Membru partikolari ma jkunux qablu fuq rappreżentant komuni.

4.   Il-Bord Ġenerali għandu jistabbilixxi regoli ta’ proċedura għall-BERS.

Artikolu 7

Imparzjalità

1.   Meta jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-Bord Ġenerali u tal-Kumitat ta’ Tmexxija u meta jkunu qegħdin iwettqu xi attività oħra relatata mal-BERS, il-membri tal-BERS għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom b’imparzjalità u biss fl-interess tal-Unjoni inġenerali. La għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor.

2.   L-ebda membru tal-Bord Ġenerali (sew jekk votanti jew le) ma jista jkollu funzjoni fl-industrija finanzjarja.

3.   La l-Istati Membri u lanqas l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor m’għandhom ifittxu li jinfluwenzaw lill-membri tal-BERS fit-twettiq tal-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 3(2).

Artikolu 8

Segretezza professjonali

1.   Il-Membri tal-Bord Ġenerali u kwalunkwe persuna oħra li taħdem jew li tkun ħadmet għal jew b’rabta mal-BERS (inkluż il-persunal rilevanti tal-banek ċentrali, il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv, il-Kumitat Tekniku Konsultattiv, l-ASE u l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri) m’għandhomx jikxfu informazzjoni li tkun suġġetta għas-segretezza professjonali, anki wara li jintemmu d-dmirijiet tagħhom.

2.   L-informazzjoni li jirċievu l-membri tal-BERS għandha tintuża biss matul id-dmirijiet tagħhom u fit-twettiq tal-kompiti stipulati fl-Artikolu 3(2).

3.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 u l-applikazzjoni tal-liġi kriminali, l-ebda informazzjoni kunfidenzjali riċevuta mill-persuni msemmijin fil-paragrafu 1 fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom ma tista’ tiġi żvelata lil xi persuna jew awtorità oħra, ħlief f’forma fil-qosor jew aggregata, b’mod li l-istituzzjonijiet finanzjarji individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati.

4.   Il-BERS għandu, flimkien mal-ASE, jaqbel dwar u jistabbilixxi proċeduri speċifiċi ta’ kunfidenzjalità sabiex titħares l-informazzjoni rigward istituzzjonijiet finanzjarji individwali u informazzjoni li minnha jistgħu jiġu identifikati istituzzjonijiet finanzjarji individwali.

Artikolu 9

Laqgħat tal-Bord Ġenerali

1.   Il-laqgħat plenarji ordinarji tal-Bord Ġenerali għandhom jissejħu mill-President tal-BERS u għandhom isiru mill-inqas erba’ darbiet fis-sena. Jistgħu jissejħu laqgħat straordinarji fuq inizjattiva tal-President tal-BERSjew fuq talba ta’ mhux inqas minn terz tal-membri tal- Bord Ġenerali bid-dritt tal-vot.

2.   Kull membru għandu jkun preżenti personalment fil-laqgħat tal-Bord Ġenerali u ma għandux ikun rappreżentat minn xi ħaddieħor.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, membru li ma jkunx jista’ jattendi l-laqgħat għal perijodu ta’ mill-inqas tliet xhur jista’ jaħtar supplenti. Dak il-membru jista’ jiġi sostitwit ukoll minn persuna li tkun inħatret b’mod formali skont ir-regoli li jirregolaw lill-istituzzjoni konċernata fir-rigward tas-sostituzzjoni ta’ rappreżentanti fuq bażi temporanja.

4.   Fejn ikun xieraq, rappreżentanti għoljin minn organizzazzjonijiet finanzjarji internazzjonali li jwettqu attivitajiet relatati direttament mal-kompiti tal-BERS stipulat fl-Artikolu 3(2) jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-Bord Ġenerali.

5.   Il-parteċipazzjoni fil-ħidma tal-BERS tista’ tkun miftuħa għal rappreżentanti għoljin tal-awtoritajiet rilevanti minn pajjiżi terzi, b’mod partikolari mill-pajjiżi taż-ŻEE u hija strettament limitata għal kwistjonijiet ta’ rilevanza partikolari għal dawk il-pajjiżi. Jistgħu isiru arranġamenti mill-BERS li jispeċifikaw, b’mod partikolari, in-natura, l-ambitu u l-aspetti proċedurali tal-involviment ta’ dawk il-pajjiżi terzi fil-ħidma tal-BERS. Tali arranġamenti jistgħu jipprevedu rappreżentanza, fuq bażi ad-hoc, bħala osservatur, fuq il-Bord Ġenerali u għandhom jikkonċernaw punti ta’ rilevanza għal dawk il-pajjiżi biss, filwaqt li jeskludu kull każ fejn tista’ tiġi diskussa s-sitwazzjoni ta’ istituzzjonijiet finanzjarji individwali jew ta’ Stati Membri.

6.   Il-proċedimenti tal-laqgħat għandhom ikunu kunfidenzjali.

Artikolu 10

Modalitajiet ta’ votazzjoni tal-Bord Ġenerali

1.   Kull membru tal-Bord Ġenerali bi dritt tal-vot għandu jkollu vot wieħed.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri ta’ votazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 18(1), il-Bord Ġenerali għandu jaġixxi b’maġġoranza sempliċi tal-membri preżenti bi dritt tal-vot. F’każ ta’ voti indaqs, il-President tal-BERS għandu jkollu l-vot deċiżiv.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, hija meħtieġa maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti mitfuha biex tiġi adottata rakkomandazzjoni jew biex twissija jew rakkomandazzjoni ssir pubblika.

4.   Għandu jkun meħtieġ kworum ta’ żewġ terzi tal-membri bi dritt tal-vot sabiex ikun jista’ jittieħed kwalunkwe vot mill-Bord Ġenerali. Jekk ma jintlaħaqx il-kworum, il-President tal-BERS jista’ jsejjaħ laqgħa straordinarja li fiha d-deċiżjonijiet jistgħu jittieħdu bi kworum ta’ terz. Ir-regoli ta’ proċedura msemmija fl-Artikolu 6(4) għandhom jipprovdu għal notifika adegwata għas-sejħa ta’ laqgħa straordinarja.

Artikolu 11

Kumitat ta’ Tmexxija

1.   Il-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jkun magħmul minn:

(a)

il-President tal-BERS u l-ewwel Viċi-President tal-BERS;

(b)

il-Viċi-President tal-BĊE;

(c)

erba’ membri oħra tal-Bord Ġenerali li jkunu wkoll membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE, fir-rigward tal-ħtieġa ta’ rappreżentanza ekwilibrata b’mod ġenerali ta’ Stati Membri bejn dawk li l-munita tagħhom hija l-euro u dawk li l-munita tagħhom mhix l-euro. Huma għandhom jiġu eletti minn fost u mill-membri tal-Bord Ġenerali li jkunu wkoll membri tal-Kunsill Ġenerali tal-BĊE għal perijodu ta’ tliet snin;

(d)

Membru tal-Kummissjoni;

(e)

il-President tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea);

(f)

il-President tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol);

(g)

il-President tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq);

(h)

il-President tal-KEF;

(i)

il-president tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv; u

(j)

il-President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv.

Kwalunkwe post battal għal membru elett tal-Kumitat ta’ Tmexxija għandu jimtela’ bl-elezzjoni ta’ membru ġdid mill-Bord Ġenerali.

2.   Il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija għandhom jissejħu mill-President tal-BERS għall-inqas darba kull tliet xhur, qabel kull laqgħa tal-Bord Ġenerali. Il-President tal-BERS jista’ jsejjaħ ukoll laqgħat ad hoc.

Artikolu 12

Kumitat Xjentifiku Konsultattiv

1.   Il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jkun magħmul mill-President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv u 15-il espert li jirrappreżentaw firxa wiesgħa ta’ ħiliet u esperjenzi proposti mill-Kumitat ta’ Tmexxija u approvati mill-Bord Ġenerali għal mandat rinnovabbli ta’ erba’ snin. Il-persuni nominati m’għandhomx ikunu membri tal-ASE u għandhom jintgħażlu abbażi tal-kompetenza ġernerali tagħhom kif ukoll l-esperjenza varjata tagħhom f’oqsma akkademiċi jew setturi oħra, partikolarment fl-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju jew għaqdiet tal-ħaddiema, jew bħala fornituri jew konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji.

2.   Il-President u ż-żewġ Viċi-Presidenti tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandhom jinħatru mill-Bord Ġenerali wara proposta mill-President tal-BERS u huma għandu jkollhom kull wieħed kompetenza esperta u għarfien rilevanti u ta’ livell għoli, pereżempju minħabba fl-esperjenza akkademika tagħhom fis-settur bankarju, is-settur tas-swieq tat-titoli jew is-settur tal-assigurazzjoni u l-pensjonijiet tax-xogħol. Il-Presidenza tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandha talterna bejn dawk it-tliet persuni.

3.   Il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jipprovdi pariri u assistenza lill-BERS skont l-Artikolu 4(5), fuq it-talba tal-President tal-BERS.

4.   Is-Segretarjat tal-BERS għandu jsostni l-ħidma tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv u l-kap tas-Segretarjat għandu jipparteċipa fil-laqgħat tiegħu.

5.   Fejn xieraq, il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jorganizza konsultazzjonijiet fi stadju bikri flimkien mal-partijiet interessati bħall-parteċipanti mis-swieq, korpi tal-konsumaturi u esperti akkademiċi, b’mod miftuħ u trasparenti, filwaqt li titqies il-ħtieġa tal-kunfidenzjalità.

6.   Il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jingħata l-mezzi kollha meħtieġa sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu b’suċċess.

Artikolu 13

Kumitat Tekniku Konsultattiv

1.   Il-Kumitat tekniku konsultattiv għandu jkun magħmul minn:

(a)

rappreżentant ta’ kull bank ċentrali nazzjonali u rappresentant tal-BĊE;

(b)

rappreżentant wieħed għal kull Stat Membru tal-awtoritajiet nazzjonali superviżorji kompetenti, skont it-tieni subparagrafu;

(c)

rappreżentant tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea);

(d)

rappreżentant tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol);

(e)

rappreżentant tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq);

(f)

żewġ rappreżentanti tal-Kummissjoni;

(g)

rappreżentant tal-KEF;

(h)

rappreżentant tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv.

L-awtoritajiet superviżorji ta’ kull Stat Membru għandhom jagħżlu rappreżentant wieħed fil-Kumitat Tekniku Konsultattiv. Fir-rigward tar-rappreżentanza tal-awtoritajiet superviżorji nazzjonali taħt il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, ir-rappreżentanti rispettivi għandhom jalternaw skont is-suġġett diskuss, kemm-il darba l-awtoritajiet superviżorji nazzjonali ta’ xi Stat Membru partikolari ma jkunux qablu dwar rappreżentant komuni.

2.   Il-President tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv għandu jinħatar mill-Bord Ġenerali wara proposta mill-President tal-BERS.

3.   Il-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv għandu jgaħti pariri u assistenza lill-BERS skont l-Artikolu 4(5) fuq talba mill-President tal-BERS.

4.   Is-Segretarjat tal-BERS għandu jappoġġa l-ħidma tal-Kumitat Tekniku Konsultattiv u l-Kap tas-Segretarjat għandu jipparteċipa fil-laqgħat tiegħu.

5.   Il-Kumitat Tekniku Konsultattiv għandu jingħata l-mezzi kollha meħtieġa sabiex itemm il-kompiti tiegħu b’suċċess.

Artikolu 14

Sorsi oħra ta’ konsulenza

Fit-twettiq tal-kompiti tiegħu stipulati fl-Artikolu 3(2), il-BERS għandu jfittex, fejn ikun xieraq, il-fehmiet ta’ partijiet interessati rilevanti mis-settur privat.

KAPITOLU III

KOMPITI

Artikolu 15

Ġbir u skambju ta’ informazzjoni

1.   Il-BERS għandu jipprovdi lill-ASE bl-informazzjoni dwar ir-riskji meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom.

2.   L-ASE, is-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), il-Kummissjoni, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali u l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali għandhom jikkooperaw mill-qrib mal-BERS u jipprovduh bl-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-kompiti tiegħu skont il-leġislazzjoni tal-Unjoni.

3.   Soġġett għall-Artikolu 36(2) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, il-BERS jista’ jitlob informazzjoni mingħand l-ASE, bħala regola f’forma fil-qosor jew aggregata b’mod li l-istituzzjonijiet finanzjarji individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati.

4.   Qabel ma jitlob informazzjoni skont dan l-Artikolu, il-BERS għandu l-ewwel iqis l-istatistika eżistenti prodotta, disseminata u żviluppata mis-Sistema Statistika Ewropea u mis-SEBĊ.

5.   Jekk l-informazzjoni mitluba ma tkunx disponibbli jew ma ssirx disponibbli fil-ħin, il-BERS jista’ jitlob l-informazzjoni mis-SEBĊ, l-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali jew l-awtoritajiet tal-istatistika nazzjonali. Jekk l-informazzjoni tibqa’ mhux disponibbli, il-BERS jista’ jitlobhamill-Istat Membru kkonċernat, mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi kkonferiti, rispettivament, fuq il-Kunsill, il-Kummissjoni (Eurostat), il-BĊE, l-Eurosistema u s-SEBĊ fil-qasam tal-istatistika u l-ġbir ta’ data.

6.   Jekk il-BERS jitlob informazzjoni li mhix f’forma fil-qosor jew aggregata, it-talba motivata għandha tispjega għalfejn id-data dwar l-istituzzjoni finanzjarja individwali rispettiva titqies bħala sistematikament rilevanti, u meħtieġa, b’konsiderazzjoni tas-sitwazzjoni prevalenti tas-suq.

7.   Qabel kull talba għal informazzjoni li ma tkunx f’forma fil-qosor jew aggregata, il-BERS għandu jikkonsulta debitament mal-Awtorità Superviżorja Ewropea rilevanti sabiex jiżgura li t-talba tkun ġustifikata u proporzjonata. Jekk l-Awtorità Superviżorja Ewropea rilevanti ma tikkunsidrax it-talba bħala ġustifikata u proporzjonata, hija għandha, mingħajr dewmien, tibgħat it-talba lura għand il-BERS u titlob għal ġustifikazzjoni addizzjonali. Wara li l-BERS ikun ta lill-Awtorità Superviżorja Ewropea rilevanti tali ġustifikazzjoni addizzjonali, l-informazzjoni mitluba għandha tiġi trażmessa lill-BERS mid-destinatarji tat-talba, bil-kondizzjoni li dawn ikollhom aċċess legali għall-informazzjoni rilevanti.

Artikolu 16

Twissijiet u rakkomandazzjonijiet

1.   Meta jiġu identifikati riskji sinifikanti għall-kisba tal-għan fl-Artikolu 3(1), il-BERS għandu jipprovdi twissijiet u, fejn ikun xieraq, joħroġ rakkomandazzjonijiet għal azzjoni ta’ rimedju, inkluż, fejn ikun xieraq, għal inizjattivi leġislattivi.

2.   It-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-BERS skont il-punti (c) u (d) tal-Artikolu 3(2) jistgħu jkunu jew ta’ natura ġenerali jew inkella ta’ natura speċifika u għandhom ikunu indirizzati b’mod partikolari lill-Unjoni sħiħa jew lil Stat Membru wieħed jew aktar, jew lill-ASE waħda jew aktar, jew lil waħda jew aktar mill-awtoritajiet superviżorja nazzjonali. F’każ li twissija jew rakkomandazzjoni tkun indirizzata lil waħda jew aktar mill-awtoritajiet superviżorja nazzjonali, l-Istat Membru kkonċernat jew l-Istati Membri kkonċernati għandhom jiġu infurmati ukoll b’dan. Ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jinkludu skeda ta’ żmien speċifikata għar-rispons politiku. Ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jkunu indirizzati wkoll lill-Kummissjoni fir-rigward tal-leġislazzjoni rilevanti tal-Unjoni.

3.   Fl-istess ħin li jiġu trasmessi lid-destinatarji skont il-paragrafu 2, it-twissijiet jew ir-rakkomandazzjonijiet għandhom jiġu trasmessi, skont regoli stretti ta’ kunfidenzjalità, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u, meta jkunu indirizzati lil waħda jew aktar mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali, lill-ASE.

4.   Sabiex tisaħħaħ is-sensibilizzazzjoni tar-riskji fl-ekonomija tal-Unjoni u biex tingħata prijorità lil dawn ir-riskji, il-BERS, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet l-oħra tas-SESF, għandu jfassal sistema b’kodiċi ta’ kulur li jikkorrispondi ma’ sitwazzjonijiet ta’ livelli ta’ riskju differenti.

Ladarba jitfasslu l-kriterji ta’ din il-klassifikazzjoni, it-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-BERS għandhom jindikaw, fuq bażi ta’ każ b’każ, u fejn ikun xieraq, il-kategorija tar-riskju.

Artikolu 17

Segwitu tar-rakkomandazzjonijiet tal-BERS

1.   Jekk rakkomandazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 3(2) tkun indirizzata lill-Kummissjoni, lil Stat Membru wieħed jew aktar, lil waħda jew aktar mill-ASE, jew lil waħda jew aktar mill-awtoritajiet ta’ sorveljanza nazzjonali, id-destinatarji għandhom jikkomunikaw lill-BERS u lill-Kunsill l-azzjonijiet li ttieħdu b’rispons għar-rakkomandazzjoni u għandhom jipprovdu ġustifikazzjoni adegwata għal kwalunkwe nuqqas ta’ azzjoni. Fejn ikun rilevanti, il-BERS għandu, soġġett għal regoli stretti ta’ kunfidenzjalità, jinforma lill-ASE mingħajr dewmien dwar it-tweġibiet li jkun rċieva.

2.   Jekk il-BERS jiddeċiedi li r-rakkomandazzjoni tiegħu ma tkunx ġiet segwita jew li d-destinatarji ma jkunux taw ġustifikazzjoni xierqa għan-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom huwa għandu, soġġett għal regoli stretti ta’ kunfidenzjalità, jinforma lid-destinatarji, lill-Kunsill u, fejn ikun rilevanti, lill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej ikkonċernati.

3.   Jekk il-BERS ikun ħa deċiżjoni skont il-paragrafu 2 dwar rakkomandazzjoni li tkun saret pubblika skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 18(1), il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-President tal-BERS biex jippreżenta dik id-deċiżjoni u d-destinatarji jistgħu jitlobu li jipparteċipaw fi skambju ta’ fehmiet.

Artikolu 18

Twissijiet u rakkomandazzjonijiet pubbliċi

1.   Il-Bord Ġenerali għandu jiddeċiedi fuq bażi ta’ każ b’każ, wara li jkun informa lill-Kunsill fi żmien suffiċjentement minn qabel sabiex ikun jista’ jirreaġixxi, dwar jekk twissija jew rakkomandazzjoni għandhiex issir pubblika. Minkejja l-Artikolu 10(3), kworum ta’ żewġ terzi għandu dejjem japplika għad-deċiżjonijiet meħudin mill-Bord Ġenerali skont dan il-paragrafu.

2.   Jekk il-Bord Ġenerali jiddeċiedi li jagħmel pubblika twissija jew rakkomandazzjoni, huwa għandu jinforma lid-destinatarji minn qabel.

3.   Id-destinatarji tat-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet ippubblikati mill-BERS għandhom ukoll ikunu pprovduti bid-drittijiet li jagħmlu pubbliċi l-opinjonijiet u r-raġunament tagħhom b’reazzjoni għalihom.

4.   Meta l-Bord Ġenerali jiddeċiedi li ma jagħmilx pubblika twissija jew rakkomandazzjoni, id-destinatarji u fejn ikun xieraq, il-Kunsill u l-ASE għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni tan-natura kunfidenzjali tagħhom.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 19

Obbligi ta’ responsabbiltà u ta’ rappurtar

1.   Mill-anqas darba fis-sena u aktar spiss f’każ ta’ inkwiet finanzjarju mifrux, il-President tal-BERS għandu jiġi mistieden għal smigħ annwali fil-Parlament Ewropew, fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-BERS lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dak is-smigħ għandu jitmexxa b’mod separat mid-djalogu monetarju bejn il-Parlament Ewropew u l-President tal-BĊE.

2.   Ir-rapport annwali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun fih l-informazzjoni li l-Bord Ġenerali jiddeċiedi li jagħmel pubbliku skont l-Artikolu 18. Ir-rapport annwali għandu jsir disponibbli għall-pubbliku.

3.   Il-BERS għandu jeżamina wkoll kwistjonijiet speċifiċi fuq stedina tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill jew il-Kummissjoni.

4.   Il-Parlament Ewropew jista’ jitlob lill-President tal-BERS biex jattendi seduta ta’ smigħ tal-Kumitati kompetenti tal-Parlament Ewropew.

5.   Il-President tal-BERS għandu jkollu diskussjonijiet orali kunfidenzjali tal-inqas darbtejn fis-sena u aktar spiss jekk jitqies xieraq, fil-magħluq mal-President u l-Viċi-Presidenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament Ewropew dwar l-attività attwali tal-BERS. Għandu jiġi konkluż ftehim bejn il-Parlament Ewropew u l-BERS dwar il-modalitajiet dettaljati tal-organizzazzjoni ta’ dawk il-laqgħat, bil-ħsieb li tiġi żgurata kunfidenzjalità sħiħa f’konformità mal-Artikolu 8. Il-BERS għandu jipprovdi kopja ta’ dak il-ftehim lill-Kunsill.

Artikolu 20

Reviżjoni

Sas-17 ta’ Diċembru 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jeżaminaw dan ir-Regolament abbażi ta’ rapport mill-Kummissjoni u, wara li jkunu rċevew opinjoni mill-BĊE u l-ASE, huma għandhom jiddeterminaw jekk tkunx meħtieġa reviżjoni tal-missjoni u l-organizzazzjoni tal-BERS.

Huma għandhom b’mod partikolari jirrevedu l-modalitajiet għall-ħatra jew l-elezzjoni tal-President tal-BERS.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-24 ta’ Novembru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  ĠU C 270, 11.11.2009, p. 1.

(2)  Opinjoni tat-22 ta’ Jannar 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Settembru 2010 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tas-17 ta’ Novembru 2010

(4)  ĠU C 40, 7.2.2001, p. 453.

(5)  ĠU C 25 E, 29.1.2004, p. 394.

(6)  ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 392.

(7)  ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 26.

(8)  ĠU C 9 E, 15.1.2010, p. 48.

(9)  ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 214.

(10)  ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 292.

(11)  Ara paġna 12 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(12)  Ara paġna 48 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(13)  Ara paġna 84 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

(14)  ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164.

(15)  ĠU L 318, 27.11.1998, p. 8.

(16)  Rapporti tal-Qorti Ewropea 2006 Paġna I-03771, para 44.

(17)  Ara paġna 162 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.