30.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 314/47


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1061/2010

tat-28 ta’ Settembru 2010

li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għal magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti tal-enerġija relatati (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 10 tagħha,

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2010/30/UE tirrikjedi li l-Kummissjoni tadotta atti delegati fir-rigward tat-tikkettar ta’ prodotti tal-enerġija relatati li jirrappreżentaw potenzjal sinifikanti għall-iffrankar tal-enerġija u li għandhom differenza wiesgħa fil-livelli ta’ prestazzjoni b’funzjonalità ekwivalenti.

(2)

Id-dispożizzjonijiet għat-tikkettar tal-enerġija tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi kienu stabbiliti fid-Direttiva tal-Kummissjoni 95/12/KE tat-23 ta’ Mejju 1995 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE rigward tat-tikkettar li jindika l-konsum tal-enerġija tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi (2).

(3)

L-elettriku użat mill-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi jgħodd għal parti sinifikanti mid-domanda totali għall-elettriku mid-djar fl-Unjoni. Barra mit-titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija li diġà sar, għad hemm lok sostanzjali għal aktar tnaqqis fil-konsum tal-enerġija mill-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi.

(4)

Id-Direttiva 95/12/KE għandha titħassar u għandhom jiġu stipulati dispożizzjonijiet ġodda minn dan ir-Regolament sabiex jiġi żgurat li t-tikketta dwar l-enerġija tipprovdi inċentivi dinamiċi għall-fornituri sabiex ikomplu jtejbu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi u titħaffef it-trasformazzjoni tas-suq lejn teknoloġiji effiċjenti fl-użu tal-enerġija.

(5)

Il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domenstiċi li jnixxfu wkoll ġew indirizzati fid-Direttiva tal-Kummissjoni 96/60/KE tad-19 ta’ Settembru 1996 li timplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 92/75/KEE rigward it-tikketti li jindikaw il-konsum tal-enerġija ta’ magni tad-dar għall-ħasil u għat-tnixxif tal-ħwejjeġ f’daqqa (3) u għandhom għalhekk jiġu eżentati mill-ambitu ta’ din id-Direttiva. Madankollu, peress li dawn joffru funzjonijiet simili għal dawk tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi, għandha titwettaq reviżjoni tad-Direttiva 96/60/KE malajr kemm jista’ jkun.

(6)

L-informazzjoni pprovduta fuq it-tikketta għandha tinkiseb bis-saħħa ta’ proċeduri ta’ kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta’ kejl l-aktar riċenti u avvanzati rikonoxxuti inklużi, fejn disponibbli, standards armonizzati adottati mill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej, kif elenkati fl-Anness I għad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-Regolamenti tekniċi u tar-regoli tas-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni (4).

(7)

Dan ir-Regolament għandu jispeċifika disinn u kontenut uniformi għat-tikketta tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi.

(8)

Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jispeċifika r-rekwiżiti għad-dokumentazzjoni teknika u l-iskeda għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi.

(9)

Fuq kollox, dan ir-Regolament għandu jispeċifika r-rekwiżiti dwar l-informazzjoni li għandha tingħata waqt bejgħ tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi li jsir mill-bogħod, fil-pubbliċità u l-materjal promozzjonali ta’ natura teknika.

(10)

Huwa xieraq li jkun hemm provvediment għal analiżi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament li jqis il-progress teknoloġiku.

(11)

Sabiex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni mid-Direttiva 95/12/KE għal dan ir-Regolament, għandhom isiru dispożizzjonijiet li l-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi ittikkettjati skont dan ir-Regolament għandhom jitqiesu konformi mad-Direttiva 95/12/KE.

(12)

Id-Direttiva 95/12/KE għandha għalhekk tiġi mħassra,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti għat-tikkettar u l-forniment tal-informazzjoni supplimentari dwar il-prodott tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi li jitħaddmu bl-elettriku mill-mejns u l-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi li jitħaddmu bl-elettriku mill-mejns li jistgħu jitħaddmu wkoll bil-batteriji, inklużi dawk li jinbiegħu għal użu mhux domestiku u magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi inkorporati (built-in).

2.   Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal magni domestiċi li jaħslu kif ukoll inixxfu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

B’żjieda mad-definizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/30/UE, id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

“magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika” tfisser magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ awtomatika li tnaddaf u tlaħlaħ it-tessuti billi tuża l-ilma, li għandha wkoll funzjoni ta’ estrazzjoni waqt it-tidwir (spin extraction function) u li hija ddisinjata biex prinċipalment tintuża għal skopijiet mhux professjonali;

(2)

“magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika inkorporata” tfisser magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi magħmula biex jiġu installati f’armarju, fi spazju vojt f’ħajt jew f’xi post simili, u li jenħtiġilhom finitura ta’ għamara;

(3)

“magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ awtomatika” tfisser magna tal-ħasil fejn it-tagħbija tiġi trattata kompletament mill-magna mingħajr il-bżonn ta’ xi intervent mill-utent matul il-programm;

(4)

“magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika li taħsel kif ukoll tnixxef” tfisser magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika li tinkludi kemm funzjoni tal-estrazzjoni bit-tidwir kif ukoll mezz biex tnixxef it-tessuti, normalment permezz tat-tisħin u t-tgerbib;

(5)

“programm” tfisser serje ta’ operazzjonijiet li huma definiti minn qabel u li huma ddikjarati mill-fornitur bħala adatti għall-ħasil ta’ ċerti tipi ta’ tessuti;

(6)

“ċiklu” tfisser il-proċess sħiħ tal-ħasil, it-tlaħliħ u t-tidwir, kif definit għall-programm magħżul;

(7)

“tul tal-programm” tfisser il-ħin li jgħaddi minn x’ħin jibda l-programm sa x’ħin ilesti l-programm bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe dewmien programmat min-naħa tal-utent aħħari;

(8)

“kapaċità nominali” tfisser il-massa massima f’kilogrammi kif iddikjarat mill-fornitur, f’intervalli ta’ 0.5 kg ta’ tessuti xotti ta’ tip partikolari li jistgħu jiġu ttrattati f’magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika bil-programm magħżul, meta mgħobbija skont l-istruzzjonijiet tal-fornitur;

(9)

“tagħbija parzjali” tfisser nofs il-kapaċità nominali tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika għal programm partikolari;

(10)

“kontenut ta’ ndewwa residwali” tfisser l-ammont ta’ ndewwa li jkun hemm fit-tagħbija fit-tmiem il-fażi tad-dawran;

(11)

“modalità mitfija” tfisser kundizzjoni fejn il-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika tkun mitfija permezz tal-kontrolli jew l-iswiċċijiet aċċessibbli u intenzjonati biex jintużaw mill-utent aħħari waqt l-użu normali sabiex jinkiseb l-inqas konsum ta’ enerġija li jista’ jinżamm għal ħin indefinit filwaqt li l-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika tkun imqabbda mas-sors tal-enerġija u użata skont l-istruzzjonijiet tal-fornitur; fejn mhemmx kontrolli jew swiċċ li huwa aċċessibbli għall-utent aħħari, “modalità mitfija” tfisser il-kundizzjoni milħuqa wara li l-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika titħalla tmur lura weħidha għal stat stabbli ta’ konsum tal-enerġija;

(12)

“modalità mixgħula u inattiva” tfisser l-aktar konsum baxx ta’ enerġija li jista’ jinżamm għal ħin indefinit wara li jitlesta l-programm mingħajr aktar intervent mill-utent aħħari apparti l-ħatt tat-tagħbija mill-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika;

(13)

“magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika ekwivalenti” tfisser mudell ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika li tqiegħdet fis-suq li jkollha l-istess kapaċità nominali, karatteristiċi tekniċi u ta’ prestazzjoni, konsum ta’ enerġija u ilma u emissjonijiet fl-arja ta’ storbju akustiku matul il-ħasil u d-dawran bħal mudell ieħor ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika imqiegħed fis-suq b’numru differenti tal-kodiċi kummerċjali mill-istess fornitur;

(14)

“utent aħħari” tfisser konsumatur li jixtri jew mistenni jixtri magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika;

(15)

“punt ta’ bejgħ” tfisser post minn fejn magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi jitpoġġew għall-wiri u/jew jiġu offruti għall-bejgħ, għall-kiri jew għax-xiri bin-nifs.

Artikolu 3

Responsabbiltajiet tal-fornituri

Il-fornituri għandhom jiżguraw li:

(a)

kull magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jkollha tikketta pprintjata fil-format u bil-kontenut kif stipulat fl-Anness I;

(b)

ikun hemm disponibbli skeda tal-prodott kif stipulat fl-Anness II;

(c)

fuq talba jkun hemm disponibbli għall-awtoritajiet tal-Istati Membru u l-Kummissjoni dokumentazzjoni teknika kif stipulat fl-Anness II

(d)

kull pubbliċità għal mudell speċifiku ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jkun fiha l-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jekk il-pubbliċità tkun qed tagħti informazzjoni relatata mal-enerġija jew mal-prezz;

(e)

kull materjal tekniku ta’ pubbliċità dwar mudell speċifiku ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika li tiddeskrivi l-parametri tekniċi speċifiċi jkun fiha l-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ dak il-mudell.

Artikolu 4

Responsabbiltajiet tan-negozjanti

Il-bejjiegħa għandhom jiżguraw li:

(a)

kull magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika, fil-punt tal-bejgħ, ikollha t-tikketta pprovduta mill-fornituri skont l-Artikolu 3(a) fuq il-faċċata jew fuq il-wiċċ ta’ fuq tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika, b’tali mod li tkun tidher ċar;

(b)

il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi offruti għall-bejgħ, kiri jew xiri bin-nifs fejn l-utenti aħħari ma jistax ikun mistenni li jara l-prodott muri jkunu kkummerċjalizzati bl-informazzjoni li għandha tingħata mill-fornituri skont l-Anness IV;

(c)

kull pubbliċità għal mudell speċifiku ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jkun fiha referenza għall-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jekk il-pubbliċità tkun qed tagħti informazzjoni relatata mal-enerġija jew mal-prezz;

(d)

kull materjal tekniku ta’ pubbliċità dwar mudell speċifiku ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika li jiddeskrivi l-parametri tekniċi speċifiċi jkun fih il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ta’ dak il-mudell.

Artikolu 5

Metodi tal-kejl

L-informazzjoni li għandha tingħata skont l-Artikoli 3 u 4 għandha tinkiseb permezz ta’ proċeduri ta’ kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-aqwa metodi ta’ kejl rikonoxxuti.

Artikolu 6

Proċedura tal-verifika għal finijiet ta’ sorveljanza tas-suq

L-Istati Membri għandhom japplikaw il-proċedura stipulata fl-Anness V meta jivvalutaw il-konformità tal-klassi ddikjarata tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, il-konsum annwali tal-enerġija, il-konsum annwali tal-ilma, il-klassi ta’ effiċjenza tat-tnixxif bit-tidwir, il-konsum tal-enerġija fil-modalità mitfija u fil-modalità mixgħula u inattiva, it-tul tal-modalità mixgħula u inattiva, il-kontenut ta’ ndewwa residwali, il-veloċità tat-tidwir u l-emissjonijiet fl-arja ta’ storbju akustiku.

Artikolu 7

Reviżjoni

Il-Kummissjoni għandha tanalizza dan ir-Regolament fid-dawl ta’ progress teknoloġiku mhux aktar tard minn erba’ snin wara d-dħul fis-seħħ tiegħu. L-analiżi għandha tivvaluta b’mod partikolari t-tolleranzi tal-verifika stipulati fl-Anness V.

Artikolu 8

Revoka

Id-Direttiva 95/12/KE għandha tiġi revokata mill-20 ta’ Diċembru 2011.

Artikolu 9

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.   L-Artikoli 3 (d) u (e) u l-Artikolu 4 (b), (c) u (d) ma għandhomx japplikaw għall-pubbliċità pprintjata u għal materjal tekniku ta’ promozzjoni pprintjat qabel l-20 ta’ April 2012.

2.   Il-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi mqiegħda fis-suq qabel l-20 Diċembru 2011 għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet stipulati fid-Direttiva 95/12/KE.

3.   Jekk kienet adottata miżura implimentattiva għad-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) fir-rigward tar-rekwiżiti tal-ekodisinn għall-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi, magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi, li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura implimentattiva fir-rigward tar-rekwiżiti tal-effiċjenza tal-ħasil u mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u li huma mqiegħda għall-bejgħ, għall-kiri jew għax-xiri bin-nifs qabel l-20 ta’ Diċembru 2011 għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati fid-Direttiva 95/12/KE.

Artikolu 10

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mill-20 ta’ Diċembru 2011. Madankollu, l-Artikolu 3 (d) u (e) u l-Artikolu 4 (b), (c) u (d) għandhom japplikaw mill-20 ta’ April 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 153, 18.6.2010, p. 1.

(2)  ĠU L 47, 24.2.1996, p. 35.

(3)  ĠU L 266, 18.10.1996, p. 1.

(4)  ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37.

(5)  ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10.


ANNESS I

Tikketta

1.   TIKKETTA

Image

(1)

L-informazzjoni li ġejja għandha tiġi inkluża fit-tikketta:

I.

l-isem tal-fornitur jew il-marka kummerċjali;

II.

l-identifikatur tal-fornitur tal-mudell, jiġifieri l-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell speċifiku ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika minn mudelli oħra bl-istess marka kummerċjali jew isem tal-fornitur;

III.

il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija ddeterminata skont l-Anness I, il-punt 1; it-tarf tal-vleġġa fejn tidher il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika għandha titpoġġa fl-istess livell tat-tarf tal-vleġġa fejn tidher il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija rilevanti;

IV.

il-konsum annwali ta’ enerġija ppeżat (AEC ) f’kWh kull sena, aġġustat għall-eqreb numru sħiħ u kkalkulat skont l-Anness VII;

V.

il-konsum annwali tal-ilma ppeżat (AWC ), f’litri kull sena, aġġustat għall-eqreb numru sħiħ u kkalkulat skont l-Anness VII;

VI.

il-kapaċità nominali, f’kilogrammi, għall-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija sħiħa jew għall-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 40 °C b’tagħbija sħiħa, skont liema tkun l-inqas;

VII.

il-klassi tal-effiċjenza tat-tnixxif bid-dawran kif stipulat fl-Anness VI, il-punt 2;

VIII.

emissjonijiet fl-arja ta’ storbju akustiku, waqt il-fażijiet tal-ħasil u d-dawran għall-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija sħiħa espressi f’dB(A) re 1 pW u aġġustati għall-eqreb numru sħiħ.

(2)

Id-disinn tat-tikketta għandu jkun skont il-punt 2. Permezz ta’ deroga, meta mudell ikun ingħata “ekotikketta tal-Unjoni Ewropea” skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), tista’ tiżdied kopja tal-Ekotikketta tal-UE.

2.   DIŻINN TAT-TIKKETTA

Id-diżinn tat-tikketta għandu jkun kif stipulat fid-diżinn hawn taħt.

Image

Fejn:

(a)

It-tikketta għandha tkun mill-inqas 110 mm wiesgħa u 220 mm għolja. Meta t-tikketta tiġi stampata f’format ikbar, il-kontenut tagħha xorta waħda għandu jibqa’ proporzjonat mal-ispeċifikazzjonijiet imsemmija hawn fuq.

(b)

L-isfond għandu jkun abjad.

(c)

Il-kuluri għandhom ikunu CMYK - cyan, maġenta, isfar, u iswed – skont dan l-eżempju: 00-70-X-00: 0 % cyan, 70 % maġenta, 100 % isfar, 0 % iswed.

(d)

It-tikketta għandha tissodisfa r-rekwiżiti kollha li ġejjin (in-numri jirreferu għad-dijagramma li tidher hawn fuq):

Image

Linja tal-Bordura: 5 pt – kulur: Cyan 100 % – kantunieri tondi: 3,5 mm.

Image

Logo tal-UE – kuluri: X-80-00-00 u 00-00-X-00.

Image

Logo tal-enerġija: kulur: X-00-00-00.

Pittogramma kif murija: Logo tal-UE u logo tal-enerġija (flimkien): wisa’: 92 mm, għoli: 17 mm.

Image

Linja tal-bordura tal-logos iż-żgħar: 1 pt – kulur: Cyan 100 % – tul: 92,5 mm.

Image

Skala A-G

Vleġġa: għoli: 7 mm, spazju bejn vleġġa u oħra: 0,75 mm – kuluri:

L-ogħla klassi: X-00-X-00,

It-tieni klassi: 70-00-X-00,

It-tielet klassi: 30-00-X-00,

Ir-raba’ klassi: 00-00-X-00,

Il-ħames klassi: 00-30-X-00,

Is-sitt klassi: 00-70-X-00,

L-aħħar klassi: 00-X-X-00.

Test: Calibri bold 18 pt, b’ittri kbar, abjad; “+” simboli: Calibri bold 12 pt, b’ittri kbar, abjad, allinejati fuq ringiela waħda.

Image

Klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija

Vleġġa: wisa’: 26 mm, għoli: 14 mm, 100 % iswed;

Test: Calibri bold 29 pt, b’ittri kbar, abjad; “+” simboli: Calibri bold 18 pt, b’ittri kbar, abjad, allinejati fuq ringiela waħda.

Image

Enerġija: Test: Calibri regular 11 pt, ittri kapitali, 100 % iswed.

Image

Konsum annwali ta’ enerġija ppeżat

Bordura: 2 pt – kulur: Cyan 100 % – kantunieri tondi: 3,5 mm.

Valur: Calibri bold 42 pt, 100 % iswed; u Calibri regular 17 pt, 100 % iswed.

Image

Konsum annwali ta’ ilma ppeżat

Pittogramma kif murija

Bordura: 2 pt – kulur: Cyan 100 % – kantunieri tondi: 3,5 mm.

Valur: Calibri bold 24 pt, 100 % iswed; u Calibri regular 16 pt, 100 % iswed.

Image

Kapaċità nominali

Pittogramma kif murija

Bordura: 2 pt – kulur: Cyan 100 % – kantunieri tondi: 3,5 mm.

Valur: Calibri bold 24 pt, 100 % iswed; u Calibri regular 16 pt, 100 % iswed.

Image

Klassi tal-effiċjenza tat-tnixxif bid-dawran

Pittogramma kif murija

Bordura: 2 pt – kulur: Cyan 100 % – kantunieri tondi: 3,5 mm.

Valur: Calibri regular 16 pt, skala orizzontali 75 %, 100 % iswed u Calibri bold 22 pt, skala orizzontali 75 %, 100 % iswed.

Image

Emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja

Pittogrammi kif murija

Bordura: 2 pt – kulur: Cyan 100 % – kantunieri tondi: 3,5 mm.

Valur: Calibri bold 24 pt, 100 % iswed; u Calibri regular 16 pt 100 % iswed.

Image

L-isem tal-fornitur jew il-marka kummerċjali.

Image

L-identifikatur tal-mudell tal-fornitur

Image

Isem il-fornitur jew tal-marka kummerċjali u l-identifikatur tal-mudell għandhom joqogħdu fi spazju ta’ 92 × 15 mm.

Image

Innumerar tar-Regolament Calibri bold 12 pt, 100 % iswed;


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.


ANNESS II

Skeda tal-prodott

1.

L-informazzjoni fl-iskeda tal-prodott tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika għandha tingħata fl-ordni li ġej u għandha tkun inkluża fil-fuljett tal-prodott jew f'letteratura oħra mogħtija mal-prodott:

(a)

isem il-fornitur jew il-marka kummerċjali;

(b)

l-identifikatur tal-fornitur tal-mudell, jiġifieri l-kodiċi, ġeneralment alfanumeriku, li jiddistingwi mudell speċifiku ta' magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika minn mudelli oħra bl-istess marka kummerċjali jew isem tal-fornitur;

(c)

il-kapaċità nominali f'kilogrammi ta' qoton, għall-programm standard b'temperatura ta' 60 °C b'tagħbija sħiħa jew għall-programm standard għall-qoton b'temperatura ta' 40 °C b'tagħbija sħiħa, skont liema tkun l-inqas;

(d)

il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija skont l-Anness VI, il-punt 1;

(e)

fejn il-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika tkun ingħatat “premju tal-UE tal-Ekotikketta” skont ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), din l-informazzjoni tiġi inkluża;

(f)

il-konsum annwali tal-enerġija ppeżat (AEC ) f'kWh fis-sena, aġġustat sal-eqreb numru sħiħ; għandu jiġi deskritt kif ġej: “Konsum ta' enerġija ‘X’ kWh fis-sena, ibbażat fuq 220 ċiklu standard ta' ħasil għall-programm għall-qoton b'temperatura ta' 60 °C u 40 °C b'tagħbija sħiħa u parzjali, u l-konsum tal-modalitajiet ta' enerġija baxxa. Il-konsum proprju ta' enerġija jiddependi minn kif jintuża l-t-tagħmir.”;

(g)

il-konsum tal-enerġija (Et,60 , Et,60½ , Et,40½ ) għall-programm għall-qoton b'temperatura ta' 60 °C b'tagħbija sħiħa u parzjali u għall-programm għall-qoton b'temperatura ta' 40 °C b'tagħbija parzjali;

(h)

il-konsum tal-enerġija ppeżat tal-modalità mitfija u tal-modalità mixgħula u inattiva;

(i)

il-konsum annwali tal-ilma ppeżat (AW C) f'litri fis-sena, aġġustat sal-eqreb numru sħiħ; għandu jiġi deskritt kif ġej: “Konsum ta' ilma ‘X’ litri fis-sena, ibbażat fuq 220 ċiklu standard ta' ħasil għall-programmi għall-qoton b'temperatura ta' 60 °C u 40 °C b'tagħbija sħiħa u parzjali. Il-konsum proprju tal-ilma jiddependi minn kif jintuża t-tagħmir.”;

(j)

il-klassi tal-effiċjenza tat-tnixxif bid-dawran stabbilita skont l-Anness VI, il-punt 2, espressi bħala “klassi ‘X’ tal-effiċjenza tat-tnixxif bid-dawran fuq skala minn G (l-inqas effiċjenti) sa A (l-aktar effiċjenti)”; din tista' tiġi espressa b'mezzi oħra sakemm ikun ċar li l-iskala hija minn G (l-inqas effiċjenti) sa A (l-aktar effiċjenti);

(k)

il-veloċità massima tad-dawran li tintlaħaq għall-programm standard għall-qoton b'temperatura ta' 60 °C b'tagħbija sħiħa jew għall-programm standard għall-qoton b'temperatura ta' 40 °C b'tagħbija parzjali, skont liema tkun l-inqas u l-kontenut ta' ndewwa residwali miksub għall-program standard għall-qoton b'temperatura ta' 60 °C b'tagħbija sħiħa jew għall-program standard għall-qoton b'temperatura ta' 40 °C b'tagħbija parzjali, skont liema tkun l-akbar;

(l)

l-indikazzjoni li “l-programm standard għall-qoton b'temperatura ta' 60 °C” u “l-programm standard għall-qoton b'temperatura ta' 40 °C” huma l-programmi standard tal-ħasil li tirreferi għalihom l-informazzjoni fit-tikketta u l-iskeda, li dawn il-programmi huma adatti biex inaddfu ħasla tal-qoton bi ħmieġ normali u li huma l-aktar programmi effiċjenti f'termini ta' konsum ikkombinat ta' enerġija u ilma;

(m)

it-tul ta' ħin tal-“programm standard għall-qoton b'temperatura ta' 60 °C” b'tagħbija sħiħa u parzjali u “l-programm standard għall-qoton b'temperatura ta' 40 °C” b'tagħbija parzjali, f'minuti u aġġustat għall-eqreb minuta;

(n)

It-tul ta' ħin tal-modalità mixgħula u inattiva (Tl ) jekk il-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika tkun mgħammra b'sistema ta' ġestjoni tal-enerġija;

(o)

l-emissjonijiet fl-arja ta' storbju akustiku, waqt il-fażijiet tal-ħasil u d-dawran għall-programm standard għall-qoton b'temperatura ta' 60 °C b'tagħbija sħiħa espressi f'dB(A) re 1 pW u aġġustati għall-eqreb numru sħiħ;

(p)

f'każ li l-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika tkun inkorporata, indikazzjoni ta' dan.

2.

Skeda waħda tista' tkopri għadd ta' mudelli ta' magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi fornuti mill-istess fornitur.

3.

L-informazzjoni fl-iskeda tista' tingħata f'forma ta' kopja tat-tikketta, bil-kulur jew bl-abjad u l-iswed. Fejn dan ikun il-każ, l-informazzjoni mniżżla fil-punt 1 li mhux diġà tidher fuq it-tikketta għandha tingħata wkoll.


(1)  ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1.


ANNESS III

Dokumentazzjoni teknika

1.

Id-dokumentazzjoni teknika msemmija fl-Artikolu 3(c) għandha tinkludi:

(a)

isem u indirizz il-fornitur;

(b)

deskrizzjoni ġenerali tal-mudell tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika, suffiċjenti biex tkun identifikata faċilment u bla ebda dubju;

(c)

fejn xieraq, ir-referenzi tal-istandards armonizzati applikati;

(d)

fejn xieraq, l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi l-oħra użati;

(e)

identifikazzjoni u firma tal-persuna awtorizzata li torbot lill-fornitur;

(f)

indikazzjoni li turi jekk il-mudell tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika tirrilaxxax jew le joni tal-fidda matul iċ-ċiklu tal-ħasil kif ġej: “Dan il-prodott jirrilaxxa/ma jirrilaxxax joni tal-fidda matul iċ-ċiklu tal-ħasil.”;

(g)

parametri tekniċi għall-kejl kif ġej:

(i)

konsum ta’ enerġija;

(ii)

tul ta’ ħin tal-programm;

(iii)

konsum ta’ ilma;

(iv)

konsum ta’ enerġija fil-“modalità mitfija”;

(v)

konsum ta’ enerġija fil-“modalità mixgħula u inattiva”;

(vi)

ħin li ddum fil-“modalità mixgħula u inattiva”;

(vii)

kontenut ta’ ndewwa residwali;

(viii)

emmissjonijiet fl-arja ta’ storbju akustiku;

(ix)

veloċità massima tat-tidwir;

(h)

riżultati tal-kalkoli mwettqa skont l-Anness VII.

2.

Fejn l-informazzjoni inkluża fil-fajl tad-dokumentazzjoni teknika għal mudell partikolari ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika tkun inkisbet b’kalkolu abbażi tad-disinn, jew mill-estrapolazzjoni minn magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi ekwivalenti, jew mit-tnejn, id-dokumentazzjoni għandha tinkludi d-dettalji ta’ dawn il-kalkoli jew l-estrapolazzjonijiet jew it-tnejn, u tat-testijiet imwettqa mill-fornituri sabiex tiġi vverifikata l-preċiżjoni tal-kalkoli mwettqa. L-informazzjoni għandha tinkludi wkoll lista tal-mudelli l-oħra kollha ta’ magni tal-ħasil domestiċi tal-ħwejjeġ ekwivalenti minn fejn l-informazzjoni tkun inkisbet fuq l-istess bażi.


ANNESS IV

Informazzjoni li għandha tingħata f’każijiet fejn l-utenti aħħarin ma jistgħux ikunu mistennija li jaraw fuq il-prodott muri

1.

L-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(b) għandha tkun ipprovduta fl-ordni li ġejja:

(a)

il-kapaċità nominali f’kilogrammi ta’ qoton, għall-programm standard b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija sħiħa jew għall-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 40 °C b’tagħbija sħiħa, skont liema tkun l-inqas;

(b)

il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija kif definit fl-Anness VI, il-punt 1;

(c)

il-konsum annwali tal-enerġija ppeżat, indikat f’kWh fis-sena u aġġustat sal-eqreb numru sħiħ u kkalkulat skont l-Anness VII, il-punt 1(c);

(d)

il-konsum annwali tal-ilma ppeżat, indikat f’litri fis-sena u aġġustat sal-eqreb numru sħiħ u kkalkulat skont l-Anness VII, il-punt 2(a);

(e)

il-klassi tal-effiċjenza tat-tnixxif bid-dawran skont l-Anness VI, il-punt 2;

(f)

il-veloċità massima tad-dawran li tintlaħaq għall-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija sħiħa jew għall-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 40 °C b’tagħbija parzjali, skont liema tkun l-inqas u l-kontenut ta’ ndewwa residwali miksub għall-program standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija sħiħa jew għall-program standard għall-qoton b’temperatura ta’ 40 °C b’tagħbija parzjali, skont liema tkun l-akbar;

(g)

emissjonijiet fl-arja ta’ storbju akustiku, waqt il-fażijiet tal-ħasil u tad-dawran għall-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija sħiħa espressi f’dB(A) re 1 pW u aġġustati għall-eqreb numru sħiħ;

(h)

f’każ li l-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika hija prodotta sabiex tkun inkorporata, indikazzjoni ta’ dan.

2.

Fejn tingħata wkoll informazzjoni oħra li tinsab fl-iskeda dwar il-prodott, din għandha tkun fil-forma u fl-ordni speċifikati fl-Anness II.

3.

Id-daqs u t-tipa, li bihom tkun stampata jew murija l-informazzjoni kollha msemmija f’dan l-Anness, għandha tkun tista’ tinqara.


ANNESS V

Proċedura tal-verifika għal finijiet ta’ sorveljanza tas-suq

Għall-finijiet ta’ verifika tal-konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4, l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jittestjaw magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika waħda. F'każ li l-parametri mkejla ma jilħqux il-valuri ddikjarati mill-fornitur fil-firxa stipulata fit-Tabella 1, il-kejl għandu jitwettaq fuq tliet magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi oħra. Il-medja aritmetika tal-valuri mkejla ta’ dawn it-tliet magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi għandhom jilħqu l-valuri ddikjarati mill-fornitur fil-firxa stipulata fit-Tabella 1, minbarra għall-konsum ta’ enerġija fejn il-valuri mkejla ma għandhomx ikunu aktar mill-valur nominali ta’ Et b'iktar minn 6 %.

F'każ kuntrarju, il-mudell tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika u l-mudelli ekwivalenti l-oħra kollha għandhom jitqiesu mhux konformi mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jużaw proċeduri ta’ kejl affidabbli, preċiżi u riproduċibbli, li jqisu l-metodi ta’ kejl l-aktar riċenti u avvanzati ġeneralment rikonoxxibbli, inklużi l-metodi stipulati f'dokumenti li n-numri ta’ referenza tagħhom ġew ippubblikati għal dak il-għan f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Tabella 1

Parametri mkejla

Tolleranzi tal-verifika

Konsum annwali tal-enerġija

Il-valur imkejjel ma għandux ikun ogħla mill-valur nominali (*) ta’ AEC b'aktar minn 10 %.

Konsum ta’ enerġija

Il-valur imkejjel ma għandux ikun ikbar mill-valur nominali ta’ Et b'aktar minn 10 %.

Tul ta’ ħin tal-programm

Il-valur imkejjel ma għandux jaqbeż il-valur nominali ta’ Tt b'iktar minn 10 %.

Konsum ta’ ilma

Il-valur imkejjel ma għandux jaqbeż il-valur nominali ta’ Wt b'iktar minn 10 %.

Kontenut ta’ ndewwa residwali

Il-valur imkejjel ma għandux jaqbeż il-valur nominali ta’ D b'iktar minn 10 %.

Veloċità tad-dawran

Il-valur imkejjel ma għandux jaqbeż il-valur nominali b'iktar minn 10 %.

Konsum tal-enerġija meta mitfija u meta tibqa' mixgħula u inattiva

Il-valur imkejjel ta’ konsum tal-enerġija Po u Pl li jkun akbar minn 1.00 W ma għandux ikun akbar mill-valur nominali b'aktar minn 10 %. Il-valur imkejjel tal-konsum tal-enerġija Po u Pl ta’ 1,00 W jew inqas ma għandux ikun ogħla mill-valur nominali b'aktar minn 0,10 W.

Tul ta’ ħin fil-modalità mixgħula u inattiva

Il-valur imkejjel ma għandux ikun itwal mill-valur nominali ta’ Tl b'iktar minn 10 %.

Emissjonijiet ta’ storbju akustiku trażmess bl-arja

Il-valur imkejjel għandu jilħaq il-valur nominali.


(*)  “Valur nominali” tfisser il-valur iddikjarat mill-fornitur.


ANNESS VI

Klassijiet tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u klassijiet tal-effiċjenza tat-tnixxif bid-dawran

1.   KLASSIJIET TAL-EFFIĊJENZA FL-UŻU TAL-ENERĠIJA

Il-klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija tal-magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestiċi għandha tiġi determinata abbażi tal-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (EEI) kif stipulat fit-Tabella 1.

L-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (EEI) ta' magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika għandu jiġi determinat skont l-Anness VII, il-punt 1.

Tabella 1

Klassijiet tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija

Klassi tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija

Indiċi tal-Effiċjenza fl-użu tal-Enerġija

A+++ (l-iktar effiċjenti)

EEI < 46

A++

46 ≤ EEI < 52

A+

52 ≤ EEI < 59

A

59 ≤ EEI < 68

B

68 ≤ EEI < 77

C

77 ≤ EEI < 87

D (l-anqas effiċjenti)

EEI ≥ 87

2.   KLASSIJIET TAL-EFFIĊJENZA TAT-TNIXXIF BID-DAWRAN

Il-klassi tal-effiċjenza tat-tnixxif bid-dawran ta' magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika għandha tiġi determinata abbażi tal-kontenut ta' ndewwa residwali (D) kif stipulat fit-Tabella 2.

Il-kontenut ta' ndewwa residwali (D) ta' magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika għandu jiġi determinat skont l-Anness VII, il-punt 3.

Tabella 2

Klassijiet tal-effiċjenza tat-tnixxif bid-dawran

Klassi tal-effiċjenza tat-tnixxif bid-dawran

Kontenut ta’ ndewwa residwali

A (l-iktar effiċjenti)

D < 45

B

45 ≤ D < 54

C

54 ≤ D < 63

D

63 ≤ D < 72

E

72 ≤ D < 81

F

81 ≤ D < 90

G (l-anqas effiċjenti)

D ≥ 90


ANNESS VII

Metodu għall-kalkolu tal-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija, il-konsum annwali ta’ ilma u l-kontenut ta’ ndewwa residwali

1.   KALKOLU TAL-INDIĊI TAL-EFFIĊJENZA FL-UŻU TAL-ENERĠIJA

Għall-kalkolu tal-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (EEI) ta’ mudell ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika, il-konsum annwali tal-enerġija ppeżat ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika għall-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija sħiħa jew parzjali u għall-programm standard għall-qoton f’40 C b’tagħbija parzjali jitqabbel mal-konsum standard annwali tal-enerġija tagħha.

(a)

L-Indiċi tal-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija (EEI) huwa kkalkulat u aġġustat sal-ewwel ċifra wara l-punt deċimali, permezz ta’ din il-formula:

Formula

fejn:

AEC

=

il-konsum annwali ta’ enerġija tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika;

SAEC

=

il-konsum standard annwali tal-enerġija tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika.

(b)

Il-konsum standard annwali tal-enerġija (SAEC ) jiġi kkalkulat f’kWh/sena kif ġej u aġġustat sat-tieni ċifra wara l-punt deċimali:

SAEC = 47,0 × c + 51,7

fejn:

c

=

il-kapaċità nominali tal-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika għall-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija sħiħa jew għall-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 40 °C b’tagħbija sħiħa, liema minnhom hija l-inqas.

(c)

Il-konsum annwali tal-enerġija (AEC ) jiġi kkalkulat f’kWh/sena kif ġej u aġġustat sat-tieni ċifra wara l-punt deċimali:

(i)

Formula

fejn:

Et

=

il-konsum ta’ enerġija ppeżat;

Po

=

l-enerġija ppeżata meta tkun “fil-modalità mitfija”;

Pl

=

l-enerġija ppeżata meta tkun “fil-modalità mixgħula u inattiva”;

Tt

=

it-tul ta' ħin ippeżat tal-programm;

220

=

l-għadd totali taċ-ċikli tal-ħasil standard fis-sena.

(ii)

Meta l-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika hija mgħammra b’sistema ta’ ġestjoni tal-enerġija u l-magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika tintefa awtomatikament meta jintemm il-programm, il-konsum annwali tal-enerġija ppeżat (AEC ) jiġi kkalkulat billi jitqies il-ħin li matulu l-magna effettivament “tibqa’ mixgħula u inattiva”, skont il-formula li ġejja:

Formula

fejn:

Tl

=

il-ħin li matulu “tibqa’ mixgħula u inattiva”;

(d)

Il-konsum ta’ enerġija ppeżat (Et ) jiġi kkalkulat, f’kWh kif ġej u aġġustat sat-tielet ċifra wara l-punt deċimali:

Et = [3 × Et,60 + 2 × Et,60½ + 2 × Et,40½ ]/7

fejn:

Et,60

=

il-konsum ta’ enerġija tal-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija sħiħa;

Et,60½

=

il-konsum ta’ enerġija tal-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija parzjali;

Et,40½

=

il-konsum ta’ enerġija tal-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 40 °C b’tagħbija parzjali.

(e)

L-enerġija ppeżata fil-“modalità mitfija” (Po ) tiġi kkalkulata f’W skont il-formula li ġejja u aġġustata sa żewġ ċifri wara l-punt deċimali:

Po = (3 × Po,60 + 2 × Po,60½ + 2 × Po,40½ )/7

fejn:

Po,60

=

il-konsum ta’ enerġija fil-“modalità mitfija” tal-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija sħiħa;

Po,60½

=

il-konsum ta’ enerġija fil-“modalità mitfija” tal-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija parzjali;

Po,40½

=

il-konsum ta’ enerġija fil-“modalità mitfija” tal-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 40 °C b’tagħbija parzjali.

(f)

L-enerġija ppeżata fil-“modalità mixgħula u inattiva” (Pl ) tiġi kkalkulata f’W skont il-formula li ġejja u aġġustata sa żewġ ċifri wara l-punt deċimali:

Pl = (3 × Pl,60 + 2 × Pl,60½ + 2 × Pl,40½ )/7

fejn:

Pl,60

=

il-konsum ta’ enerġija fil-“modalità mixgħula u inattiva” tal-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija sħiħa;

Pl,60½

=

il-konsum ta’ enerġija fil-“modalità mixgħula u inattiva” tal-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija parzjali;

Pl,40½

=

il-konsum ta’ enerġija fil-“modalità mixgħula u inattiva” tal-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 40 °C b’tagħbija parzjali.

(g)

It-tul ta’ ħin tal-programm ippeżat (Tt ) jiġi kkalkulat f’minuti skont il-formula li ġejja u aġġustat sal-eqreb minuta:

Tt = (3 × Tt,60 + 2 × Tt,60½ + 2 × Tt,40½ )/7

Fejn:

Tt,60

=

it-tul ta’ ħin tal-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija sħiħa;

Tt,60½

=

it-tul ta’ ħin tal-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija parzjali;

Tt,40½

=

it-tul ta’ ħin tal-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 40 °C b’tagħbija parzjali.

(h)

It-tul ta’ ħin ippeżat tal-“modalità mixgħula u inattiva” (Tl ) jiġi kkalkulat f’minuti kif ġej u aġġustat għall-eqreb minuta:

Tl = (3 × Tl,60 + 2 × Tl,60½ + 2 × Tl,40½ )/7

fejn:

Tl,60

=

it-tul ta’ ħin tal-“modalità mixgħula u inattiva” tal-programm standard għall-qoton f’60 °C b’tagħbija sħiħa;

Tl,60½

=

it-tul ta’ ħin tal-“modalità mixgħula u inattiva” tal-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija parzjali;

Tl,40½

=

it-tul ta’ ħin tal-“modalita’ mixgħula u inattiva” tal-programm standard għall-qoton f’40 °C b’tagħbija parzjali.

2.   KALKOLU TAL-KONSUM ANNWALI TA’ ILMA PPEŻAT

(a)

Il-konsum annwali ta’ ilma ppeżat (AWC ) ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jiġi kkalkulat kif ġej u aġġustat għal numru sħiħ:

AWc = Wt × 220

fejn:

Wt

=

il-konsum annwali ta’ ilma ppeżat;

220

=

l-għadd totali taċ-ċikli tal-ħasil standard fis-sena.

(b)

Il-konsum tal-ilma ppeżat (Wt ) jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja u aġġustat għal numru sħiħ

Wt = (3 × Wt,60 + 2 × Wt,60½ + 2 × Wt,40½ )/7

fejn:

Wt,60

=

il-konsum ta’ ilma tal-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija sħiħa;

Wt,60½

=

il-konsum ta’ ilma tal-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija parzjali;

Wt,40½

=

il-konsum ta’ ilma tal-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 40 °C b’tagħbija parzjali.

3.   KALKOLU TAL-KONTENUNT TA’ NDEWWA RESIDWALI PPEŻAT

Il-kontenut ta’ ndewwa residwali ppeżat (D) ta’ magna tal-ħasil tal-ħwejjeġ domestika jiġi kkalkulat f’perċentwali kif ġej u aġġustat għall-eqreb perċentwali sħiħ:

D = (3 × D60 + 2 × D60½ + 2 × D40½ )/7

fejn:

D60

huwa l-kontenut residwali ta’ ndewwa għall-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija sħiħa, f’perċentwali u aġġustat għall-eqreb perċentwali sħiħ;

D60½

huwa l-kontenut residwali ta’ ndewwa għall-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 60 °C b’tagħbija parzjali, f’perċentwali u aġġustat għall-eqreb perċentwali sħiħ;

D40½

huwa l-kontenut residwali ta’ ndewwa għall-programm standard għall-qoton b’temperatura ta’ 40 °C b’tagħbija parzjali, f’perċentwali u aġġustat għall-eqreb perċentwali sħiħ.