12.11.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 295/35


REGOLAMENT (UE) Nru 996/2010 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Ottubru 2010

dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (2),

Waqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Għandu jkun żgurat livell għoli ġenerali ta’ sikurezza fis-settur tal-avjazzjoni ċivili fl-Ewropa u għandhom isiru l-isforzi kollha possibbli biex jonqos l-għadd ta’ aċċidenti u inċidenti sabiex tkun żgurata l-fiduċja pubblika fit-trasport bl-ajru.

(2)

It-twettiq ta’ malajr ta’ investigazzjonijiet tas-sikurezza tal-aċċidenti u l-inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili jtejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni u jgħin biex tiġi evitata l-okkorrenza ta’ aċċidenti u inċidenti.

(3)

Ir-rappurtar, l-analiżi, u d-disseminazzjoni tar-riżultati ta’ inċidenti marbuta mas-sikurezza huma fundamentalment importanti biex tittejjeb is-sikurezza tal-ajru. Għalhekk il-Kummissjoni għandha tressaq proposta biex temenda d-Direttiva 2003/42 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2003 dwar rapporti ta’ okkorrenza fl-avjazzjoni ċivili (4) qabel il-31 ta’ Diċembru 2011.

(4)

L-uniku għan tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza għandu jkun il-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fil-ġejjieni mingħajr speċifikazzjoni ta’ ebda tort jew responsabbiltà.

(5)

Għandu jittieħed kont tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali ffirmata nhar is-7 ta’ Diċembru 1944 f’Chicago (“il-Konvenzjoni ta’ Chicago”), li tipprovdi għall-implimentazzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex ikun żgurat it-tħaddim sikur tal-inġenji tal-ajru. Għandu jittieħed kont b’mod partikulari tal-Anness 13 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u l-emendi susssegwenti tagħha li jistabbilixxu l-istandards internazzjonali u l-prattika rakkomandata għall-investigazzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti tal-inġenji tal-ajru, kif ukoll kif jinftehmu t-termini l-Istat tar-Reġistru, l-Istat tal-Operatur, l-Istat tad-Disinn u l-Istat tal-Manifattura u l-Istat tal-Okkorrenza kif użati fiha.

(6)

Skont l-istandards internazzjonali u l-prattika rakkomandata definiti fl-Anness 13 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, l-investigazzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti serji għandha ssir taħt ir-responsabbiltà tal-Istat fejn l-aċċident jew l-inċident serju jkun ġara, jew tal-Istat tar-Reġistru meta l-post tal-aċċident jew inċident serju ma jkunx jista’ jiġi stabbilit b’mod definit bħala li hu f’xi territorju ta’ xi Stat. L-Istat jista’ jiddelega l-kompitu li jagħmel investigazzjoni lil xi Stat ieħor jew jitlob l-assistenza tiegħu. L-investigazzjonijiet tas-sikurezza fl-Unjoni għandhom isiru bl-istess mod.

(7)

It-tagħlim li ttieħed mill-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 94/56/KE tal-21 ta’ Novembru 1994 li tistabbilixxi l-prinċipji fundamentali li jirregolaw l-investigazzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti (5) tal-avjazzjoni ċivili għandu jintuża sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-investigazzjoni u tal-prevenzjoni tal-aċċidenti fl-Unjoni.

(8)

Wieħed għandu jqis il-bidliet fil-qafas regolatorju u istituzzjonali li jirregola s-sikurezza fis-settur tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni, li seħħew minn meta ġiet adottata d-Direttiva 94/56/KE u b’mod partikulari minn meta twaqqfet l-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (“EASA”). Ladarba s-sikurezza tal-avjazzjoni qed tiġi rregolata dejjem iktar fil-livell Ewropew, għandu jitqies ukoll il-lat tal-Unjoni rigward rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza.

(9)

L-EASA twettaq, f’isem l-Istati Membri, il-funzjonijiet u l-ħidmiet tal-Istat tad-Disinn, tal-Manifattura u r-Reġistrazzjoni meta dawn ikollhom x’jaqsmu mal-approvazzjoni tad-disinn, kif inhu speċifikat fil-Konvenzjoni ta’ Chicago u fl-Annessi tagħha. Għalhekk l-EASA, u b’konformità mal-Anness 13 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, għandha tkun mistiedna tipparteċipa waqt investigazzjoni tas-sikurezza biex tikkontribwixxi, fl-ambitu tal-kompetenza tagħha, għall-effiċjenza tagħha u tiżgura s-sikurezza tad-disinji tal-inġenji tal-ajru mingħajr ma taffettwa l-indipendenza tal-investigazzjoni. L-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili għandhom ikunu mistiedna jipparteċipaw f’investigazzjonijiet tas-sikurezza bl-istess mod.

(10)

Meta titqies ir-responsabbiltà tagħhom għas-sikurezza, persuni maħturin mill-EASA, kif ukoll l-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili għandhom ikollhom aċċess għal informazzjoni rilevanti għall-evalwazzjoni tal-effikaċità tar-rekwiżiti ta’ sikurezza.

(11)

Sabiex tkun żgurata prevenzjoni aħjar ta’ aċċidenti u inċidenti tal-avjazzjoni, l-EASA, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, għandha tieħu sehem ukoll fl-iskambju u l-analiżi ta’ informazzjoni fil-qafas tas-sistemi ta’ rappurtar tal-okkorrenzi skont id-Direttiva 2003/42/KE, filwaqt li jiġi evitat kull konflitt ta’ interess. Din l-informazzjoni għandha tkun protetta adegwatament mill-użu jew mill-iżvelar mhux awtorizzat.

(12)

Huwa rikonoxxut li l-parteċipazzjoni tal-EASA u tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fl-iskambju u l-analiżi ta’ informazzjoni skont id-Direttiva 2003/42/KE tista’ tibbenefika investigazzjonijiet tas-sikurezza permezz tal-aċċess on-line għal informazzjoni rilevanti rigward sikurezza li tinsab fir-repożitorju ċentrali ta’ informazzjoni dwar okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili.

(13)

L-ambitu tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza għandu jiddependi fuq it-tagħlim li wieħed jista’ jikseb minnhom dwar it-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni, b’mod speċjali billi wieħed iqis il-ħtieġa għall-użu b’mod effiċjenti meta mqabbel man-nefqa tar-riżorsi għall-investigazzjonijiet fl-Unjoni.

(14)

L-investigazzjonijiet tas-sikurezza tal-aċċidenti u l-inċidenti għandhom isiru minn jew ikunu taħt il-kontroll ta’ awtorità indipendenti tal-investigazzjoni tas-sikurezza sabiex ikun evitat kwalunkwe kunflitt ta’ interess u kwalunkwe interferenza esterna possibbli hekk kif ikunu qed jiġu stabbiliti l-kawżi tal-okkorrenzi li dwarhom tkun qed issir l-investigazzjoni.

(15)

L-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandhom rwol ewlieni fil-proċess tal-investigazzjoni tas-sikurezza. Il-ħidma tagħhom hija ta’ importanza kbira ħafna biex ikunu determinati l-kawżi ta’ aċċident jew ta’ inċident. Huwa għalhekk essenzjali li jkunu jistgħu jinvestigaw mingħajr ebda pressjoni u indipendentement u wkoll li jkollhom ir-riżorsi finanzjarji u umani biex jagħmlu investigazzjonijiet effikaċi u effiċjenti.

(16)

Il-kapaċità tal-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-Istati Membri għandha tissaħħaħ u hija meħtieġa koperazzjoni bejniethom sabiex jittejbu l-effiċjenza tal-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni.

(17)

Ir-rwol ta’ koordinazzjoni tal-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandu jingħaraf u jissaħħaħ f’kuntest Ewropew, sabiex ikun ġenerat valur addizzjonali reali fis-sikurezza tal-avjazzjoni billi jinbena fuq il-koperazzjoni li diġà teżisti bejn dawn l-awtoritajiet u r-riżorsi għall-investigazzjonijiet li huma disponibbli fl-Istati Membri li għandhom jintużaw bl-iktar mod effikaċi possibbli. Dak l-għarfien u dak it-tisħiħ jistgħu jinkisbu l-aħjar permezz tan-Netwerk Ewropew ta’ Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza fis-settur tal-Avjazzjoni Ċivili (“in-Netwerk”), bi rwoli u kompiti definiti b’mod ċar.

(18)

In-Netwerk għandu jfittex li jwettaq l-attivitajiet tiegħu ta’ koordinazzjoni b’mod trasparenti u indipendenti u għandu jkollu l-appoġġ attiv tal-Unjoni.

(19)

L-għanijiet ta’ dan ir-Regolament jistgħu jintlaħqu aħjar permezz tal-koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi Ewropej, li jkunu jistgħu għandhom jitħallew jieħdu sehem bħala osservaturi fil-ħidma tan-Netwerk.

(20)

Ladarba huwa essenzjali li jiġu żgurati drittijiet ċari għall-investigazzjoni tas-sikurezza, l-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ dwar is-setgħat tal-awtoritajiet responsabbli għall-investigazzjoni ġudizzjarja u, fejn xieraq, f’kollaborazzjoni mill-qrib ma’ dawk l-awtoritajiet, jiżguraw li l-awtoritajiet responsabbli għall-investigazzjonijiet tas-sikurezza f’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċidenti u l-inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili jitħallew iwettqu xogħolhom fl-aħjar kundizzjonijiet possibbli fl-interess tas-sikurezza tal-avjazzjoni. L-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandhom għalhekk jingħataw aċċess immedjat u mingħajr xkiel għas-sit tal-aċċident u l-elementi kollha meħtieġa sabiex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandhom isiru disponibbli għalihom, mingħajr ma jiġu kompromessi l-għanijiet tal-investigazzjoni ġudizzjarja.

(21)

L-investigazzjoni effiċjenti tas-sikurezza tista’ titwettaq biss jekk ikunu ppreżervati kif dovut l-elementi importanti tal-evidenza.

(22)

Is-sistema tas-sikurezza fis-settur tal-avjazzjoni ċivili hija msejsa fuq l-informazzjoni u t-tagħlim li joħroġ mill-esperjenza tal-aċċidenti u l-inċidenti, li jirrikjedu l-applikazzjoni stretta tar-regoli tal-konfidenzjalità sabiex ikun żgurat li fil-ġejjieni għejjun importanti ta’ informazzjoni jibqgħu jkunu disponibbli. F’dan il-kuntest, informazzjoni sensittiva dwar is-sikurezza għandha tkun protetta b’mod xieraq,

(23)

Aċċident iqajjem għadd ta’ interessi pubbliċi differenti bħall-prevenzjoni ta’ aċċidenti futuri u l-amministrazzjoni korretta tal-ġustizzja. Dawk l-interessi jmorru lil hinn mill-interessi individwali tal-partijiet involuti u lil hinn mill-ġrajja speċifika. Jeħtieġ li jkun hemm bilanċ ġust bejn il-partijiet interessati kollha sabiex jiġi żgurat l-interess pubbliku ġenerali.

(24)

Is-sistema tal-avjazzjoni ċivili għandha tipprowovi wkoll ambjent mhux punittiv li jiffaċilita r-rappurtar spontanju ta’ okkorrenzi u b’hekk jgħin l-iżvilupp tal-prinċipju ta’ “kultura ġusta”.

(25)

L-informazzjoni li tipprovdi persuna fil-qafas ta’ investigazzjoni tas-sikurezza m’għandhiex tintuża kontra dik il-persuna, b’rispett sħiħ tal-prinċipji kostituzzjonali u għal-liġi nazzjonali.

(26)

L-Istati Membri għandhom ikollhom l-għażla li jillimitaw il-każijiet fejn deċiżjoni ta’ żvelar rigward informazzjoni miksuba f’investigazzjoni tas-sikurezza tkun tista’ tittieħed mingħajr ma taffettwa l-funzjonament bla xkiel tas-sistema ġudizzjarja.

(27)

Huwa importanti għall-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti li informazzjoni rilevanti tiġi komunikata fl-iqsar żmien possibbli, inklużi b’mod partikolari rapporti u rakkomandazzjonijiet ta’ sikurezza li jirriżultaw minn investigazzjonijiet tas-sikurezza.

(28)

Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ sikurezza li jirriżultaw minn investigazzjoni ta’ aċċident jew inċident serju, jew minn sorsi oħrajn, bħalma huma studji dwar sikurezza, għandhom dejjem jingħataw konsiderazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti u, skont kemm ikun xieraq, jittieħdu passi dwarhom sabiex tiġi żgurata prevenzjoni adegwata ta’ aċċidenti u inċidenti tal-avjazzjoni ċivili.

(29)

L-avvanzi fir-riċerka, kemm fil-ħin reali tat-tracking tal-ajruplani kif ukoll l-aċċess għall-informazzjoni fir-reġistratur tat-titjira mingħajr il-preżenza fiżika ta’ dan ir-reġistratur, għandhom jiġu inkuraġġati sabiex itejbu b’mod sinifikanti l-mezzi disponibbli għall-investigaturi fid-determinazzjoni tal-kawżi ta’ inċident u jtejbu l-ħila li jiġu evitati inċidenti rikorrenti. Dawn l-iżviluppi jkunu pass importanti ‘l quddiem għas-sikurezza tal-avjazzjoni.

(30)

L-esperjenza wriet li xi kultant ikun diffiċli li wieħed jikseb malajr listi affidabbli tal-persuni li jkunu abbord inġenju tal-ajru iżda l-esperjenza wriet ukoll li huwa importanti li tiġi stabbilita skadenza li fiha kumpanija tal-ajru tkun tista’ tintalab tipprovdi lista ta’ dan it-tip. Barra minn hekk, id-data li jkun fihom tali listi għandha titħares mill-użu jew żvelar mhux awtorizzat. Bl-istess mod, id-disponibbiltà ta’ informazzjoni dwar merkanzija perikoluża abbord inġenju tal-ajru involut f’aċċident hija meħtieġa biex timminimizza r-riskji għal investigaturi tas-sikurezza fis-sit tal-okkorrenza.

(31)

Wara aċċident tal-ajru ma jkunx faċli li tiġi identifikata malajr ħafna l-persuna ta’ kuntatt xierqa biex tingħata informazzjoni dwar preżenza ta’ passiġġier abbord wara aċċident tal-ajru. Għaldaqstant, il-passiġġieri għandhom jingħataw il-possibbiltà li jaħtru persuna ta’ kuntatt.

(32)

L-assistenza għall-vittmi tal-aċċidenti tal-ajru u għall-qraba tagħhom għandha tkun speċifikata b’mod adegwat.

(33)

Il-mod kif aċċident u l-konsegwenzi tiegħu jiġu ttrattati mill-Istati Membri u l-linji tal-ajru huwa ta’ importanza kruċjali. Rigward dan, l-Istati Membri għandhom ikollhom pjan ta’ emerġenza li jieħu ħsieb, b’mod partikolari, tas-serviżżi ta’ emerġenza tal-ajruport u l-assistenza lill-vittmi ta’ aċċidenti tal-avjazzjoni ċivili u tal-qraba tagħhom. Il-linji tal-ajru għandhom ikollhom ukoll pjan għall-assistenza lill-vittmi tal-avjazzjoni ċivili u l-qraba tagħhom. Trid tingħata attenzjoni partikolari għall-appoġġ lill-vittmi, l-qraba tagħhom u l-assoċjazzjonijiet tagħhom u għall-komunikazzjoni magħhomu.

(34)

Ir-regoli dwar aċċess għad-data, l-ipproċessar tad-data u l-protezzjoni tal-individwi stipulati f’atti legali rilevanti tal-Unjoni għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ fl-applikazzzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(35)

Il-penali għandhom b’mod partikolari jippermettu sanzjonijiet kontra kull persuna li, bi ksur ta’ dan ir-Regolament, tirrilaxxa informazzjoni protetta minn dan ir-Regolament; tostakola l-azzjonijiet tal-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza billi timpedixxi l-investigaturi milli jwettqu dmirijiethom jew tirrifjuta li tipprovdi reġistrazzjonijiet, informazzjoni materjali u dokumenti importanti, taħbihom, tibdilhom jew teqridhom; jew, filwaqt li jkollha informazzjoni dwar kwalunkwe okkorenza ta’ aċċident jew inċident serju, ma tinfurmax l-awtoritajiet rilevanti b’dan.

(36)

Ladarba l-għan ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu stabbiliti regoli komuni fil-qasam tal-investigazzjoni tas-sikurezza fis-settur tal-avjazzjoni ċivili, ma jistax jinkiseb suffiċjentement mill-Istati Membri u jista’ għaldaqstant, minħabba l-ambitu wiesa’ Ewropew u l-effetti tiegħu, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkiseb dak l-għan.

(37)

Għaldaqstant, id-Direttiva 94/56/KE għandha titħassar.

(38)

Id-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar l-Ajruport ta’ Ġibiltà, miftiehma f’Kordoba fit-18 ta’ Settembru 2006 matul l-ewwel laqgħa Ministerjali tal-Forum ta’ Djalogu dwar Ġibiltà, ser tissostitwixxi d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar l-Ajruport ta’ Ġibiltà magħmula f’Londra fit-2 ta’ Diċembru 1987, u l-konformità sħiħa magħha tiġi meqjusa li tikkostitwixxi konformità mad-Dikjarazzjoni tal-1987,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Dan ir-Regolament għandu l-għan li jtejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni billi jiżgura livell għoli ta’ effiċjenza, ta’ ħeffa u ta’ kwalità fl-investigazzjonijiet Ewropej tas-sikurezza fis-settur tal-avjazzjoni ċivili, li l-uniku għan tagħhom huwa li jiġu evitati l-aċċidenti u l-inċidenti fil-ġejjieni, mingħajr ma wieħed jattribwixxi tort jew responsabbiltà inkluż permezz tat-twaqqif ta’ Netwerk Ewropew ta’ Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza fis-Settur tal-Avjazzjoni Ċivili. Huwa jistabbilixxi wkoll regoli dwar id-disponibbiltà fil-ħin ta’ informazzjoni rigward kull persuna jew kull merkanzija perikoluża abbord inġenju tal-ajru li jkun involut f’aċċident. Għandu l-għan wkoll li jtejjeb l-assistenza mogħtija lill-vittmi ta’ inċidenti tal-ajru u lill-qraba tagħhom.

2.   L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għall-ajruport ta’ Ġibiltà qiegħda tinftiehem li hija mingħajr ħsara għall-pożizzjonijiet legali rispettivi tar-Renju ta’ Spanja u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq fir-rigward tat-tilwima fuq is-sovranità fuq it-territorju li fih qiegħed l-ajruport.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-ifinijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“aċċident” tfisser okkorrenza marbuta mal-operat ta’ inġenju tal-ajru li, fil-każ ta’ inġenju tal-ajru bl-ekwipaġġ, isseħħ fil-ħin minn meta kwalunkwe persuna titla’ abbord l-inġenju tal-ajru għall-għanijiet ta’ titjira sal-ħin meta kull persuna tali tkun niżlet minn fuqu, jew, fil-każ ta’ inġenju tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, li sseħħ fil-ħin meta l-inġenju tal-ajru jkun lest biex jitlaq bil-ħsieb li jittajjar sal-ħin meta jinżel fi tmiem it-titjira u tintefa’ s-sistema ewlenija ta’ propulsjoni tiegħu, u li fiha:

(a)

persuna tkun feruta b’mod fatali jew serju minħabba:

li tkun fl-inġenju tal-ajru, jew

li tiġi f’kuntatt dirett ma kwalunkwe parti mill-inġenju tal-ajru, inkluż ma’ partijiet li jkunu nqalgħu minnu, jew

li tkun esposta b’mod dirett għall-kolp ta’ riħ li joħroġ bil-qawwa mill-ġett,

ħlief meta l-feriti jkunu ġejjin minn kawżi naturali, kkaġunati mill-persuna nnifisha jew minn persuni oħra, jew meta l-feriti jkunu feriti fuq persuni mistoħbija f’partijiet li normalment ma jkunux disponibbli għall-passiġġieri u għall-ekwipaġġ; jew

(b)

l-inġenju tal-ajru ssirlu ħsara jew ikollu nuqqas strutturali li jaffettwa b’mod negattiv is-saħħa strutturali, il-prestazzjoni jew il-karatteristiċi tat-titjira tiegħu u li normalment tkun tirrikjedi ħafna tiswija jew il-bdil tal-komponent affettwat, ħlief għal meta l-magna ma tibqax taħdem jew issirilha ħsara, meta l-ħsara tkun limitata għal magna waħda (inkluża dik f’għatat (cowlings) jew aċċessorji tagħha), skrejjen, ponot tal-ġwienaħ, antenni, probes, vanes, tajers, brejkijiet, roti, fairings, panelli, bibien tat-tagħmir tal-inżul, windscreens, il-qoxra ta’ barra tal-inġenju tal-ajru (bħal għatniet jew toqob żgħar) jew fil-każ ta’ ħsarat żgħar fir-rotor blades prinċipali, fir-rotor blades ta’ wara, fit-tagħmir tal-inżul u dawk li jirriżultaw minħabba x-xita tas-silġ jew ħbit ma’ għasafar (inklużi toqob fir-radome); jew

(c)

l-inġenju tal-ajru jkun mitluf jew ma jkun aċċessibbli bl-ebda mod;

(2)

“rappreżentant akkreditat” tfisser persuna maħtura minn Stat, abbażi tal-kwalifiki tagħha, sabiex tieħu sehem f’investigazzjoni dwar is-sikurezza mwettqa minn Stat ieħor. Ir-rappreżentant akkreditat maħtur minn Stat Membru għandu jkun ġej minn awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza;

(3)

“konsulent” tfisser persuna maħtura minn Stat, abbażi tal-kwalifiki tagħha, sabiex tgħin lir-rappreżentant akkreditat tiegħu f’investigazzjoni dwar is-sikurezza;

(4)

“kawżi” tfisser azzjonijiet, omissjonijiet, avvenimenti, kundizzjonijiet, jew taħlita tagħhom, li wasslu għall-aċċident jew l-inċident; l-identifikazzjoni tal-kawżi ma timplikax l-għoti ta’ tort jew tar-responsabbiltà amministrattiva, ċivili jew kriminali;

(5)

“ferita fatali” tfisser ferita li ġġarrab persuna f’aċċident u li twassal għall-mewt tagħha fi żmien tletin jum minn meta jseħħ l-aċċident;

(6)

“reġistratur tat-titjira” tfisser kull tip ta’ reġistratur installat fl-inġenju tal-ajru sabiex jiffaċilita l-investigazzjonijiet tas-sikurezza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ aċċidenti/inċidenti;

(7)

“inċident” tfisser okkorrenza, minbarra aċċident, assoċjata mal-operat ta’ inġenju tal-ajru u li taffettwa jew li tista’ taffettwa s-sikurezza tal-operat;

(8)

“standards internazzjonali u prattika rakkomandata” tfisser l-istandards internazzjonali u l-prattika rakkomandata għall-investigazzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti ta’ inġenji tal-ajru adottati skont l-Artikolu 37 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago;

(9)

“investigatur responsabbli” tfisser persuna li, abbażi tal-kwalifiki tagħha, tqabbdet bħala l-persuna responsabbli għall-organizzazzjoni, it-twettiq u l-kontroll ta’ investigazzjoni tas-sikurezza;

(10)

“operatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, li tħaddem jew li tipproponi li tħaddem inġenju tal-ajru wieħed jew aktar;

(11)

“persuna involuta” tfisser il-proprjetarju, membru tal-ekwipaġġ, l-operatur tal-inġenju tal-ajru involut f’aċċident jew f’inċident serju; kwalunkwe persuna involuta fil-manutenzjoni, id-disinn, il-manifattura ta’ dak l-inġenju tal-ajru jew fit-taħriġ tal-ekwipaġġ tiegħu; kwalunkwe persuna involuta fil-forniment ta’ servizzi ta’ kontroll tat-traffiku tal-ajru, tas-servizzi ta’ informazzjoni dwar it-titjira jew tas-servizzi tal-ajruport li pprovdew servizzi għall-inġenju tal-ajru; persunal tal-awtorità nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili; jew persunal tal-EASA;

(12)

“rapport preliminari” tfisser il-komunikazzjoni użata għad-disseminazzjoni immedjata ta’ data miksuba matul l-istadji bikrin tal-investigazzjoni;

(13)

“qraba” tfisser l-eqreb membri tal-familja jew il-persuni li jiġu mill-vittma u/jew persuni oħra konnessi mill-qrib mal-vittma ta’ aċċident, kif definit taħt il-liġi nazzjonali tal-vittma;

(14)

“investigazzjoni tas-sikurezza” tfisser proċess imwettaq minn awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza sabiex jiġu evitati l-aċċidenti u l-inċidenti u li jinkludi l-ġbir u l-analiżi tal-informazzjoni, it-tfassil ta’ konklużjonijiet, inkluż li wieħed jistabbilixxi l-kawża/i u l-fatturi li kkontribwew għalih u, fejn xieraq, il-ħruġ ta’ rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza;

(15)

“rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza” tfisser proposta li tagħmel awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza, li tkun imsejsa fuq informazzjoni minn investigazzjoni tas-sikurezza jew minn għejjun oħra fosthom minn studji dwar is-sikurezza, u li ssir bil-ħsieb li jiġu evitati l-aċċidenti u l-inċidenti;

(16)

“inċident serju” tfisser inċident li jinvolvi ċirkustanzi li jindikaw li kien hemm probabbiltà kbira ta’ aċċident u li jkun assoċjat mal-operat ta’ inġenju tal-ajru, fejn, fil-każ ta’ inġenju tal-ajru bl-ekwipaġġ, dan l-operat iseħħ fil-ħin minn meta kwalunkwe persuna titla’ abbord l-inġenju tal-ajru għall-finijiet ta’ titjira sal-ħin meta kull persuna tali tkun niżlet minn fuqu, jew, fil-każ ta’ inġenju tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, iseħħ mill-ħin meta l-inġenju tal-ajru jkun lest biex jitlaq għall-finijiet ta’ titjira sal-ħin meta jinżel fi tmiem it-titjira u tintefa’ s-sistema ewlenija ta’ propulsjoni tiegħu. (Fl-Anness tingħata lista ta’ eżempji ta’ inċidenti);

(17)

“ferita serja” tfisser ferita li ġġarrab persuna f’aċċident u li tinvolvi waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

perjodu ta’ żmien fl-isptar li jkun itwal minn 48 siegħa, li jibda fi żmien sebat ijiem minn meta ġġarrbet il-ferita;

(b)

ksur ta’ xi għadma (minbarra l-ksur sempliċi tas-swaba’ tal-id jew tas-sieq, jew il-ksur tal-imnieħer);

(c)

tiċrit tal-laħam li jikkawża emorraġija serja, ħsara fin-nervituri, fil-muskoli jew fl-għerq;

(d)

ferita fi kwalunkwe organu intern;

(e)

ħruq tat-tieni jew tat-tielet grad, jew kwalunkwe ħruq li jaffettwa iktar minn 5 % ta’ wiċċ il-ġisem;

(f)

espożizzjoni vverifikata għal sustanzi infettivi jew għal radjazzjoni perikoluża.

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-investigazzjonijiet tas-sikurezza f’dak li għandu x’jaqsam mal-aċċidenti u l-inċidenti serji:

(a)

li seħħew fit-territorji tal-Istati Membri li għalihom japplikaw it-Trattati, skont l-obbligi internazzjonali tal-Istati Membri;

(b)

li fihom ikunu involuti inġenji tal-ajru rreġistrati fi Stat Membru jew operati minn impriża stabbilita fi Stat Membru, u li seħħew barra t-territorji tal-Istati Membri li għalihom japplikaw it-Trattati, f’każ li tali investigazzjoni ma ssirx minn Stat ieħor;

(c)

fejn Stat Membru huwa ntitolat, skont l-istandards internazzjonali u l-prattika rakkomandata, li jaħtar rappreżentant akkredetat biex jipparteċipa bħala Stat ta’ Reġistrazzjoni, Stat tal-Operatur, Stat tad-Disinn, Stat tal-Manifattura jew Stat li jforni l-informazzjoni, il-faċilitajiet jew l-esperti fuq it-talba tal-Istat li jagħmel l-investigazzjoni;

(d)

fejn Stat Membru li jkollu interess speċjali minħabba l-fatalitajiet jew il-feriti serji liċ-ċittadini tiegħu ikollu permess mill-Istat li jagħmel l-investigazzjoni biex jappunta espert.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika wkoll għal kwistjonijiet relatati mad-disponibbiltà f’waqtha ta’ informazzjoni relatata ma’ kull persuna u oġġett perikoluż abbord ta’ inġenju tal-ajru involut f’aċċident u l-assistenza lill-vittmi ta’ aċċidenti tal-ajru u l-qraba tagħhom.

3.   Dan ir-Regolament m’għandux japplika għall-investigazzjonijiet tas-sikurezza ta’ aċċidenti jew inċidenti serji li jinvolvu inġenji tal-ajru impenjati f’servizzi militari, doganali, tal-pulizija jew servizzi simili, ħlief meta l-Istat Membru kkonċernat hekk jiddetermina, f’konformità mal-Artikolu 5(4) u mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.

Artikolu 4

Awtorità tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza fis-settur tal-Avjazzjoni Ċivili

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li l-investigazzjonijiet tas-sikurezza jsiru jew ikollhom superviżjoni, mingħajr interferenza esterna, minn awtorità permanenti nazzjonali tal-investigazzjoni tas-sikurezza fis-settur tal-avjazzjoni ċivili (“l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza”) li tkun tista’ tagħmel investigazzjoni tas-sikurezza kompleta b’mod indipendenti, waħedha jew permezz ta’ ftehimiet ma’ awtoritajiet ta’ investigazzjoni tas-sikurezza oħrajn;

2.   L-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tiffunzjona b’mod indipendenti partikolarment mill-awtoritajiet tal-avjazzjoni responsabbli għall-kapaċità għat-titjir, iċ-ċertifikazzjoni, l-operat ta’ titjiriet, il-manutenzjoni, il-liċenzji, il-kontroll tat-traffiku tal-ajru jew l-operat tal-ajruporti u, b’mod ġenerali, minn kwalunkwe parti jew entità oħra li l-interessi jew il-missjonijiet tagħha jistgħu jkunu f’konflitt mal-kompitu fdat f’idejn l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza jew jinfluwenza l-oġġettività tagħha.

3.   L-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza, fit-tmexxija tal-investigazzjoni tas-sikurezza, la għandha tfittex u lanqas tieħu struzzjonijiet minn kwalunkwe persuna u għandu jkollha awtorità mingħajr restrizzjonijiet fuq kif jitmexxew l-investigazzjonijiet tas-sikurezza.

4.   L-attivitajiet fdati lill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza jistgħu jiġu estiżi għall-ġabra u l-analiżi ta’ informazzjoni marbuta mas-sikurezza tal-avjazzjoni, b’mod partikolari għal finijiet ta’ prevenzjoni tal-aċċidenti, sakemm dawn l-attivitajiet ma jaffetwawx l-indipendenza tagħha u ma jimplikawx responsabbiltà f’affarijiet regolatorji, amministrattivi jew ta’ standardizzazzjoni.

5.   Sabiex il-pubbliku jiġi mgħarraf bil-livell ġenerali ta’ sikurezza tal-avjazzjoni, għandha tiġi ppubblikata annwalment fil-livell nazzjonali reviżjoni tas-sikurezza. F’din l-analiżi, is-sorsi tal-informazzjoni kunfidenzjali m’għandhomx jiġu żvelati.

6.   L-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tingħata, mill-Istat Membru rispettiv, il-mezzi meħtieġa biex tamministra r-responsabbiltajiet tagħha indipendentament u għandha tkun tista’ tikseb riżorsi suffiċjenti biex tagħmel dan. B’mod partikolari:

(a)

il-kap tal-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza u/jew, fil-każ ta’ awtorità pluri-modali, il-kap tal-fergħa tal-avjazzjoni tagħha għandu jkollu l-esperjenza u l-kompetenza fis-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili biex iwettaq il-kompiti tiegħu jew tagħha skont dan ir-Regolament u l-liġi nazzjonali;

(b)

l-investigaturi għandhom jingħataw status li jintitolhom għall-garanziji neċessarji ta’ indipendenza;

(c)

l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tikkonsisti minn mhux inqas minn investigatur wieħed disponibbli li kapaċi jiżvolġi l-funzjoni tal-investigatur responsabbli fil-każ ta’ aċċident kbir tal-ajru;

(d)

l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tiġi allokata baġit li jippermettilha twettaq il-funzjonijiet tagħha;

(e)

l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandu jkollha għad-disposizzjoni tagħha, direttament jew permezz tal-koperazzjoni msemmija fl-Artikolu 6, jew b’ arranġamenti ma’ awtoritajiet jew entitajiet nazzjonali oħrajn, persunal kwalifikat u faċilitajiet adegwati, inklużi uffiċji u hangars, biex tkun tista’ taħżen u teżamina l-inġenju tal-ajru, il-kontenut u l-fdalijiet tiegħu;

Artikolu 5

Obbligu ta’ investigazzjoni

1.   Kull aċċident tal-avjazzjoni ċivili jew inċident serju li jinvolvi inġenju tal-ajru apparti minn dak speċifikat fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Frar 2008 dwar regoli komuni fil-kamp tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (6), għandu jkun is-suġġett ta’ investigazzjoni tas-sikurezza fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun seħħ l-aċċident jew inċident serju.

2.   Meta inġenju tal-ajru, minbarra minn kif speċifikat fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 216/2008, li jkun irreġistrat fi Stat Membru jkun involut f’aċċident jew inċident serju li l-lokalità tiegħu ma tkunx tista’ tiġi stabbilita b’mod definittiv bħala territorju ta’ xi Stat, għandha ssir investigazzjoni tas-sikurezza mill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza ta’ dak l-Istat Membru ta’ reġistrazzjoni.

3.   L-ambitu tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza msemmija fil-paragrafu 1, 2 u 4, u l-proċedura li għandha tiġi segwita sabiex isiru dawn l-investigazzjonijiet tas-sikurezza għandhom ikunu ddeterminati mill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza, li għandha tikkunsidra t-tagħlim mistenni minn dawn l-investigazzjonijiet għat-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni, inkluż fir-rigward ta’ dawk l-inġenji tal-ajru ta’ massa tat-tlugħ massima ta’ 2 250 kg jew anqas.

4.   L-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza jistgħu jiddeċiedu li jinvestigaw inċidenti li ma jissemmewx fil-paragrafu 1 u 2, kif ukoll aċċidenti jew inċidenti serji għal tipi oħrajn ta’ inġenji tal-ajru, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri, meta jkunu qed jistennew li jieħdu tagħlim dwar is-sikurezza minnhom.

5.   L-investigazzjonijiet tas-sikurezza msemmijin fil-paragrafi 1, 2 u 4 fl-ebda każ m’għandhom jiddeterminaw it-tort jew responsabbiltà. Għandhom ikunu indipendenti, separati minn u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe proċediment ġudizzjarju jew amministrattiv biex jiddetermina t-tort jew ir-responsabbiltà.

Artikolu 6

Koperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza

1.   Awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza minn Stat Membru wieħed tista’ titlob l-assistenza ta’ awtoritatijiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza minn Stati Membri oħrajn. Meta, wara talba, awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza taqbel li tipprovdi assistenza, din l-assistenza għandha, kemm jista’ jkun, tkun ipprovduta bla ħlas.

2.   Awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza tista’ tiddelega l-kompitu biex issir investigazzjoni ta’ aċċident jew inċident serju lil awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza oħra, suġġett għal ftehim reċiproku, u għandha tiffaċilita l-proċess ta’ investigazzjoni minn dik l-awtorità l-oħra.

Artikolu 7

Netwerk Ewropew ta’ Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza fis-settur tal-Avjazzjoni Ċivili

1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tagħhom tal-investigazzjoni tas-sikurezza jistabbilixxu bejniethom Netwerk ta’ Awtoritajiet tal-Investigazzjoni tas-Sikurezza fis-Settur tal-Avjazzjoni Ċivili (“in-Netwerk”), magħmul mill-kapijiet tal-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza f’kull wieħed mill-Istati Membri, u/jew, fil-każ ta’ awtorità multimodali, mill-kap tat-taqsima tagħha tal-avjazzjoni, jew mir-rappreżentanti tagħhom, inkluż president magħżul minn fost dawn għal perijodu ta’ tliet snin.

B’konsultazzjoni mill-qrib mal-membri tan-Netwerk, il-president għandu jfassal programm ta’ ħidma annwali għan-Netwerk li jkun konformi mal-objettivi u jwettaq ir-reponsabbiltajiet stipulati fil-paragrafi 2 u 3 rispettivament. Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti l-programm ta’ ħidma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-president għandu jfassal l-aġenda għal-laqgħat tan-Netwerk.

2.   In-Netwerk għandu jipprova jtejjeb aktar il-kwalità tal-investigazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet investigattivi u jsaħħaħ l-indipendenza tagħhom. Huwa għandu b’mod partikolari jinkuraġġixxi standards għoljin fil-metodi ta’ investigazzjoni u fit-taħrig ta’ investigaturi.

3.   Sabiex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fil-paragrafu 2, in-Network għandu r-responsabbiltà, b’mod partikolari għal dawn li ġejjin:

(a)

it-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet u l-għoti ta’ pariri lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni dwar l-aspetti kollha tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ linji politiċi u regolamenti tal-Unjoni li għandhom x’jaqsmu ma’ investigazzjonijiet tas-sikurezza u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti;

(b)

il-promozzjoni tal-iskambju ta’ informazzjoni utli għat-titjib ta’ standards tas-sikurezza u l-promozzjoni attiva tal-koperazzjoni strutturata bejn awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza, il-Kummissjoni, l-EASA u l-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili;

(c)

il-koordinazzjoni u l-organizzazzjoni fejn adatt, “ir-reviżjonijiet tal-pari” u l-attivitajiet ta’ taħriġ rilevanti;

(d)

il-promozzjoni tal-aħjar prattika tal-investigazzjoni tas-sikurezza bil-ħsieb li tiġi żviluppata metodoloġija komuni tal-Unjoni dwar l-investigazzjoni tas-sikurezza u l-ħolqien ta’ inventarju ta’ din il-prattika;

(e)

it-tisħiħ tal-kapaċitajiet investigattivi tal-awtoritajiet tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza, b’mod partikolari billi jiġi żviluppat u ġestit qafas għall-qsim tar-riżorsi.

(f)

l-għoti, fuq talba tal-awtoritajiet tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 6, ta’ assistenza adegwata, li tinkludi, iżda ma tkunx limitata biss għal, lista ta’ investigaturi, tagħmir u kapaċitajiet disponibbli fi Stati Membri oħrajn għall-użu potenzjali mill-awtorità li tagħmel l-investigazzjoni.

(g)

aċċess għall-informazzjoni li tinsab fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 18, u analiżi tar-rakkomandazzjonijiet ta’ sikurezza li jinsabu fih bil-ħsieb li jkunu identifikati r-rakkomandazzjonijiet importanti ta’ sikurezza ta’ rilevanza għall-Unjoni kollha.

4.   Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tan-Netwerk b’mod regolari. Il-Parlament Ewropew għandu jkun infurmat kulmeta l-Kunsill jew il-Kummissjoni jissottomettu talbiet lin-Netwerk.

5.   Il-membri tan-Netwerk m’għandhom la jfittxu u lanqas jaċċettaw istruzzjonijiet minn kwalunkwe entità li tista’ taffettwa l-istatus indipendenti tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza.

6.   Kif ikun adatt, l-EASA għandha tkun mistiedna bħala osservatur għal-laqgħat tan-Netwerk. In-Netwerk jista’ jistieden ukoll l-osservaturi minn awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza ta’ pajjiżi terzi u esperti rilevanti oħrajn biex jattendu għal-laqgħa tiegħu.

7.   Il-Kummissjoni għandha tkun assoċjata mill-qrib mal-ħidma tan-Netwerk u għandha tirċievi l-appoġġ meħtieġ min-Netwerk dwar l-aspetti rilevanti relatati mal-iżvilupp tal-politika u r-regolamentazzjoni tal-Unjoni fl-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lin-Netwerk bl-appoġġ meħtieġ, inkluż iżda mhux limitat għall-assistenza għat-tħejjija u l-organizzazzjoni tal-laqgħat, kif ukoll għall-pubblikazzjoni ta’ rapport annwali li jkopri l-attivitajiet tan-Netwerk. Il-Kummissjoni għandha tittrasmetti r-rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Artikolu 8

Parteċipazzjoni tal-EASA u tal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili nazzjonali fl-investigazzjonijiet tas-sikurezza

1.   L-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandhom, filwaqt li jkun żgurat li jiġi evitat kwalunkwe konflitt ta’ interess, jistiednu lill-EASA u l-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili nazzjonali tal-Istati Membri kkonċernati, u fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi rispettivi tagħhom, biex jaħtru rappreżentant biex jipparteċipa:

(a)

bħala konsulent għall-investigatur responsabbli, fi kwalunkwe investigazzjoni tas-sikurezza skont l-Artikolu 5(1) u (2), li ssir fit-territorju ta’ Stat Membru jew fil-post li jirriferi għalih l-Artikolu 5(2), taħt il-kontroll u fid-diskrezzjoni tal-investigatur responsabbli;

(b)

bħala konsulent maħtur skont dan ir-Regolament biex jassisti lir-rappreżentant(i) akkreditat(i) tal-Istati Membri fi kwalunkwe investigazzjoni tas-sikurezza li ssir f’pajjiż terz li għaliha tkun mistiedna awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza biex taħtar rappreżentant akkreditat f’konformità mal-istandards internazzjonali u l-prassi rakkomandati għall-investigazzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti tal-inġenji tal-ajru taħt is-superviżjoni tar-rappreżentant akkreditat.

2.   Il-parteċipanti msemmijin fil-paragrafu 1għandhom id-dritt, b’mod partikolari li:

(a)

iżuru l-post tal-aċċident u jeżaminaw il-fdalijiet;

(b)

jissuġġerixxu oqsma għall-mistoqsijiet u jiksbu l-informazzjoni mix-xhieda;

(c)

jirċievu kopji tad-dokumenti petinenti kollha u jakkwistaw l-informazzjoni fattwali rilevanti;

(d)

jipparteċipaw fil-qari tal-media rreġistrata, bl-eċċezzjoni tal-vuċi tal-kabina tal-pilota jew ir-reġistrazzjonijiet tal-immaġini;

(e)

jipparteċipaw f’attivitajiet ta’ investigazzjoni lil hinn mill-post, bħal eżami ta’ komponenti, testijiet u simulazzjonijiet, stqarrijiet tekniċi u laqgħat dwar il-progress tal-investigazzjoni, ħlief meta dawn ikunu marbuta mad-determinazzjoni tal-kawżi jew mal-formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza.

3.   L-EASA u l-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili nazzjonali għandhom jappoġġaw l-investigazzjoni li fiha huma jipparteċipaw billi jipprovdu l-informazzjoni mitluba, il-konsulenti u t-tagħmir mitlubin lill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza responsabbli.

Artikolu 9

Obbligu ta’ notifika ta’ aċċidenti u inċidenti serji

1.   Kwalunkwe persuna involuta li jkollha informazzjoni dwar l-okkorrenza ta’ aċċident jew inċident serju għandha tinnotifika mingħajr dewmien lill-awtorità kompetenti tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-Istat tal-Okkorrenza.

2.   L-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tinnotifika mingħajr dewmien lill-Kummissjoni, lill-EASA, lill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili (ICAO), lill-Istati Membri u lill-pajjiżi terzi kkonċernati f’konformità mal-istandards internazzjonali u l-prattika rakkomandata dwar l-okkorenza tal-aċċidenti u l-inċidenti serji kollha li dwarhom ġiet notifikata.

Artikolu 10

Parteċipazzjoni tal-Istati Membri fl-investigazzjonijet tas-sikurezza

1.   Mar-riċezzjoni tan-notifika tal-okkorrenza ta’ aċċident jew inċident serju minn Stat Membru jew pajjiż terz ieħor, l-Istati Membri li jkunu l-Istat tar-Reġistru, l-Istat tal-Operatur, l-Istat tad-Disinn u l-Istat tal-Manifattura għandhom, malajr kemm jista’ jkun, jinfurmaw lill-Istat Membru jew lill-pajjiż terz li fit-territorju tiegħu jkun seħħ l-aċċident jew l-inċident serju jekk għandhomx il-ħsieb li jaħtru rappreżentant akkreditat f’konformità mal-istandards internazzjonali u l-prattika rakkomandata. Fejn jiġi maħtur tali rappreżentant akkreditat, għandhom jiġu pprovduti wkoll ismu u d-dettalji ta’ kuntatt tiegħu, kif ukoll id-data tal-wasla mistennija jekk ir-rappreżentant akkreditat ikollu l-intenzjoni li jmur fil-pajjiż li jkun bagħat in-notifika.

2.   Ir-rappreżentanti akkreditati għall-Istat tad-Disinn, għandhom jinħatru mill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza tal-Istat Membru fit-territorju fejn jinsab il-post prinċipali tan-negozju tad-detentur taċ-ċertifikat tat-tip ta’ disinn tal-inġenju tal-ajru jew tal-impjant tal-enerġija.

Artikolu 11

Status tal-investigaturi tas-sikurezza

1.   Hekk kif jinħatar minn awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza u minkejja kwalunkwe investigazzjoni ġudizzjarja, l-investigatur responsabbli għandu jkollu l-awtorità li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jissodisfa r-rekwiżiti tal-investigazzjoni tas-sikurezza.

2.   Minkejja kwalunkwe obbligu ta’ konfidenzjalità taħt l-atti legali tal-Unjoni jew skont il-liġi nazzjonali, l-investigatur responsabbli għandu jkollu d-dritt b’mod partikolari li:

(a)

ikollu aċċess liberu immedjat u mingħajr xkiel għas-sit tal-aċċident jew tal-inċident kif ukoll għall-inġenju tal-ajru, il-kontenut jew il-fdalijiet tiegħu;

(b)

jiżgura lista immedjata ta’ evidenza u t-tneħħija kontrollata tat-tifrik, jew komponenti għall-finijiet ta’ eżami jew ta’ analiżi;

(c)

ikollu aċċess immedjat għal u kontroll fuq ir-reġistrazzjonijiet tat-titjira, il-kontenut tagħhom u kwalunkwe reġistrazzjoni rilevanti oħra;

(d)

jitlob u jikkontribwixxi għal eżami ta’ awtopsja kompleta tal-iġsma tal-persuni mejtin b’riżultat tal-feriment u li jkollu aċċess minnufih għar-riżultati ta’ tali eżami jew tat-testijiet li saru fuq kampjuni meħudin;

(e)

jitlob l-eżami mediku tal-persuni involuti fl-operat tal-inġenju tal-ajru jew jitlob li jsiru testijiet fuq kampjuni li ttieħdu minn dawn il-persuni u li jkollu aċċess immedjat għar-riżultati ta’ dawn l-eżamijiet jew testijiet;

(f)

li jsejjaħ u jezamina x-xhieda u li jobblighom jissupplixxu jew jipproduċu informazzjoni jew evidenza rilevanti għall-investigazzjoni tas-sikurezza;

(g)

ikollu aċċess liberu għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti jew reġistrazzjonijiet miżmuma mill-proprjetarju, id-detentur taċ-ċertifikat tat-tip ta’ disinn, l-organizzazzjoni tal-manutenzjoni responsabbli, l-organizzazzjoni ta’ taħriġ, l-operatur jew il-manifattur tal-inġenju tal-ajru, l-awtoritajiet responsabbli mis-settur tal-avjazzjoni ċivili, l-EASA, u mill-fornituri tas-servizzi ta’ navigazzjoni tal-ajru jew l-operaturi tal-ajruport.

3.   L-investigatur responsabbli għandu jestendi l-intitolamenti elenkati fil-paragrafu 2 lill-esperti u l-konsulenti tiegħu, kif ukoll lir-rappreżentanti akkredetati u lill-esperti u l-konsulenti tagħhom, sa fejn ikun meħtieġ biex jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effikaċi fl-investigazzjoni tas-sikurezza. Dawk l-intitolamenti huma mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-investigaturi u l-esperti magħżula mill-awtorità responsabbli tal-inkjesta ġudizzjarja.

4.   Kwalunkwe persuna li tipparteċipa fl-investigazzjonijiet tas-sikurezza għandha twettaq id-dmirijiet tagħha b’mod indipendenti u la għandha tfittex u lanqas taċċetta struzzjonijiet minn xi ħadd, ħlief mill-investigatur responsabbli jew ir-rappreżentant akkreditat.

Artikolu 12

Koordinazzjoni tal-investigazzjonijiet

1.   Meta tiġi istitwita wkoll investigazzjoni ġudizzjarja, l-investigatur responsabbli għandu jiġi nnotifikat dwarha. F’każ bħal dan, l-investigatur responsabbli għandu jiżgura t-traċċabbiltà u jżomm rendikont tar-reġistrazzjonijiet tat-titjira u ta’ kwalunkwe evidenza fiżika. L-awtorità ġudizzjarja tista’ taħtar uffiċjali minn dik l-awtorità biex jakkumpanja r-reġistrazzjonijiet tat-titjira jew l-evidenza fiżika lejn il-post tal-qari jew trattament. Fejn l-eżami jew l-analiżi ta’ tali evidenza fiżika jistgħu jimmodifikawha, jibdluha jew jeqirduha jkun meħtieġ qbil minn qabel mill-awtoritajiet ġudizzjarji, mingħajr preġudizzju għal-liġi nazzjonali. Fejn tali qbil ma jinkisibx skont l-arranġamenti pre-stabbiliti imsemmijin fil-paragrafu 3 fi żmien raġonevoli u mhux aktar tard minn ġimgħatejn minn meta seħħ l-aċċident jew l-inċident, dan m’għandux iżomm lill-investigatur responsabbli milli jmexxi l-eżami jew l-analiżi. Meta awtorità ġudizjarja jkollha l-jedd li tikkonfiska xi evidenza, l-investigatur inkarigat għandu jkollu aċċess immedjat u illimitat għaliha u biex jużaha.

2.   Fejn, waqt l-investigazzjoni tas-sikurezza, ikun magħruf jew issuspettat li kienet involuta interferenza illegali kif previst fil-liġi nazzjonali, bħal liġi nazzjonali dwar l-investigazzjonijiet ta’ aċċidenti, fl-aċċident jew inċident serju, l-investigatur responsabbli għandu minnufih jinforma lill-awtoritajiet kompetenti dwar dan. Suġġett għall-Artikolu 14, l-informazzjoni rilevanti miġbura fl-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tiġi kondiviża minnufih ma’ dawk l-awtoritajiet u l-materjal rilevanti jista’ wkoll jiġi trasferit, meta mitlub, lil dawn l-awtoritajiet. Il-kondiviżjoni ta’ dak it-tagħrif u ta’ dak il-materjal għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza li tkompli l-investigazzjoni tas-sikurezza f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet li lilhom seta’ ġie ttrasferit il-kontroll tas-sit.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza, min-naħa l-waħda, u l-awtoritajiet l-oħrajn li x’aktarx ikunu involuti fl-attivitajiet relatati mal-investigazzjoni tas-sikurezza, bħall-awtoritajiet ġudizzjarji, dawk tal-avjazzjoni ċivili, u dawk tat-tiftix u salvataġġ, min-naħa l-oħra, jikkoperaw ma’ xulxin permezz ta’ arranġamenti pre-stabbiliti.

Dawk l-arranġamenti għandhom jirrispettaw l-indipendenza tal-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza u jippermettu li l-investigazzjoni teknika ssir b’mod diliġenti u effiċjenti. L-arranġamenti pre-stabbiliti għandhom ikopru, fost affarijiet oħra, is-suġġetti li ġejjin:

(a)

l-aċċess għas-sit tal-aċċident;

(b)

il-preżervazzjoni tal-evidenza u l-aċċess għaliha;

(c)

ir-rapporti inizjali u kontinwi tal-istatus ta’ kull proċess;

(d)

l-iskambju ta’ informazzjoni;

(e)

użu xieraq ta’ informazzjoni dwar sikurezza;

(f)

ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti.

L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw dawk l-arranġamenti lill-Kummissjoni, li għandha tgħaddihom lill-president tan-Netwerk, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għall-informazzjoni tagħhom.

Artikolu 13

Preżervazzjoni tal-evidenza

1.   L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun seħħ l-aċċident jew l-inċident serju għandu jkun responsabbli li jiżgura trattament sikur tal-evidenza kollha u li jieħu l-miżuri raġonevoli kollha biex jipproteġi tali evidenza u li jżomm taħt kustodja sikura l-inġenju tal-ajru, il-kontenut tiegħu u l-fdalijiet tiegħu għall-perijodu li jista’ jkun meħtieġ għall-iskop ta’ investigazzjoni tas-sikurezza. Il-protezzjoni tal-evidenza għandha tinkludi l-preżervazzjoni, b’mezzi fotografiċi jew mezzi oħra, ta’ kwalunkwe evidenza li tista’ titneħħa, titħassar, tintilef jew tinqered. Il-kustodja sikura għandha tinkludi l-protezzjoni kontra aktar ħsara, l-aċċess minn persuni mhux awtorizzati, is-serq u d-deterjorament.

2.   Sal-wasla tal-investigaturi tas-sikurezza, l-ebda persuna m’għandha timmodifika l-istat tas-sit tal-aċċident, jew tieħu kwalunkwe kampjun minnu, jew tagħmel xi moviment ta’ għażla ta’ kampjun mill-inġenju tal-ajru, il-kontenut jew il-fdalijiet tiegħu, jew tressqu jew tneħħih, bl-eċċezzjoni ta’ fejn azzjoni bħal din tkun meħtieġa għal raġunijiet ta’ sikurezza jew biex tinġieb l-assistenza għall-persuni feruti jew bil-permess espliċitu tal-awtoritajiet li jikkontrollow is-sit u, fejn hu possibbli, f’konsultazzjoni mal-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza.

3.   Kwalunkwe persuna involuta għandha tieħu l-passi kollha meħtieġa biex tippreżerva d-dokumenti, il-materjal u r-reġistrazzjonijiet marbuta mal-avveniment, b’mod partikolari sabiex timpedixxi li jkun hemm tħassir tar-reġistrazzjonijiet tal-konversazzjonijiet jew l-allarmi wara t-titjira.

Artikolu 14

Protezzjoni ta’ informazzjoni sensittiva ta’ sikurezza

1.   Ir-reġistri li ġejjin m’għandhomx isiru disponibbli jew jintużaw għal skopijiet ħlief għall-investigazzjoni tas-sikurezza:

(a)

id-dikjarazzjonijiet kollha meħudin minn persuni mill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza matul l-investigazzjoni tas-sikurezza;

(b)

reġistrazzjonijiet li juru l-identità tal-persuni li jkunu taw xhieda fil-kuntest tal-investigazzjoni tas-sikurezza;

(c)

informazzjoni miġbura mill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza li hija ta’ natura partikolarment sensittiva u personali, inkluż l-informazzjoni rigward is-saħħa tal-individwi;

(d)

materjal sussegwentament prodott matul l-investigazzjoni bħan-noti, abbozzi, opinjonijiet miktubin mill-investigaturi, opinjonijiet espressi fl-analiżi tal-informazzjoni, inkluża l-informazzjoni tar-reġistrazzjonijiet tat-titjira;

(e)

informazzjoni u evidenza pprovduti minn investigaturi minn Stati Membri oħrajn jew minn pajjiżi terzi skont id-dispożizzjonijiet tal-istandards internazzjonali u l-prattika rakkomandata, fejn ikunu mitluba mill-awtorità tagħhom tal-investigazzjoni tas-sikurezza;

(f)

abbozzi ta’ rapporti preliminari jew finali jew dikjarazzjonijiet interim;

(g)

ir-reġistrazzjonijiet tal-vuċijiet u tal-immaġini fil-kabina tal-pilota u t-traskrizzjonijiet tagħhom, kif ukoll ir-reġistrazzjonijiet tal-vuċi ġewwa l-unitajiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru, filwaqt li jiġi żgurat li l-informazzjoni li ma tkunx rilevanti għall-investigazzjoni tas-sikurezza, b’mod partikolari informazzjoni li jkollha effett fuq il-privatezza personali, tkun adegwatament protetta, mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3.

2.   Ir-reġistrazzjonijiet li ġejjin m’għandhomx ikunu disponibbli jew użati għal skopijiet ħlief għall-investigazzjoni tas-sikurezza, jew skopijiet oħra li jimmiraw lejn it-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni:

(a)

il-komunikazzjonijiet kollha bejn persuni li kienu involuti fl-operat tal-inġenju tal-ajru;

(b)

ir-reġistrazzjonijiet bil-miktub jew elettroniċi u t-traskrizzjonijiet tar-reġistrazzjonijiet mill-unitajiet tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru, inklużi r-rapporti u r-riżultati magħmulin għall-finijiet interni;

(c)

ittri ta’ introduzzjoni għat-trażmissjoni tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza mill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza lill-indirizzati, fejn ikunu mitluba mill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza li tkun ħarġet ir-rakkomandazzjoni;

(d)

rapporti ta’ okkorrenzi ffajljati taħt id-Direttiva 2003/42/KE.

Ir-reġistrazzjonijiet tar-reġistru tad-data tat-titjira m’għandhomx isiru disponibbli jew jintużaw għal skopijiet ħlief għall-investigazzjoni tas-sikurezza, għal skopijiet tal-kapaċità tat-titjir jew għal skopijiet ta’ manutenzjoni, ħlief meta dawn ir-reġistrazzjonijiet jiġu de-identifikati jew żvelati taħt proċeduri siguri.

3.   Minkejja l-paragrafi 1 u 2, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja jew l-awtorità kompetenti li tiddeċiedi dwar l-iżvelar tar-reġistrazzjonijiet skont il-liġi nazzjonali tista’ tiddeċiedi li l-benefiċċji tal-iżvelar tar-reġistrazzjonijiet msemmijin fil-paragrafi 1 u 2 għal kwalunkwe skop ieħor permess mil-liġi jġorr aktar piż mill-impatt avvers domestiku jew intenazzjonali li tali azzjoni jista’ jkollha fuq dik l-investigazzjoni tas-sikurezza jew fuq kwalunkwe investigazzjoni tas-sikurezza futura. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jillimitaw il-każijiet fejn tista’ tittieħed tali deċiżjoni ta’ żvelar, fir-rispett tal-atti legali tal-Unjoni.

Il-komunikazzjoni tar-reġistrazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 1 u 2 lill-Stat Membru ieħor għal skopijiet ħlief l-investigazzjoni tas-sikurezza u, barra minn hekk fir-rigward tal-paragrafu 2, għal skopijiet ħlief dawk li jimmiraw lejn it-titjib tas-sikurezza tal-avjazzjoni tista’ tingħata safejn dan ikun permess mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru komunikanti. L-iproċessar jew l-iżvelar ta’ reġistrazzjonijiet riċevuti permezz ta’ tali komunikazzjoni mill-awtoritajiet tal-Istat Membru riċeventi għandhom ikunu permessi biss wara konsultazzjoni minn qabel tal-Istat Membru komunikanti u dan suġġett għal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru riċeventi.

4.   Tista’ tiġi żvelata biss id-data strettament neċessarja għall-iskopijiet imsemmija fil-paragrafu 3.

Artikolu 15

Komunikazzjoni tal-informazzjoni

1.   Il-persunal tal-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza inkarigata, jew kwalunkwe persuna msejħa biex tipparteċipa jew tikkontribwixxi għall-investigazzjoni tas-sikurezza, għandhom ikunu marbuta bir-regoli applikabbli ta’ segretezza professjonali, ukoll f’dak li jirrigwarda l-anonimità ta’ dawk involuti f’aċċident jew inċident, taħt il-leġiżlazzjoni applikabbli.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 16 u 17, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza inkarigata għandha tikkomunika l-informazzjoni, li hija tikkunsidra rilevanti għall-prevenzjoni ta’ aċċident jew inċident serju, lill-persuni responsabbli għall-inġenju tal-ajru jew il-manifattura jew il-manteniment tat-tagħmir tal-inġenju tal-ajru, u lill-individwi jew l-entitajiet ġuridiċi responsabbli mill-operat tal-inġenju tal-ajru jew mit-taħriġ tal-persunal.

3.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi li jinsabu fl-Artikoli 16 u 17, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza inkarigata u r-rappreżentant(i) akkreditat(i) imsemmijin fl-Artikolu 8 għandhom jirrilaxxaw lill-EASA u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili l-informazzjoni fattwali rilevanti miksuba matul l-investigazzjoni tas-sikurezza, minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 14(1) jew li tikkawża konflitt ta’ interess. L-informazzjoni li jirċievu l-EASA u l-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni ċivili għandha tkun protetta skont l-Artikolu 14 u l-atti legali applikabbli tal-Unjoni u taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali.

4.   L-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza inkarigata għandha tkun awtorizzata biex tinforma lill-vittmi, u lill-qraba tagħhom jew lill-assoċjazzjonijiet tagħhom jew biex tagħmel pubblika kwalunkwe informazzjoni dwar l-osservazzjonijiet fattwali, il-proċedimenti tal-investigazzjoni tas-sikurezza u possibbilment rapporti jew konklużjonijiet preliminari u/jew rakkomandazzjonijiet ta’ sikurezza, sakemm tali informazzjoni ma tikkompromettix l-għanijiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza u tkun totalment konformi mal-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali.

5.   Qabel ma jagħmel l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafu 4 disponibbli għall-pubbliku, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza inkarigata għandha tibgħat dik l-informazzjoni lill-vittmi u lill-qraba tagħhom jew lill-assoċjazzjonijiet tagħhom b’mod li ma jikkompromettix l-objettivi tal-investigazzjoni tas-sikurezza.

Artikolu 16

Rapport tal-investigazzjoni

1.   Kull investigazzjoni tas-sikurezza għandha tkun konkluża b’rapport fil-forma adatta skont it-tip u s-serjetà tal-aċċident jew l-inċident serju. Ir-rapport għandu jindika li l-uniku għan tal-investigazzjonijiet tas-sikurezza huwa l-prevenzjoni tal-aċċidenti u l-inċidenti fil-ġejjieni mingħajr ma wieħed jagħti tort jew responsabbiltà. Ir-rapport, fejn xieraq, għandu jkollu rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza.

2.   Ir-rapport għandu jipproteġi l-anonimità ta’ kwalunkwe individwu involut fl-aċċident jew fl-inċident serju.

3.   Fejn l-investigazzjonijiet tas-sikurezza jagħtu lok għal rapporti qabel it-tkomplija tal-investigazzjoni, qabel il-pubblikazzjoni tagħhom l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza tista’ tieħu l-kummenti mill-awtoritajiet ikkonċernati, inkluża l-EASA u permezz tagħhom mid-detentur taċ-ċertifikat għad-disinn, mill-manifattur u mill-operatur ikkonċernati. Huma għandhom ikunu marbutin b’regoli applikabbli tas-segretezza professjonali fir-rigward tal-kontenuti tal-konsultazzjoni.

4.   Qabel il-pubblikazzjoni tar-rapport finali, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tieħu l-kummenti mill-awtiritajiet konċernati, inkluż mill-EASA u permezz tagħhom, mid-detentur taċ-ċertifikat għad-disinn, mill-manifattur u mill-operatur konċernati, li għandhom ikunu marbutin b’regoli applikabbli tas-segretezza professjonali fir-rigward tal-kontenuti tal-konsultazzjoni. Fit-teħid ta’ tali kummenti, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għanda ssegwi l-istandards internazzjonali u l-prattika rakkomandata.

5.   L-informazzjoni koperta mill-Artikolu 15 għandha tkun inkluża f’rapport biss meta tkun rilevanti għall-analiżi tal-aċċident jew l-inċident serju. L-informazzjoni jew il-partijiet tal-informazzjoni li mhumiex rilevanti għall-analiżi m’għandhomx jiġu żvelati.

6.   L-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tagħmel ir-rapport finali pubbliku fl-iqsar żmien possibli u, jekk ikun possibbli, mhux aktar tard minn 12-il xahar mid-data tal-aċċident jew l-inċident serju.

7.   Jekk ir-rapport finali ma jistax isir pubbliku fi żmien 12-il xhar, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezzza għandha tirrilaxxa dikjarazzjoni interim tal-anqas f’kull anniversarju tal-aċċident jew l-inċident serju, u tagħti dettal tal-progress tal-investigazzjoni u kwalunkwe kwistjoni ta’ sikurezza li titqajjem.

8.   L-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tressaq kopja tar-rapport finali u tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza kemm jista’ jkun malajr lil:

(a)

l-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza u l-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili tal-Istati konċernati, u l-ICAO, skont l-istandards internazzjonali u l-prattika rakkomandata;

(b)

id-destinatarji tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza li jinsabu fir-rapport,

(c)

il-Kummissjonu u l-EASA, ħlief fejn ir-rapport ikun disponibbli pubblikament b’mezzi elettroniċi, f’liema każ l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha biss tinnotifikhom skont il-każ.

Artikolu 17

Rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza

1.   Fi kwalunkwe stadju tal-investigazzjoni tas-sikurezza, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tirrakkomanda f’ittra ta’ trasmissjoni ddatata, wara konsultazzjoni xierqa mal-parijiet rilevanti, lill-awtoritajiet ikkonċernati, inklużi dawk fi Stati Membri oħrajn jew pajjiżi terzi, kwalunkwe azzjoni preventiva li din tikkunsidra neċessarja li għandha tittieħed minnufih sabiex tittejjeb is-sikurezza tal-avjazzjoni.

2.   Awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza tista’ wkoll toħroġ rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza abbażi ta’ studji jew analiżi ta’ serje ta’ investigazzjonijiet jew kwalunkwe attivitajiet oħrajn li saru skont l-Artikolu 4(4).

3.   Rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza f’ebda każ m’għandha toħloq preżunzjoni ta’ ħtija jew responsabbiltà għal aċċident, inċident serju jew inċident.

Artikolu 18

Segwitu għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza u l-bażi tad-data tar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza

1.   L-indirizzat ta’ rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza għandu jirrikonoxxi li r-riċezzjoni tal-ittra ta’ trasmissjoni u jinforma lill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza li ħarġet ir-rakkomandazzjoni fi żmien 90 jum minn meta jirċievi dik l-ittra, dwar l-azzjonijiet li ttieħdu jew li huma taħt kunsiderazzjoni, u fejn xieraq, taż-żmien meħtieġ biex dawn jitlestew u fejn ma tittieħed l-ebda azzjoni, ir-raġunijiet għal dan.

2.   Fi żmien 60 jum minn meta tirċievi t-tweġiba, l-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha tinforma lill-indirizzat jekk hija tikkunsidrax it-tweġiba adegwata u tagħti ġustifikazzjoni meta hija ma taqbilx mad-deċiżjoni li ma tittieħed ebda azzjoni.

3.   Kull awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandha timplimenta proċeduri biex tirreġistra t-tweġibiet għar-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza li hija toħroġ.

4.   Kull entità li tirċievi rakkomandazzjoni dwar is-sikurezza, inklużi l-awtoritajiet responsabbli mis-sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fil-livell tal-Istat Membru u l-Unjoni, għandha timplimenta l-proċeduri ta’ monitoraġġ tal-progress tal-azzjoni meħuda bħala tweġiba għar-rakkomandazzjonijiet riċevuti.

5.   L-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandhom jirreġistraw fir-repożitorju ċentrali stabbilit taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 tat-12 ta’ Novembru 2007 li jistipula r-regoli ta’ implimentazzjoni għall-integrazzjoni ta’ tagħrif f’repożitorju ċentrali ta’ tagħrif dwar okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili skambjat skont id-Direttiva 2003/42/KE (7) ir-rakkomandazzjonijiet kollha dwar is-sikurezza skont l-Artikolu 17(1) u (2) kif ukoll it-tweġibiet għalihom. L-awtoritajiet tal-investigazzjoni tas-sikurezza għandhom b’mod simili jirreġistraw fir-repożitorju ċentrali r-rakkomandazzjonijiet dwar is-sikurezza kollha li jirċievu minn pajjiżi terzi.

Artikolu 19

Rappurtar tal-okkorrenzi

1.   L-EASA u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom f’kollaborazzjoni jipparteċipaw regolarment fl-iskambju u l-analiżi tal-informazzjoni fl-ambitu tad-Direttiva 2003/42/KE. Din għandha tkopri aċċess on-line minn persuni maħturin apposta għall-informazzjoni fir-repożitorju ċentrali stabbilit skont ir-Regolament (KE) Nru 1321/2007, inkluża informazzjoni li tidentifika direttament l-inġenju tal-ajru li jkun is-suġġett ta’ rapport ta’ okkorrenza, bħal pereżempju, meta jkunu disponibbli, in-numri tas-serje u tar-reġistrazzjoni tiegħu. Dan l-aċċess ma jkoprix informazzjoni li tidentifika l-operatur li jkun is-suġġett tar-rapport ta’ okkorrenza.

2.   L-EASA u l-awtoritajiet tal-Istati Membri li jirriferi għalihom il-paragrafu 1 għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità ta’ din l-informazzjoni, b’konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, u għandhom jillimitaw l-użu tagħha għal dak li huwa strettament meħtieġ sabiex jiżvolġu l-obbligi tagħhom marbuta mas-sikurezza. F’dan ir-rigward, din l-informazzjoni għandha tintuża għall-analiżi tat-tendenzi ta’ sikurezza li jistgħu jiffurmaw il-bażi għar-rakkomandazzjonijiet ta’ sikurezza anonimi jew direttivi dwar kapaċità ta’ titjir mingħajr ma jingħata tort jew tintefa’ responsabbiltà.

Artikolu 20

Informazzjoni dwar persuni u oġġetti perikolużi abbord

1.   Il-linji tal-ajru tal-Unjoni li joperaw titjiriet li jaslu jew jitilqu minn, u l-linji tal-ajru ta’ pajjiżi terzi li joperaw titjiriet li jitilqu minn, ajruport li jinsab fit-territorji tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat, għandhom jimplimentaw proċeduri li jippermettu li jiġu prodotti:

(a)

malajr kemm jista’ jkun, u mhux aktar tard minn sagħtejn min-notifika tal-okkorrenza ta’ aċċident tal-inġenju tal-ajru, lista validata, ibbażata fuq l-aħjar informazzjoni disponibbli, tal-persuni kollha abbord; u

(b)

minnufih wara n-notifika tal-okkorrenza ta’ aċċident tal-inġenju tal-ajru, il-lista tal-oġġetti perikolużi abbord.

2.   Il-listi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom isiru disponibbli għall-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza inkarigata, għall-awtorità maħtura minn kull Stat Membru biex taħdem flimkien mal-qraba tal-persuni abbord u, fejn meħtieġ, għall-unitajiet mediċi li jistgħu jeħtieġu l-informazzjoni għat-trattament tal-vittmi.

3.   Sabiex il-familji tal-passiġġieri jkunu jistgħu jiksbu malajr informazzjoni dwar il-preżenza ta’ qrabathom abbord ajruplan involut f’inċident, il-linji tal-ajru u l-aġenziji tal-ivvjaġġar għandhom joffru lill-vjaġġaturi l-opportunità li jagħtu l-isem u d-dettalji ta’ kuntatt ta’ persuna li għandha tiġi kkuntattjata f’każ ta’ aċċident. Din l-informazzjoni tista’ tintuża biss fil-każ ta’ aċċident u m’għandhiex tiġi kkomunikata lil partijiet terzi u ma tistax tintuża għal skopijiet kummerċjali.

4.   L-isem ta’ persuna abbord m’ għandux isir pubblikament disponibbli qabel mal-qraba ta’ dik il-persuna jkunu ġew infurmati mill-awtoritajiet rilevanti. Il-lista msemmija fil-paragrafu 1(a) għandha tinżamm kunfidenzjali b’konformità mal-atti legali tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali u l-isem ta’ kull persuna li tidher f’dik il-lista għandha, b’konformità magħhom, isir disponibbli pubblikament biss safejn il-qraba tal-persuni rispettivi abbord ma jkunux oġġezzjonaw.

Artikolu 21

Assistenza lill-vittmi ta’ aċċidenti tal-ajru u lill-qraba tagħhom

1.   Sabiex tkun żgurata reazzjoni aktar komprensiva u armonizzata għal aċċidenti f’livell Ewropew, kull Stat Membru għandu jistabbilixxi pjan ta’ emerġenza għal aċċidenti tal-avjazzjoni ċivili fil-livell nazzjonali. Tali pjan ta’ emerġenza għandu jkopri wkoll l-assistenza lill-vittmi ta’ aċċidenti tal-avjazzjoni ċivili u lill-qraba tagħhom.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-linji tal-ajru kollha stabbiliti fit-territorju tagħhom ikollhom pjan għall-assistenza tal-vittmi ta’ aċċidenti tal-avjazzjoni ċivili u għall-qraba tagħhom. Dawk il-pjani għandhom jagħtu każ partikolari tal-appoġġ psikoloġiku lill-vittmi ta’ aċċidenti tal-avjazzjoni ċivili u lill-qraba tagħhom u jippermettu li l-linji tal-arju jirreaġixxu għal aċċident maġġuri. L-Istati Membri għandhom ukoll jivverifikaw il-pjani ta’ assistenza tal-linji tal-ajru stabbiliti fit-territorju tagħhom. L-Istati Membri għandhom ukoll jinkuraġġixxu lil-linji tal-ajru ta’ pajjiżi terzi li joperaw fl-Unjoni biex jadottaw bl-istess mod pjani ta’ assistenza għall-vittmi ta’ aċċidenti tal-avjazzjoni ċivili u għall-qraba tagħhom.

3.   Meta jseħħ aċċident, l-Istat Membru inkarigat mill-investigazzjoni, l-Istat Membru li fih tkun stabbilita l-linja tal-ajru li tagħha jkun l-inġenju tal-ajru involut fl-aċċident, jew l-Istat Membru li kellu numru kbir ta’ ċittadini abbord l-inġenju tal-ajru involut fl-aċċident, għandu jieħu ħsieb il-ħatra ta’ persuna ta’ kuntatt u informazzjoni għall-vittmi u l-qraba tagħhom.

4.   Stat Membru jew pajjiż terz, li minħabba l-fatalitajiet jew il-feriti serji taċ-ċittadini tiegħu jkollu interess speċjali f’aċċident li seħħ fit-territorji tal-Istati Membri li għalihom japplikaw it-Trattati għandu jkun intitolat jaħtar espert li għandu jkollu d-dritt li:

(a)

iżur il-post tal-aċċident;

(b)

ikollu aċċess għall-informazzjoni fattwali rilevanti, li tkun approvata għar-rilaxx pubbliku mill-awtorità tal-investigazzjoni tas-sikurezza inkarigata, u għall-informazzjoni dwar il-progress tal-investigazzjoni;

(c)

jirċievi kopja tar-rapport finali.

5.   Espert maħtur taħt il-paragrafu 4 jista’ jassisti, suġġett għal-leġiżlazzjoni applikabbli fis-seħħ, fl-identifikazzjoni tal-vittmi u jattendi laqgħat mas-sopravvissuti tal-Istat tiegħu.

6.   B’konformità mal-Artikolu 2(1) tar-Regolament (KE) Nru 785/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar rekwiżiti ta’ assigurazzjoni għat-trasportaturi bl-ajru u operaturi ta’ inġenji tal-ajru (8), t-trasportaturi bl-ajru ta’ pajjiżi terzi wkoll għandhom jissodisfaw l-obbligi ta’ assigurazzjoni stipulati f’dak ir-Regolament.

Artikolu 22

Aċċess għal dokumenti u protezzjoni ta’ informazzjoni ta’ natura personali

1.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (9).

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika b’konformità mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (10) u mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (11).

Artikolu 23

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 24

Emendar tar-Regolament

Dan ir-Regolament għandu jkun suġġett għal reviżjoni mhux aktar tard mit-3 ta’ Diċembru 2014. Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li dan ir-Regolament għandu jiġi emendat, għandha titlob lin-Netwerk biex jagħti opinjoni preliminari, li għandha tintbagħat ukoll lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-EASA.

Artikolu 25

Tħassir

Id-Direttiva 94/56/KE hija b’dan imħassra.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, l-20 ta’ Ottubru 2010.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

J. BUZEK

Għall-Kunsill

Il-President

O. CHASTEL


(1)  Opinjoni tas-27 ta’ Mejju 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 132, 21.5.2010, p. 1.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta’ Settembru 2010 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali), u deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Ottubru 2010.

(4)  ĠU L 167, 4.7.2003, p. 23.

(5)  ĠU L 319, 12.12.1994, p. 14.

(6)  ĠU L 79, 19.3.2008, p. 1.

(7)  ĠU L 294, 13.11.2007, p. 3.

(8)  ĠU L 138, 30.4.2004, p. 1.

(9)  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43 (MT: Ħarġa Speċjali bil-Malti: Kap 01, Vol 03, p. 331).

(10)  ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31 (MT: Ħarġa Speċjali bil-Malti: Kap 13, Vol 15, p. 355).

(11)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1 (MT: Ħarġa Speċjali bil-Malti: Kap 13 Vol 26, p. 102).


ANNESS

Lista ta’ eżempji ta’ inċidenti serji

L-inċidenti elenkati huma eżempji tipiċi ta’ inċidenti li aktarx li jkunu inċidenti serji. Din il-lista mhijiex eżawrjenti u sservi biss bħala gwida fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “inċident serju”:

Kważi kolliżjoni li tirrikjedi manuvra ta’ evitar biex tevita kolliżjoni jew sitwazzjoni mhux sikura jew fejn azzjoni ta’ evitar kienet tkun xierqa,

Titjira kkontrollata ġol-art (CFIT) evitata biss marġinalment,

Tluq abortit fuq runway magħluqa jew okkupata, fuq taxiway, esklużi operazzjonijiet awtorizzati minn elikotteri, jew minn runway li mhijiex assenjata,

Tluq minn runway magħluqa jew okkupata, fuq taxiway, esklużi operazzjonijiet awtorizzati minn elikotteri, jew minn runway li mhijiex assenjata,

Inżul jew tentattiv ta’ nżul fuq runway magħluqa jew okkupata, fuq taxiway, esklużi operazzjonijiet awtorizzati minn elikotteri, jew fuq runway li mhijiex assenjata,

Fallimenti maġġuri biex tinkiseb il-prestazzjoni prevista waqt tluq jew waqt it-tlugħ tal-bidu,

Nar u duħħan fil-kompartiment tal-passiġġieri, fil-kompartament tat-tagħbija jew nirien fil-magni, ukoll jekk dawn in-nirien ġew mitfija bl-użu ta’ aġenti tat-tifi tan-nar,

Avvenimenti li jkunu jeħtieġu l-użu ta’ emerġenza ta’ ossiġinu mill-ekwipaġġ ta’ titjira,

Falliment strutturali fl-inġenju tal-ajru jew disintegrazzjoni tal-magna, inkluż nuqqasijiet inkontrollabbli tal-magna tat-turbina, li mhumiex klassifikati bħala aċċident,

Ħsarat funzjonali multipli ta’ waħda jew iktar mis-sistemi ta’ inġenju tal-ajru li jaffetwaw b’mod serju l-operat tal-inġenju tal-ajru,

Inkapaċitazzjoni tal-ekwipaġġ tat-titjira waqt it-titjira,

Ammont ta’ karburant li jeħtieġ dikjarazzjoni ta’ emerġenza mill-pilota,

Inkursjonijiet fuq runway klassifikati b’severità tal-grad A skont il-Manwal dwar il-Prevenzjoni ta’ Inkursjonijiet fuq Runway (ICAO Dok 9870) li fih tagħrif dwar il-klassifikazzjonijiet tas-severità,

Inċidenti ta’ tluq jew inżul. Inċidenti bħal undershooting, overrunning jew ħruġ mill-ġnub ta’ runways,

Falliment ta’ sistemi, fenomeni tat-temp, operat barra mill-pakkett approvat tat-titjira jew okkorrenzi oħra li setgħu kkawżaw diffikultajiet fil-kontroll tal-inġenju tal-ajru,

Falliment ta’ aktar minn sistema waħda meta tkun sistema ta’ ridondanza li tkun obbligatorja għall-gwida tat-titjira u n-navigazzjoni.