14.9.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 241/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 801/2010

tat-13 ta’ Settembru 2010

li jimplimenta l-Artikolu 10(3) tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kriterji ta’ Stat tal-bandiera

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-port (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tagħha,

Billi:

(1)

Il-prestazzjoni tal-Istat tal-bandiera hija waħda mill-parametri ġeneriċi li jiddeterminaw il-profil tar-riskju ta’ bastimenti.

(2)

Sabiex issir valutazzjoni tal-profil tar-riskju ta’ bastiment, għandha titqies ir-rata ta’ detenzjoni fi ħdan l-Unjoni u fi ħdan ir-reġjun kopert mill-Memorandum ta’ Ftehim ta’ Pariġi dwar il-kontroll mill-Istat tal-port (Paris MoU).

(3)

Huwa meħtieġ li wieħed jibni fuq l-esperjenza miksuba permezz tal-applikazzjoni tal-Paris MoU fir-rigward tal-metodoloġija li se tintuża għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-Istat tal-bandiera.

(4)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat dwar Ibħra Sikuri u l-Prevenzjoni ta’ Tniġġis minn Bastimenti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Kategorizzazzjoni tal-Istati tal-bandiera abbażi tar-rati ta’ detenzjoni

1.   Bil-għan li tiġi stabbilita l-prestazzjoni tal-Istat tal-bandiera skont it-tifsira tad-Direttiva 2009/16/KE, l-Istati tal-bandiera għandhom jiġu kklassifikati f’listi suwed, griżi jew bojod, adottati skont il-Paris MoU abbażi tat-total ta’ spezzjonijiet u detenzjonijiet fuq perjodu ta’ tliet snin. Barra minn hekk, l-Istati tal-bandiera elenkati fil-lista s-sewda għandhom jinqasmu f’dawk b’riskju għoli ħafna, għoli, medju għal għoli jew medju skont ir-rata ta’ detenzjoni tagħhom. Il-klassifikazzjoni għandha tiġi aġġornata annwalment.

2.   Il-klassifikazzjoni ta’ Stat tal-bandiera fil-lista s-sewda, il-griża jew il-bajda teħtieġ minimu ta’ tletin spezzjoni ta’ kontroll tal-Istat tal-port.

3.   Il-metodoloġija u l-formuli li għandhom jintużaw biex jiġu kkategorizzati l-Istati tal-bandiera għandhom jikkonformaw mal-kriterji tal-Istat tal-bandiera kif stipulati fl-Anness.

Artikolu 2

Prestazzjoni tal-Istat tal-bandiera abbażi tal-verifika tal-IMO

Il-konformità msemmija fl-punt (c)(iii) tal-Parti I.1 tal-Anness I tad-Direttiva 2009/16/KE meħtieġa għall-bastimenti sabiex jiġu kkunsidrati li jippreżentaw riskju aktar baxx, għandha titqies li ġiet murija meta l-Kummissjoni tirċievi konferma bil-miktub mill-Istat tal-bandiera li ġie kompletat rapport ta’ verifika finali, u fejn rilevanti, li ġie ppreżentat pjan ta’ azzjoni korrettiva. Il-verifiki mwettqa qabel is-17 ta’ Ġunju 2009 għandhom jittieħdu inkonsiderazzjoni wkoll.

Artikolu 3

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2011.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Settembru 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57.


ANNESS

Kriterji ta’ Stat tal-Bandiera

(kif imsemmija fl-Artikolu 10(3)(a) tad-Direttiva 2009/16/KE)

1.

Il-prestazzjoni tal-Istat tal-bandiera għandha tiġi kkalkolata permezz ta’ formula standard għal kalkoli statistiċi li jkollha ċerti valuri fissi. Il-limiti mill-iswed għall-griż u mill-griż għall-abjad huma defeniti bil-formuli li ġejjin:

Formula Formula

Fejn:

N hija l-għadd ta’ spezzjonijiet

p hija l-limitu ta’ detenzjoni permess

z hija l-valur kritiku ta’ distribuzzjoni normali (1,645 għal-livell ta’ ċertezza ta’ 95 %)

2.

Il-formuli stipulati fil-punt 1 għandhom jipprovdu l-għadd ta’ detenzjonijiet permessi għal-lista s-sewda jew il-lista l-bajda. Għadd ta’ detenzjonijiet aktar mil-limitu mill-iswed għall-griż ikun ifisser agħar mill-medja u sussegwentement għandu jiġi elenkat fil-lista s-sewda, filwaqt li għadd ta’ detenzjonijiet inqas mil-limitu mill-abjad għall-griż ikun ifisser aħjar mill-medja u sussegwentement għandu jiġi elenkat fil-lista l-bajda. Meta l-ammont ta’ detenzjonijiet għal Stat tal-bandiera partikolari jinstab bejniethom it-tnejn, l-Istat tal-bandiera għandu jiġi elenkat fil-lista l-griża.

3.

Sabiex tkun tista’ titqabbel il-prestazzjoni tal-Istati tal-bandiera elenkati fil-lista s-sewda, il-griża jew il-bajda, il-kalkolu jiġi ripetut billi tiġi aġġustata l-p fil-formuli stabbiliti fil-punt 1.

4.

Sabiex il-prestazzjoni tal-Istati tal-bandiera tkun tista’ titqabbel, għandu jintuża l-fattur ta’ eċċess (EF). L-EF huwa indikazzjoni tal-għadd ta’ drabi li p għandha tinbidel u tiġi kkalkolata mill-ġdid sakemm l-għadd ta’ detenzjonijiet għal Stat tal-bandiera jiġi daqs il-limiti. Kull inkrement jew tnaqqis ta’ 3 % fil-p jikkorrispondi għal punt EF sħiħ. Għall-Istati tal-bandiera kkategorizzati fil-lista l-griża, l-EF għandu jiġi kkalkolat permezz tal-formula li ġejja:

Formula

5.

Il-valuri EF li ġejjin għandhom jiġu kkunsidrati sabiex l-Istati tal-bandiera elenkati bħala suwed jitranġaw f’dawk b’riskju għoli ħafna, għoli, medju għal għoli jew medju:

 

EF = 4,01 u aktar ifisser riskju għoli ħafna

 

EF = 3,01 sa 4,00 ifisser riskju għoli

 

EF = 2,01 sa 3,00 ifisser riskju medju għal għoli

 

EF = 1,01 sa 2,00 ifisser riskju medju.