13.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 213/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 724/2010

tat-12 ta’ Awwissu 2010

li jistipula regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ għeluq f’ħin reali ta’ ċertu sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fi Skagerrak

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 51(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikoli 51, 52 u 53 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009 jistabbilixxi regoli u proċeduri dwar l-adozzjoni tal-għeluq fil-ħin reali mill-Istati Membri. Skont dawk id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri għandhom jagħlqu temporanjament is-sajd f’ċertu żona jekk ikun intlaħaq livell ta’ attivazzjoni ta’ qabdiet ta’ speċi partikolari, jew ta’ gruppi ta’ speċijiet.

(2)

Il-Verbal Maqbul tal-Konklużjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u n-Norveġja tat-3 ta’ Lulju 2009 jistipula l-proċeduri u l-metodoloġija ta’ teħid ta’ kampjuni għall-adozzjoni tal-għeluq fil-ħin reali fil-Baħar tat-Tramuntana u fi Skagerrak. Dawk id-dispożizzjonijiet ġew trasposti fil-liġi tal-Unjoni permezz ta’ Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 753/2009 (2), li jemenda r-Regolament (KE) Nru 43/2009 li jistabbilixxi għall-2009 l-opportunitajiet tas-sajd u l-kundizzjonijiet assoċjati għal ċerti stokkijiet tal-ħut.

(3)

Dawk id-dispożizzjonijiet hekk introdotti fir-Regolament (KE) Nru 43/2009 kienu japplikaw għall-haddock, il-bakkaljaw, il-pollakkju (saithe) u l-merlangu li jinqabdu bi kwalunkwe rkaptu tas-sajd għajr xbieki tat-tkarkir tal-ħut pelaġiku, tartaruni jduru, għeżula tat-tisqif u jiggers għall-aringi, il-kavalli, u s-sawrell, nases u gangmu għall-arzell, u xbieki tal-garġi. Barra minn hekk, kienu jispeċifikaw fost oħrajn l-obbligi tal-Istati Membri kostali fir-rigward tad-deċiżjonijiet dwar l-għeluq fil-ħin reali u t-tagħrif li għandu jingħata lill-Istati Membri l-oħra u/jew lill-pajjiżi terzi kkonċernati u lill-Kummissjoni.

(4)

Billi d-dispożizzjonijiet ikkonċernati ma baqgħux japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2010, jeħtieġ li jiġi pprovdut għat-traspożizzjoni tal-Verbal Maqbul permezz ta’ regoli dettaljati li jimplimentaw l-Artikoli 51, 52 u 53 tar-Regolament (KE) 1224/2009 fil-Baħar tat-Tramuntana u fi Skagerrak.

(5)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tas-Sajd u l-Akkwakultura.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ għeluq f’ħin reali ta’ ċertu sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fi Skagerrak skont l-Artikoli 51, 52 and 53 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

Artikolu 2

Ambitu

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-haddock, il-bakkaljaw, il-pollakkju (saithe) u l-merlangu li jinqabdu fil-Baħar tat-Tramuntana u fi Skagerrak bi kwalunkwe rkaptu tas-sajd għajr:

(a)

xbieki tat-tkarkir tal-ħut pelaġiku, tartaruni jduru, għeżula tat-tisqif u jiggers għall-aringi, il-kavalli, u s-sawrell;

(b)

nases;

(c)

gangmu għall-arzell;

(d)

xbieki tal-garġi.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

Żoni tal-ICES (il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar) tfisser żoni kif definiti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3880/91 (3);

(b)

“Skagerrak” tfisser iż-żona li fil-Punent tmiss ma’ linja miġbuda mill-fanal ta’ Hanstholm sal-fanal ta’ Lindesnes u fin-Nofsinhar ma’ linja miġbuda mill-fanal ta’ Skagen sal-fanal ta’ Tistlarna u minn dan il-punt sal-eqreb punt fuq il-kosta tal-Isvezja;

(c)

“Il-Baħar tat-Tramuntana” tfisser iż-żona IV tal-ICES;

(d)

“refgħa” tfisser l-azzjoni bejn it-tfigħ u l-ġbid lura ta’ nassa.

Artikolu 4

Livell ta’ attivazzjoni tal-qabdiet

1.   Il-livell tal-qabdiet li jitlob attivazzjoni għall-għeluq fil-ħin reali tas-sajd, kif imsemmi fl-Artikolu 51 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, għandu jkun 15 % bħala piż ta’ ħut li għadu qed jikber meta mqabbel mat-total tal-erba’ speċijiet imsemmija fl-Artikolu 2, f’refgħa.

2.   Madankollu, jekk il-kwantità tal-bakkaljaw fil-kampjun taqbeż il-75 % meta mqabbla mat-total tal-erba’ speċijiet f’refgħa, il-livell ta’ attivazzjoni tal-qabdiet għandu jkun 10 % bħala piż ta’ ħut li għadu qed jikber meta mqabbel mat-total tal-erba’ speċijiet f’refgħa.

Artikolu 5

Tifsira ta’ ħut li għadu qed jikber

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, “ħut li għadu qed jikber” tfisser:

—

kampjunijiet tal-bakkaljaw iżgħar minn 35 ċm,

—

kampjunijiet tal-haddock iżgħar minn 30 ċm,

—

kampjunijiet tal-pollakkju (saithe)iżgħar minn 35 ċm,

—

kampjunijiet tal-merlangu iżgħar minn 27 ċm.

Artikolu 6

Kalkolu tal-livell tal-qabdiet ta’ ħut li għadu qed jikber

1.   Għall-finijiet tal-kalkolu tal-livell tal-qabdiet ta’ ħut li għadu qed jikber skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istat Membru kostali u/jew l-Istat Membru parteċipant f’operazzjoni konġunta taħt Pjan Konġunt ta’ Skjerament għandu jidentifika żoni fejn hemm riskju li jintlaħaq il-livell ta’ attivazzjoni.

2.   Fiż-żoni identifikati skont il-paragrafu 1, l-Istat Membru kostali u/jew l-Istat Membru parteċipant f’operazzjoni konġunta taħt Pjan Konġunt ta’ Skjerament għandu jwettaq spezzjonijiet biex ikejjel jekk il-perċentwali ta’ ħut li għadu qed jikber laħaqx il-livell ta’ attivazzjoni, inkluż permezz tal-Pjanijiet Konġunti ta’ Skjerament.

3.   Meta jitwettqu l-ispezzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 2, l-Istat Membru kostali u/jew l-Istat Membru parteċipant f’operazzjoni konġunta skont il-Pjan Konġunt ta’ Skjerament għandu:

(a)

jieħu u jkejjel kampjuni ta’ bakkaljaw, haddock, pollakkju (saithe) u merlangu minn refgħa skont id-dispożizzjonijiet fl-Anness I;

(b)

jiddokumenta kull kampjun billi jibgħat rapport komplut tal-kampjuni kif stipulat fl-Anness II lill-Istat kostali.

4.   L-Istati Membri jistgħu jistiednu pajjiżi oħra li jwettqu spezzjonijiet fiż-żona kkonċernata biex iwettqu t-teħid ta’ kampjuni f’isimhom.

5.   L-Istat Membru kostali kkonċernat għandu jippubblika mingħajr dewmien fuq is-sit tal-Internet tiegħu l-pożizzjoni li fiha ttieħed il-kampjun imsemmi fil-paragrafu 3(a), il-ħin li ttieħed u l-kwantità ta’ ħut li għadu qed jikber bħala perċentwali tal-qabda totali ta’ bakkaljaw, haddock, pollakkju (saithe) u merlangu fil-piż. Il-perċentwali għandu jiġi ppubblikat kemm skont l-ispeċi kif ukoll bħala total tal-erba’ speċijiet.

Artikolu 7

Għeluq tas-sajd

1.   Meta kampjun imsemmi fl-Artikolu 6(3)(a) juri perċentwali ta’ ħut li għadu qed jikber li jilħaq livell ta’ attivazzjoni, l-Istat Membru kostali kkonċernat għandu jipprojbixxi s-sajd fiż-żona kkonċernata bi kwalunkwe rkaptu tas-sajd għajr:

(a)

xbieki tat-tkarkir tal-ħut pelaġiku, tartaruni jduru, għeżula tat-tisqif u jiggers għall-aringi, il-kavalli, u s-sawrell;

(b)

nases;

(c)

gangmu għall-arzell; u

(d)

xbieki tal-garġi,

skont l-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009.

2.   Iż-żona li għandha tingħalaq skont il-paragrafu 1 għandha tiġi ddefinita abbażi tal-kriterji li ġejjin:

(a)

iż-żona għandu jkollha 4, 5 jew 6 punti li jgħaqqdu;

(b)

il-punt tan-nofs tal-operazzjoni jew operazzjonijiet tas-sajd b’kampjuni “l fuq mil-livell ta” attivazzjoni għandu jkun daqs il-punt tan-nofs taż-żona magħluqa;

(c)

meta ż-żona magħluqa hija bbażata fuq kampjun wieħed u tinsab “il barra mill-ilmijiet sa 12-il mil mil-linja bażi tal-Istat Membru kostali, għandha tkun ta” 50 mil kwadru.

3.   L-għeluq fil-ħin reali msemmi fil-paragrafu 1 għandu:

(a)

jidħol fis-seħħ 12-il siegħa wara d-deċiżjoni tal-Istat Membru kkonċernat; u

(b)

japplika għal 21 jum, imbagħad dritt wara għandu jieqaf japplika awtomatikament f’nofsillejl UTC.

4.   Jekk iż-żona li se tingħalaq tinkludi żoni taħt il-ġurisdizzjoni jew is-sovranità ta’ pajjiżi terzi ġirien, l-Istat Membru kostali kkonċernat għandu jinforma minnufih lil dawk il-pajjiż terzi.

Artikolu 8

Informazzjoni

1.   Għall-finijiet tal-Artikolu 53(5) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, l-Istat Membru kostali għandu minnufih jagħmel id-dettalji tal-għeluq fil-ħin reali deċiżi skont l-Artikolu 7 disponibbli fuq is-sit tal-Internet tiegħu u jinnotifika l-għeluq fil-ħin reali:

(a)

lill-bastimenti fil-viċinanza taż-żona sa kemm hu possibbli;

(b)

lill-Kummissjoni;

(c)

liċ-Ċentri tal-Monitoraġġ tas-Sajd (“FMCs”), kif imsemmi fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2244/2003 (4); u

(d)

lill-Istati Membri u l-pajjiżi terzi oħrajn li l-bastimenti tas-sajd tagħhom huma awtorizzati joperaw fiż-żona kkonċernata.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-FMCs tagħhom jinfurmaw il-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħhom li huma affettwati bl-għeluq fil-ħin reali.

3.   Għall-finijiet tal-Artikolu 53(6) tar-Regolament (KE) Nru 1224/2009, fuq talba, l-Istat Membru kostali kkonċernat għandu jibgħat lill-Kummissjoni r-rapporti dettaljati tat-teħid tal-kampjuni u l-ġustifikazzjonijiet li fuqhom hija bbażata d-deċiżjoni tal-għeluq fil-ħin reali skont l-Artikolu 7.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fis-seba’ jum ward dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Awwissu 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1.

(2)   ĠU L 214, 19.8.2009, p. 1.

(3)   ĠU L 365, 31.12.1991, p. 1.

(4)   ĠU L 333, 20.12.2003, p. 17.


ANNESS I

Metodoloġija ta’ Teħid ta’ Kampjuni

Il-kampjuni għandhom jittieħdu u jitkejlu skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

1.

Kull meta hu possibbli, il-kampjuni għandhom jittieħdu u jitkejlu b’kooperazzjoni mill-qrib mal-kaptan tal-bastiment tas-sajd u l-ekwipaġġ tiegħu. Il-kaptan tal-bastiment tas-sajd u l-ekwipaġġ tiegħu għandhom jiġu mħeġġa jipparteċipaw fil-proċess. Għandhom jiġu mħeġġa wkoll jaqsmu kwalunkwe informazzjoni li tista’ tkun rilevanti fir-rigward tad-delimitazzjoni taż-żona magħluqa.

2.

Il-qabda totali tar-refgħa għandha tiġi stmata.

3.

Għandu jittieħed kampjun meta huwa stmat li hemm talanqas 300 kg ta’ bakkaljaw, haddock, pollakkju (saithe) u merlangu f’refgħa waħda.

(a)

Id-daqs minimu tal-kampjun għandu jkun 200 kg ta’ bakkaljaw, haddock, pollakkju (saithe) u merlangu.

(b)

Il-kampjun irid jittieħed b’tali mod li jirrifletti l-kompożizzjoni tal-qabda fir-rigward tal-erba’ speċijiet.

(c)

Meta hu xieraq minħabba d-daqs tal-qabda, il-kampjun għandu jittieħed fil-bidu, fin-nofs u fit-tmiem tal-qabda.

4.

Il-kwantità ta’ speċijiet ta’ ħut li għadu qed jikber għandha tiġi kkalkulata bħala perċentwali skont l-ispeċi u bħala total tal-erba’ speċijiet kollha.

5.

Ir-rapport tat-teħid ta’ kampjuni għandu jitlesta kompletament minnufih wara li jitkejjel il-kampjun. Ir-rapport imbagħad għandu jintbagħat lill-Istat kostali.

ANNESS II

Image 1

Test ta 'immaġni