2.7.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 168/16


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 581/2010

tal-1 ta' Lulju 2010

dwar il-perjodi massimi għat-tniżżil ta' dejta rilevanti mill-unitajiet tal-vetturi u minn kards tas-sewwieqa

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85 (1) u partikularment l-Artikolu 10(5)(c) tiegħu,

Billi:

(1)

Jeħtieġ tniżżil regolari ta' dejta rreġistrata mill-unità tal-vettura u fuq il-kard tas-sewwieq sabiex ikun possibbli kontroll effikaċi tal-konformità tas-sewwieq u tal-impriża mad-dispożizzjonijiet dwar ħinijiet tas-sewqan u perjodi ta' mistrieħ kif stipulati bir-Regolament (KE) Nru 561/2006.

(2)

Billi jiġi determinat il-perjodu massimu li fih id-dejta rilevanti trid titniżżel mill-unità tal-vettura u l-kard tas-sewwieq, jistgħu jkunu aktar armonizzati l-kundizzjonijiet għat-trasport bit-triq fl-Unjoni kollha.

(3)

Għad-determinazzjoni tal-perjodi massimi li fihom għandha titniżżel id-dejta, il-ġranet b'attività rreġistrata biss għandhom jiġu kkalkulati.

(4)

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data [dejta] personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data [dejta] (2) tapplika għall-ipproċessar ta' dejta personali li jsir skont dan ir-Regolament.

(5)

Sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq l-impriżi, huwa xieraq li tiġi ddefinita d-dejta rilevanti li trid titniżżel.

(6)

Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 18(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 (3),

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dan ir-Regolament jistipula l-perjodi massimi li fihom id-dejta rilevanti għandha titniżżel mill-unità tal-vettura u l-kard tas-sewwieq għall-finijiet tal-Artikolu 10(5)(a)(i) tar-Regolament (KE) Nru 561/2006.

2.   Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, “dejta rilevanti” tfisser kwalunkwe dejta rreġistrata mit-takografu diġitali għajr id-dejta dettaljata tal-veloċità.

3.   Il-perjodu massimu li fih għandha titniżżel id-dejta rilevanti ma għandux jaqbeż:

(a)

90 jum għal dejta mill-unità tal-vettura;

(b)

28 jum għal dejta mill-kard tas-sewwieq.

4.   Id-dejta rilevanti għandha titniżżel b'tali mod li ebda dejta ma tintilef.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-90 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Lulju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)   ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.

(2)   ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.

(3)   ĠU L 370, 31.12.1985, p. 8.