22.5.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 126/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 440/2010

tal-21 ta’ Mejju 2010

dwar il-ħlasijiet pagabbli lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi skont ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 24 (2) u 37(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Manifattur, importatur jew utent fi grad aktar ‘l isfel (“downstream user”) ta' sustanza f’taħlita jista' jissottometti talba lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, minn issa 'l quddiem “l-Aġenzija”, biex juża isem kimiku alternattiv.

(2)

Dawn it-talbiet skont l-Artikolu 24 (1) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għandhom ikunu akkumpanjati b'miżata.

(3)

Manifattur, importatur jew utent fi grad iktar “l isfel jista” jissottometti proposta għall-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u tal-ittikkettar ta' sustanza lill-Aġenzija, sakemm m'hemm ebda entrata fil-parti 3 tal-Anness VI tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 għal dik il-klassi ta' periklu jew divrenzjar.

(4)

Dawn il-proposti għandhom ikunu akkumpanjati minn miżata fil-każijiet stabbiliti fl-Artikolu 37(3) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(5)

Il-livell tal-miżati miġbura mill-Aġenzija kif ukoll ir-regoli għall-ħlas għandhom jiġu determinati.

(6)

L-ammont tal-miżati għandhom jieħdu kont tax-xogħol meħtieġ bir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 u li għandu jitwettaq mill-Aġenzija u għandu jiġi ffissat f'tali livell li jiżgura li d-dħul derivat minnhom meta kkombinat ma' sorsi oħra tad-dħul tal-Aġenzija skont l-Artikolu 96(1) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) huwa biżżejjed biex ikopri l-ispiża tas-servizzi mogħtija.

(7)

Fl-“Att dwar in-Negozji ż-Żgħar” għall-Ewropa (3) l-Unjoni Ewropea poġġiet b'enfasi l-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (“SMEs”) fil-qalba tal-Istrateġija ta’ Lisbona għat-Tkabbir u l-Impjiegi. B'mod partikulari l-kapaċità tal-Unjoni biex tibni fuq il-potenzjal ta' tkabbir u innovazzjoni tal-SMEs għalhekk se tkun deċiżiva għall-prosperità futura tal-Unjoni. Madankollu, l-SMEs iġorru piż regolatorju u amministrattiv sproporzjonat meta mqabbla ma' negozji akbar. Għalhekk, huwa xieraq li jitnaqqas il-livell tal-miżati għall-SMEs.

(8)

Huwa xieraq għall-identifikazzjoni tal-SMEs li jiġu segwiti d-definizzjonijiet stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta' Mejju 2003 dwar id-definizzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju (4).

(9)

Il-miżati mnaqqsa għall-proposti għall-klassifikazzjoni u ttikkettar armonizzati għandha tiġi riveduta fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament bil-għan li dawn jiġu riveduti jew imneħħija jekk ikun meħtieġ.

(10)

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ kemm jista' jkun malajr, peress li kien possibbli li jiġu sottomessi talbiet għall-użu ta' ismijiet kimiċi alternattivi u proposti għall-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u ttikkettar ta' sustanzi lill-Aġenzija sa mill-20 ta' Jannar 2009, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 133 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

SUĠĠETT U DEFINIZZJONIIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistipula l-livelli u r-regoli għall-pagament, ta’ miżati imposti mill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, minn issa 'l quddiem l-“Aġenzija”, kif stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“SME” tfisser intrapriża mikro, żgħira jew ta’ daqs medju fi ħdan it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(2)

“intrapriża ta” daqs medju’ tfisser intrapriża ta’ daqs medju fi ħdan it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(3)

“intrapriża żgħira” tfisser intrapriża żgħira fi ħdan it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

(4)

“intrapriża mikro” tfisser intrapriża żgħira fi ħdan it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni 2003/361/KE;

KAPITOLU II

MIŻATI

Artikolu 3

Miżati għat-talba għal użu ta' isem kimiku alternattiv

1.   L-Aġenzija għandha timponi miżata kif stabbilit fl-Anness I għal talba għall-użu ta' isem kimiku alternattiv għal sustanza li jkun fiha sa 5 taħlitiet skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

2.   Fejn l-applikant hu SME, l-Aġenzija għandha timponi miżata mnaqqsa, kif stipulat fl-Anness I.

3.   Għall-użu tal-isem kimiku alternattiv tas-sustanza skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 f'taħlit addizzjonali, għandha tiġi imposta miżata addizzjonali u dan sa 10 taħlitiet addizzjonali u l-istess miżata addizzjonali għandha tiġi imposta għal kull 10 taħlitiet addizzjonali oħra, kif stipulat fit-Taqsima 3 tal-Anness I.

4.   Id-data li fiha l-miżata imposta għal talba tasal għand l-Aġenzija għandha titqies bħala d-data tal-wasla tat-talba.

Artikolu 4

Miżati għas-sottomissjoni ta' proposti għall-klassifikazzjoni armonizzata u ttikkettar ta' sustanza

1.   L-Aġenzija għandha timponi miżata kif stabbilit fl-Anness II għas-sottomissjoni ta' proposti għall-armonizzazzjoni tal-klassifikazzjoni u ttikkettar skont l-Artikolu 37(3) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008.

2.   Meta l-parti li qed tagħmel il-proposta hija SME, l-Aġenzija għandha timponi miżata mnaqqsa, kif stipulat fl-Anness II.

3.   Id-data li fiha l-miżata imposta għal proposta tasal għand l-Aġenzija għandha titqies bħala d-data tal-wasla tal-proposta.

Artikolu 5

Tnaqqis

1.   Persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara li hija intitolata għal miżata mnaqqsa skont l-Artikoli 3 u 4 għandha tinforma lill-Aġenzija b'dan fil-ħin tas-sottomissjoni tat-talba.

2.   L-Aġenzija tista’ titlob, f’kull ħin, evidenza li l-kundizzjonijiet għal tnaqqis ta’ miżati japplikaw.

3.   Fejn persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara li hija intitolata għal tnaqqis ma tistax turi li hija intitolata għal tnaqqis bħal dan, l-Aġenzija għandha timponi l-ħlas kollu.

Fejn persuna fiżika jew ġuridika li tiddikjara li hija intitolata għal tnaqqis tkun diġà ħallset il-miżata mnaqqsa, iżda ma tistax turi li hija intitolata għal tnaqqis bħal dan, l-Aġenzija għandha timponi l-bilanċ tal-miżata sħiħa.

KAPITOLU III

PAGAMENTI

Artikolu 6

Metodu ta’ pagament

1.   Il-miżati għandhom jitħallsu f’Euro.

2.   Il-pagamenti għandhom ikunu effettwati biss wara li l-Aġenzija tkun ħarġet riċevuta.

3.   Il-pagamenti għandhom isiru permezz ta' trasferiment lill-kont bankarju tal-Aġenzija.

Artikolu 7

Identifikazzjoni tal-pagament

1.   Kull pagament għandu jindika fil-kaxxa ta’ referenza n-numru tar-riċevuta.

2.   Jekk l-għan tal-pagament ma jistax jiġi stabbilit, l-Aġenzija għandha tiffissa żmien stipulat li matulu min iħallas għandu javża bil-miktub dwar l-għan tal-pagament. Jekk l-Aġenzija ma tirċevix notifika tal-għan tal-pagament qabel ma tiskadi l-iskadenza stabbilita, il-pagament jitqies bħala li ma jgħoddx u l-ammont ikkonċernat għandu jitħallas lura lil min ikun ħallas.

Artikolu 8

Data tal-pagament

Id-data li fiha jiġi ddepożitat l-ammont kollu tal-pagament fil-kont bankarju miżmum mill-Aġenzija għandha titqies bħala d-data li fiha sar il-pagament.

Artikolu 9

Ħlas lura tal-ammonti li tħallsu f’eċċess

1.   L-arranġamenti għall-ħlas lura lil min ħallas l-ammonti f’eċċess ta’ miżata għandhom jiġu stipulati mid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija u ppubblikati fuq il-websajt tal-Aġenzija.

Madankollu, fejn ammont imħallas f’eċċess ma jaqbiżx il-EUR 100 u l-parti kkonċernata ma talbitx espressament għal ħlas lura, l-ammont imħallas f’eċċess ma jitħallasx lura.

2.   Ma għandux ikun possibbli li jinbidlu fi kreditu kwalunkwe ammonti mħallsa żejda għal pagamenti futuri lill-Aġenzija.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 10

Stima Provviżorja

Il-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija għandu, meta jipproduċi stima tan-nefqa u d-dħul ġenerali għas-sena finanzjarja ta’ wara skont l-Artikolu 96(5) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006, jinkludi stima provviżorja speċifika tad-dħul minn miżati li tkun separata mid-dħul minn kwalunkwe sussidju mill-Komunità.

Artikolu 11

Reviżjonijiet

1.   Il-miżati msemmijin f’dan ir-Regolament għandhom jiġu riveduti kull sena b’referenza għar-rata ta’ inflazzjoni kif stabbilita skont l-Indiċi Ewropew tal-Prezzijiet għall-Konsumatur kif ippubblikat mill-Eurostat skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2494/95 (5). L-ewwel reviżjoni għandha titwettaq sal-1 ta’ Ġunju 2011.

2.   It-tnaqqis fil-miżata għall-SMEs għall-klassifikazzjoni armonizzata u l-ittikkettar għandu jiġi rivedut fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament.

3.   Il-Kummissjoni għandha wkoll iżżomm dan ir-Regolament taħt reviżjoni kontinwa fid-dawl ta’ informazzjoni sinifikanti li ssir disponibbli f’dak li għandu x’jaqsam mas-suppożizzjonijiet bażiċi għad-dħul u l-infiq antiċipati tal-Aġenzija.

4.   Sa mhux aktar tard mill-1 ta' Jannar 2013, il-Kummissjoni għandha tirrevedi dan ir-Regolament bil-ħsieb li temendah, jekk xieraq, waqt li tieħu inkonsiderazzjoni b'mod partikolari l-ispejjeż tal-Aġenzija.

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Mejju 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1.

(2)  ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1.

(3)  COM(2008) 394 finali.

(4)  ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

(5)  ĠU L 257, 27.10.1995, p. 1.


ANNESS I

Miżati għal talba b’konformità mal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008:

Taqsima 1 –   Miżata standard għal sustanza li jkun fiha sa ħames taħlitiet

EUR 4 000

Taqsima 2 –   Miżati mnaqqsa għall-SMEs għal sustanza li jkun fiha ħames taħlitiet

2.1.   Miżata mnaqqsa għal intrapriżi ta' daqs medju

EUR 2 800

2.2.   Miżata mnaqqsa għal intrapriżi żgħar

EUR 1 600

2.3.   Miżata mnaqqsa għal intrapriżi mikro

EUR 400

Taqsima 3 –   Miżata għall-użu ta' isem kimiku alternattiv għal kull 10 taħlitiet addizzjonali

3.1.   Miżata standard

EUR 500

3.2.   Miżata mnaqqsa għal intrapriżi ta' daqs medju

EUR 350

3.3.   Miżata mnaqqsa għal intrapriżi żgħar

EUR 200

3.4.   Miżata mnaqqsa għal intrapriżi mikro

EUR 100


ANNESS II

Miżati għall-proposti sottomessi skont l-Artikolu 37(3) tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008:

Taqsima 1 –   Miżata standard

EUR 12 000

Taqsima 2 –   Miżati mnaqqsa għall-SMEs

2.1.   Miżati mnaqqsa għal intrapriżi ta' daqs medju

EUR 8 400

2.2.   Miżata mnaqqsa għal intrapriżi żgħar

EUR 4 800

2.3.   Miżata mnaqqsa għal intrapriżi mikro

EUR 1 200